24.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 192/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 868/2007

tat-23 ta’ Lulju 2007

li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini protetti u ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti Miel de Galicia jew Mel de Galicia (IĠP)

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel (1), b'mod partikolari l-Artikolu 7(5), it-tielet u r-raba' inċiżi,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2), u bi qbil ma' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba ta' Spanja għar-reġistrar tad-denominazzjoni “Miel de Galicia” jew “Mel de Galicia” ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Ġermanja u l-Italja ddikjaraw ruħhom kontra r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Il-Ġermanja u l-Italja, fl-oġġezzjonijiet li ressqu, iddikjaraw li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 ma kinux sodisfatti, u b'mod partikolari, ir-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika ma ġietx ippruvata b'mod ġuridikament sodisfaċenti, u għalhekk ma tippermettix li tiġi sodisfatta d-definizzjoni ta' indikazzjoni ġeografika. Barra minn hekk, skond il-Ġermanja, ċerti elementi li jinsabu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott x'aktarx jiksru d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (3) b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiżdied il-frott imqadded ma' l-għasel, li, skond il-Ġermanja, huwa kontra d-definizzjoni tat-terminu “għasel” kif mogħtija f'dik id-direttiva.

(3)

Il-Kummissjoni, b'ittra tas-16 ta' Novembru 2005, stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jilħqu qbil bejniethom skond il-proċeduri interni tagħhom.

(4)

Peress li l-ebda qbil ma ntlaħaq bejn Spanja, il-Ġermanja u l-Italja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(5)

Wara l-konsultazzjonijiet bejn Spanja, il-Ġermanja u l-Italja, żdiedu xi dettalji ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-denominazzjonijiet ikkonċernati. F'dak li jirrigwarda d-deskrizzjoni tal-prodott, l-għasel li fih il-frott imqadded tneħħa mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Barra minn hekk, ir-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika delimitata ġiet enfasizzata, billi jinxteħet dawl fuq ir-reputazzjoni li jgawdi minnha l-prodott, u jindika l-karatteristiċi naturali taż-żona ġeografika li jagħtu karattru speċifiku lill-prodott u jagħżluh minn tipi oħra ta' għasel ippreparati f'żoni ġeografiċi oħra.

(6)

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-verżjoni l-ġdida ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(7)

Fid-dawl ta' dawn l-elementi, id-denominazzjoni trid għalhekk tiddaħħal fir-“Reġistru ta' denominazzjonijiet ta' l-oriġini protetta u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma [konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u għad-denominazzjonijiet ġeografiċi protetti],

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I ta' dan ir-Regolament hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

It-tabella konsolidata li fiha l-punti prinċipali ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tidher fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 30, 5.2.2005, p. 16, u ĠU C 139, 14.6.2006, p. 21.

(3)  ĠU L 10, 12.1.2002, p.47.


ANNESS I

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat

Klassi 1.4

Prodotti oħra ta' oriġini mill-annimali: għasel

SPANJA

Miel de Galicia jew Mel de Galicia (IĠP)


ANNESS II

SINTEŻI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel

“MIEL DE GALICIA” jew “MEL DE GALICIA”

Nru tal-KE: ES/PGI/005/0278/19.02.2003

DOP ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal finijiet ta’ informazzjoni biss.

1.

    Dipartiment risponsabbli fl-Istat Membru:

Isem

:

Subdirección General de Denominaciones de Calidad, Dirección General de Alimentación, Secretaria General de Alimentación del Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación, España

L-indirizz

:

Paseo Infanta Isabel, 1 - E28071 -Madrid

Telefown

:

(34) 913 475394

Feks

:

(34) 913 475410

Posta elettronika

:

sgcaproagro@mapya.es

2.

    Gruppi ta’ Applikanti:

Isem

:

Mieles Anta, SL

L-indirizz

:

C/Ermita, 34 Polígono de A Grela-Bens. A Coruña

Telefown

:

Feks

:

Posta elettronika

:

Isem

:

Sociedad Cooperativa “A Quiroga”

L-indirizz

:

Avenida Doctor Sixto Mauriz, no 43, Fene. A Coruña

Telefown

:

Feks

:

Posta elettronika

:

Magħmula minn

:

Produtturi / proċessuri (X) oħrajn ( )

3.

