30.4.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


REGOLAMENT (KE) Nru 458/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' April 2007

dwar is-sistema Ewropea ta' l-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESSPROS)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 2 tat-Trattat jirreferi għall-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ ħarsien soċjali bħala wieħed mill-kompiti tal-Komunità.

(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona ta’ Marzu 2000 ta spinta lil proċess ta’ skambju bejn l-Istati Membri tal-politika dwar il-modernizzar tas-sistemi tal-ħarsien soċjali.

(3)

Ġie stabbilit Kumitat ta’ Ħarsien Soċjali bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/689/KE (3) sabiex iservi bħala strument għal skambju kooperattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-immodernizzar u t-titjib tas-sistemi tal-ħarsien soċjali.

(4)

Permezz tal-komunikazzjoni tas-27 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni tiddeskrivi strateġija għar-razzjonalizzazzjoni tal-proċessi ta’ koordinazzjoni miftuħa fil-qasam tal-politika soċjali bil-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-ħarsien u ta’ l-inklużjoni soċjali fl-ambitu ta' l-istrateġija ta’ Liżbona. Fl-20 ta’Ottubru 2003, il-Kunsill ftiehem li r-razzjonalizzazzjoni għandha sseħħ mill-2006 'l quddiem. F’dan il-kuntest, ir-Rapport Konġunt annwali sar l-istrument ewlieni ta' rappurtaġġ, bil-missjoni li jiġbor flimkien ir-riżultati analitiċi prinċipali u l-messaġġi politiċi relatati kemm mal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (OMC) fl-oqsma differenti fejn dan jiġi applikat kif ukoll ma’ kwistjonijiet trasversali fil-ħarsien soċjali.

(5)

L-OMC poġġa enfasi ġdida fuq il-bżonn ta’ statistika fil-qasam tal-ħarsien soċjali li tkun puntwali, affidabbli u paragunabbli. B’mod partikolari, statistika paragunabbli fuq il-ħarsien soċjali tiġi użata fir-Rapporti Konġunti annwali.

(6)

Il-Kummissjoni (Eurostat) diġà qiegħda tiġbor data dwar il-ħarsien soċjali mingħand l-Istati Membri fuq bażi annwali u volontarja. Din il-prattika saret waħda stabbilita fl-Istati Membri u hija bbażata fuq prinċipji ta' metodoloġija komuni mfasslin biex jiżguraw il-paragunabbilità tad-data.

(7)

Il-produzzjoni ta' statistika speċifika tal-Komunità hija kkontrollata bir-regoli speċifikati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (4).

(8)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond d-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

(9)

B'mod partikolari, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel sena li għaliha għandha tinġabar id-data sħiħa dwar il-benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali. Għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni wkoll setgħat sabiex tadotta miżuri relatati mal-klassifikazzjoni dettaljata tad-data koperta, id-definizzjonijiet li għandhom jintużaw u ma' l-aġġornar tar-regoli dwar id-disseminazzjoni. Billi dawk il-miżuri għandhom applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament u biex jissuplimentawh biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali, humagħandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(10)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta' standards komuni għall-istatistika li jippermettu l-produzzjoni ta' data armonizzata, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għalhekk jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunita', il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(11)

Hemm kooperazzjoni eżistenti ma' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiċi fil-qasam ta' benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali.

(12)

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika stabbiliti bid-deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (6),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi s-sistema Ewropea ta’ statistika integrata tal-ħarsien soċjali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ESSPROS”) billi jipprovdi:

(a)

qafas ta’ metodoloġija ibbażat fuq standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabilità li għandu jintuża għall-ġbir ta’ l-istatistika fuq bażi paragunabbli għall-benefiċċju tal-Komunità;

u

(b)

skadenzi għat-trażmissjoni ta’ statistika miġbura f’konformità ma’ ESSPROS.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw

(a)

“L-istatistika tal-Komunità” għandu jkollha t-tifsira assenjata lilha fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(b)

“Ħarsien soċjali”: l-interventi kollha minn korpi pubbliċi jew privati, intenzjonati biex iħaffu l-piż ta’ sett definit ta’ riskji jew bżonnijiet minn fuq l-unitajiet domestiċi u fuq l-individwi, sakemm ma hemmx involuti la arranġament simultanju reċiproku u lanqas individwali. Il-lista ta’ riskji jew bżonnijiet li jistgħu jwasslu għal ħarsien soċjali hija, skond l-intendiment ġenerali, kif ġej: il-mard u/jew kura tas-saħħa; id-diżabilità; l-anzjanità, tas-superstiti, il-familja/tfal; il-qagħad, l-akkomodazzjoni, u l-esklużjoni soċjali li mhix klassifikata x’imkien ieħor;

