10.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 210/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 951/2007

tad-9 ta’ Awwissu 2007

li jistabbilixxi r-regoli ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab, fir-reġjuni li l-parti komuni tagħhom tmiss mal-fruntiera ta’ barra ta’ l-Unjoni Ewropea bil-għan li tkun stabbilita żona ta’ prosperità u ta’ viċinanza tajba (minn issa ’l quddiem imsejħa “kooperazzjoni transkonfinali ENPI”) li tikkostitwixxi wieħed mis-sezzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

(2)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 jipprevedi li xi regoli ta’ l-implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tat-Titolu III “Kooperazzjoni transkonfinali” ser ikunu adottati mill-Kummissjoni u li dawn ir-regoli jiffokaw fuq kwistjonijiet bħar-rata ta’ kofinanzjament, il-preparazzjoni ta’ programmi operattivi konġunti, il-ħatra u l-funzjonijiet ta’ l-awtoritajiet konġunti, ir-rwol u l-funzjoni tal-kumitati konġunti ta’ monitoraġġ u ta’ għażla u tas-segretarjat konġunt, l-eliġibbiltà ta’ l-infiq, l-għażla ta’ proġetti konġunti, il-fażi preparatorja, l-amministrazzjoni teknika u finanzjarja ta’ l-assistenza Komunitarja, il-kontroll finanzjarju u l-verifika, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni, attivitajiet ta’ viżibbiltà u attivitajiet informattivi għal benefiċjarji potenzjali.

(3)

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 jipprevedi li r-regoli ta’ l-implimentazzjoni jistabbilixxu wkoll ir-regoli ta’ akkwist li japplikaw għall-kooperazzjoni transkonfinali ENPI.

(4)

Id-dokument ta’ strateġija previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 jistabbilixxi l-qafas strateġiku għall-għajnuna mogħtija mill-Kummissjoni għall-kooperazzjoni transkonfinali ENPI u jinkludi l-programm indikattiv għal din il-kooperazzjoni.

(5)

L-għajnuna Komunitarja skond il-kooperazzjoni transkonfinali ENPI tkun implimentata permezz ta’ programmi operattivi konġunti definiti fid-dokument ta’ strateġija.

(6)

Jeħtieġ li jkunu stabbiliti regoli ta’ l-implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi komuni relatati mal-kooperazzjoni transkonfinali skond ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 filwaqt li l-pajjiżi parteċipanti jkollhom ċerta flessibilità f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri dettaljati u speċifiċi ta’ l-organizzazzjoni u ta’ l-implimentazzjoni ta’ kull programm skond il-karattru partikolari tiegħu. Fuq bażi ta’ dan il-prinċipju u f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-pajjiżi parteċipanti għandhom jipproponu bi ftehim komuni l-proċeduri dettaljati tal-kooperazzjoni transkonfinali ENPI tagħhom fid-dokument ta’ programm operattiv konġunt, adottat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(6) tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

(7)

L-involviment tal-pajjiżi parteċipanti kollha fl-istrutturi ta’ deċiżjoni tal-programm filwaqt li l-implimentazzjoni hija fdata lil awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni mwaqqfa f’wieħed mill-pajjiżi parteċipanti, jeħtieġ li jitwaqqfu regoli komuni sabiex ikun stabbilit it-tqassim tal-funzjonijiet bejn l-istrutturi differenti ta’ l-amministrazzjoni tal-programm.

(8)

Il-programmi ladarba implimentati fil-qafas ta’ amministrazzjoni maqsuma, is-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-programm għandhom jissodisfaw l-esiġenzi tar-regoli Komunitarji. L-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni għandha tittieħed bħala approvazzjoni minn qabel ta’ dawn is-sistemi. Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-implimentazzjoni ta’ kull programm permezz tal-parteċipazzjoni possibbli tagħha fil-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u permezz ta’ rapporti li huma preżentati lilha mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

(9)

Sabiex tiżgura parteċipazzjoni mimlija u sħiħa fil-programm tal-benefiċjarji potenzjali tal-pajjiżi sħab, sabiex ikun applikat l-istess mod ta’ tmexxija għal xi atturi stabbiliti fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi sħab u f’każ fejn il-fondi relatati mal-kooperazzjoni transkonfinali ENPI huma amministrati fil-qafas tal-politika esterna ta’ l-Unjoni Ewropea, il-proċeduri kuntrattwali applikabbli għall-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea għandhom jintużaw għall-proġetti kollha ffinanzjati fil-qafas tal-kooperazzjoni transkonfinali mwaqqfa bir-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

(10)

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-programm, jeħtieġ li l-proċeduri marbuta mal-valutazzjoni u s-segwitu jkunu speċifikati.

(11)

Il-miżuri previsti fir-Regolament preżenti huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1638/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

INTRODUZZJONI

Artikolu 1

Għan u ambitu ta’ l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

“assistenza teknika” tfisser l-azzjonijiet ta’ preparazzjoni, ta’ ġestjoni, ta’ segwitu, ta’ evalwazzjoni, ta’ informazzjoni, ta’ verifika u ta’ kontroll kif ukoll l-attivitajiet possibbli ta’ rinfurzar tal-kapaċitajiet amministrattivi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programmi operattivi konġunti;

2.

“benefiċjarju” tfisser l-organu firmatarju ta’ kuntratt ta’ sussidju ma’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni li tassumi r-responsabbiltà ġuridika u finanzjarja ta’ l-implimentazzjoni tal-proġett fir-rigward ta’ awtorità msemmija; dan jirċievi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni u jiżgura t-tmexxija tagħha u d-distribuzzjoni possibbli konformi mal-ftehimiet stabbiliti ma’ l-imsieħba tiegħu; dan huwa l-uniku wieħed responsabbli fir-rigward ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni u għandu jirrapporta lilha direttament dwar il-progress operazzjonali u finanzjarju ta’ l-attivitajiet;

3.

“kuntrattur” tfisser l-organu firmatarju ta’ kuntratt ta’ servizzi, xogħlijiet jew provvisti ma’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni u li jassumi r-responsabbiltà ġuridika u finanzjarja sħiħa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-kuntratt fir-rigward ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni;

4.

“dokument ta’ strateġija” tfisser dokument previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 u li jistabbilixxi, fost oħrajn, il-lista ta’ programmi operattivi konġunti, l-envelopp indikattiv tagħhom multiannwali u l-unitajiet territorjali eliġibbli skond kull programm;

5.

“pajjiżi parteċipanti” tfisser l-Istati Membri kollha u l-pajjiżi sħab li ser jipparteċipaw fil-programm operattiv konġunt;

6.

‘pajjiżi sħab” tfisser il-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006;

7.

“proġetti ta’ daqs sinifikanti” tfisser il-proġetti li jinkludu xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi mmirati biex jissodisfaw funzjoni li ma tinqasamx ta’ natura preċiża li għandha fil-mira għanijiet identifikati b’mod ċar u ta’ interess komuni sabiex jitwettqu investimenti transkonfinali;

8.

‘riżorsi proprji tal-pajjiżi sħab fil-programm operattiv konġunt” tfisser ir-riżorsi finanzjarji li ġejjin mill-baġit ċentrali, reġjonali jew lokali tal-pajjiżi parteċipanti;

9.

‘monitoraġġ operazzjonali tal-proġetti” tfisser il-monitoraġġ ta’ l-azzjonijiet iffinanzjati permezz tal-programm skond il-metodu taċ-ċiklu tat-tmexxija tal-proġetti, jiġifieri mill-programmazzjoni sa l-evalwazzjoni, filwaqt li jgħaddi mill-monitoraġġ tekniku ta’ l-implimentazzjoni.

