23.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 551/2007

tat-22 ta’ Mejju 2007

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 952/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward l-immaniġġjar tas-suq Komunitarju fiz-zokkor u s-sistema tal-kwoti

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta’ l-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (1), u partikolarment l-Artikolu 40(1)(a), (b) u (d) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (2) (KE) Nru 952/2006 jiddefinixxi l-produzzjoni ta’ l-impriżi għall-iskopijiet ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, b'mod partikolari fejn impriża tgħaddi l-produzzjoni tagħha lil oħra. Din hija meqjusa bħala produzzjoni ta’ l-impriża prinċipali skond ċerti kundizzjonijiet, inkluż meta l-produzzjoni totali taz-zokkor tal-proċessur u l-impriża prinċipali hija iktar mis-somma tal-kwoti tagħhom. Jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi adattata fid-dawl ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 493/2006 tas-27 ta’ Marzu 2006 li jistipula miżuri ta’ tranżizzjoni fi ħdan il-qafas tar-riforma ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor u li jimmodifika r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002 (3), li jipprevedi rtirar preventiv, applikabbli għas-sehem tal-produzzjoni taħt kwota li jeċċedi l-limitu massimu stabbilit skond il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu. L-għan ta’ dik il-miżura huwa li jinħoloq inċentiv għall-impriżi taz-zokkor biex inaqqsu b'mod volontarju l-produzzjoni tagħhom matul is-sena tal-kummerċ 2006/2007. Huwa meħtieġ ukoll li d-definizzjoni tal-produzzjoni fl-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006 tiġi emendata sabiex ma tiskoraġġix lill-produtturi milli jnaqqsu l-produzzjoni. Għalhekk id-definizzjoni ta’ produzzjoni għas-sena tal-kummerċ 2006/2007 għandha tikkonċerna s-somma tal-limiti massimi ta’ l-irtirar preventiv minflok is-somma tal-kwoti.

(2)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006 jistipula li l-obbligu ta’ l-impriżi biex jistabbilixxu prezzijiet għal kull xahar jikkonċerna zokkor li hu parti mill-kwota u zokkor li mhux parti mill-kwota rispettivament. Madankollu, din id-distinzjoni mhix rilevanti għar-raffinaturi peress li l-attivitajiet tagħhom, li jikkonsistu fl-irfinar ta’ zokkor impurtat, ma jiddependux fuq l-allokazzjoni ta’ kwoti. Jeħtieġ li l-fatt li din id-distinzjoni bejn zokkor li hu parti mill-kwota u zokkor mingħajr kwota ma tapplikax għalihom, ikun indikat b'mod speċifiku sabiex tiġi evitata l-konfużjoni.

(3)

Għaz-zokkor għall-użu industrijali, is-sistema ta’ rapportaġġ ta’ prezzijiet stabbilita skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandha tiffoka fuq tranżazzjonijiet ta’ volum minimu, peress li hemm ftit interess biex jiġi stabbilit indikatur tal-prezzijiet fir-rigward tat-tranżazzjonijiet fejn il-kwantitajiet huma insinifikanti. Għalhekk huwa xieraq li jiġi ffissat limitu minimu għall-applikazzjoni tar-rekwiżit li jitlob li tiġi stabbilita medja fix-xahar tal-prezzijiet tax-xiri u li din tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

(4)

Jeħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni dwar it-trażmissjoni ta’ dejta dwar il-prezzijiet lill-Kummissjoni stipulati fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, tiġi estiża sa l-ewwel kwart ta’ l-2008 sabiex tkun possibbli t-tħejjija ta’ rapport dwar l-operat tas-sistema segwit mill-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata.

(5)

L-ammonti ta’ darba li għandhom jitħallsu għall-kwoti addizzjonali taz-zokkor u għall-kwoti supplementari ta’ isoglukożju skond l-Artikoli 8(3) u 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 huma parti mir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet skond l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (4). Għandha tiġi ffissata d-data ta’ notifika għal dawn l-ammonti lid-debitur sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha għandu jiġi stabbilit l-intitolament tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (5).

