22.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 161/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 700/2007

tal-11 ta’ Ġunju 2007

dwar it-tqegħid fis-suq tal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2, flimkien mal-punt (b) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ dak l-Artikolu, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1) jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta regoli ġenerali dwar miżuri għall-promozzjoni ta’ organizzazzjoni aħjar tal-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq.

(2)

Is-sistemi ta’ produzzjoni ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas u l-karatteristiċi tagħhom fi żmien il-qatla ta’ spiss ikunu differenti minn Stat Membru wieħed għal ieħor. Fis-swieq ewlenija tal-konsumatur fil-Komunità, il-laħam minn dawn is-sistemi differenti ta’ produzzjoni jitqiegħed ġeneralment fis-suq taħt deskrizzjoni unika ta’ bejgħ.

(3)

L-esperjenza turi li din il-prattika tista' tfixkel il-kummerċ u tħeġġeġ kompetizzjoni inġusta. Konsegwentement, għandha effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

(4)

Din il-prattika tista' wkoll toħloq konfużjoni għall-konsumaturi u x'aktarx tqarraq bihom.

(5)

Biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern, it-tqegħid fis-suq tal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas għandu jkun organizzat b'tali mod li jkun kemm jista' jkun trasparenti. Dan jippermetti wkoll li tali produzzjoni tkun organizzata aħjar. Għal dak il-għan, id-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ li għandhom jintużaw f'kull lingwa ta’ l-Istati Membri għat-tqegħid fis-suq tal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas għandha tiġi speċifikata. Dan ser itejjeb ukoll l-informazzjoni għall-konsumaturi.

(6)

F'ċerti każijiet, il-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas igawdi minn protezzjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel (2). F'dawk il-każijiet, huwa jitqiegħed fis-suq taħt l-indikazzjoni jew id-denominazzjoni protetta u, bħala riżultat, jista' jiġi identifikat b'mod preċiż mill-operaturi u l-konsumaturi. Għaldaqstant, dan ir-Regolament m'għandux jolqot dawk l-indikazzjonijiet u denominazzjonijiet protetti.

(7)

Diversi studji wrew li l-karatteristiċi organolettiċi tal-laħam, bħat-tarizza, it-togħma u l-kulur, jinbidlu ma’ l-età ta’ l-annimali li minnhom dan jinkiseb u skond l-għalf użat.

(8)

Skond konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni fl-2005, għall-maġġoranza tal-konsumaturi l-età ta’ l-annimali u dak li jkunu ġew mitmugħa huma kriterji importanti għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi tal-laħam tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-piż ta’ l-annimali għall-qatla jidher li huwa anqas importanti.

(9)

Is-sistemi ta’ produzzjoni u t-tip ta’ għalf użat għall-annimali ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas huma marbuta ma’ l-età meta l-annimali imorru għall-qatla. Huwa iktar faċli li jsir monitoraġġ fuq l-età tal-qatla milli fuq it-tip ta’ għalf użat. B'konsegwenza ta’ dan, l-użu ta’ deskrizzjonijiet differenti ta’ bejgħ skond l-età ta’ l-annimali għandu jkun biżżejjed sabiex tiġi pprovduta t-trasparenza meħtieġa.

(10)

Skond l-istess konsultazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jikkunsidraw li l-annimali ta’ età ta’ tmien xhur jew anqas jiffurmaw kategorija għalihom. Dak il-limitu ta’ età jintuża wkoll fl-Artikolu 130 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (3) sabiex tiġi determinata l-eliġibbiltà ta’ l-annimali għall-premium għall-qatla. Għaldaqstant, dak il-limitu ta’ età għandu jintuża sabiex il-kategorija ta’ annimali ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas tinqasam f'żewġ sotto-kategoriji.

(11)

Il-konsultazzjoni wriet ukoll li, skond l-Istat Membru, l-aspettattivi tal-konsumatur ta’ l-istess deskrizzjoni ta’ bejgħ jistgħu jkunu differenti. Għalhekk, meta tintgħażel id-deskrizzjoni ta’ bejgħ, tagħmel sens li jittieħed kont safejn possibbli ta’ l-użanzi u t-tradizzjonijiet kulturali sabiex jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażla skond l-aspettattivi tagħhom.

(12)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni għal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas sabiex dawn jiġu identifikati b'ittra li tirrapreżenta l-kategorija li huma jiffurmaw.