KAPITOLU II

DOKUMENTI bażiċi

SEZZJONI 1

Programmi Operattivi Konġunti

Artikolu 3

Preparazzjoni ta’ programmi operattivi konġunti

Kull programm operattiv konġunt huwa definit bi ftehim komuni mill-pajjiżi parteċipanti kollha, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1638/2006, mad-dokument ta’ strateġija u ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Kontenut tal-programmi operattivi konġunti

Kull programm operattiv konġunt jiddeskrivi l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-miżuri relatati ma’ l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu u juri l-koerenza tagħhom meta mqabbla ma’ programmi bilaterali u multilaterali oħra li għaddejjin jew li huma previsti fil-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati, notevolment fil-qafas ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

B’mod partikolari, kull programm operattiv konġunt:

(a)

jelenka l-unitajiet territorjali eliġibbli, inklużi r-reġjuni possibbli qrib, għal-lokalizzazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-programm, skond kif inhuma ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 u d-dokument ta’ strateġija;

(b)

jiddefinixxi t-termini ta’ parteċipazzjoni fil-programmi ta’ reġjuni qrib il-pajjiżi terzi li m’humiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 li huma aċċettati biex jipparteċipaw fil-kooperazzjoni fuq il-bażi tad-dokument ta’ strateġija;

(ċ)

jiddefinixxi l-prijoritajiet u miżuri li jwieġbu għall-għanijiet identifikati fid-dokument ta’ strateġija;

(d)

jistipula l-kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament;

(e)

jidentifika l-entità magħżula mill-pajjiżi parteċipanti sabiex taqdi l-funzjoni ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni;

(f)

jiddeskrivi l-istruttura li titwaqqaf mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni għall-ġestjoni tal-programm f’konformità ma’ l-Artikoli 14, 15, 16 u 17 ta’ dan ir-Regolament. Din id-deskrizzjoni għandha tkun dettaljata biżżejjed biex tagħti lill-Kummissjoni assigurazzjoni raġonevoli dwar l-implimentazzjoni ta’ kontroll intern effikaċi u effiċjenti bbażat fuq l-aħjar prassi internazzjonali;

(g)

jinkludi tabella finanzjarja li tiddeskrivi t-tqassim annwali ppjanat ta’ impenji u ħlasijiet tal-programm, stabbiliti skond il-prijoritajiet u li tippreċiża notevolment l-ammonti allokati għall-assistenza teknika;

(h)

jidentifika l-metodi ta’ l-implimentazzjoni tal-programm, f’konformità mal-proċeduri kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament;

(i)

jispeċifika l-kalendarju indikattiv ta’ xogħol ippjanat biex jingħata bidu għall-proċeduri u l-għażla ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati;

(j)

jiddeskrivi l-obbligi possibbli regolatorji fil-qasam ta’ studji ta’ impatt ambjentali u jindika l-kalendarju indikattiv ippjanat għat-twettiq ta’ dawn l-istudji;

(k)

jiddefinixxi l-lingwa jew il-lingwi adottati permezz tal-programm;

(l)

jinkludi l-pjan ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni f’konformità ma’ l-Artikolu 42.

It-tabella msemmija fil-punt g) tat-tieni paragrafu, tindika l-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea u taqsam l-ammonti ppjanati u indikattivi impenjati mill-Kummissjoni kull sena sa l-2013 (l-ammonti għall-perjodu 2011-2013 għandhom ikunu kkonfermati mill-ġdid fil-Programm indikattiv 2011-2013). L-ammonti indikattivi ppjanati tal-kofinanzjament previsti mir-riżorsi proprji tal-pajjiżi parteċipanti huma wkoll imsemmija mill-ġdid f’din it-tabella.

Għall-finijiet tal-punt h) tat-tieni paragrafu, il-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-programm huma, b’regola ġenerali, magħżula wara proċeduri ta’ sejħiet għall-proposti. Madankollu, il-pajjiżi parteċipanti jistgħu wkoll, bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea, jidentifikaw bi ftehim komuni proġetti ta’ daqs sinifikanti ta’ investimenti transkonfinali li ma jkunux is-suġġett ta’ sejħiet għall-proposti: dawn il-proġetti f’dan il-każ għandhom ikunu speċifikament imsemmija fil-programm jew ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, imsemmija fl-Artikoli 11 sa 13, sakemm dawn ikunu koerenti mal-prijoritajiet u l-miżuri tal-programm u fejn il-baġit kien speċifikament previst għal dan.

Artikolu 5

Adozzjoni tal-programm operattiv konġunt

1.   Kull programm operattiv konġunt huwa ppreżentat lill-Kummissjoni mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni wara li jkun approvat b’kunsens espliċitu mill-pajjiżi kollha, li pparteċipaw u kkontribwew għall-preparazzjoni tal-programm.

2.   Il-Kummissjoni teżamina l-programm operattiv konġunt sabiex tivverifika li dan fih l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 4, notevolment:

(a)

billi tevalwa l-konformità tiegħu mad-dokument ta’ strateġija;

(b)

billi tivverifika s-solidità ta’ l-analiżi u l-koerenza bejn l-analiżi u l-prijoritajiet u l-miżuri proposti, kif ukoll il-koerenza tiegħu ma’ programmi bilaterali u multilaterali oħrajn li għaddejjin jew li huma previsti fir-reġjuni kkonċernati mill-programm;

(ċ)

billi tipproċedi għall-verifika tal-konformità tal-programm mar-regolament Komunitarju applikabbli;

(d)

billi tikkontrolla jekk twettqux l-istudji ta’ impatt ambjentali possibbilment meħtieġa jew jekk kinux previsti qabel l-implimentazzjoni tal-proġetti proposti;

(e)

billi tiżġura ruħha mill-koerenza tat-tabella finanzjarja tal-programm, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ammonti li għandhom jiġu impenjati mill-Kummissjoni;

(f)

billi tiżgura ruħha mill-kapaċità ta’ tmexxija ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni f’relazzjoni mal-volum, il-kontenut u l-kumplessità ta’ l-operazzjonijiet previsti fil-qafas tal-programm. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tivverifika li l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani kompletament allokati għall-programm, ikkwalifikati u f’numru suffiċjenti, għodod kompjuterizzati u meħtieġa għat-tmexxija u l-verifika kif ukoll ċirkwiti finanzjarji konformi mar-regolament Komunitarju applikabbli. Din il-verifika tista’ ssir permezz ta’ verifika tal-kontijiet minn qabel fil-post, jekk il-Kummissjoni taħseb li hija neċessarja;

(g)

billi tiżgura ruħha li l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni ħasbet minn qabel u waqqfet sistemi ta’ kontroll intern u ta’ verifika ta’ kontijiet sodisfaċenti, ibbażati fuq l-aħjar prassi internazzjonali.

3.   Wara l-eżami tal-programm operattiv konġunt, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-pajjiżi parteċipanti biex jagħtu informazzjoni addizzjonali jew, jekk ikun hemm bżonn, li jkunu riveduti ċerti punti.

4.   L-adozzjoni ta’ kull programm operattiv konġunt turi approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni ta’ l-istrutturi ta’ tmexxija u ta’ kontroll imwaqqfa mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

5.   Kull programm operattiv konġunt huwa adottat permezz ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni għat-tul taż-żmien kollu tiegħu.

Artikolu 6

Segwitu u valutazzjoni tal-programm operattiv konġunt

1.   Is-segwitu u l-valutazzjoni ta’ kull programm operattiv konġunt jimmiraw li jtejbu l-kwalità, l-effikaċja u l-koerenza ta’ l-implimentazzjoni tiegħu. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet huma kkunsidrati għall-programmazzjoni aktar tard.

2.   Issir valutazzjoni f’nofs il-programm operattiv konġunt fil-qafas tar-reviżjoni tal-programm f’konformità mad-dokument ta’ strateġija.

Din il-valutazzjoni ssir mill-Kummissjoni u r-riżultati tagħha, mgħoddija lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u lill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tal-programm, jistgħu jwasslu għal xi aġġustamenti fil-programmazzjoni indikattiva.

3.   Minbarra l-valutazzjoni f’nofs il-programm, il-valutazzjoni tal-programm operattiv konġunt, jew ta’ parti minnu, tista’ ssir f’kull mument mill-Kummissjoni.

4.   Fis-sena li tiġi wara t-tmiem tal-fażi ta’ implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-programm operattiv konġunt, il-programm ikun is-suġġett ta’ valutazzjoni ex post mill-Kummissjoni.

Artikolu 7

Reviżjoni tal-programmi operattivi konġunti

1.   L-aġġustamenti tat-tabella finanzjarja tal-programm operattiv konġunt li jinvolvu t-trasferiment sempliċi ta’ fondi komunitarji minn prijorità għal oħra għal ammont ugwali għall-massimu ta’ 20 % ta’ l-ammonti inizjali previsti għal kull prijorità jistgħu jsiru direttament mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, wara ftehim minn qabel mal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ. Dawn il-bidliet huma mgħoddija lill-Kummissjoni mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

Din ir-regola ma tistax tintuża għall-assistenza teknika ffinanzjata mill-fondi Komunitarji ħlief wara permess miktub minn qabel mill-Kummissjoni.

2.   Fuq talba mqajma mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni bi ftehim mal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, il-programmi operattivi konġunti jistgħu jerġgħu jkunu eżaminati u, jekk ikun hemm bżonn, riveduti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

sabiex jiġu kkunsidrati bidliet soċjo-ekonomiċi kbar jew tibdil sostanzjali tal-prijoritajiet Komunitarji, nazzjonali jew reġjonali fit-territorju kopert mill-programm;

(b)

wara diffikultajiet fl-implimentazzjoni li wasslu partikolarment għal dewmien sostanzjali fl-attwazzjoni;

(ċ)

f’każ ta’ trasferiment ta’ fondi Komunitarji minn prijorità għal oħra lil hinn mill-marġni ta’ flessibilità msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(d)

wara valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) u (3);

(e)

f’każ li jitwaqqaf il-programm hekk kif speċifikat fl-Artikolu 44.