(6)

Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, għandu jiġi impost ħlas fuq il-produzzjoni kull sena tal-kummerċ mis-sena tal-kummerċ 2007/2008 fuq il-kwota allokata għas-sena tal-kummerċ ikkonċernata. Il-ħlas fuq il-produzzjoni huwa parti mir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet skond l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom. Għandha tiġi ffissata d-data ta’ notifika għal dawn l-ammonti lid-debitur sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha għandu jiġi stabbilit l-intitolament tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

(7)

Jeħtieġ li jitranġa l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, li bi żball jirreferi għall-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament meta minflok għandu jirreferi għall-Artikolu 3(1).

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 952/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għaz-Zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 952/2006 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Il-produzzjoni totali ta’ zokkor tal-proċessur u ta’ l-impriża prinċipali hija iktar mis-somma tal-kwoti tagħhom jew, għas-sena tal-kummerċ 2006/2007, is-somma tal-limiti ffissati għalihom skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006 (*1).

(*1)   ĠU L 89, 28.3.2006, p. 11.” "

(2)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Id-distinzjoni bejn zokkor li hu parti mill-kwota u zokkor li mhux parti mill-kwota ma tapplikax għar-raffinaturi.”

(b)

jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għall-proċessuri li x-xiri taz-zokkor tagħhom ma jaqbiżx 2 000 tunnellata kull sena kalendarja.”

(3)

Fl-Artikolu 15, l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Mhux iktar tard mill-20 ta’ Ottubru 2006, l-20 ta’ Jannar 2007, l-20 ta’ April 2007, l-20 ta’ Lulju 2007, l-20 ta’ Ottubru 2007, l-20 ta’ Jannar 2008 u l-20 ta’ April 2008, l-impriżi approvati skond l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament u l-proċessuri approvati skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-prezzijiet stabbiliti skond l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament matul it-tliet xhur preċedenti.”

(4)

It-titolu tal-Kapitolu V jinbidel b'dan li ġej:

“KAPITOLU V

KWOTI U ĦLAS FUQ IL-PRODUZZJONI”

(5)

Fl-Artikolu 18, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-iskadenza għall-ħlas ta’ l-ammont ta’ darba msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mid-deċiżjoni tagħhom dwar dik l-iskadenza.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil kull impriża taz-zokkor ikkonċernata bl-ammont li jrid jitħallas, ta’ l-inqas xahar qabel l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu u mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2008.”

(6)

Fl-Artikolu 19, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-deċiżjoni tagħhom dwar dik l-iskadenza.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kull impriża ta’ l-isoglukożju kkonċernata dwar l-ammonti li għandhom jitħallsu ta’ l-inqas xahar qabel l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 u mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena tal-kummerċ minn meta l-kwota tiġi allokata.”

(7)

Jiddaħħal l-Artikolu 20a li ġej:

“Artikolu 20a

Ħlas fuq il-produzzjoni

Mis-sena tal-kummerċ 2007/2008, l-Istati Membri għandhom, mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, jinnotifikaw lil kull produttur approvat taz-zokkor u ta’ l-isoglukożju l-ħlas fuq il-produzzjoni li għandu jitħallas għas-sena tal-kummerċ attwali.”

(8)

Fl-Artikolu 21(1), il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“Kull manifattur u raffinatur approvat għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih saret il-produzzjoni jew ir-raffinament, qabel l-għoxrin jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet totali, espressi bħala zokkor abjad, taz-zokkor u x-xiroppi indikati fl-Artikolu 3(1)(a), (b), (c) u (d).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 247/2007 (ĠU L 69, 9.3.2007, p. 3).

(2)   ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.

(3)   ĠU L 89, 28.3.2006, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 119/2007 (ĠU L 37, 9.2.2007, p. 3).

(4)   ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(5)   ĠU L 130, 31.5.2000, p.1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2028/2004 (ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1).