11.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 122/7


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2007

tas-7 ta’ Mejju 2007

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-ħażniet tal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Konsulenza xjentifika reċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indikat li l-ħażna tal-lingwata fid-Diviżjonijiet VIIe ta’ l-ICES ġiet soġġetta għal livelli ta’ mortalità mis-sajd li naqqsu l-kwantitajiet ta’ ħut matur fil-baħar sal-punt li jista’ jiġri li l-ħażniet ma jkunux kapaċi jerġgħu jirkupraw permezz tar-riproduzzjoni u li l-ħażniet huma għalhekk mhedda milli jiġu eżawriti.

(2)

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi stabbilit pjan pluriennali għall-ġestjoni tas-sajd tal-ħażna tal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent.

(3)

L-objettiv tal-pjan huwa li jiġi żgurat sfruttament tal-ħażna tal-lingwata tal-Fliegu tal-Punent li jipprovdi kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (2) jirrikjedi inter alia li sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Komunità għandha tapplika l-approċċ prekawzjonali meta jettieħdu l- miżuri li jipproteġu u jikkonservaw il-ħażna, li jipprovdu għall-isfruttament sostenibbli tagħha u li jimminimizzaw l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Il-Komunità għandha timmira lejn implementazzjoni progressiva ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u hija għandha tikkontribwixxi għal attivitajiet tas-sajd effiċjenti fi ħdan l-industrija tas-sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiva, filwaqt li tipprovdi standard ġust u tqis l-interessi tal-konsumaturi.

(5)

Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv il-ħażna tal-lingwata tal-Fliegu tal-Punent trid tinġieb f’limiti bioloġikament siguri billi jitnaqqsu r-rati ta’ mortalità mis-sajd u trid tiġi ġestita b’tali mod li tinżamm il-kapaċità riproduttiva sħiħa tal-ħażna u jittieħed ħsieb ta’ produzzjoni għolja fit-tul.

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd irrikkmanda li mortalità mis-sajd ta’ 0.27 hija konsistenti ma’ produzzjoni għolja fit-tul u mal-kisba ta’ riskju baxx għall-qerda tal-potenzjal produttiv tal-ħażna.

(7)

Tali kontroll tar-rati ta’ mortalità mis-sajd jista’ jinkiseb permezz ta’ l-istabbiliment ta’ metodu adegwat għall-iffissar tal-livell tal-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs), u b’sistema li biha l-isforzi tas-sajd għal dawn il-ħażniet jiġu ristretti għal livelli li mhux probabbli li jeċċedu t-TACs.

(8)

Jeħtieġ li jiġu inklużi miżuri ta’ kontroll flimkien ma’ dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll applikabbli għall-politika tas-sajd komuni (3), sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(9)

Matul l-ewwel stadju fis-snin 2007, 2008 u 2009, il-pjan pluriennali għandu jitqies bħala pjan ta’ rkupru u sussegwentement pjan ta’ ġestjoni fis-sens ta’ l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U OBJETTIVI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-ħażna tal-lingwata li tgħix fil-Fliegu tal-Punent (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “lingwata tal-Fliegu tal-Punent”).

2.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament “Fliegu tal-Punent” tfisser iż-żona tal-baħar ddelinjata mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) bħala d-Diviżjoni VIIe.

Artikolu 2

Objettiv

1.   Il-pjan pluriennali għandu jiżgura l-isfruttament sostenibbli tal-ħażna tal-lingwata tal-Fliegu tal-Punent.

2.   Dan l-objettiv għandu jintlaħaq billi tinkiseb u tinżamm il-mortalità mis-sajd bir-rata ta’ 0.27 fi gruppi ta’ età xierqa.

KAPITOLU II

QABDIET TOTALI PERMISSIBBLI

Artikolu 3

Proċedura biex jiġu stabbiliti l-Qabdiet Totali Permissibbli

1.   Għas-snin 2007, 2008 u 2009 l-Kunsill għandu kull sena jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni dwar il-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) għal-lingwata tal-Fliegu tal-Punent fil-livell ta’ qabdiet li, skond il-valutazzjoni xjentifika li saret mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), huwa l-ogħla minn:

(a)

dik it-TAC li meta applikata tirriżulta fi tnaqqis ta’ 20 % fir-rata ta’ mortalità mis-sajd fl-2007 meta mqabbla mar-rata medja ta’ mortalità mis-sajd fis-snin 2003, 2004 u 2005 kif stmata l-aktar reċentement mill-STECF;

(b)

dik it-TAC li meta applikata tirriżulta fir-rata ta’ mortalità mis-sajd speċifikata fl-Artikolu 2(2).

