18.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 186/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 836/2007

ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro f’Malta

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 123(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro (2) jipprovdi għas-sostituzzjoni bl-euro tal-muniti ta’ l-Istati Membri li jkunu laħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fiż-żmien meta l-Komunità tkun daħlet fit-tielet stadju ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2596/2000 (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita tal-Greċja bl-euro.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 (4) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 sabiex iħejji għal introduzzjonijiet sussegwenti ta’ l-euro fl-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita unika.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1647/2006 (5) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita tas-Slovenja bl-euro.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 835/2007 (6) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita ta’ Ċipru bl-euro.

(6)

Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, Malta hija Stat Membru b’ deroga kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(7)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/504/KE ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 f’konformità ma’ l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni min-naħa ta’ Malta tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008 (7), Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u d-deroga favur Malta għandha titħassar b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008.

(8)

L-introduzzjoni ta’ l-euro f’ Malta jirrikjedi li d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 974/98 jiġu estiżi għal Malta.

(9)

Il-pjan għall-bidla ta’ Malta jispeċifika li l-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro għandhom isiru valuta legali f’dak l-Istat Membru fil-jum ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro bħala l-munita tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, id-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro u d-data għall-bidla fil-flus kontanti għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2008. M’ għandu japplika l-ebda “perjodu ta’ tneħħija gradwali”.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jkun emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-1 ta’ Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, 10 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  ĠU C 160, 13.7.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 835/2007 (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2.

(4)  ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 309, 9.11.2006, p. 2.

(6)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  Ara paġna 32 ta dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98, il-linja li jmiss għandha tiddaħħal bejn l-entrati għal-Lussemburgu u l-Olanda.

Stat Membru

Data għall-adozzjoni ta’ l-euro

Data tal-bidla fil-flus kontanti

Stat Membru b’perjodu ta’ “tneħħija gradwali”

“Malta

l-1 ta’ Jannar 2008

l-1 ta’ Jannar 2008

Le”