    Tip ta’ prodott:

Klassi 1.4

Prodotti oħra ta' oriġini mill-annimali: għasel

4.

    L-ispeċifikazzjoni tal-prodott (sinteżi tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1    Isem il-prodott: “Miel de Galicia” jew “Mel de Galicia”

4.2    Deskrizzjoni: Il-prodott li jibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) “Miel de Galicia” jew “Mel de Galicia” huwa definit bħala l-għasel li jgħaqqad il-karatteristiċi kollha imniżżlin fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u li matul il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-ippakkjar jissodisfa r-rekwiżiti kollha stipulati f'din l-ispeċifikazzjoni, fil-manwal tal-kontroll tal-kwalità u fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Dan l-għasel huwa prodott f'kaxxi b'qafas mobbli u jinkiseb permezz tat-tferrigħ jew iċ-ċentrifugazzjoni. Jista' jkun fil-forma likwida, kristallizzata jew kremuża. Jista' jkun ukoll fil-forma ta’ xehda.

L-għasel huwa klassifikat skond l-oriġini bijoloġika, fil-kategoriji li ġejjin:

għasel ta’ aktar minn tip wieħed ta’ fjuri

għasel mill-fjuri ta’ l-ewkaliptu,

għasel mill-fjuri tal-qastan,

għasel mill-fjuri tat-tut,

għasel mill-fjuri tal-heather.

Minbarra l-karatteristiċi indikati fl-istandard tal-kwalità għall-għasel, l-għasel protett mill-IĠP jrid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

karatteristiċi fiżiko-kimiċi:

umdità massima: 18.5 %,

attività dijastika minima: 9 fuq l-iskala Schade. L-għasel b'kontenut baxx ta’ enżimi jrid jilħaq minimu ta’ 4 fuq din l-iskala, bil-kundizzjoni li l-kontenut idrossimetilfurfurali (hydroxymethylfurfural content) ma jaqbiżx l-10 mg/kg;

kontenut idrossimetilfurfurali massimu: 28 mg/kg.

karatteristiċi ta’ l-għabra tad-dakra:

Ġeneralment, il-medda ta’ l-għabra tad-dakra kollha kemm hi trid tikkorrispondi ma’ dik ta’ l-għasel tal-Galicia.

Fi kwalunkwe każ, il-kombinazzjoni ta’ l-għabra mill-Helianthus annuus – Olea europaea – Cistus ladanifer m'għandhiex taqbeż il-5% mit-totalità tal-medda ta’ l-għabra tad-dakra.

Barra minn hekk, skond l-oriġini tal-fjuri tat-tipi differenti ta’ għasel imsemmija, il-meded ta’ l-għabra tad-dakra jridu jissodisfaw l-eżiġenzi li ġejjin:

għasel ta’ aktar minn tip wieħed ta’ fjuri: il-biċċa l-kbira ta’ l-għabra trid tiġi mill-ispeċijiet Castanea sativa, Eucalyptus sp., Ericaceae, Rubus sp., Rosaceae, Cytisus sp-Ulex sp., Trifolium sp., Lotus sp., Campanula, Centaurea, Quercus sp., Echium sp., Taraxacum sp. u Brassica sp.

għasel minn tip wieħed ta’ fjura:

“għasel ta’ l-ewkaliptu”: il-perċentwal minimu ta’ għabra tad-dakra ta’ l-ewkaliptu (Eucaliptus sp.) irid ikun ta’ 70%,

“għasel tal-qastan”: il-perċentwal minimu ta’ għabra tad-dakra tal-qastan (Castanea sp.) irid ikun ta’ 70%,

“għasel tat-tut”: il-perċentwal minimu ta’ għabra tad-dakra tat-tut (Rubus sp.) irid ikun ta’ 45 %,

