30.4.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 457/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ April 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 417/2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ ħtiġiet ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 (3) jipprevedi d-dħul gradwali aċċelerat tar-rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti stabbiliti mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti, 1973 u l-Protokoll tagħha ta’ l-1978, kif emendat (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il- MARPOL 73/78”) għat-tankers taż-żejt b’buq wieħed, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis aċċidentali minn żejt fl-ibħra Ewropej.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 daħħal dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-ġarr ta’ prodotti taż-żejt tqil f’tankers b’buq wieħed lejn u minn portijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

(3)

Wara azzjoni ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), din il-projbizzjoni ġiet aċċettata fuq livell dinji permezz ta’ emenda ta’ l-Anness I tal- MARPOL 73/78.

(4)

Il-paragrafi 5, 6 u 7 tar-Regolament 13H ta’ l-Anness I tal-MARPOL 73/78 dwar il-projbizzjoni tal-ġarr tal-prodotti taż-żejt tqil f’tankers b’buq wieħed jipprovdu għall-possibilta ta’ eżenzjonijiet mill-applikazzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament 13H. Id-dikjarazzjoni magħmula mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew f’isem l-Unjoni Ewropea, irreġistrata fir-rapport uffiċjali tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marittimu ta’ l-IMO (MEPC 50), tesprimi impenn politiku illi dawn l-eżenzjonijiet m’humiex se jintużaw.

(5)

Fir-Regolament (KE) Nru 417/2002, bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru jista’ jibbenefika minn eżenzjonijiet mir-regola 13H jekk jopera barra mill-portijiet jew minn terminals ‘il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru u jibqa’ konformi mar-Regolament (KE) Nru 417/2002.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 417/2002 għandu jinbidel b’li ġej:

“3.   L-ebda tanker li jġorr prodotti taż-żejt tqil ma għandu jkun permess li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b’żewġt ibwieq.

L-ebda tanker li jġorr prodotti taż-żejt tqil, irrispettivament mill-bandiera li jkun qed itajjar, ma għandu jkun permess li jidħol jew joħroġ mill-portijiet jew mit-terminals ‘il bogħod mix-xtut jew li jankra f’zoni taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b’żewġt ibwieq.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 25 ta’ April 2007

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

G. GLOSER


(1)   ĠU C 318, 23.12.2006, p. 229.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2007.

(3)   ĠU L 64, 7.3.2002, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2172/2004 (ĠU L 371, 18.12.2004, p. 26).