3.   Ir-reviżjoni ta’ programm operattiv konġunt kif previst fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 hija adottata permezz ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni u teħtieġ l-iffirmar ta’ emenda għall-ftehimiet ta’ finanzjament imsemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 8

Użu tal-lingwi

1.   Kull programm operattiv konġunt juża bħala lingwa ta’ ħidma fi ħdan l-istrutturi ta’ tmexxija tiegħu waħda jew ħafna mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Sabiex ikun ikkunsidrat l-aspett ta’ sħubija tal-programmi, il-benefiċjarji tal-proġetti jistgħu jissottomettu lill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni d-dokumenti kollha relatati mal-proġett tagħhom fil-lingwa nazzjonali tagħhom bil-kundizzjoni li din il-possibilità tkun speċifikament imsemmija fil-programm u li l-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jipprevedi li jwaqqaf, permezz ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni bħala intermedjarja, il-mezzi meħtieġa għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni.

3.   L-ispejjeż ta’ l-interpretazzjoni u traduzzjoni għal-lingwi kollha fil-programm jitħallsu:

(a)

fuq il-livell tal-programm operattiv konġunt, mil-linja baġitarja relatata ma’ l-assistenza teknika;

(b)

fuq il-livell tal-proġetti, mill-baġit ta’ kull proġett individwali.

Artikolu 9

Fażi tal-bidu tal-programmi operattivi konġunti

1.   Wara l-adozzjoni tal-programm operattiv konġunt b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-programm jibda immedjatament fl-Istati Membri fuq bażi ta’ fondi ta’ l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija mmirati għall-koperazzjoni transkonfinali li ġejjin mit-titolu 1 B tal-Perspettivi Finanzjarji (Ftehim Interistituzzjonali 2006/C 139/01) (2). Jistgħu wkoll jingħata bidu għall-azzjonijiet konġunti neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm bħal:

(a)

it-twaqqif ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni u tas-segretarjat konġunt tekniku;

(b)

l-ewwel laqgħat tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, inklużi r-rappreżentanti tal-pajjiżi sħab li għadhom ma ffirmawx il-ftehim ta’ finanzjament;

(ċ)

il-preparazzjoni u l-bidu ta’ proċeduri tas-suq jew tas-sejħiet għall-proposti, jekk ikun hemm bżonn taħt klawsola ta’ sospensjoni marbuta mal-firma tal-ftehimiet ta’ finanzjament.

2.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija applikabbli għal kull pajjiż sieħeb fil-programm mill-iffirmar ta’ ftehim ta’ finanzjament ma’ dak il-pajjiż f’konformità ma’ l-Artikolu 10.

SEZZJONI 2

Ftehim ta’ Finanzjament

Artikolu 10

Iffirmar tal-ftehim ta’ finanzjament

1.   Ftehim ta’ finanzjament huwa stabbilit bejn il-Kummissjoni u kull wieħed mill-pajjiżi sħab fil-programm operattiv konġunt ikkonċernat. L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni nnominata fil-qafas ta’ kull programm operattiv konġunt tista’ tikkontrafirma l-ftehim ta’ finanzjament.

2.   Il-programm operattiv konġunt adottat mill-Kummissjoni jikkostitwixxi l-Anness tekniku tal-ftehim ta’ finanzjament.

3.   Kull ftehim ta’ finanzjament huwa konkluż sa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena li tiġi wara s-sena tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meta jiġi adottat il-programm operattiv konġunt (‘regola N+1”).

4.   Fil-każ fejn il-ftehim mhux konkluż fiż-żmien stipulat, ma jistax jingħata bidu għall-komponent estern tal-programm operattiv konġunt mal-pajjiż sieħeb ikkonċernat.

Meta programm jinkludi ħafna pajjiżi sħab, jista’ jingħata bidu ma’ kull wieħed mill-pajjiżi sħab ikkonċernati sakemm dawn ikunu ffirmaw il-ftehim ta’ finanzjament proprju tagħhom.

5.   Fil-każ fejn l-ebda pajjiż sieħeb ma ffirma l-ftehim ta’ finanzjament fiż-żmien stipulat, il-komponent estern tal-programm operattiv konġunt ma jibqax validu u jkunu applikabbli l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 44(3) u (4).

KAPITOLU III

STRUTTURI TA’ TMEXXIJA TAL-PROGRAMMI OPERATTIVI KONĠUNTI

SEZZJONI 1

Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ

Artikolu 11

Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ

1.   Il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jiġbor fih rappreżentanti maħtura minn kull pajjiż parteċipant biex jieħdu d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-programm operattiv konġunt fil-qafas tal-kompetenzi tal-kumitat. Il-membri huma maħtura bħala rappreżentanti tal-pajjiż tagħhom fuq bażi funzjonali u mhux fuq bażi personali. Il-kumitat għandu ukoll President u Segretarju. Is-Segretarju għandu jkun magħżul minn fost il-membri ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

2.   Minbarra r-rappreżentanti maħtura kif suppost, huwa importanti li l-pajjiżi parteċipanti jiżguraw rappreżentazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili (komunitajiet territorjali, sħab ekonomiċi u soċjali, soċjetà ċivili) b’mod li tkun żgurata assoċjazzjoni mill-qrib tal-partijiet interessati lokali għat-twettiq tal-programm operattiv konġunt.

3.   Il-Kummissjoni tkun mistiedna għal kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ flimkien mal-parteċipanti u hija tkun infurmata bir-riżultati tal-ħidma. Hija tista’ tieħu sehem għal parti minn jew għal-laqgħa kollha ta’ kull laqgħa tal-kumitat, bl-inizjattiva tagħha stess, bħala osservatur u mingħajr l-ebda poter ta’ deċiżjoni.

Artikolu 12

Operazzjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ

1.   Il-membri maħtura tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jiddeċiedu dwar il-proċedura interna tiegħu unanimament.

2.   Il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jiddeċiedi bi qbil. Madankollu huwa jista’ jirrikorri għal proċedura ta’ vot f’ċerti każijiet, partikolarment meta jipproċedi għall-għażla finali tal-proġetti u ta’ l-ammonti ta’ sussidji li huma allokati għalihom. Waqt din il-proċedura ta’ vot, kull pajjiż għandu għad-dispożizzjoni tiegħu vot wieħed ikun xi jkun in-numru tar-rappreżentanti tiegħu.

3.   Ir-rappreżentanti maħtura jeleġġu President. Il-kumitat jista’ jiddeċiedi li jafda r-rwol ta’ President lil rappreżentant ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jew lil persuna barranija.

Il-President tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jieħu r-rwol ta’ arbitru u jmexxi d-dibattiti. Huwa jżomm id-dritt tal-vot tiegħu, ħlief għall-każ fejn ir-rwol ta’ President jingħata lil rappreżentant ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jew lil persuna barranija. F’dan l-aħħar każ, il-presidenza hija eżerċitata mingħajr dritt għall-vot.

4.   Il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jiltaqa’ kemm-il darba hemm bżonn u mill-anqas darba fis-sena. Dan jitlaqqa’ mill-President tiegħu fuq talba ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jew fuq talba motivata ta’ wieħed mill-membri maħtura tagħha jew mill-Kummissjoni. Jista’ wkoll jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub fuq inizjattiva tal-President tagħha, ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jew ta’ wieħed mill-pajjiżi parteċipanti. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, kull membru jista’ jitlob għal eżami fil-laqgħa.

5.   Għandhom jittieħdu minuti ffirmati mill-President u mis-segretarju fit-tmiem ta’ kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ. Dawn huma indirizzati lil kull wieħed mill-membri tal-kumitat u lill-Kummissjoni.

Artikolu 13

Funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ

Il-kumitat jassumi partikolarment il-funzjonijiet li ġejjin relatati mal-programm operattiv konġunt:

(a)

jivvalida l-programm ta’ ħidma ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni;

(b)

jiddeċiedi fuq il-volum u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-programm għall-assistenza teknika u r-riżorsi umani;

(ċ)

f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu, jeżamina l-atti ta’ tmexxija meħuda mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni;

(d)

jinnomina l-kumitati ta’ l-għażla tal-proġetti;

(e)

jiddeċiedi kriterji ta’ għażla tal-proġetti u jiddeċiedi fuq l-għażla finali tal-proġetti u l-ammonti ta’ sussidji li huma allokati għalihom;

(f)

f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu u fuq bażi tad-dokumenti sottomessi mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, jevalwa u jsegwi l-progress imwettaq sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm operattiv konġunt;

(g)

jeżamina r-rapporti kollha ppreżentati mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni u, jekk ikun hemm bżonn, jieħu l-miżuri adattati;

(h)

jeżamina l-każijiet kontenzjużi ta’ rkupru indikati mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

Fil-każ fejn il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, meta jieħu d-deċiżjonijiet msemmija fil-punt e) ta’ l-ewwel paragrafu, jiddeċiedi li ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-kumitat ta’ l-għażla jew parti minnhom, dan għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu bil-miktub. Din id-deċiżjoni għalhekk tiġi trażmessa bl-għajnuna ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni lill-Kummissjoni għall-ftehim minn qabel. Il-Kummissjoni tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol.