“għasel tal-heather”: il-perċentwal minimu ta’ għabra tad-dakra tal-heather (Erica sp.) irid ikun ta’ 45 %,

karatteristiċi organolettiċi:

B'regola ġenerali, l-għasel irid ikollu l-kwalitajiet organolettiċi speċifiċi għall-oriġini tal-fjuri korrispondenti f'dak li jirrigwarda l-kulur, ir-riħa u t-togħma. Skond l-oriġini, il-karatteristiċi organolettiċi l-aktar distinti huma dawn:

għasel ta’ aktar minn tip wieħed ta’ fjuri: il-kulur tagħhom ivarja minn kulur l-ambra għal ambra skura. Għandhom riħa ta’ fjuri jew veġetali ta’ intensità u persistenza varjabbli. Jistgħu wkoll ikunu xi ftit aċidiċi u b'palat aħrax.

għasel mill-fjuri ta’ l-ewkaliptu: kulur l-ambra, riħa ta’ fjuri bi ħjiel ta’ xama'. L-intensità tar-riħa hija medja u l-persistenza hija baxxa. It-togħma hija ħelwa u kemxejn aċidika.

għasel mill-fjuri tal-qastan: kulur l-ambra skura, xi drabi jagħti fl-aħmar. Idealment b'riħa ta’ intensità medja għal baxxa u persistenza baxxa. Dan l-għasel huwa xi ftit aċidiku u morr, xi kultant daqsxejn pikkanti. Ġeneralment huma ftit ħorox fuq il-palat.

għasel mill-fjuri tat-tut, kulur l-ambra għal ambra skura. Dan huwa għasel aromatiku b'riħa ta’ fjuri persistenti. Togħma qawwija ta’ frott, partikolarment ħelwa, b'intensità u persistenza medja sa għolja.

għasel mill-fjuri tal-heather. kulur l-ambra skura jew li tagħti fl-aħmar, togħma kemxejn morra u persistenti, riħa ta’ fjuri persistenti. L-intensità tar-riħa hija ġeneralment medja sa baxxa u l-persistenza hija baxxa.

4.3    Iż-żona ġeografika Iż-żona tal-produzzjoni, ta’ l-ipproċessar u ta’ l-ippakkjar ta’ l-għasel bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Miel de Galicia” tfisser it-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma tal-Galicia.

4.4    Il-prova ta’ l-oriġini L-IĠP “Miel de Galicia” tista' tipproteġi biss l-għasel li ġej minn stabbilimenti mniżżla fir-reġistri tal-korp regolatorju, prodott skond in-normi stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fil-manwal tal-kontroll tal-kwalità, u li jinkorpora l-kundizzjonijiet li għandhom jikkaratterizzawh.

Il-korp regolatorju għandu jżomm dawn ir-reġistri:

reġistru ta’ l-istabbilimenti, li fih iniżżel l-istabbilimenti li jinsabu fil-Komunità Awtonoma tal-Galicia u li jixtiequ jipproduċu għasel kopert bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Miel de Galicia”,

reġistru ta’ l-impjanti ta’ l-estrazzjoni, tal-ħżin u/jew ta’ l-ippakkjar, li fih iniżżel l-istabbilimenti li jinsabu fil-Komunità Awtonoma tal-Galicia u li l-attivitajiet tagħhom jinkludu l-ipproċessar ta’ l-għasel li jista' jiġi protett bl-indikazzjoni ġeografika.

Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li għandhom assi mniżżla fir-reġistri, kif ukoll l-istabbilimenti, l-impjanti u l-prodotti, huma soġġetti għal spezzjonijiet u kontrolli magħmula mill-korp regolatorju bil-għan li jiġi vverifikat jekk il-prodotti li għandhom l-indikazzjoni ġeografika protetta “Miel de Galicia” jissodisfawx l-esiġenzi ta’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u d-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli.