(13)

L-operaturi li jixtiequ jissupplimentaw id-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ previsti f'dan ir-Regolament b'informazzjoni volontarja oħra għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan skond il-proċedura prevista fl-Artikoli 16 jew 17 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga (4).

(14)

Sabiex jiġi żgurat l-użu korrett ta’ l-informazzjoni dwar it-tikkettar skond dan ir-Regolament, id-data li tippermetti li tiġi verifikata l-korrettezza ta’ l-informazzjoni dwar it-tikkettar għandha tiġi rreġistrata fl-istadji kollha tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq. Għal dan l-għan, għandha tkun tista' tiġi applikata s-sistema ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1825/2000 tal-25 ta’ Awwissu 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga (5), suġġett għall-adattamenti meħtieġa.

(15)

L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu l-kontrolli relatati mal-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament u għandu jsir provvediment sabiex il-Kummissjoni tiżgura, fejn meħtieġ permezz ta’ kontrolli fuq il-post, li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet.

(16)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, għandu jsir provvediment sabiex jiġi żgurat li l-laħam importat minn pajjiżi terzi jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, meta jitwettqu kontrolli minn parti terza indipendenti, dak il-korp għandu jipprovdi assigurazzjoni sħiħa ta’ kompetenza, imparzjalità u objettività.

(17)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li huma implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(18)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fini u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità tal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas, b'mod partikolari d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ li għandhom jintużaw.

Huwa għandu japplika għal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas maqtula wara l-1 ta’ Lulju 2008, kemm jekk prodott fil-Komunità jew importat minn pajjiżi terzi.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2006 ta’ l-24 ta’ Lulju 2006 dwar l-iskala Komunitarja għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali bovini adulti (7).

3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal-laħam ta’ annimali bovini li għalih ġiet irreġistrata denominazzjoni ta’ l-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika skond ir-Regolament (KE) Nru 510/2006, qabel id-29 ta’ Ġunju 2007.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “laħam” tfisser il-karkassi kollha, il-laħam bl-għadma jew mingħajr u l-ġewwieni, kemm maqtugħ jew le, maħsub għall-konsum mill-bniedem, miksuba mill-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas, ippreżentati friski, iffriżati jew surġelati, kemm jekk imgeżwra jew ippakkjati kif ukoll jekk mhumiex.

Artikolu 3

Klassifikazzjoni ta’ l-annimali bovini fil-biċċerija

Mal-qatla, l-annimali bovini kollha ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas għandhom jiġu kklassifikati mill-operaturi, taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 8(1), f'waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

Deskrizzjonijiet ta’ bejgħ

1.   Id-deskrizzjoni ta’ bejgħ huwa l-isem li taħtu jinbiegħ oġġett ta’ l-ikel, fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (8).

Il-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas għandu jitqiegħed fis-suq fl-Istati Membri taħt id-deskrizzjoni(jiet) ta’ bejgħ elenkati fl-Anness II stabbiliti għal kull Stat Membru.

Id-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ imsemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu ssupplimentati b'indikazzjoni ta’ l-isem jew id-denominazzjoni tal-laħam jew il-ġewwieni kkonċernat.

2.   Id-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ elenkati fl-Anness II, Parti A, u kwalunkwe isem ġdid derivat minn dawk id-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ għandhom jintużaw biss jekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament.

B'mod partikolari, it-termini “veau”, “teleci”, “Kalb”, “μοσχάρι”, “ternera”, “kalv”, “veal”, “vitello”, “vitella”, “kalf”, “vitela” u “teletina” m'għandhomx jintużaw f'deskrizzjonijiet ta’ bejgħ jew jiġu indikati fuq it-tikkettar tal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ aktar minn tnax-il xahar.