Il-funzjonijiet ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ regolamenti u d-dispożizzjonijiet li hemm fis-seħħ. L-awtorità ta’ tmexxija hija responsabbli li tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-monitoraġġ huma konformi ma’ dawn ir-regoli.

SEZZJONI 2

Awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni

Artikolu 14

Organizzazzjoni ta’ l-awtorità konġunta ta’ tmexxija

1.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni hija, b’mod ġenerali, organu tal-liġi pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali. L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tista’ wkoll tkun entità ta’ liġi privata investita b’missjoni ta’ servizz pubbliku.

Dan l-organu għandu jippreżenta l-garanziji finanzjarji suffiċjenti u jirrispetta l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), b’mod partikolari l-Artikolu 54 tiegħu, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (4), b’mod partikolari l-Artikoli 38, 39 u 41 tiegħu.

2.   Il-pajjiżi parteċipanti jafdaw lill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni l-ħidmiet ta’ attwazzjoni tal-programm operattiv konġunt li huma fdati lilhom skond it-tmexxija tal-programm. Dawn huma responsabbli li jikkontrollaw fil-qafas tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ li l-użu tal-fondi huwa konformi mar-regoli u l-prinċipji applikabbli għat-tmexxija tal-programm.

3.   L-operazzjoni ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tista’ tkun iffinanzjata mill-fondi ta’ l-assistenza teknika skond il-finanzjament Komunitarju kif ukoll permezz ta’ kofinanzjament, partikolarment permezz ta’ konribuzzjonijiet oħrajn kif speċifikati fl-Artikolu 19(3).

4.   Il-kotba tal-kontijiet magħmula mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni kull sena jingħataw għal verifika esterna ex post minn organu indipendenti kif speċifikat fl-Artikolu 31.

5.   L-organizzazzjoni ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni hija bbażata fuq l-aħjar prassi internazzjonali fil-qasam tat-tmexxija u tal-kontroll intern filwaqt li tirrikorri għal sistemi ta’ tmexxija u ta’ kontroll intern adattati għall-attwazzjoni tal-ħidmiet tagħha, b’mod li tkun żgurata l-legalità, ir-regolarità u t-tmexxija finanzjarja tajba ta’ l-operazzjonijiet tagħha.

Partikolarment, il-funzjonijiet ta’ tmexxija operazzjonali u l-funzjonijiet ta’ tmexxija finanzjarja huma organizzati b’mod indipendenti fi ħdan l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni. Il-funzjonijiet bħala ordinatur u dawk tal-kontabilità huma separati minn xulxin u inkompatibbli bejniethom.

6.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni għandha servizz ta’ verifika interna tal-kontijiet indipendenti mis-servizzi li jiżguraw il-funzjonijiet ta’ ordinatur, tal-kontabilità u tat-tmexxija.

7.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tistabbilixxi proċeduri biex tiżgura l-bażi tajba u r-regolarità ta’ l-ispejjeż iddikjarati taħt il-programm kif ukoll sistemi ta’ verifika, ta’ monitoraġġ u ta’ informazzjoni finanzjarja affidabbli u kompjuterizzati.

8.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni toqgħod attenta b’mod partikolari għar-rispett tal-kundizzjonijiet u tal-limiti taż-żmien għall-ħlasijiet fuq kuntratti ta’ sussidju u ta’ appalti li din tiffirma ma’ terzi. Din tiżgura ruħha, bl-għajnuna ta’ proċeduri ta’ verifika adegwati, li l-fondi mogħtija taħt is-sussidji u appalti huma unikament użati għall-finijiet li għalihom dawn ġew approvati.

Hija tuża sistema ġenerali ta’ żamma ta’ kotba u ta’ monitoraġġ amministrattiv u finanzjarju tas-sussidji u ta’ l-appalti (skambjar ta’ korrispondenza, segwitu jew ittri ta’ tfakkir, riċevimenti ta’ rapporti, eċċ.).

9.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni u l-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ dwar kull tibdil fil-proċeduri tagħha jew fl-organizzazzjoni tagħha jew kwalunkwe ċirkostanza oħra li tista’ tkun ta’ natura li teffettwa l-implimentazzjoni tal-programm.

10.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, bħad-diversi benefiċjarji, kuntratturi u msieħba fuq kuntratti li hija tiffirma għall-implimentazzjoni tal-proġetti, hija sottomessa għall-kontrolli tal-Kummissjoni, tal-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej u ta’ l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

Artikolu 15

Funzjonijiet ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni

1.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni hija responsabbli mit-tmexxija u l-implimentazzjoni tal-programm operattiv konġunt, inkluża l-assistenza teknika, fir-rispett tal-prinċipju ta’ tmexxija finanzjarja tajba, f’konformità mal-prinċipji ta’ l-ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja, u tagħmel il-kontrolli neċessarji f’konformità mal-kundizzjonijiet u l-proċeduri previsti fir-regoli applikabbli.

2.   Il-ħidmiet differenti ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jinkludu b’mod partikolari:

(a)

l-organizzazzjoni u s-segretarjat tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, inkluża t-tħejjija tal-minuti tal-laqgħa;

(b)

il-preparazzjoni tal-baġits annwali dettaljati tal-programm u t-talbiet għall-fondi neċessarji lill-Kummissjoni Ewropea;

(ċ)

il-tħejjija tat-rapporti operazzjonali u finanzjarji annwali u t-trażmissjoni tagħhom lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u lill-Kummissjoni;

(d)

l-implimentazzjoni permezz tas-servizz ta’ verifika interna tiegħu ta’ programm ta’ verifika ta’ ċirkwiti interni u ta’ l-applikazzjoni tajba tal-proċeduri fi ħdan l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni; ir-rapporti annwali tal-verifika interna jintbagħtu b’mod obbligatorju lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u lill-Kummissjoni;

(e)

it-tnehid, wara l-approvazzjoni mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, tas-sejħiet għal offerti u sejħiet għal proposti għall-għażla tal-proġetti;

(f)

ir-riċeviment tal-kandidaturi u l-organizzazzjoni, il-presidenza u s-segretarjat tal-kumitati ta’ l-għażla, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u lill-Kummissjoni tar-rapporti li jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitati ta’ l-għażla;

(g)

wara l-għażla tal-proġetti mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, il-konklużjoni tal-kuntratti relatati mal-proġetti differenti bil-benefiċjarji u l-kuntratturi;

(h)

is-segwitu operazzjonali u t-tmexxija finanzjarja tal-proġetti;

(i)

l-informazzjoni immedjata tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ tal-każijiet kontenzjużi kollha ta’ rkupru;

(j)

it-twettiq ta’ studji possibbli ta’ impatt ambjentali fil-livell tal-programm;

(k)

l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ informazzjoni u ta’ viżibilità f’konformità ma’ l-Artikolu 42.

Artikolu 16

Segretarjat konġunt tekniku

1.   Kull awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, wara ftehim minn qabel mal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ, tista’ tkun megħjuna fit-tmexxija ta’ kuljum ta’ l-operazzjonijiet tal-programm operattiv konġunt minn segretarjat konġunt tekniku mogħni bil-mezzi neċessarji.

L-operazzjoni tas-segretarjat konġunt tekniku hija ffinanzjata mill-fondi ta’ l-assistenza teknika.

2.   Is-segretarjat konġunt tekniku jista’, jekk meħtieġ, ikollu fergħat żgħar fil-pajjiżi parteċipanti sabiex jinforma lill-benefiċjarji potenzali fil-pajjiżi kkonċernati dwar l-attivitajiet previsti fil-qafas tal-programm.

Artikolu 17

Prinċipju ta’ kontinwità

F’każ fejn awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni diġà eżistenti u li għandha sistemi approvati mill-Kummissjoni għat-tmexxija ta’ programmi kurrenti jew preċedenti ser terġa’ tkun maħtura għat-tmexxija ta’ programm operattiv konġunt, m’huwiex meħtieġ li titbiddel l-organizzazzjoni eżistenti ta’ din l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni sakemm is-sistema kurrenti tissodisfa l-esiġenzi ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

TMEXXIJA FINANZJARJA TAL-PROGRAMMI OPERATTIVI KONĠUNTI

SEZZJONI 1

Finanzjament

Artikolu 18

Assistenza teknika ffinanzjata mill-kontribuzzjoni Komunitarja

L-assistenza teknika eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju tasal sa massimu ta’ 10 % tal-kontribuzzjoni globali Komunitarja fil-programm operattiv konġunt.