Kull sena tas-suq, il-kwantitajiet ta’ għasel ċertifikati mill-indikazzjoni ġeografika protetta li jkunu tqiegħdu fis-suq minn kull azjenda elenkata fir-reġistru ta’ impjanti ta’ estrazzjoni, ħażna u/jew ippakkjar huma kkontrollati mill-korp regolatorju sabiex jiġi vverifikat jekk jikkorrispondux mal-kwantitajiet ta’ għasel prodott mill-produtturi elenkati fir-reġistru, jew inkella mal-kwantitajiet ta’ għasel mixtrija mingħandhom jew mingħand azjendi oħra elenkati fir-reġistru.

Il-kontrolli huma fil-fatt spezzjonijiet ta’ l-istabbilimenti u l-impjanti, eżaminazzjonijiet tad-dokumenti kif ukoll analiżijiet tal-materja prima u tal-prodott aħħari.

Kif diġà indikat, kemm l-attivitajiet ta’ produzzjoni kif ukoll dawk ta’ wara l-produzzjoni (estrazzjoni, ħżin u ppakkjar) għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

Il-fatt li l-ippakkjar isir ukoll f'din iż-żona, jiġifieri ż-żona tradizzjonali, jindirizza l-ħtieġa li jiġu ppreżervati l-karatteristiċi partikolari u l-kwalità ta’ l-għasel tal-Galicia, b'mod li l-kontroll li jagħmel il-korp kompetenti fuq il-kundizzjonijiet tat-trasport, tal-ħżin u ta’ l-ippakkjar jippermettu ż-żamma tal-kwalità tal-prodott.

Barra minn hekk, l-ippakkjar jista' jsir biss fir-reċipjenti li l-karatteristiċi tagħhom huma ddefiniti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fl-impjanti rriżervati esklussivament għall-ippakkjar ta’ għasel li ġej minn stabbilimenti mniżżla fir-reġistri ta’ l-indikazzjoni ġeografika protetta u li fihom isir it-tikkettjar fuq quddiem u wara taħt is-superviżjoni tal-korp regolatorju. Dawn il-miżuri kollha jiżguraw li l-kwalità u t-traċċabilità tal-prodott huma ggarantiti.

Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tirrigwarda l-lottijiet omoġeni u tinvolvi eżamijiet analitiċi u organolettiċi kif ukoll spezzjonijiet rilevanti kif stabbiliti mill-korp regolatorju. Fid-dawl tar-rapporti tekniċi mogħtija, il-korp regolatorju u ta’ ċertifikazzjoni għandu jiddeċiedi jaċċettax, jirrifjutax jew iżommx temporanjament il-lott ta’ għasel ikkontrollat.

Jekk jiġi nnutat kwalunkwe tibdil li jagħmel ħsara lill-kwalità ta’ l-għasel, inkella jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-indikazzjoni ġeografika protetta u atti leġiżlattivi rilevanti oħra mhumiex rispettati f'dak li jirrigwarda l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-ippakkjar, l-għasel ma jiġix iċċertifikat mill-korp regolatorju, u għaldaqstant jitlef id-dritt li juża l-indikazzjoni ġeografika protetta.

4.5    Metodu tal-produzzjoni Il-prattiki ta’ ġestjoni tal-kaxxa tan-naħal huma maħsuba biex tinkiseb l-aqwa kwalità ta’ għasel protett mill-indikazzjoni ġeografika. Matul il-perjodu tal-ħsad, b'mod strett, il-kaxxi tan-naħal qatt ma jiġu sottomessi għal trattamenti kimiċi u n-naħal ma jingħatax x'jiekol.

Jintużaw metodi tradizzjonali biex in-naħal jitkeċċa mix-xehed, u tingħata preferenza għall-bee escape jew rewwieħa (blower), mingħajr użu żejjed tal-minfaħ tad-duħħan u mingħajr qatt ma jiġu introdotti prodotti kimiċi ripellenti.

L-għasel jitneħħa permezz taċ-ċentrifugazzjoni jew bit-tferrigħ, iżda qatt bl-użu tal-pressjoni.

