28.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 253/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1107/2007

tas-26 ta’ Settembru 2007

b’deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa fir-rigward ta’ l-art imwarrba, għall-2008

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (1) jipprovdi li għall-eliġibbiltà għall-ħlasijiet mill-iskema unika tal-pagament, id-drittijiet għall-art imwarrba għandhom ikunu akkumpanjati b’ettaru ta’ art eliġibbli għad-dritt ta’ l-art imwarrba mill-produzzjoni.

(2)

Is-suq taċ-ċereali fil-bidu tas-sena tas suq 2007/2008 huwa karatterizzat minn prezzijiet li huma storikament għoljin kemm fil-Komunità kif ukoll fuq livell dinji. Il-livell baxx tal-ħażniet ta’ l-għeluq għall-2006/2007 fil-Komunità, ġie bħala konsegwenza ta’ livell aktar baxx ta’ ħsad minn dak mistenni. Hemm ħafna inċertezzi dwar ir-rikostruzzjoni tal-ħażniet, wara t-tbassir preliminari għall-ħsad 2007. Fuq livell globali, l-ħażniet ta’ l-għeluq fl-2007/2008 huma mistennija li jaqgħu għal livell storikament baxx, speċjalment fl-akbar pajjiżi li jesportaw. F’dan l-isfond, anke li kieku l-ħsad għall-2008 kellu jkun normali, il-ħażniet ma jistgħux jiżdiedu b’mod sinifikanti, filwaqt li ħsad batut jista’ jesponi lis-suq intern għal riskji li huma potenzjalment aktar serji. Barra minn hekk, il-prezzijiet taċ-ċereali u l-ħażniet għandhom impatt importanti fuq il-prezzijiet u d-disponibbiltà ta’ l-għelejjel ikkoltivati, bħaż-żrieragħ taż-żjut u l-għelejjel tal-proteina kif ukoll fuq is-settur tal-bhejjem, filwaqt li jikkontribwixxu għal estensjoni potenzjali tar-riskju għal dawn is-setturi l-oħra.

(3)

Jeħtieġ għalhekk li għall-2008 l-art imwarrba titħalla tintuża għall-finijiet agrikoli.

(4)

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, jeħtieġ li tingħata deroga mill-iskadenza ta’ sitt ġimgħat prevista f' punt I.3 tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 54(3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għall-2008, il-bdiewa mhux ser ikunu obbligati, li jneħħu mill-produzzjoni l-art li hija eliġibbli għall-għajnuna għat-twarrib ta’ l-art, biex jibbenefikaw mill-ammonti stabbiliti għad-drittijiet ta’ l-ettari imwarrba.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2007 (ĠU L 131, 23.5.2007, p. 10).