2.   Għas-snin 2010, 2011 u 2012 il-Kunsill għandu kull sena jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni dwar it-TACs għal-lingwata tal-Fliegu tal-Punent fil-livell ta’ qabdiet li, skond valutazzjoni xjentifika li ssir mill-STECF, huwa l-ogħla minn:

(a)

dik it-TAC li meta applikata tirriżulta fi tnaqqis ta’ 15 % fir-rata ta’ mortalità mis-sajd fl-2010 meta mqabbla mar-rata medja ta’ mortalità mis-sajd fis-snin 2007, 2008 u 2009 kif stmata l-aktar reċentement mill-STECF;

(b)

dik it-TAC li meta applikata tirriżulta fir-rata ta’ mortalità mis-sajd speċifikata fl-Artikolu 2(2).

3.   Għall-2013 u għas-snin ta’ wara, il-Kunsill għandu kull sena jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni dwar it-TACs għal-lingwata tal-Fliegu tal-Punent fil-livell ta’ qabdiet li, skond valutazzjoni xjentifika li ssir mill-STECF, jirriżulta fir-rata ta’ mortalità mis-sajd speċifikata fl-Artikolu 2(2).

4.   Minkejja l-paragrafu 3, jekk l-STECF jirrikmanda li r-rata ta’ mortalità mis-sajd speċifikata fl-Artikolu 2(2) ma ntlaħqitx sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-paragrafu 2 għandu japplika, mutatis mutandis, għall-2013, l-2014 u l-2015 u l-paragrafu 3 għandu japplika mutatis mutandis mill-2016.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fil-varjazzjoni fit-TACs

Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw mill-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament:

(a)

fejn l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tirriżulta f’TAC li teċċedi t-TAC tas-sena ta’ qabel b’iżjed minn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li ma jkunx aktar minn 15 % akbar mit-TAC ta’ dik is-sena;

(b)

fejn l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tirriżulta f’TAC li hija inqas mit-TAC tas-sena ta’ qabel b’aktar minn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li mhix aktar minn 15 % inqas mit-TAC ta’ dik is-sena.

KAPITOLU III

LIMITAZZJONI TA’ L-ISFORZ TAS-SAJD

Artikolu 5

Limitazzjoni ta’ l-isforz

1.   It-TACs imsemmija fil-Kapitolu II għandhom jiġu kkompletati b’sistema ta’ limitazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd ibbażata fuq iż-żona ġeografika u gruppi ta’ l-irkaptu tas-sajd, u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd assoċjati speċifikati fl-Anness IIċ għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 41/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi għall-2007 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (4).

2.   Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, dwar in-numru massimu ta’ ġranet fuq il-baħar disponibbli għal bastimenti preżenti fil-Fliegu tal-Punent u li jużaw xbieki tat-tkarkir bit-travu b’malji li huma 80 mm jew aktar u għal bastimenti fil-Fliegu tal-Punent li jużaw xbieki statiċi b’malji li huma 220 mm jew anqas.

3.   In-numru massimu tal-ġranet fuq il-baħar imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi aġġustat bl-istess proporzjon bħall-aġġustament fil-mortalità mis-sajd previst fl-Artikolu 3.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, il-livell ta’ sforz tas-sajd li għandu jiġi stabbilit kull sena fl-2008 u fl-2009 għandu jinżamm fil-livell stabbilit għall-2007.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ, SPEZZJONI U SORVELJANZA

Artikolu 6

Marġini ta’ tolleranza

B’deroga mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-qabdiet ta’ ħut ta’ l-Istati Membri (5), il-marġini ta’ tolleranza permessa fil-kalkoli ta’ kwantitajiet, f’kilogrammi ta’ piż ħaj ta’ lingwata tal-Fliegu tal-Punent miżmuma abbord bastimenti għandu jkun ta’ 8 % tal-figura fil-ġurnal ta’ abbord. Jekk ma jiġux stabbiliti fatturi ta’ konverżjoni fil-leġislazzjoni Komunitarja, għandu jiġi applikat il-fattur ta’ konverżjoni adottat mill-Istat Membru li jkollu l-bandiera tiegħu tittajjar fuq il-bastiment.