Ix-xogħol ta’ estrazzjoni ta’ l-għasel dejjem isir bl-akbar reqqa u fl-aqwa kundizzjonijiet ta’ iġjene, isir f'post magħluq, nadif u maħsub għal dan il-għan. It-tnixxif permezz ta’ tagħmir għat-tneħħija ta’ l-umdità jew bl-arjazzjoni jibda minn ġimgħa qabel sakemm tinkiseb umdità relattiva ta’ taħt is-60%.

It-tekniki li jintużaw għall-ftuħ tax-xehda bl-ebda mod ma għandhom jaffettwaw il-fatturi ta’ kwalità ta’ l-għasel. L-imfietaħ tan-naħal għandhom ikunu nodfa ferm, xotti u qatt m'għandhom ikunu sħan aktar minn 40°C.

Ladarba l-għasel ikun inħareġ u mgħoddi minn filtru doppju, jgħaddi minn proċess ta’ tferrigħ imbagħad wara għal proċess ta’ xkumar qabel ma jinħażen u jiġi ppakkjat.

Il-ġbir u t-trasport ta’ l-għasel għandhom isiru f'kundizzjonijiet iġjeniċi, bl-użu ta’ reċipjenti alimentari approvati fil-manwal tal-kwalità u mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li jiggarantixxu l-kwalità tal-prodott.

L-għasel għandu jiġi ppakkjat fl-impjanti mniżżla fir-reġistru korrispondenti tal-korp regolatorju. Il-kontenut tar-reċipjenti maħsuba għall-konsum dirett ta’ l-għasel ġeneralment ivarja bejn il-500 u l-1 000 gramma.

Ir-reċipjent irid ikun issiġillat ermetikament, biex jiġi evitat it-telf ta’ l-irwejjaħ naturali, kif ukoll iż-żieda ta’ rwejjaħ u umdità mill-ambjent, li jistgħu jbiddlu l-prodott.

4.6    Rabtiet

Rabta storika

It-trobbija tan-naħal laħqet il-qofol tagħha fil-Galicia qabel l-introduzzjoni taz-zokkor, u l-għasel kien jitqies bħala ikel importanti ferm minħabba l-karatteristiċi ta’ ħlewwa u mediċinali partikolari tiegħu. Skond iċ-ċensiment “Catastro de Ensenada” ta’ l-1752-1753 fil-Galicia kien hemm total ta’ 366 339 miġbħa jew kaxxa tan-naħal, magħrufa wkoll bħala “trobos” jew “cortizos”, li għadna nsibuhom f'diversi postijiet. Dan il-fatt jindika biċ-ċar l-importanza tat-trobbija tan-naħal fil-Galicia sa minn żmien il-qedem, u dan tixhdu t-toponimija tal- Galicia.

Il-kliem “cortín”, “albar”, “abellariza”, “albiza” jew “albariza” kollha jfissru bini rurali mingħajr saqaf, f'forma ovali, fit-tond u ġieli b'erba' ħitan, magħmula b'ħitan għoljin maħsuba għall-protezzjoni ta’ l-imġiebaħ u l-prevenzjoni ta’ l-attakki mill-annimali (partikolarment l-orsijiet). Dawn il-binjiet, li jirriflettu żmien ieħor iżda għadhom jeżistu sal-lum, għadhom jintużaw f'diversi żoni muntanjużi, prinċipalment fis-Sierras tal-Lvant ta’ Ancares u Caurel kif ukoll is-Sierra del Suido.

L-ewwel xogħol ippubblikat fil-Galicia dwar it-trobbija tan-naħal x'aktarx huwa l-manwal dwar it-trobbija tan-naħal miktub minn D. Ramón Pimentel Méndez (1893) speċjalment għall-kultivaturi tan-naħal Galiciani.