Artikolu 5

Informazzjoni obbligatorja fuq it-tikketta

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13/KE u l-Artikoli 13, 14 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, f'kull stadju ta’ produzzjoni u tqegħid fis-suq, l-operaturi għandhom jittikkettaw il-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-età ta’ l-annimali għall-qatla, indikata, skond il-każ, fuq il-formola “età mal-qatla: sa 8 xhur” fil-każ ta’ annimali ta’ età ta’ tmien xhur jew anqas, jew “età mal-qatla: minn 8 xhur sa 12-il xahar” fil-każ ta’ annimali ta’ età ta’ aktar minn tmien xhur iżda mhux aktar minn tnax-il xahar;

(b)

id-deskrizzjoni ta’ bejgħ skond l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

Madankollu, b'deroga mis-subparagrafu (a), l-operaturi jistgħu, f'kull stadju ta’ produzzjoni u tqegħid fis-suq, ħlief ir-rilaxx lill-konsumatur finali, jissostitwixxu l-età mal-qatla bl-ittra ta’ identifikazzjoni tal-kategorija kif definit fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

2.   Fil-każ tal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas ippreżentat għall-bejgħ mhux ippakkjat minn qabel fil-punt ta’ bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar kif l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi indikata.

Artikolu 6

Informazzjoni fakultattiva fuq it-tikketta

L-operaturi jistgħu jissupplimentaw l-informazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 5 b'informazzjoni fakultattiva approvata skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 16 jew fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

Artikolu 7

Reġistrazzjoni

F'kull stadju ta’ produzzjoni u tqegħid fis-suq tal-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas, l-operaturi għandhom, sabiex jiggarantixxu l-akkuratezza ta’ l-informazzjoni ta’ tikkettar imsemmija fl-Artikoli 5 u 6, jirreġistraw b'mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

(a)

indikazzjoni tan-numru ta’ identifikazzjoni u d-data ta’ twelid ta’ l-annimali, fil-livell ta’ biċċerija biss;

(b)

indikazzjoni ta’ numru ta’ referenza li jagħmilha possibbli li tiġi stabbilita rabta bejn, minn naħa, l-identifikazzjoni ta’ l-annimali li minnhom joriġina l-laħam u, min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni ta’ bejgħ, l-età mal-qatla u l-ittra ta’ identifikazzjoni tal-kategorija mogħtija fuq it-tikketta tal-laħam;

(ċ)

indikazzjoni tad-data ta’ wasla u tluq ta’ l-annimali u l-laħam fl-istabbiliment, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment ta’ korrelazzjoni bejn wasliet u tluq.

Artikolu 8

Kontrolli uffiċjali

1.   Qabel l-1 ta’ Lulju 2008 l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex tiġi verifikata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2.   Il-kontrolli uffiċjali għandhom jitwettqu mill-awtorità jew awtoritajiet kompetenti skond il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, is-saħħa ta’ l-annimali u r-regoli dwar il-benesseri ta’ l-annimali (9).

3.   Il-Kummissjoni għandha, flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti, tiżgura li l-Istati Membri qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-esperti tal-Kummissjoni għandhom iwettqu, fejn meħtieġ, flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, u fejn applikabbli, ma’ l-esperti ta’ l-Istati Membri, verifiki fuq il-post sabiex jiżguraw li jiġi implimentat dan ir-Regolament.

Kwalunkwe Stat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettqu kontrolli għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-assistenza kollha meħtieġa li tista' teħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Artikolu 9

Laħam importat minn pajjiżi terzi

1.   Il-laħam ta’ l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas importat minn pajjiżi terzi għandu jitqiegħed fis-suq fil-Komunità skond dan ir-Regolament.

2.   L-operaturi minn pajjiż terz li jixtiequ jqiegħdu fis-suq Komunitarju laħam kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jissuġġettaw l-attivitajiet tagħhom għal kontrolli minn awtorità kompetenti maħtura minn dak il-pajjiż terz jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn korp terz indipendenti. Il-korp indipendenti għandu jipprovdi assigurazzjoni sħiħa ta’ konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-istandard Ewropew EN 45011 jew l-ISO/IEC Guide 65 (“Rekwiżiti ġenerali għall-korpi li jħaddmu sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti”).

L-awtorità kompetenti maħtura jew, fejn applikabbli, il-korp terz indipendenti għandhom jiżguraw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, propozjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009 u għandhom jinformawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun tinċidi fuqhom.

Artikolu 11

Miżuri implimentattivi

1.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2). Tali miżuri għandhom jirrigwardaw partikolarment:

(a)

il-metodu prattiku ta’ l-indikazzjoni ta’ l-ittra ta’ identifikazzjoni tal-kategorija kif definit fl-Anness I, fir-rigward tal-post u d-daqs ta’ l-ittri użati;

(b)

l-importazzjoni ta’ laħam minn pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 9, fir-rigward tal-metodu ta’ verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Parti B fl-Anness II tista' tiġi emendata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 12

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta’ Amministrazzjoni għaċ-Ċanga u l-Vitella stabbilit mill-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999.