Artikolu 7

Notifika minn qabel

Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju li kien preżenti fil-Fliegu tal-Punent jew ir-rappreżentant tiegħu li jixtieq jittrasborda kwalunkwe kwantità ta’ lingwata li nżammet abbord jew jiżbarka kwalunkwe kwantità ta’ lingwata f’port jew f’post ta’ żbark ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera, mill-inqas 24 siegħa qabel it-trasbord jew l-iżbark, bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-port jew tal-lok ta’ l-iżbark;

(b)

il-ħin previst tal-wasla f’dak il-port jew lok ta’ żbark,

(ċ)

il-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ piż naturali ta’ l-ispeċi kollha li tagħhom jinżammu abbord iktar minn 50 kg.

Artikolu 8

Stivar separat tal-lingwata komuni

1.   Għandu jkun projbit li tinżamm abbord bastiment tas-sajd Komunitarju fi kwalunkwe kontenitur individwali kwalunkwe kwantità ta’ lingwata komuni mħallta ma’ kwalunkwe speċi oħra ta’ organiżmi tal-baħar.

2.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jipprovdu lill-ispetturi ta’ l-Istati Membri bl-assistenza li tkun tippermetti l-verifika tal-kwantitajiet dikjarati fil-ġurnal ta’ abbord u li jiġu ċċekkjati l-qabdiet ta’ lingwata komuni miżmuma abbord.

Artikolu 9

Trasport tal-lingwata komuni

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jesiġu li kwalunkwe kwantità ta’ lingwata komuni li taqbeż it-300 kg maqbuda fil-Fliegu tal-Punent u li titniżżel l-art l-ewwel f’dak l-Istat Membru tintiżen fil-preżenza tal-kontrolluri qabel ma tiġi trasportata x’imkien ieħor mill-port ta’ l-ewwel żbark.

2.   B’deroga mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kwantitajiet ta’ lingwata komuni ikbar minn 300 kg li jiġu trasportati lejn post ieħor li mhux il-post ta’ żbark jew ta’ importazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn kopja ta’ waħda mid-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 dwar il-kwantitajiet ta’ lingwata trasportati. M'għandhiex tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(4)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

Artikolu 10

Programm speċifiku ta’ monitoraġġ

B’deroga mill-Artikolu 34ċ(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programm speċifiku ta’ monitoraġġ għall-ħażniet tal-lingwata kkonċernati jista’ jdum għal aktar minn sentejn.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Evalwazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni

Il-Kummissjoni għandha tfittex parir xjentifiku mill-STECF dwar ir-rata ta’ progress lejn il-miri tal-pjan ta’ ġestjoni fit-tielet sena ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kull tielet sena wara l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha, jekk xieraq, tipproponi miżuri rilevanti, u l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar miżuri alternattivi sabiex jinkiseb l-objettiv speċifikat fl-Artikolu 2. B’mod partikolari, il-Kunsill jista’ jemenda r-rata ta’ mortalità mis-sajd speċifikata fl-Artikolu 2(2) b’maġġoranza kwalifikata abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Ċirkustanzi speċjali

Fil-każ li l-STECF jirrikkmanda li d-daqs tal-ħażna ta’ riproduzzjoni tal-lingwata tal-Fliegu tal-Punent ikun qiegħed ibati minn kapaċità mnaqqsa ta’ riproduttività, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni dwar TAC li jkun aktar baxx minn dak previst fl-Artikoli 3 u 4, u dwar miżuri ta’ kontroll ta’ l-isforz barra minn dawk previsti fl-Artikolu 5.

Artikolu 13

Fond Ewropew għas-Sajd

Skond l-Artikolu 3(1), il-pjan pluriennali għandu jitqies bħala pjan ta’ rkupru fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 fis-snin 2007, 2008 u 2009, u għall-finijiet ta’ l-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (6). Sussegwentement, il-pjan pluriennali għandu jitqies, bħala pjan ta’ ġestjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-finijiet ta’ l-Artikolu 21 (a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

H. SEEHOFER


(1)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 495.

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(4)  ĠU L 15, 20.1.2007, p. 1. Regolament hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2007 (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 22).

(5)  ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10).

(6)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.