Iżda, każ b’każ fuq bażi ta’ argumentazzjoni bbażata fuq il-livell ta’ l-ispejjeż tagħhom matul is-snin preċedenti ta’ attwazzjoni u tal-bżonnijiet leġittimi previsti tal-programm, huwa possibbli wara reviżjoni tal-programm li tkun ikkunsidrata żieda fl-ammonti ta’ assistenza teknika li kienu stabbiliti inizjalment fil-programm.

Artikolu 19

Sorsi ta’ kofinanzjament

1.   Il-kofinanzjament jinkiseb mir-riżorsi proprji tal-pajjiżi jew organi li jipparteċipaw f’kull programm operattiv konġunt.

2.   Il-pajjiżi parteċipanti huma liberi li jiddeterminaw l-oriġini, it-total u t-tqassim skond l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-kofinanzjament fil-qafas ta’ kull programm operattiv konġunt.

3.   Il-kontribuzzjonijiet in natura ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jistgħu, wara ftehim minn qabel mal-Kummissjoni, ikunu kkunsidrati bħala parti mill-kofinanzjament. F’dan il-każ, dawn għandhom jissemmew b’mod ċar fid-dokument tal-programm.

Artikolu 20

Rata ta’ kofinanzjament

1.   Il-kofinanzjament jirrappreżenta mill-anqas 10 % tat-total tal-kontribuzzjoni Komunitarja fil-programm operattiv konġunt, barra t-total ta’ l-assistenza teknika ffinanzjata mill-kontribuzzjoni Komunitarja.

2.   Il-kofinanzjament huwa maqsum jekk possibbli b’mod bilanċjat fuq it-tul ta’ żmien tal-programm, b’tali mod li l-għan minimu ta’ 10 % jiġi milħuq fit-tmiem tal-programm.

Artikolu 21

Kont bankarju tal-programm operattiv konġunt u interessi ta’ finanzjament bil-quddiem

1.   Irid jinfetaħ u jitmexxa kont bankarju f’Ewro, uniku u speċifiku għall-programm, mis-servizz li għandu l-funzjoni tal-kontabilità fi ħdan l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni. Dan il-kont jaħdem b’mod obbligatorju taħt firma doppja ta’ l-ordinatur u ta’ l-accountant ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

2.   Fil-każ li l-kont bankarju jirrendi interessi, l-interessi magħmula mill-ħlasijiet ta’ finanzjament bil-quddiem jiġu allokati lill-programm operattiv konġunt ikkonċernat u jiġu ddikjarati lill-Kummissjoni fir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 32.

Artikolu 22

Kontabilità tal-programm operattiv konġunt

Il-kontabilità tal-programm operattiv konġunt huwa stabbilit mis-servizz ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni responsabbli mill-operazzjonijiet finanzjarji. Din il-kontabilità hija awtonoma u separata u tikkunsidra biss l-operazzjonijiet li huma relatati mal-programm operattiv konġunt biss. Dan jippermetti monitoraġġ analitiku tal-programm skond l-għan, il-prijorità u l-miżura.

L-operazzjonijiet ta’ taqbil ta’ din il-kontabilità mal-bilanċ tal-kont bankarju tal-programm huma ppreżentati mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ tal-programm u lill-Kummissjoni flimkien mar-rapport annwali u ma’ kull talba għal finanzjament addizzjonali bil-quddiem.

Artikolu 23

Proċeduri kuntrattwali

1.   Il-proċeduri kuntrattwali għall-kuntratti ta’ appalti u s-sussidji neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm operattiv konġunt mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni huma dawk applikabbli għall-azzjonijiet esterni kif stabbiliti fl-Artikoli 162 sa 170 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u fl-Artikoli 231 sa 256 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

Il-proċeduri applikabbli kif ukoll id-dokumenti standard u l-mudelli ta’ kuntratti korrispondenti huma dawk miġbura fil-Gwida prattika tal-proċeduri kuntrattwali ta’ l-azzjonijiet esterni u l-Annessi tiegħu applikabbli fil-mument tat-tnehid ta’ l-appalti jew tas-sejħiet għall-proposti.

2.   Ir-regoli ta’ eliġibilità relatati mal-parteċipazzjoni għas-sejħiet ta’ offerti jew għas-sejħiet ta’ proposti huma dawk imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 f’konformità ma’ l-Artikoli 40 u 41 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għaż-żona ġeografika kollha tal-programm, kif ukoll fuq it-territorju ta’ l-Istati Membri u fuq it-territorju tal-pajjiżi sħab.

SEZZJONI 2

Ħlasijiet

Artikolu 24

Impenji annwali mill-Kummissjoni

Minbarra l-impenn baġitarju inizjali li jakkompanja d-deċiżjoni ta’ adozzjoni tal-programm operattiv konġunt, il-Kummissjoni kull sena tagħmel għal impenn baġitarju li jikkorrispondi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena kkonċernata. L-ammont ta’ dan l-impenn huwa ddeterminat skond it-tabella finanzjarja li tiddeskrivi t-tqassim annwali previst li tidher fil-programm operattiv konġunt, skond l-istat tal-progress tal-programm u fil-limitu tal-fondi disponibbli. Il-Kummissjoni tinforma lill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni bid-data eżatta li fiha sar l-impenn annwali.

Artikolu 25

Regoli komuni għall-ħlasijiet

1.   Kull ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja jsir mill-Kummissjoni fil-limitu tal-fondi disponibbli. Il-Kummissjoni tnaqqas awtomatikament kull ħlas lill-awtorità ta’ tmexxija komuni mill-porzjon annwali l-aktar qadim ta’ impenn sakemm jintuża l-ammont sħiħ ta’ dan il-porzjon. Wara li jintuża l-ammont tal-porzjon annwali l-aktar qadim ta’ l-impenn, jista’ jibda jintuża l-porzjoni li jmiss.

2.   Il-ħlasijiet isiru f’ewro, fuq il-kont bankarju tal-programm operattiv konġunt.

3.   Il-ħlasijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ finanzjament bil-quddiem jew ta’ bilanċ finali.

Artikolu 26

Finanzjamenti bil-quddiem

1.   Kull sena, wara li ġiet mgħarrfa b’impenn baġitarju, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tista’ titlob, taħt finanzjament bil-quddiem, il-ħlas sa massimu ta’ 80 % tal-kontribuzzjoni Komunitarja għall-finanzjament ta’ l-eżerċizzju li għaddej.

Mit-tieni sena tal-programm operattiv konġunt, it-talba ta’ finanzjament bil-quddiem hija akkompanjata mir-rapport annwali finanzjarju proviżorju li jkopri l-ispejjeż u d-dħul kollha tas-sena preċedenti, li ma jkunux għadhom ġew approvati mir-rapport ta’ verifika esterna, flimkien mal-baġit ippjanat ta’ l-impenji u ta’ l-ispejjeż ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni għas-sena li jmiss.

Wara eżami ta’ dan ir-rapport u wara l-valutazzjoni tal-bżonnijiet attwali tal-finanzjament tal-programm u l-verifika tad-disponibilità tal-fondi, il-Kummissjoni tagħti l-ħlas kollu tal-finanzjament bil-quddiem mitlub jew parti minnu.

2.   Matul is-sena, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tista’ titlob il-ħlas ta’ parti minn jew il-bilanċ kollu tal-kontribuzzjoni Komunitarja annwali taħt il-finanzjament bil-quddiem addizzjonali.

L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni ssostni t-talba tagħha b’rapport finanzjarju intermedjarju li jiġġustifika għaliex l-ispejjeż li attwalment intefqu jew li jridu jsiru b’mod ippjanat f’dik is-sena jaqbżu l-ammont ta’ finanzjament bil-quddiem preċedenti.

Dan il-ħlas komplementari jikkostitwixxi finanzjament bil-quddiem addizzjonali sakemm m’huwiex iċċertifikat minn rapport ta’ verifika tal-kontijiet esterna.

3.   Fit-tieni nofs ta’ kull sena ta’ attwazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni tneħħi l-finanzjament bil-quddiem preċedenti skond l-ispejjeż li effettivament intefqu u li huma eliġibbli kif approvati fir-rapport annwali ta’ verifika ta’ kontijiet esterna ddefinita fl-Artikolu 31.

Fuq bażi ta’ riżultati ta’ din it-tneħħija, il-Kummissjoni tipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-aġġustamenti finanzjarji neċessarji.

Artikolu 27

Rkupru

1.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni hija responsabbli għall-irkupru ta’ l-ispejjeż mhux ġustifikati jew mhux eliġibbli u għar-rimbors lill-Kummissjoni ta’ somom irkuprati fuq il-proporzjoni tal-kontribuzzjoni tagħha lill-programm.

Fil-każ fejn, wara l-wasla tar-rapport finali ta’ kuntratt jew wara kontroll jew verifika tal-kontijiet kompluta, jiġu identifikati spejjeż mhux eliġġibli li diġà tħallsu, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni toħroġ ordnijiet ta’ rkupru fir-rigward tal-benefiċjarji u l-kuntratturi kkonċernati.