2.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikolu 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar.

Artikolu 13

Miżuri transizzjonali

Il-laħam mill-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas u maqtula qabel l-1 ta’ Lulju 2008 jista' jkompli jitqiegħed fis-suq mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 11 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

H. SEEHOFER


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 270, 21.10.2003 p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2007 (ĠU L 131, 23.5.2007, p. 10).

(4)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006.

(5)  ĠU L 216, 26.8.2000, p. 8. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 275/2007 (ĠU L 76, 16.3.2007, p. 12).

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(7)  ĠU L 214, 4.8.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(9)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS I

Kategoriji ta’ annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas

Mal-qatla, l-annimali bovini ta’ età ta’ tnax-il xahar jew anqas għandhom jiġu kklassifikati f'waħda miż-żewġ kategoriji li ġejjin:

(A)

Kategorija V: annimali bovini ta’ età ta’ tmien xhur jew anqas

Ittra ta’ identifikazzjoni tal-kategorija: V;

(B)

Kategorija Z: annimali bovini ta’ età ta’ aktar minn tmien xhur iżda mhux aktar minn tnax-il xahar

Ittra ta’ identifikazzjoni tal-kategorija: Z.

Fl-Istati Membri, din il-klassifikazzjoni għandha titwettaq abbażi ta’ l-informazzjoni li tinsab fil-passaport li jakkumpanja l-annimali bovini jew, fin-nuqqas ta’ dan, abbażi tad-data li tinsab fid-database kompjuterizzata prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.


ANNESS II

Lista ta' deskrizzjonijiet ta' bejgħ imsemmija fl-Artikolu 4

(A)

Għal-laħam ta' l-annimali bovini fil-kategorija V:

Pajjiż ta' tqegħid fis-suq

Deskrizzjonijiet ta' bejgħ li għandhom jintużaw

Belġju

veau, viande de veau / kalfsvlees / Kalbfleisch

Bulgarija

месо от малки телета

Repubblika Ċeka

telecí

Danimarka

lyst kalvekød

Ġermanja

Kalbfleisch

Estonja

vasikaliha

Greċja

μοσχάρι γάλακτος

Spanja

ternera blanca, carne de ternera blanca

Franza

veau, viande de veau

Irlanda

veal

Italja

vitello, carne di vitello

Ċipru

μοσχάρι γάλακτος

Latvja

teļa gaļa

Litwanja

veršiena

Lussemburgu

veau, viande de veau / Kalbfleisch

Ungerija

borjúhús

Malta

vitella

Olanda

kalfsvlees

Awstrija

Kalbfleisch

Polonja

cielęcina

Portugall

vitela

Rumanija

carne de vițel

Slovenja

teletina

Slovakkja

teľacie mäso

Finlandja

vaalea vasikanliha / ljust kalvkött

Svezja

ljust kalvkött

Renju Unit

veal

(B)

Għal-laħam ta' l-annimali bovini fil-kategorija Z:

Pajjiż ta' tqegħid fis-suq

Deskrizzjonijiet ta' bejgħ li għandhom jintużaw

Belġju

jeune bovin, viande de jeune bovin / jongrundvlees / Jungrindfleisch

Bulgarija

телешко месо

Repubblika Ċeka

hovězí maso z mladého skotu

Danimarka

kalvekød

Ġermanja

Jungrindfleisch

Estonja

noorloomaliha

Greċja

νεαρό μοσχάρι

Spanja

ternera, carne de ternera

Franza

jeune bovin, viande de jeune bovin

Irlanda

rosé Veal

Italja

vitellone, carne di vitellone

Ċipru

νεαρό μοσχάρι

Latvja

jaunlopa gaļa

Litwanja

jautiena

Lussemburgu

jeune bovin, viande de jeune bovin / Jungrindfleisch

Ungerija

növendék marha húsa

Malta

vitellun

Olanda

rosé kalfsvlees

Awstrija

Jungrindfleisch

Polonja

młoda wołowina

Portugall

vitelão

Rumanija

carne de tineret bovin

Slovenja

meso težjih telet

Slovakkja

mäso z mladého dobytka

Finlandja

vasikanliha / kalvkött

Svezja

kalvkött

Renju Unit

beef