6.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 143/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 618/2007

tal-5 ta’ Ġunju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 60 (1) u l-Artikolu 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/246/PESK tat-23 ta’ April 2007 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (2) kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2007/246/PESK tipprovdi inter alia li l-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja, il-finanzjament u l-investiment relatat ma’ l-armi u materiel relatat ta’ kull tip lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran, għandhom ikunu pprojbiti.

(2)

Dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, għalhekk, partikolarment sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa leġislazzjoni Komunitarja sabiex timplimentahom f’dak li jirrigwarda l-Komunità.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (3) impona ċerti miżuri ristrettivi kontra l-Iran, b’mod konformi mal-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK qabel l-emenda tagħha. Huwa xieraq li, sabiex jittieħed kont tal-Pożizzjoni Komuni 2007/246/PESK, il-projbizzjonijiet ġodda jiddaħħlu f’dak ir-Regolament. Għalhekk għandu jkun emendat kif xieraq.

(4)

Biex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 huwa b’ dan emendat kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 2, it-test attwali għandu jiġi nnumerat bħala paragrafu 1 u jiżdied il-paragrafu 2 li ġej:

“2.   L-Anness I m’għandux jinkludi l-prodotti u t-teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea (*).

(*)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 58.”"

(b)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

li tkun ipprovduta, b’mod dirett jew indirett, assistenza teknika relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea, jew relatata mal-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-prodotti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

(b)

li tkun ipprovduta, b’mod dirett jew indirett, assistenza teknika, jew servizzi ta’ senserija relatati mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fl-Anness I, jew relatata mal-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-prodotti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

(ċ)

li jkun ipprovdut investiment lill-impriżi fl-Iran li jaħdmu fil-manifattura tal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea jew fl-Anness I;

(d)

li jkun ipprovdut, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea jew fl-Anness I, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu ta’ esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali prodotti, jew għal kwalunkwe għoti ta’ assistenza teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

(e)

li jkun hemm parteċipazzjoni, bl-għarfien u bl-intenzjoni, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d).

Il-projbizzjonijiet imniżżlin fil-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw għal vetturi mhux ta’ kumbattiment li ġew manifatturati jew mgħammra b’materjali biex jipprovdu protezzjoni ballistika, maħsubin esklussivament għall-użu protettiv tal-persunal ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri tagħha fl-Iran.”

(ċ)

Fl-Artikolu 8, punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’ rahan ġuridiku, amministrattiv jew arbitrali stabbilit qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-grupp imsemmi fl-Artikolu 7 ġie magħżul mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-Kunsill ta’ Sigurtà jew mill-Kunsill jew minn sentenza ġuridika, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data.”

(d)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2, punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew inħolqu qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-grupp imsemmi fl-Artikolu 7 ġie magħżul mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-Kunsill ta’ Sigurtà jew mill-Kunsill.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


(1)  ĠU L 106, 24.4.2007, p. 67.

(2)  ĠU L 61, 28.2.2007, p. 49.

(3)  ĠU L 103, 20.4.2007, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/242/KE (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 51).