2.   Fil-każ fejn l-irkupru jikkonċerna dejn fir-rigward ta’ benefiċjarju, kuntrattur jew sieħeb stabbilit fi Stat Membru u fejn l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni ma jirnexxilhiex tikseb l-irkupru ta’ dawn l-ispejjeż fi żmien sena wara l-ħruġ ta’ l-ordni ta’ l-irkupru, l-Istat Membru fejn joqgħod il-benefiċjarju, il-kuntrattur jew is-sieħeb ikkonċernat iħallas id-dejn lill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, imbagħad ifittex lill-benefiċjarju, il-kuntrattur jew is-sieħeb.

3.   Fil-każ fejn l-irkupru jikkonċerna dejn fir-rigward ta’ benefiċjarju, kuntrattur jew sieħeb stabbilit f’pajjiż sieħeb u fejn l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni ma jirnexxilhiex tikseb l-irkupru ta’ dawn l-ispejjeż fi żmien sena wara l-ħruġ ta’ l-ordni ta’ l-irkupru, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tgħarraf lill-Kummissjoni li, fuq bażi ta’ fajl sħiħ, tmexxi l-każ biex tieħu azzjoni dwar l-irkupru mingħand il-benefiċjarju, kuntrattur jew sieħeb li joqgħod fil-pajjiż sieħeb jew direttament mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan il-pajjiż.

4.   Il-fajl ittrasferit lill-Istat Membru jew lill-Kummissjoni fih id-dokumenti kollha li jippermettu li tittieħed azzjoni dwar l-irkupru kif ukoll il-provi ta’ l-azzjonijiet magħmula mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju jew kuntrattur biex ikunu miġbura s-somom li dawn għandhom jagħtu.

5.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni hija obbligata li tagħmel pressjoni fi żmien sena wara l-ħruġ ta’ l-ordni ta’ rkupru bil-għan li tiżgura li jsir l-ħlas lura. Din tiżgura b’mod partikolari li d-dejn huwa ċert, likwidu u dovut. Meta l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni taħseb li ser tirrinunzja għad-dejn iddikjarat, din tiżgura li r-rinunzja hija regolari u konformi mal-prinċipju ta’ tmexxija tajba finanzjarja u ta’ proporzjonalità. Id-deċiżjoni li tirrinunzja għandha tkun motivata u sottomessa bi ftehim minn qabel mal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u mal-Kummissjoni.

6.   Meta d-dejn ma setax jiġi rkuprat jew fajl sħiħ skond il-paragrafu 4 ma setax jiġi ttrasferit lill-Istat Membru jew lill-Kummissjoni minħabba żball jew in-negliġenza ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tibqa’ responsabbli għall-irkupru wara ż-żmien ta’ sena u s-somom li riedu jingħataw huma ddikjarati mhux eliġibbli taħt il-finanzjament Komunitarju.

7.   F’konformità mal-paragrafi 2 u 3, il-kuntratti ffirmati mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni fil-qafas tal-programm jinkludu klawsola li tippermetti lill-Kummissjoni jew lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħdu azzjoni dwar l-irkupru mingħand il-benefiċjarju, il-kuntrattur jew is-sieħeb fil-każ fejn id-dejn għadu mhux imħallas sena wara l-ħruġ ta’ l-ordni ta’ l-irkupru mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

SEZZJONI 3

Rapporti

Artikolu 28

Rapporti annwali ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni

1.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tissottometti lill-Kummissjoni rapport annwali approvat mir-rapport ta’ verifika tal-kontijiet imsemmi fl-Artikolu 31 dwar l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali mill-ewwel ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, approvat minn qabel mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ. L-ewwel rapport annwali huwa sottomess sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tat-tieni sena tal-programm.

2.   Kull rapport annwali jinkludi:

(a)

parti teknika li tiddeskrivi:

il-progressi magħmula fl-implimentazzjoni tal-programm u l-prijoritajiet tiegħu,

il-lista dettaljata ta’ kuntratti ffirmati, kif ukoll id-diffikultajiet li seta’ kien hemm,

l-attivitajiet imwettqa taħt l-assistenza teknika matul is-sena preċedenti,

il-miżuri meħuda f’termini ta’ monitoraġġ, ta’ valutazzjoni u ta’ verifika tal-kontijiet tal-proġetti, ir-riżultati tagħhom u l-azzjonijiet implimentati biex jittranġaw il-problemi identifikati,

l-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni,

il-programm ta’ attivitajiet li għandhom jidħlu fis-seħħ is-sena li jmiss;

(b)

parti finanzjarja li turi, f’ewro, għal kull prijorità:

l-ammonti allokati lill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni mill-Kummissjoni taħt il-kontribuzzjoni Komunitarja u mill-pajjiżi parteċipanti taħt il-kofinanzjament, kif ukoll dħul possibbli ieħor mill-programm,

il-ħlasijiet u l-irkupru magħmula mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni taħt l-assistenza teknika u favur proġetti, u t-taqbil mal-kont bankarju tal-programm,

l-amont ta’ l-ispejjeż eliġibbli li ntefqu għall-proġetti kif ippreżentati mill-benefiċjarji fir-rapporti u talbiet tagħhom għall-ħlasijiet,

il-baġit ippjanat ta’ l-impenji u ta’ l-ispejjeż ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni għas-sena li jmiss;

(ċ)

dikjarazzjoni ffirmata mir-rappreżentant ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni li tiżgura li s-sistemi ta’ tmexxija u ta’ kontroll imwaqqfa mill-programm matul is-sena preċedenti jibqgħu konformi mal-mudell approvat mill-Kummissjoni u ħadmu b’tali mod li jagħtu assigurazzjoni raġonevoli dwar l-eżattezza ta’ l-istat ta’ l-ispejjeż ippreżentati fir-rapport finanzjarju kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet relatati magħhom.

Artikolu 29

Rapport annwali tas-servizz ta’ verifika tal-kontijiet interna

1.   Is-servizz ta’ verifika tal-kontijiet interna ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jimplimenta ta’ kull sena programm ta’ kontroll taċ-ċirkwiti interni u ta’ l-applikazzjoni tajba tal-proċeduri fi ħdan l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni. Din tħejji rapport annwali li hija tgħaddi lir-rappreżentant ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni.

2.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tgħaddi r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ bħala Anness tar-rapport annwali tiegħu msemmi fl-Artikolu 28.

Artikolu 30

Rapport annwali tat-twettiq tal-programm ta’ verifika tal-kontijiet tal-proġetti

1.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni kull sena tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni, ibbażat fuq is-sena preċedenti, tal-programm ta’ verifika tal-kontijiet tal-proġetti kif imsemmi fl-Artikolu 37. Dan ir-rapport jagħti dettalji dwar il-metodoloġija użata mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni biex jintgħażel il-kampjun rappreżentattiv tal-proġetti, il-kontrolli magħmula, ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati u l-konklużjonijiet meħuda mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni li jikkonċernaw it-tmexxija finanzjarja tal-proġetti kkonċernati.

2.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tgħaddi r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ bħala Anness tar-rapport annwali tiegħu msemmi fl-Artikolu 28.

Artikolu 31

Rapport ta’ verifika tal-kontijiet esterna

1.   Indipendentement mill-verifiki tal-kontijiet esterni organizzati fir-rigward ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni mill-amministrazzjoni tal-pajjiż fejn din hija stabbilita, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tirrikorri għal organu pubbliku indipendenti jew tqabbad kontrollur tal-kontijiet irreġistrat bħala indipendenti, membru ta’ assoċjazzjoni ta’ sorveljanza tal-kontroll legali tal-kontijiet rikonoxxut internazzjonalment, biex kull sena, skond in-normi u regoli ta’ etika tal-Federazzjoni Internazzjonali ta’ l-accountants (IFAC), jipproċedi għall-verifika ex post ta’ l-ispejjeż u tad-dħul iddikjarati mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni fir-rapport finanzjarju annwali tagħha.

2.   L-ambitu tal-verifika tal-kontijiet esterna jkopri l-ispejjeż magħmula direttament mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni taħt l-assistenza teknika u taħt it-tmexxija tal-proġetti (ħlasijiet). Ir-rapport ta’ verifika tal-kontijiet esterna jiċċertifika l-ispejjeż u d-dħul iddikjarati mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni fir-rapport annwali tagħha, u partikolarment li l-ispejjeż iddikjarati attwalment intefqu u huma eżatti u eliġibbli.

3.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tgħaddi r-rapport ta’ verifika tal-kontijiet esterna lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ bħala Anness mar-rapport annwali tagħha msemmi fl-Artikolu 28.

Artikolu 32

Rapport finali

Ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm operattiv konġunt jinkludi mutatis mutandis l-istess elementi li hemm fir-rapporti annwali, inklużi l-Annessi tiegħu, għat-tul ta’ żmien kollu tal-programm. Dan ikun sottomess sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2016.

