16.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 156/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 671/2007

tal-11 ta’ Ġunju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1868/94 li jistabbilixxi sistema ta’ kwoti f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ lamtu tal-patata

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94 (2) jiffissa l-kwoti ta’ lamtu tal-patata għall-Istati Membri produtturi għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 u 2006/2007.

(2)

Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1868/94 l-allokazzjoni tal-kwota fil-Komunità hija bbażata fuq rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill. Skond ir-rapport preżentat lill-Kunsill ir-riforma reċenti ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni fis-settur taz-zokkor għandha tittieħed f’konsiderazzjoni fl-analiżi ta’ l-iżviluppi fuq is-suq tal-lamtu. Madankollu r-riforma taz-zokkor tiġi applikabbli bis-sħiħ b’mod gradwali fuq perijodu transitorju. Għalhekk, sakemm ikun hemm indikazzjoni ta’ l-effetti tal-bidu ta’ din ir-riforma fuq is-settur tal-lamtu tal-patata, il-kwoti għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 għandhom jinferxu fuq sentejn oħra.

(3)

L-Istati Membri Produtturi għandhom jallokaw il-kwoti tagħhom għal perijodu ta’ sentejn fost il-manifatturi kollha ta’ lamtu tal-patata abbażi tal-kwoti għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007.

(4)

Il-kwantitajiet użati mill-manifatturi ta’ lamtu tal-patata li jaqbżu s-sub-kwoti disponibbli fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 għandhom jiġu mnaqqsa fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1868/94.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1868/94 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif jixraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1868/94 huwa b’ dan emendat kif ġej:

1.

L-Artikoli 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b’li ġej:

“Artikolu 2

1.   L-Istati Membri produtturi ta’ lamtu tal-patata għandhom jiġu allokati kwoti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 u 2008/2009 skond l-Anness.

2.   Kull Stat Membru produttur imsemmi fl-Anness għandu jalloka l-kwota tiegħu fost il-manifatturi ta’ lamtu tal-patata għall-użu fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 u 2008/2009 abbażi tas-sub-kwoti disponibbli għal kull manifattur fl-2006/2007, soġġett għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu.

Is-sub-kwoti disponibbli għal kull manifattur għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 għandhom jiġu aġġustati biex jittieħed kont ta’ kwalunkwe ammont użat li jaqbeż il-kwota matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 skond l-Artikolu 6(2).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill, qabel l-1 ta’ Jannar 2009, rapport dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ kwoti fil-Komunità, akkumpanjata minn proposti xierqa. Dan ir-rapport għandu jieħu kont ta’ l-iżviluppi fuq is-swieq tal-lamtu tal-patata u l-lamtu taċ-ċereali.”

2.

L-Anness għandu jiġi mibdul bit-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda jgħodd mill-1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 11 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

H. SEEHOFER


(1)  Opinjoni ta’ l-24 ta’ April 2007 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 197, 30.7.1994, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 941/2005 (ĠU L 159, 22.6.2005, p. 1).


ANNESS

“ANNESS

Kwoti ta’ lamtu tal-patata għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 u 2008/2009

(tunnellati)

Repubblika Ċeka

33 660

Danimarka

168 215

Ġermanja

656 298

Estonja

250

Spanja

1 943

Franza

265 354

Latvija

5 778

Litwanja

1 211

Olanda

507 403

Awstrija

47 691

Polonja

144 985

Slovakkja

729

Finlandja

53 178

Svezja

62 066

Total

1 948 761 ”