(c)

“Skema ta’ ħarsien soċjali”: ġabra distinta ta’ regoli, megħjuna minn unità istituzzjonali jew aktar, li tikkontrolla l-provvista ta' benefiċċji tal-ħarsien soċjali u l-finanzjament tagħhom;

(d)

“Benefiċċji ta' ħarsien soċjali”: trasferimenti, f’forma ta’ flus kontanti jew in natura, minn skemi ta’ ħarsien soċjali lil familji u individwi biex itaffulhom il-piż ta' wieħed jew aktar mir-riskji jew bżonnijiet definiti;

(e)

“Benefiċċji fiskali”: ħarsien soċjali pprovdut fil-forma ta’ serħan mit-taxxa li kieku ġew ipprovduti f’forma ta’ flus kontanti, kienu jiġu definiti bħala benefiċċji tal-ħarsien soċjali. Serħan mit-taxxa li jinkoraġġixxi l-provvista ta’ ħarsien soċjali jew pjanijiet ta’ assigurazzjoni privata huma esklużi;

(f)

“benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali”: il-valur tal-benefiċċji tal-ħarsien soċjali, esklużi t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsin minn min jirċievi l-benefiċċji, miżjudin bil-valur ta’ benefiċċji fiskali.

Artikolu 3

Il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema

1.   L-istatistika relatata mas-sistema prinċipali ESSPROS għandha tkopri l-flussi finanzjarji fir-rigward ta’ l-infiq u d-dħul tal-ħarsien soċjali.

Din id-data għandha tiġi trażmessa fuq livell ta’ skemi ta’ ħarsien soċjali. Għal kull skema għandhom jiġu provduti l-infiq u d-dħul dettaljati skond il-klassifikazzjoni ta’ ESSPROS.

Għal data kwantitattiva skond l-iskema u skond benefiċċji dettaljati, id-data li għandha tiġi trażmessa, b’referenza għall-klassifikazzjoni aggregata, u l-arranġamenti għall-forniment u għad-disseminazzjoni ta’ data huma stabbiliti fil-punt 1 ta' l-Anness I. Għal informazzjoni kwalitattiva skond skemi u benefiċċji dettaljati, is-suġġetti koperti u l-arranġamenti għall-forniment tad-data, l-aġġornar ta' informazzjoni kwalitattiva u d-disseminazzjoni huma stabbiliti fil-punt 2 ta' l-Anness I.

L-ewwel sena li għaliha tinġabar d-data għandha tkun l-2008.

2.   Flimkien mas-sistema prinċipali ESSPROS, għandhom jiġu miżjudin moduli li jkopru data supplimentari ta’ informazzjoni statistika dwar benefiċjarji tal-pensjoni u benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali.

Artikolu 4

Modulu dwar il-benefiċjarji tal-pensjoni

1.   Modulu dwar il-benefiċjarji tal-pensjoni għandu jiġi miżjud mas-sistema prinċipali mill-ewwel sena ta’ ġbir ta’ data taħt dan ir-Regolament. Is-suġġetti li għandhom jiġu koperti u l-arranġamenti għall-forniment u t-tixrid tad-data huma stabbiliti fl-Anness II.

2.   L-ewwel sena li għaliha tinġabar id-data għandha tkun l-2008.

Artikolu 5

Modulu dwar benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali.

1.   Bil-għan li jiġi introdott modulu dwar il-benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali, il-ġbir bi prova ta' data għas-sena 2005 għandu jitwettaq fl-Istati Membri kollha sa l-aħħar ta' l-2008. Is-suġġetti li għandhom jiġu koperti u l-arranġamenti għall-forniment tad-data huma stabbiliti fl-Anness III.

2.   Fuq il-bażi ta' sintesi ta’ din il-ġabra ta’ data nazzjonali bi prova, u sakemm ir-riżultat tal-maġġoranza kbira ħafna ta' dawn l-istudji bi prova jkun pożittiv, il-miżuri relatati mat-tnedija tal-ġbir sħiħ ta' data rigward dan il-modulu, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 8(3). It-tnedija ta' tali ġabra ta' data sħiħa għandu jsir mhux qabel l-2010.