SEZZJONI 4

Spejjeż eliġibbli tal-programm operattiv konġunt

Artikolu 33

Spejjeż eliġibbli fil-livell tal-programm operattiv konġunt

1.   Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju, l-ispejjeż tal-programm operattiv konġunt għandhom jintefqu matul il-perjodu ta’ attwazzjoni tal-programm kif iddefinit fl-Artikolu 43.

2.   Dawk l-ispejjeż li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin huma kkunsidrati bħala spejjeż eliġibbli għall-implimentazzjoni tal-programm mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni taħt l-assistenza teknika:

(a)

ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm fir-rigward ta’ kriterji ddefiniti mill-programm u mill-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u jissodisfaw il-prinċipji ta’ tmexxija tajba finanzjarja u partikolarment ta’ ekonomija u tar-relazzjoni infiq/effikaċja;

(b)

ikunu mniżżla fil-kontabilità tal-programm, ikunu identifikabbli u kontrollabbli u jkunu sostnuti minn dokumenti ta’ prova oriġinali.

(ċ)

ikunu ntefqu wara l-applikazzjoni tal-proċeduri applikabbli ta’ l-appalt.

3.   Soġġetti għall-paragrafi 1 u 2, l-ispejjeż li ġejjin huma eliġibbli:

(a)

l-ispejjeż tal-persunal marbut mal-programm, li jikkorrispondu mas-salarji attwali flimkien mal-ħlasijiet soċjali u spejjeż oħrajn li jidħlu fir-rimunerazzjoni. Dawn m’għandhomx jaqbżu s-salarji u l-ispejjeż normalment sostnuti mill-istruttura li tħaddan l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jew is-segretarjat konġunt tekniku, sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni li tindika li l-ammonti żejda huma indispensabbli għat-twettiq tal-programm operattiv konġunt;

(b)

l-ispejjeż tal-vjaġġi u taż-żjarat tal-persunal u persuni oħrajn li jipparteċipaw fil-programm operattiv konġunt, sakemm dawn jikkorrispondu mal-prattiki tas-soltu ta’ l-awtoritajiet maħtura għat-tmexxija tal-programm. Barra minn hekk, fil-każ ta’ rimborż għall-ispejjeż taż-żjarat, ir-rati m’għandhomx jaqbżu dawk ta’ l-iskala ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fil-mument ta’ l-adozzjoni tal-programm operattiv konġunt;

(ċ)

l-ispejjeż ta’ xiri jew ta’ kiri tat-tagħmir u ta’ provvisti (ġodda jew diġà użati) speċifikament għall-bżonnijiet ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jew tas-segretarjat konġunt tekniku sabiex jiġi implimentat il-programm operattiv konġunt, kif ukoll l-ispejjeż tal-provvediment ta’ servizzi, sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma’ dawk tas-suq;

(d)

l-ispejjeż tal-prodotti għall-konsum;

(e)

l-ispejjeż indiretti li jirrappreżentaw l-ispejjeż ġenerali amministrattivi;

(f)

l-ispejjeż ta’ kuntratti mgħoddija lil ħaddieħor;

(g)

l-ispejjeż ġejjin direttament minn eżiġenzi meħtieġa minn dan ir-Regolament u mill-programm (pereżempju, azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ viżibilità, valutazzjonijiet, verifiki tal-kontijiet esterni, traduzzjonijiet, eċċ.), inklużi l-ispejjeż tas-servizzi finanzjarji (partikolarment l-ispiża tat-trasferimenti bankarji).

Artikolu 34

Spejjeż mhux eliġibbli fil-livell tal-programm operattiv konġunt

Dawn l-ispejjeż li ġejjin m’humiex ikkunsidrati eliġibbli għall-implimentazzjoni tal-programm mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni taħt l-assistenza teknika:

(a)

id-djun u l-proviżjonijiet għat-telf jew djun;

(b)

l-interessi dovuti;

(ċ)

l-ispejjeż diġà ffinanzjati f’qafas ieħor;

(d)

ix-xiri ta’ artijiet jew ta’ bini;

(e)

it-telf mir-rati tal-kambju;

(f)

it-taxxi, inkluża l-VAT, ħlief meta l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni ma tistax teħodhom lura u jekk ir-regolament applikabbli jawtorizza li dawn ikunu koperti;

(g)

il-fondi lil terzi persuni;

(h)

il-multi.

Artikolu 35

Kontribuzzjonijiet f’oġġetti fil-livell tal-programm operattiv konġunt

Il-kontribuzzjonijit possibbli in-natura tal-pajjiżi parteċipanti u, jekk ikun il-każ, ta’ sorsi oħrajn għandhom jissemmew separatament fil-baġit tal-programm operattiv konġunt u m’humiex eliġibbli.

Dawn ma jistgħux ikunu kkunsidrati sabiex jagħmlu parti mill-kofinanzjament tal-pajjiżi parteċipanti taħt il-minimu ta’ l-10 % msemmija fl-Artikolu 20, bl-eċċezzjoni ta’ kontribuzzjonijiet f’oġġetti inizjali ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-Regolament.

L-ispiża tal-persunal magħmula mill-pajjiżi parteċipanti għall-assistenza teknika tal-programm m’hijiex ikkunsidrata bħala kontribuzzjoni f’oġġetti u ma tistax tkun ikkunsidrata bħala kofinanzjament fil-baġit tal-programm.

Artikolu 36

Spejjeż eliġibbli fil-livell tal-proġetti

1.   L-ispejjeż ta’ kull proġett għandhom jintefqu matul il-perjodu ta’ attwazzjoni ta’ kull kuntratt ikkonċernat.

2.   L-ispejjeż eliġibbli, l-ispejjeż mhux eliġibbli u l-possibilità ta’ kontribuzzjonijiet in natura fuq il-livell tal-proġetti huma ddefiniti fil-kuntratti ffirmati mal-benefiċjarji u l-kuntratturi.

SEZZJONI 5

Kontroll

Artikolu 37

Programm annwali tal-verifika tal-kontijiet tal-proġetti

1.   Mit-tmiem ta’ l-ewwel sena tal-programm operattiv konġunt, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni kull sena tħejji programm ta’ verifika tal-kontijiet tal-proġetti li hija tiffinanzja.

2.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jitwettqu fuq dokumenti u fuq il-post għal kampjun ta’ proġetti magħżula mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni skond metodu ta’ kampjun statistiku meħud għalgħarrieda filwaqt li jkunu kkunsidrati n-normi ta’ verifika tal-kontijiet rikonoxxuti internazzjonalment, partikolarment bil-konsiderazzjoni ta’ fatturi ta’ riskji relatati mat-total tal-proġetti, mat-tip ta’ operazzjoni, mat-tip ta’ benefiċjarju jew elementi oħrajn importanti. Il-kampjun huwa rappreżentattiv biżżejjed biex jiggarantixxi livell ta’ assigurazzjoni aċċettabbli meta mqabbel mal-kontrolli diretti magħmula mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni fuq l-eżistenza, l-eżattezza u l-eliġibilità ta’ l-ispejjeż iddikjarati fil-proġetti.

Artikolu 38

Kontroll Komunitarju

Il-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej u kull awditur estern awtorizzat minn dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jikkontrollaw, fuq dokumenti u fuq il-post, l-użu tal-fondi Komunitarji mill-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni u l-benefiċjarji differenti u sħab tal-proġetti.

Dan il-kontroll jista’ jieħu forma ta’ verifika tal-kontijiet kompluta fuq bażi ta’ dokumenti ta’ prova, kontijiet u dokumenti ta’ rendikont u kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-finanzjament tal-programm operattiv konġunt (inklużi, għall-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, id-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri ta’ l-għażla u mal-kuntratti) u tal-proġett.

Artikolu 39

Sistema ta’ kontroll nazzjonali

L-Istati Membri jistgħu jwaqqfu sistema ta’ kontroll nazzjonali li tkun tista’ tivverifika l-validità ta’ l-ispejjeż iddikjarati għall-operazzjonijiet jew partijiet mill-operazzjonijiet implimentati fit-territorji tagħhom u l-konformità ta’ dawn l-ispejjeż u l-operazzjonijiet jew partijiet mill-operazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-regoli Komunitarji u r-regoli nazzjonali tagħhom.

KAPITOLU V

Proġetti ffinanzjati mill-programmi operattivi konġunti

Artikolu 40

Parteċipanti fil-proġetti tal-programm operattiv konġunt

1.   Il-proġetti huma ppreżentati minn xi applikanti li jirrappreżentaw sħubiji li fihom hemm mill-inqas sieħeb wieħed minn Stat Membru li qed jipparteċipa fil-programm u ta’ l-inqas sieħeb wieħed minn pajjiż sieħeb li qed jipparteċipa fil-programm.