Fl-1880, l-arċipriet ta’ Argozón (Chantada, Lugo), Don Benigno Ledo, rama l-ewwel miġbħa mobbli u, xi ftit ta’ snin wara, bena l-ewwel miġbħa maħsuba għat-trobbija bit-tqassim u għat-trobbija ta’ l-irġejjen, li semmieha l-miġbħa tal-frieħ. Il-ktieb ta’ Roma Fábrega dwar it-trobbija tan-naħal jgħid li l-ewwel Spanjol li qatt kellu l-imġiebaħ mobbli kien il-“qassis tan-naħal” Don Benigno Ledo mill-Galicia, u dan jixhed l-importanza tiegħu mhux biss fil-Galicia iżda wkoll fi Spanja.

L-għasel tal-Galicia huwa deskritt fl-inventarju Spanjol tal-prodotti tradizzjonali, ippubblikata mill-ministru Spanjol ta’ l-Agrikoltura, Sajd u Ikel fl-1996 (paġni 174 u 175). Il-prodott jikkostitwixxi wieħed mill-akbar attrazzjonijiet kummerċjali matul il-festi tal-ħarifa.

Fl-1998 il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd għamel studju dwar il-kummerċ ta’ l-għasel fi Spanja. Dan l-istudju kixef li fil-Majjistral tal-pajjiż (il-Galicia) il-konsum ta’ l-għasel huwa ogħla minn dak fil-komunitajiet Spanjoli l-oħra, u l-prezz ta’ l-għasel huwa ogħla wkoll. Il-konsumatur tal-Galicia ilu japprezza l-għasel prodott fil-Komunità Awtonoma tagħna minn żmien il-qedem, u dan jagħtih valur kummerċjali ogħla, fenomenu li ma tarahx fil-komunitajiet tal-viċin.

Rabta naturali

Il-Galicia, li tinsab fil-ponta tal-Majjistral tal-peniżola Iberika, hija waħda mill-entitajiet territorjali l-aktar antiki fi Spanja, li żammet isimha mingħajr l-ebda tibdil minn żmien ir-Rumani (ir-Rumani kienu jsejħu din ir-Reġjun “Gallaecia”) u li żammet prattikament l-istess fruntieri għal aktar minn tmien sekli. Il-limiti amministrattivi ta’ dan ir-reġjun jikkoinċidu mal-fruntieri ġeografiċi li, mit-Tramuntanta san-Nofsinhar u mil-Lvant għall-Punent, żammewha iżolata mir-reġjuni qraba. Dan jispjega wkoll il-fatt li żammet ukoll ilsien proprju.

Din id-differenzjazzjoni ġeografika jiddeterminaw il-klima tal-Galicia. Il-preżenza ta’ estwarji u ta’ widien fluvjali li jwasslu fil-ġewwieni tat-territorju l-influwenza tal-baħar, hija r-riżultat ta’ orjentazzjoni Majjistral-Grigal (fenomenu li ma jinsab imkien ieħor fuq il-kosti Spanjoli) u tas-Sierras li jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni tal-fronti differenti tat-temp. B'hekk il-klima ta’ dan ir-reġjun għandu karatteristiċi speċifiċi f'dak li jirrigwarda t-temperatura u l-preċipitazzjoni.

Barra minn hekk, il-parti l-kbira tat-territorju tal-Galicia huwa, mil-lat ġeomorfoloġika, tal-litoloġija u tal-pedoloġija, differenti mir-reġjuni Mediterranji tal-produzzjoni tan-naħal tradizzjonali. Il-ħamrija aċidika tippredomina, u b'hekk tiddetermina l-veġetazzjoni lokali u għaldaqstant il-produzzjoni tan-nektar u l-karatteristiċi ta’ l-għasel.

Għalhekk hija reġjun naturali li hija perfettament distinta mill-bqija tal-peniżola Iberika. Din id-distinzjoni tirriżulta minn aspetti ġeomorfoloġiċi, klimatiċi, bijoloġiċi u pedoloġiċi li jikkundizzjonaw l-eżistenza ta’ flora li hija adattata għall-kundizzjonijiet naturali li jirriżultaw minn dawn il-fatturi kollha.