Artikolu 6

Sorsi ta’ data

L-istatistika tal-ħarsien soċjali għandha tkun ibbażata fuq is-sorsi ta’ data li ġejjin, skond id-disponibilità tagħhom fl-Istati Membri u skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali:

(a)

reġistri u sorsi amministrattivi oħrajn;

(b)

stħarriġ;

(ċ)

estimi.

Artikolu 7

Arranġamenti għall-implimentazzjoni

1.   L-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom iqisu r-riżultati ta' analiżi tal-benefiċċji a paragun ta' l-ispejjeż u għandhom jikkonċernaw is-sistema prinċipali ta' ESSPROS, kif stabbilit fl-Anness I, il-modulu dwar il-benefiċarji ta' pensjoni kif stabbilit fl-Anness II u l-modulu dwar il-Benefiċċji Netti tal-Ħarsien Soċjali kif imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Il-miżuri relatati mal-format għat-trażmissjoni tad-data, mar-riżultati li għandhom jiġu trażmessi u mal-kriterji għall-kejl tal-kwalità għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 8(2).

3.   Il-miżuri dwar id-deċiżjoni fir-rigward ta' l-ewwel sena li għaliha għandha tinġabar id-data sħiħa, il-miżuri relatati mal-klassifikazzjoni dettaljata tad-data koperta, mad-definizzjonijiet li se jintużaw u ma' l-aġġornar tar-regoli dwar it-tixrid, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 8(3). Dawn il-miżuri huma mfassla biex jiġu emendati l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh.

Artikolu 8

Proċedura

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika stabbilit bid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tiegħu.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 25 ta’ April 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

G. GLOSER


(1)   ĠU C 309, 16.12.2006, p. 78.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2006 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2007.

(3)   ĠU L 314, 13.10.2004, p. 8.

(4)   ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(5)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)   ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.


ANNESS I

IS-SISTEMA PRINĊIPALI TA’ ESSPROS

1.   Data kwantitattiva skond l-iskema u l-benefiċċji dettaljati

Data trażmessa

B’referenza għall-klassifikazzjoni aggregata, d-data trażmessa ser tkopri:

L-infiq

1.1.1.1.   Il-benefiċċji ta’ ħarsien soċjali kklassifikati skond:

(a)

il-funzjoni (li tikkorrispondi għal kull riskju jew bżonn),

u

(b)

suddiviżjoni doppja għal kull funzjoni bejn: fejn sar l-istħarriġ tal-mezzi finanzjarji u fejn dan ma sarx, u bejn benefiċċji fi flus kontanti (suddivizjoni f’benefiċċji perjodiċi u beneficci fil-forma ta' somma finali) u benefiċċji in natura.

1.1.1.2.   Spejjeż amministrattivi

1.1.1.3.   Trasferimenti għal skemi oħrajn

1.1.1.4.   Spejjeż oħrajn

Dħul

1.1.2.1.   Kontribuzzjonijiet soċjali

1.1.2.2.   Kontribuzzjonijiet ġenerali tal-gvern

1.1.2.3.   Trasferimenti minn skemi oħrajn

1.1.2.4.   Dħul ieħor

Id-data koperta (b’referenza għall-klassifikazzjoni dettaljata) għandha tkun ipprovduta skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju mniżżla fl-Artikolu 8(3).

1.2.   Provvista ta’ data

L-istatistika għandha tiġi provduta kull sena. Id-data tirreferi għas-sena kalendarja skond il-prattiċi nazzjonali. L-iskadenza għat-trażmissjoni tad-data għas-sena N, flimkien ma kwalunkwe reviżjoni tas-snin ta’ qabel, hija it-30 ta' Ġunju tas-sena N + 2.

1.3.   Disseminazzjoni

Il-Kummissjoni (Eurostat) ser tippubblika data dwar l-infiq għall-ħarsien soċjali fuq il-livell ta’ l-iskemi totali għas-sena N sal-31 ta’ Ottubru tas-sena N + 2. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha ixxerred data dettaljata skond l-iskemi lil utenti speċifiċi (istituzzjonijiet nazzjonali li jiġbru d-data ta’ ESSPROS, id-dipartimenti tal-Kummissjoni u istituzzjonijiet internazzjonali). Dawn l-utenti speċifiċi ikunu jistgħu jippubblikaw biss gruppi ta' skemi.

