2.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 141/31 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 608/2007
ta’ l-1 ta’ Ġunju 2007
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 795/2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u partikolarment it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 51(b) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 (2) jintroduċi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni (pagament uniku) sa mill-2005. |
(2) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 795/2004 jistabbilixxi d-data li minnha l-uċuħ tar-raba’ sekondarji jistgħu jkunu temporanjament awtorizzati fir-reġjuni fejn is-soltu ċ-ċereali jinħasdu kmieni minħabba raġunijiet klimatiċi, skond l-Artikolu 51(b) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Fuq talba ta’ Franza, jeħtieġ li din id-data tinbidel għal reġjun wieħed u żewġ dipartimenti ta’ dan l-Istat Membru. |
(3) |
Jeħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 795/2004 jiġi emendat f’dan is-sens. |
(4) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-pagamenti diretti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 795/2004 għandu jkun sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Ġunju 2007.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2013/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 13).
(2) ĠU L 141, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 411/2007 (ĠU L 101, 18.4.2007, p. 3).
ANNESS
“ANNESS I
Stat Membru |
Data |
Il-Belġju |
il-15 ta’ Lulju |
Id-Danimarka |
il-15 ta’ Lulju |
Il-Ġermanja |
il-15 ta’ Lulju |
Il-Greċja tan-Nofsinhar (il-Peloponneżu, il-Gżejjer Joniċi, il-Greċja tal-Punent, Attika, l-Eġew tan-Nofsinhar u Kreta) |
l-20 ta’ Ġunju |
Il-Greċja ċentrali u tat-Tramuntana (Maċedonja tal-Lvant u Traċja, Maċedonja ċentrali, Maċedonja tal-Punent, Epiru, Tessalja, il-Greċja kontinentali (Sterea) u l-Eġew tat-Tramuntana) |
l-10 ta’ Lulju |
Spanja |
l-1 ta’ Lulju |
Franza: Aquitaine, Midi-Pyrénées u Languedoc-Roussillon |
l-1 ta’ Lulju |
Franza: Alsazja, Alvernja, Borgonja, Bretanja, Ċentru, Champagne-Ardenne, Korsika, Franche-Comté, Île-de-France, Limousin, Lorena, Nord-Pas-de-Calais, Normandija ta’ Isfel, Normandija ta’ Fuq, Pays-de-la-Loire (għajr id-dipartimenti ta’ Loire-Atlantique u Vendée), Pikardija, Poitou-Charentes, Provenza-Alpi-Côte-d’Azur u Rhône-Alpes |
il-15 ta’ Lulju |
Franza: id-dipartimenti ta’ Loire-Atlantique u Vendée |
il-15 ta’ Ottubru |
L-Italja |
il-11 ta’ Ġunju |
L-Awstrija |
it-30 ta’ Ġunju |
Il-Portugall |
l-1 ta’ Marzu” |