2.   L-applikanti u s-sieħba msemmija fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fir-reġjuni ddefiniti fl-Artikolu 4, punti a) u b) u jikkorrispondu mal-kriterji ta’ eliġibilità ddefiniti fl-Artikolu 23(2 ) ta’ dan ir-Regolament.

Fil-każijiet fejn l-għanijiet tal-proġetti ma jistgħux jiġu milħuqa mingħajr parteċipazzjoni tas-sieħba stabbiliti f’reġjuni oħrajn ħlief dawk iddefiniti fl-ewwel paragrafu, il-parteċipazzjoni ta’ dawn is-sieħba oħrajn tista’ tkun aċċettata.

Artikolu 41

Natura tal-proġetti

In-natura tal-proġetti tista’ tkun ta’ tliet tipi:

(a)

il-proġetti integrati fejn is-sieħba jmexxu fuq it-territorju rispettiv tagħhom parti mill-azzjonijiet li jikkostitwixxu l-proġett;

(b)

il-proġetti simetriċi fejn attivitajiet simili huma mmexxija b’mod parallel min-naħa fl-Istati Membri u min-naħa l-oħra fil-pajjiżi sħab;

(ċ)

il-proġetti li jiżvolġu prinċipalment jew b’mod uniku fi Stat Membru jew f’pajjiż sieħeb imma għall-benefiċċju tas-sieħba kollha jew uħud minnhom tal-programm operattiv konġunt.

Il-proġetti jseħħu fir-reġjuni ddefiniti fl-Artikolu 4, punti a) u b) ta’ dan ir-Regolament.

Fil-każijiet ta’ eċċezzjoni, jekk hemm bżonn sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-proġetti, il-proġetti jistgħu jseħħu parzjalment f’reġjuni oħrajn li m’humiex dawk iddefiniti fit-tieni paragrafu.

Artikolu 42

Informazzjoni u viżibilità tal-programm operattiv konġunt

1.   L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u l-viżibilità tal-programm operattiv konġunt. B’mod partikolari, l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-viżibilità tal-finanzjament jew tal-kofinanzjament Komunitarju fejn jidħlu l-attivitajiet tagħha proprja u dawk tal-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-programm. Dawn il-miżuri għandhom isegwu r-regoli applikabbli fejn tidħol viżibilità għall-azzjonijiet esterni bħal dawk iddefiniti u ppubblikati mill-Kummissjoni.

2.   Il-fergħat tas-segretarjat konġunt tekniku stabbiliti, fejn meħtieġ, fil-pajjiżi parteċipanti huma responsabbli li jagħtu tagħrif dwar l-attivitajiet tal-programm operattiv konġunt u li jinfurmaw lill-korpi possibbilment interessati.

KAPITOLU VI

Għeluq tal-programmi operattivi konġunti

Artikolu 43

Tul ta’ żmien tal-programm operattiv konġunt

1.   Il-perjodu ta’ attwazzjoni ta’ kull programm operattiv konġunt jibda mid-data ta’ adozzjoni tal-programm operattiv konġunt mill-Kummissjoni u jispiċċa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016.

2.   Dan il-perjodu ta’ attwazzjoni huwa kompost mill-fażijiet li ġejjin:

(a)

fażi ta’ implimentazzjoni tal-programm operattiv konġunt ta’ tul ta’ żmien massimu ta’ seba’ snin li jispiċċa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. L-ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti jew sejħa għall-proposti ma tista’ tinbeda wara din id-data u l-ebda kuntratt ma jista jiġi ffirmat wara din id-data, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti ta’ verifika u ta’ valutazzjoni;

(b)

fażi ta’ implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-programm operattiv konġunt li tibda fl-istess żmien tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-programm u tispiċċa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014. L-attivitajiet tal-proġetti ffinanzjati mill-programm għandhom jispiċċaw sa mhux aktar tard minn din id-data;

(ċ)

fażi ta’ għeluq finanzjarju tal-programm operattiv konġunt li jinkludi l-għeluq finanzjarju tal-kuntratti kollha ffirmati fil-qafas tal-programm, il-valutazzjoni ta’ wara tal-programm, is-sottomissjoni tar-rapport finali u l-ħlas finali jew l-irkupru finali mill-Kummissjoni, u li jispiċċa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016.

Artikolu 44

Tmiem bikri tal-programm

1.   Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 9(10)(ċ) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 jew f’każijiet oħrajn iġġustifikati kif suppost, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ttemm il-programm operattiv konġunt qabel l-għeluq previst tal-perjodu ta’ attwazzjoni, fuq talba tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ.

2.   F’dan il-każ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni tgħarraf lill-Kummissjoni dwar din it-talba u tgħaddi r-rapport finali fi żmien tliet xhur wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Wara t-tneħħija tal-finanzjament bil-quddiem preċedenti, il-Kummissjoni tagħmel il-ħlas finali jew, jekk ikun il-każ, tagħti bidu għall-ordni ta’ rkupru finali fir-rigward ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni. Il-Kummissjoni tneħħi wkoll il-kumplament ta’ l-impenji.

3.   Meta t-tmiem tal-programm huwa minħabba l-ftehimiet ta’ finanzjament ma ġewx iffirmati mill-pajjiżi sħab fiż-żmien preskritt, l-impenji baġitarji diġà magħmula taħt il-fondi ta’ l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija allokati għall-koperazzjoni transkonfinali li oriġinaw fit-titolu 1 B tal-Perspettivi Finanzjarji (Ftehim Interistituzzjonali 2006/C 139/01) jibqgħu disponibbli għal tul ta’ żmien normali tagħhom imma jkopru biss azzjonijiet li jseħħu esklussivament fi ħdan l-Istati Membri kkonċernati. L-impenji baġitarji diġà magħmula taħt il-fondi ta’ l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija allokati għall-koperazzjoni transkonfinali li oriġinaw fit-titolu 4 tal-Perspettivi Finanzjarji (Ftehim Interistituzzjonali 2006/C 139/01) jitneħħew.

4.   F’każ li ma ġiex iffirmat il-Ftehim ta’ Finanzjament mill-pajjiżi sħab jew bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jintemm il-programm operattiv konġunt qabel id-data prevista ta’ l-għeluq tal-programm, tapplika l-proċedura li jmiss:

(a)

għall-fondi ta’ l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija allokati għall-koperazzjoni transkonfinali li oriġinaw fit-titolu 1 B tal-Perspettivi Finanzjarji (Ftehim Interistituzzjonali 2006/C 139/01), l-ammonti previsti għall-impenji annwali ulterjuri tal-programm operattiv konġunt ikkonċernat huma użati fil-qafas tal-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9(10) tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006;

(b)

għall-fondi ta’ l-Istrument Ewropew ta’ Viċinant u Sħubija allokati għall-kooperazzjoni transkonfinali li oriġinaw fit-titolu 4 tal-Perspettivi Finanzjarji (Ftehim Interistituzzjonali 2006/C 139/01), l-ammonti previsti għall-impenji annwali ulterjuri tal-programm operattiv konġunt ikkonċernat huma użati biex ikunu ffinanzjati programmi oħrajn jew proġetti eliġibbli taħt ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

Artikolu 45

Żamma tad-dokumenti

L-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni u l-benefiċjarji differenti u sħab tal-proġetti għandhom iżommu għal seba’ snin sħaħ mill-ħlas tal-bilanċ tal-programm jew ta’ kull proġett, id-dokumenti kollha relatati mal-programm operattiv konġunt u mal-proġett, partikolarment ir-rapporti u d-dokumenti ta’ prova kif ukoll il-kontijiet u dokumenti ta’ rendikonti, u kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-finanzjament tal-programm operattiv konġunt (inklużi, għall-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni, id-dokumenti kollha relatati ma’ l-għażla u mal-kuntratti) jew ta’ kull proġett.

Artikolu 46

Għeluq tal-programm

1.   Il-programm operattiv konġunt huwa kkunsidrat magħluq wara li jkunu saru l-operazzjonijiet li jmiss:

(a)

għeluq tal-kuntratti kollha ffirmati fil-qafas ta’ dan il-programm;

(b)

ħlas jew rimborż tal-bilanċ finali;

(ċ)

tneħħija ta’ l-impenji mill-Kummissjoni.

2.   L-għeluq tal-programm operattiv konġunt ma jaffettwax id-dritt tal-Kummissjoni biex tipproċedi, jekk ikun il-każ, għal emendi finanzjarji ulterjuri fir-rigward ta’ l-awtorità konġunta ta’ amministrazzjoni jew il-benefiċjarji tal-proġetti jekk it-total finali eliġibbli tal-programm jew tal-proġetti jkollu jiġi rivedut wara kontrolli li jsiru wara d-data ta’ l-għeluq.

KAPITOLU VII

Dispożizzjonjiet finali

Artikolu 47

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Benita FERRERO-WALDNER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(2)  Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba, ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.