2.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 141/46


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 610/2007

tal-1 ta’ Ġunju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 10 tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fl-14 ta’ Settembru 2002.

(2)

Fl-20 ta’ Lulju 2006, il-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC) ippubblika l-Interpretazzjoni 10 IFRIC Interim Financial Reporting and Impairment (Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju Interim u d-Deterjorament) (traduzzjoni mhux uffiċjali), minn issa ’il quddiem imsejħa “IFRIC 10”. L-IFRIC 10 tiċċara li telf minħabba deterjorament fuq valur ta’ twellija u ċerti assi finanzjarji (investimenti f’ishma “disponibbli għall-bejgħ” u investimenti ta’ ekwità kif ukoll strumenti ta’ ekwità mhux kwotati mkejla skond il-prezz) li huwa rikonoxxut f’dikjarazzjoni finanzjarja interim ma jistax jiġi rriversjat f’dikjarazzjonijiet finanzjarji interim jew annwali sussegwenti. L-interpretazzjoni kienet meħtieġa minħabba l-kunflitt li qam bejn ir-rekwiżiti tar-Rappurtaġġ Finanzjarju Interim (IAS) 34 ta’ l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità, u dawk fl-IAS 39 Deterjorament ta’ l-assi u id-dispożizzjonijiet ta’ deterjorament relatati ma’ ċerti assi finanzjarji fl-istrumenti Finanzjarji: Għarfien u kejl.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) tikkonferma li l-IFRIC 10 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1725/2003 għandu jiġi emendat skond dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1725/2003 ġiet imdaħħla l-Interpretazzjoni 10 “Interim Financial Reporting and Impairment (Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju Interim u d-Deterjorament)” tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC) kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 10 kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament mid-data tal-bidu tas-sena finanzjarja 2007 tagħha, għajr dawk il-kumpaniji li d-data tal-bidu tagħhom hija f’Novembru jew f’Diċembru, li għandhom japplikaw l-IFRIC 10 mid-data tal-bidu tas-sena finanzjarja 2006 l-aktar tard.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 261, 13.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1329/2006 (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 3).


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAR-RAPPURTAĠĠ FINANZJARJU

“IFRIC 10

IFRIC Interpretazzjoni 10 Interim Financial Reporting and Impairment (Ir-Rappurtaġġ Finanzjarju Interim u d-Deterjorament)

“Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org”

INTERPRETAZZJONI 10 IFRIC

IFRIC Rapport Finanzjarju Interim u Deterjorament tal-Valur ta' l-Assi

Referenzi

IAS 34 Rapport Finanzjarju Interim

IAS 36 Deterjorament ta’ l-Assi

IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Għarfien u Kejl

Sfond

1.

Tinħtieġ entità biex tevalwa l-avvjament għad-deterjorament f’kull data ta’ rappurtar, biex tevalwa l-investimenti fl-istrumenti ta’ ekwità u l-assi finanzjarji mdaħħla bil-prezz oriġinali (at cost) għad-deterjorament f'kull data tal-karta tal-bilanċ u, jekk jeħtieġ, biex jirrikonoxxu it-telf tad-deterjorament f’dik id-data skond l-IAS 36 u l-IAS 39. Madankollu, f’rappurtar sussegwenti jew data tal-karta tal-bilanċ, il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu nbidlu b’tali mod li t-telf mid-deterjorament ikun tnaqqas jew ġie evitat jekk l-evalwazzjoni tad-deterjoramenti tkun saret biss f’dik id-data. Din l-Interpretazzjoni tipprovdi gwida dwar jekk telf mid-deterjorament bħal dan għandux qatt jitreġġa’ lura.

2.

L-Interpretazzjoni tindirizza l-interazzjoni bejn ir-rekwiżiti ta’ l-IAS 34 u r-rikonoxximent ta’ telf mid-deterjorament fuq l-avvjament fl-IAS 36 u f’ċerti assi finanzjarji fl-IAS 39, u l-effett ta’ dik l-interazzjoni fuq dawk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u interim sussegwenti.

Kwistjoni

3.

L-IAS 34 paragrafu 28 jirrikjedi li entità tapplika l-istess politika tal-kontabilità fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji interim kif inhuma applikati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali. Jiddikjara ukoll li l-“frekwenza tar-rappurtar ta’ entità (annwali, ta’ kull sitt xhur, jew ta’ kull erba’ xhur) m’għandhiex taffettwa l-kejl tar-riżultati annwali. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-miżuri għal għanijiet ta' rappurtar interim għandu jsir fuq bażi ta’ sena mid-data.”

4.

L-IAS 36 paragrafu 124 jiddikjara li “Telf mid-deterjorament rikonoxxut għall-avvjament m’għandux jitreġġa" lura f’perjodu sussegwenti.’

5.

L-IAS 39 paragrafu 69 jiddikjara li “It-telf mid-deterjorament rikonoxxut fil-profitt jew telf għal investiment fi strument ta’ ekwità kklassifikat bħala disponibbli għall-bejgħ ma jistax jitreġġa’ lura permezz ta’ qliegħ jew telf.”

6.

L-IAS 39 paragrafu 66 jirrikjedi li t-telf mid-deterjorment għall-assi finanzjarji mdaħħla bil-prezz oriġinali (telf mid-deterjorament bħal dan fuq strument ta’ ekwità mhux ikkwotat li ma ssirx fuq valur ekwu minħabba li l-valur ekwu ma jistax jitkejjel b’mod affidabbli) m’għandux jitreġġa’ lura.

7.

Din l-Interpretazzjoni tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

Entità għandha treġġa' lura t-telf mid-deterjorament rikonoxxut fil-perjodu interim fuq l-avvjament u l-investimenti fl-istrumenti ta' l-ekwità u f’assi finanzjarji mdaħħla bil-prezz oriġinali jekk ma kienx ġie rikonoxxut telf, jew telf iżgħar li kien jiġi rikonoxxut jekk evalwazzjoni tat-telf tkun saret biss f’data tal-karta tal-bilanċ sussegwenti.

Konsensus

8.

Entità m’għandhiex treġġa’ lura telf mid-deterjorament rrikonoxxut fil-perjodu interim preċedenti fir-rigward ta’ l-avvjament jew ta’ investiment jew fi strument ta’ ekwità jew ass finanzjarju mdaħħal bil-prezz oriġinali.

9.

Entità m’għandhiex testendi dan il-kunsens permezz ta’ analoġija għal oqsma oħra ta’ kunflitt potenzjali bejn l-IAS 34 u standards oħra.

Data effettiva u tranżizzjoni

10.

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Novembru 2006 jew wara din id-data. Hija mħeġġa applikazzjoni minn kmieni. Jekk entità tapplika l-Interpretazzjoni għall-perjodu li jibda qabel l-1 ta’ Novembru 2006, din għandha xxandar dan il-fatt. Entità għandha tapplika l-Interpretazzjoni għall-avvjament prospettivament mid-data meta applikat l-ewwel IAS 36; għandha tapplika l-Interpretazzjoni għall-investiment fl-istrumenti ta’ ekwità jew fl-assi finanzjarji li saru għall-ispiża ta’ l-akkwist prospettivament mid-data li għaliha applikat l-ewwel kriterji ta’ miżura IAS 39.