2.   Informazzjoni kwalitattiva skond l-iskema u benefiċċji dettaljati

2.1.   Is-suġġetti koperti

Għal kull skema, l-informazzjoni kwalitattiva għandha tinkludi deskrizzjoni ġenerali ta’ l-iskema, deskrizzjoni dettaljata tal-benefiċċji u informazzjoni dwar bdil u riformi riċenti.

2.2.   Provvista ta’ data u aġġornar ta’ data kwalitattiva

L-aġġornar annwali ta’ sett komplut ta’ informazzjoni kwalitattiva diġà pprovduta għandu jkun limitat għal bdil fis-sistema ta' ħarsien soċjali u għandu jiġi trażmess flimkien ma' l-data kwantitattiva.

2.3.   Disseminazzjoni

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha ixxerred l-informazzjoni kwalitattiva fuq livell ta’ skemi sal-31 ta' Ottubru tas-sena N + 2.


ANNESS II

MODULU DWAR IL-BENEFIĊJARJI TAL-PENSJONI

1.   Kategoriji ta' benefiċċji koperti

Dan il-modulu jkopri data dwar il-benefiċjarji tal-pensjoni, li huma definiti bħala dawk li jirċievu wieħed jew aktar mill-benefiċċji perjodiċi ta’ skema ta’ ħarsien soċjali li ġejjin, fi flus kontanti:

(a)

Pensjoni tad-diżabilità;

(b)

Benefiċċju ta’ l-irtirar bikri minħabba kapaċità imnaqqsa għax-xogħol;

(ċ)

Pensjoni tax-xjuħija;

(d)

Pensjoni tax-xjuħija antiċipata;

(e)

Pensjoni parzjali;

(f)

Pensjoni tas-superstiti;

(g)

Benefiċċju ta’ l-irtirar bikri minħabba raġunijiet li jikkonċernaw is-suq tax-xogħol.

2.   Provvista ta’ data

L-istatistika tkun ipprovduta kull sena. Id-data tkun stock data li tirreferi għall-aħħar tas-sena kalendarja. L-iskadenza għat-trażmissjoni ta’ data għas-sena N hija l-31 ta’ Mejju tas-sena N + 2. Id-data għandha tkun maqsuma kif ġej:

(a)

skond l-iskema ta’ ħarsien soċjali,

(b)

skond is-sess għat-total ta' l-iskemi.

3.   Disseminazzjoni

Il-Kummissjoni (Eurostat) ser tippubblika data għall-iskemi kollha sal-31 ta' Ottubru tas-sena N + 2. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni (Eurostat) sejra xxerred data dettaljata skond l-iskema lil utenti speċifiċi (istituzzjonijiet nazzjonali li jiġbru d-data ta’ ESSPROS, id-dipartimenti tal-Kummissjoni u istituzzjonijiet internazzjonali). Dawn l-utenti speċifiċi għandhom jiġu permessi jippubblikaw biss gruppi ta' skemi.

Il-Kummissjoni (Eurostat) ser tippubblika u xxerred ma' l-utenti speċifiċi (istituzzjonijiet nazzjonali li jiġbru d-data ta’ ESSPROS, dipartimenti tal-Kummissjoni u istituzzjonijiet internazzjonali) it-total ta' kull wieħed mis-seba' kategoriji għas-sena N sal-31 ta' Ottubru tas-sena N + 2.


ANNESS III

ĠBIR BI PROVA TA’ DATA DWAR IL-BENEFIĊĊJI NETTI TAL-ĦARSIEN SOĊJALI

1.   Is-suġġetti koperti

Dan il-ġbir ikopri l-kalkolu tal-“benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali”.

2.   Provvista ta’ data

Il-porzjon xieraq tat-taxxa fuq id-dħul personali u tal-kontribuzzjonijiet soċjali intaxxati fuq il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali għas-sena 2005 għandhom jiġu indikati skond it-tipi differenti ta' benefiċċji tal-ħarsien soċjali f’forma ta’ flus kontanti, preferibilment b' suddiviżjoni supplementari magħmula skond gruppi partikolari ta’ skemi intaxxati b'mod omoġeneju. F’każi diffiċli, ir-riżultati jistgħu jiġu rrappurtati fi gruppi ta’ benefiċċji addattati, eż. it-total tas-seba’ kategoriji ta’ pensjoni msemmija fl-Anness II jew it-total ta’ benefiċċji fi flus kontanti ta’ funzjoni partikolari. Il-benefiċċji fiskali ser jiġu pprovduti separatament għal kull entrata permezz tal-metodu ta' d-dħul mitluf.