It-territorju tal-Galicia huwa omoġenu ferm f'dak li jirrigwarda l-pjanti li minnhom jiġi n-nektar għall-produzzjoni ta’ l-għasel. L-akbar differenzi li jikkaratterizzaw il-produzzjoni ta’ l-għasel fil-Galicia ġejjin mill-abbundanza tal-pjanti ewlenin li jipprovdu l-għabra tad-dakra. Huma ħamsa t-tassoni ewlenin li jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-maġġoranza ta’ l-għasel tal-Galicia: Castanea sativa, Rubus, t. Cytisus, Erica u Eucalyptus. Barra minn hekk, iż-żona littorali hija karatterizzata mill-preżenza ta’ ħafna siġar ta’ l-ewkaliptu. Fiż-żoni ġewwiena, il-produzzjoni ta’ l-għasel hija kkundizzjonata mill-abbundanza ta’ tliet tipi ta’ elementi veġetali: Castanea sativa, Erica u Rubus.

Li huwa ċert huwa li s-sitwazzjoni ġeografika tal-Galicia u l-karatteristiċi tagħha jirriżultaw f'għasel partikolari, li minħabba f'hekk huwa differenti mill-għasel prodott f'territorji oħra.

Wieħed mill-metodi analitiċi l-aktar utli għall-istabbiliment tal-partikolarità ġeografika ta’ l-għasel jikkonsisti fl-analiżi ta’ l-għabra tad-dakra. Fid-dawl ta’ analiżi bħal din, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-għasel tal- Galicia, meta mqabbel ma’ għasel minn postijiet oħra, huma:

il-preżenza ta’ kombinazzjonijiet ta’ għabra tad-dakra tipiċi u esklussivi li tiddistingwi l-għasel saħansitra minn dak prodott fir-reġjuni fil-qrib. Dawn il-kombinazzjonijiet jidhru fl-Anness 1;

in-nuqqas jew il-preżenza baxxa (inqas minn 1 %) ta’ għabra tad-dakra mill-familja tal-Labiaceae kif ukoll mil-Lavandula, Rosmarinus, Thymus, Mentha, eċċ.;

in-nuqqas jew il-preżenza baxxa (inqas minn 0,1 %) ta’ għabra tad-dakra ta’ Helianthus annuus, Citrus jew Olea europaea;

in-nuqqas jew il-preżenza baxxa (inqas minn 1 %) ta’ għabra tad-dakra ta’ Cistus ladanifer;

in-nuqqas ta’ Hedysarum coronarium, Hypecoum procumbens u Diplotaxis erucoides.

B'hekk, l-għasel ta’ Galicia għandu diversi karatteristiċi speċifiċi li jistgħu jiġu attribwiti lill-ambjent naturali. Aktar tagħrif dwar dawn il-karatteristiċi speċifiċi jista' jinsab fil-paragrafi rilevanti ta’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-Annessi tiegħu.

4.7.    Il-Korp ta’ Spezzjoni

Isem

:

Consejo regulador de la Indicación Geográfica Protegida “Miel de Galicia”

L-indirizz

:

Pazo de Quián s/n, Sergude. 15881-Boqueixón. A Coruña.

Telefown

:

981. 511913

Feks

:

981. 511913

Posta elettronika

:

info@mieldegalicia.org

Il-korp regolatorju jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-istandard EN 45011, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

4.8    Tikkettjar L-għasel imqiegħed fis-suq bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Miel de Galicia” jrid ikollu fuqu, wara ċ-ċertifikazzjoni, it-tikketta korrispondenti għat-trejdmark ta’ kull kumpanija ta’ ppakkjar, li tintuża biss għall-għasel protett, kif ukoll tikketta fuq wara b'kodiċi alfanumeriku f'sekwenza, approvata u maħruġa mill-korp regolatorju u li turi l-logo uffiċjali ta’ l-indikazzjoni ġeografika. Il-kliem marbut mad-denominazzjoni ġeografika protetta “Miel de Galicia” jew “Mel de Galicia” jrid bilfors jidher fuq it-tikketta ta’ quddiem u t-tikketta ta’ wara.