28.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 196/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 901/2007

tas-27 ta’ Lulju 2007

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana (1), u b’mod partikolari Artiklu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tkun garantita l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jkunu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija li tissemma fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 iddefinixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura c. Dawk ir-regoli jgħoddu ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija kompletament jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid magħha xi subdivizjoni oħra u li hija mwaqqfa fuq proviżjonijiet speċifiċi tal-Komunita’, bil-ħsieb li tkun applikata tariffa u miżuri oħra relatati mal-kummerċ fil-merkanzija.

(3)

Konformi ma’ dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 ta’ l-iskeda mniżżla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fil-kodiċi NM indikata fil-kolonna 2, minħabba r-raġunijiet imniżżla fil-kolonna 3 ta’ dik l-iskeda.

(4)

Huwa xieraq li ssir kundizzjoni li informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda iżda li ma taqbilx ma’ dan ir-Regolament tista’, għal perijodu ta’ tliet xhur, tkompli tkun invokata mid-detentur, taħt Artiklu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-dwana tal-Komunità (2).

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi tad-dwana ma ppubblikax opinjoni fil-limiti ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-merkanzija deskritta fil-kolonna nru 1 ta’ l-iskeda mniżżla fl-Anness tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda fil-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna nru 2 ta’ dik l-iskeda.

Artikolu 2

Informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri, li mhijiex skond dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perijodu ta’ tliet xhur skond l-Artiklu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Danuta HÜBNER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 733/2007 (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif finalment emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1791/2006 (ĠU L 363, ta’ l-20.12.2006, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni ta’ l-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li jikkonsisti f’weraq maqtugħa, iffermentati u mnixxfa u truf tal-pjanta rooibos (Aspalathus linearis), magħrufa wkoll bħala “L-Arbuxella Ħamra”.

Wara l-ħsad, il-weraq ħodor u t-truf tal-pjanti jinqatgħu f’tulijiet ta’ bejn 2 u 5 mm. Dawn imbagħad jinbarxu, ikunu ffermentati u jitnixxfu.

Il-prodott jintuża prinċipalment għat-tħejjija ta’ infużjonijiet.

1212 99 70

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċi NM 1212 , 1212 99 u 1212 99 70 .

Il-klassifikazzjoni f’titlu 1211 hija eskluża minħabba li l-prodott ma jintużax primarjament għall-għanijiet imsemmija fil-kliem ta’ dan it-titlu (“… ta’ kwalita’ użata l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għall-għanijiet ta’ insettiċidi, l-funġiċidi jew simili”).

Għalhekk, il-prodott għandu jkun ikklassifikat bħala prodott ieħor veġetali ta’ tip użat primarjament ghall-konsum mill-bniedem, li mhux speċifikat jew inkluż band’oħra , ta’ titlu1212 .