8.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 146/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 631/2007

tas-7 ta’ Ġunju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2007/391/PESK tas-7 ta’ Ġunju 2007 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK tipprovdi embargo fuq l-esportazzjoni ta’ armi, munizzjonijiet u tagħmir militari għas-Somalja, u tipprojbixxi l-għoti ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza u taħriġ ieħor relatati ma’ l-attivitajiet fis-Somalja. Il-projbizzjoni fuq l-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari ġiet implimentata bir-Regolament (KE) Nru 147/2003 (2).

(2)

Fl-20 ta’ Frar 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1744 (2007) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “UNSCR 1744 (2007)” li inter alia tintroduċi eżenzjonijiet addizzjonali minn dawk il-miżuri restrittivi għal fornimenti ta’ armi u tagħmir militari u taħriġ u assistenza teknika, u finanzjament u assistenza finanzjarja relatata, intiża biss għas-sostenn ta’ jew użu mill-missjoni ta’ l-Unjoni Afrikana għas-Somalja (AMISOM), imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ l-UNSCR 1744 (2007), u għal fornimenti ta’ armi u tagħmir militari u l-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, intiżi biss għall-iskop li jiġi megħjun l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà fis-Somalja, konsistenti mal-proċess politiku maħsub fil-Karta Federali Transitorja tas-Somalja, kif espost fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ l-UNSCR 1744 (2007).

(3)

Il-Pożizzjoni Komuni 2007/391/PESK emendat il-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK sabiex l-eżenzjonijiet mill-miżuri restrittivi jiġu konformi ma’ l-UNSCR 1744 (2007). Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

B’deroga mill-Artikolu 1, l-awtorità kompetenti, kif indikata fil-websites elenkati fl-Anness, fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit min jipprovdi s-servizz, tista’ tawtorizza, taħt tali kondizzjonijiet li hija tqis adatti:

(a)

l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, konsulenza teknika, assistenza jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, jekk hija tkun iddeterminat li tali finanzjament, konsulenza, assistenza jew tagħmir huma intiżi biss għas-sostenn jew użu tal-missjoni AMISOM msemmija fil-paragrafu 4 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1744 (2007);

(b)

l-għoti ta’ konsulenza teknika, assistenza jew tagħmir tekniku relatat ma’ attivitajiet militari, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(i)

l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li tali konsulenza, assistenza jew tagħmir huma intiżi biss għall-iskop li jiġi megħjun l-izvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà, konsistenti mal-proċess politiku espost fil-paragrafi 1, 2 u 3 tar-Riżoluzzjoni 1744 (2007); u

(ii)

l-Istat Membru kkonċernat innotifika lill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 751 (1992) bid-determinazzjoni li tali konsulenza, assistenza jew tagħmir huma intiżi biss għall-iskop li jiġi megħjun l-izvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà, konsistenti mal-proċess politiku espost fil-paragrafi 1, 2 u 3 tar-Riżoluzzjoni 1744 (2007) u bl-intenzjoni ta’ l-awtorità kompetenti tiegħu li tagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat ma oġġezzjonax għal dik l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika.”;

(2)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Il-Kummissjoni għandha temenda l-Anness abbażi ta’ l-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri.”;

(3)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti msemmijin f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fi, jew permezz ta’, websites elenkati fl-Anness.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.”;

(4)

it-test fl-Anness ma’ dan ir-Regolament għandu jiġi miżjud bħala Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 7 ta’ Ġunju 2007.

Ghall-Kunsill

Il-President

M. GLOS


(1)  Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 24, 29.1.2003, p. 2.


ANNESS

“ANNESS

Websites għal informazzjoni dwar awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikoli 2a u 7a u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

BULGARIJA

http://www.mfa.government.bg

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

GREĊJA

http://www.ypex.gov.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/International+Sanctions/

SPANJA

http://www.mae.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones+Internacionales

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

IRLANDA

http://www.dfa.ie/un_eu_restrictive_measures_ireland/competent_authorities

ITALJA

http://www.esteri.it/UE/deroghe.html

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

LITWANJA

http://www.urm.lt

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/nemzetkozi_szankciok.htm

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

OLANDA

http://www.minbuza.nl/sancties

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

RUMANIJA

http://www.mae.ro/index.php?unde=doc&id=32311&idlnk=1&cat=3

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

SVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

RENJU UNIT

http://www.fco.gov.uk/competentauthorities

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

DG External Relations

Directorate A. Crisis Platform and Policy Coordination in CFSP

Unit A2. Crisis Management and Conflict Prevention

CHAR 12/106

B-1049 Bruxelles/Brussel (Belgium)

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel.: (32 2) 295 55 85, 299 11 76

Fax: (32 2) 299 08 73”