8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

437


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 452/2007

tat-23 ta’ April 2007

li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri provviżorji

(1)

Fit-30 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni imponiet permezz tar-Regolament (KE) Nru 1620/2006 (2) (ir-Regolament provviżorju'), dazju anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (il-pajjiżi kkonċernati). Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2006.

(2)

Ta' min jiftakar illi l-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2005 sat-31 ta' Diċembru 2005 (“perjodu ta' investigazzjoni” jew “IP”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-analiżi tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sa tmiem l-IP (il-perjodu meqjus).

2.   Il-proċedura sussegwenti

(3)

Wara l-impożizzjoni ta' dazju anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta' twavel għall-mogħdija mill-pajjiżi kkonċernati, il-partijiet kollha ngħataw il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li r-Regolament provviżorju kien ibbażat fuqhom (“l-iżvelar provviżorju”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu fejn setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet orali jew bil-miktub li għandhom x'aqsmu ma' dan l-iżvelar.

(4)

Xi partijiet interessati ressqu kummenti bil-miktub. Dawk il-partijiet li talbu smigħ orali, ngħataw ukoll dik l-opportunità. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet definittivi tagħha.

(5)

Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta' dazju definittiv anti-dumping u l-ġbir definittiv ta' ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju (l-iżvelar finali). Il-partijiet interessati ngħataw ukoll perjodu fejn setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Il-kummenti orali u bil-miktub mressqa mill-partijiet tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati skond dan.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT LI JIXXIEBAH

1.   Il-prodott ikkonċernat

(6)

Ta' min jiftakar li, kif stabbilit fil-premessa (12) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat minn dan il-proċediment huma t-twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u parti essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tpoġġi l-ħadida li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna ('il-prodott ikkonċernat').

(7)

Parti waħda sostniet li t-twavel għall-mogħdija b'wiċċ minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja għandu jiġi eskluż mill-ambitu tal-miżuri, peress li dawn il-mudelli se jinbiegħu għal prezz minimu bl-imnut ta' 200 EUR, filwaqt li l-prezz medju bl-imnut ta' tavla għall-mogħdija huwa 35 EUR. Hija sostniet ukoll li l-mudelli msemmija qabel spiss jinbiegħu lill-konsumatur bħala pakkett li jinkludi ħadida tal-mogħdija bil-fwar, li f'dak il-każ il-prezz medju bl-imnut ikun ta' madwar 500 EUR. Fejn jidħol l-element tal-prezz, ta' min jinnota li l-prezzijiet fihom nfushom, u b'mod partikolari l-prezzijiet bl-imnut, mhumiex fattur li jrid jitqies meta teżamina jekk żewġ tipi ta' prodott (mudelli) jew iktar għandhomx jitqiesu bħala prodott wieħed għall-fini ta' proċediment anti-dumping. Huma l-karatteristiċi u l-użi bażiċi fiżiċi li jitqiesu għal dan il-fini u, għal dan il-għan, dawn it-tipi jitqiesu simili għal dawk li ma għandhomx wiċċ minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana. Fir-rigward tal-bejgħ bl-imnut ta' twavel għall-mogħdija bil-ħadida tal-mogħdija jew bil-ħadida tal-mogħdija bil-fwar, l-investigazzjoni stabbiliet li metodu bħal dan għall-bejgħ bl-imnut qiegħed xi kultant jintuża għat-tipi differenti kollha ta' twavel għall-mogħdija u, fi kwalunkwe każ, il-prezzijiet differenti tal-kumbinazzjonijiet differenti ma jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta' l-ebda tip ta' tavla għall-mogħdija mill-ambitu tal-prodott ta' dan il-proċediment.

(8)

L-istess parti argumentat ukoll li l-partijiet essenzjali tat-twavel għall-mogħdija ma għandhomx jiġu inklużi fl-amibitu tal-miżuri, peress li allegatament ma hemm l-ebda suq għal dawn il-partijiet fil-Komunità u mid-dehra ma hemm l-ebda manifattur ta' dawn il-partijiet fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-PRC) u l-Ukrajna. Dan l-argument, li mhux deċiżiv fih innifsu għad-definizzjoni ta' prodott, fi kwalunkwe każ ma kienx ikkonfermat mill-investigazzjoni. Fil-fatt kien stabbilit li ċertu suq għall-partijiet essenzjali tat-twavel għall-mogħdija jeżisti u li ta' l-inqas żewġ produtturi Ċiniżi tat-twavel għall-mogħdija esportaw partijiet essenzjali minnhom lejn il-Komunità.

(9)

Fid-dawl ta' li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni hi li t-tipi kollha ta' twavel għall-mogħdija u l-partijiet essenzjali tagħha msemmija fil-premessa 0 hawn fuq jaqsmu l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi, għandhom l-istess użi finali bażiċi u jikkompetu ma' xulxin fis-suq Komunitarju. Għal dawn ir-raġunijiet, il-premessi (12) u (13) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   Prodott li jixxiebah

(10)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, il-premessa (14) tar-Regolament provviżorju hi b’dan ikkonfermata.

(11)

Fid-dawl ta' li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni definittiva hi li, b'konformità ma' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, il-prodott ikkonċernat u t-twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u l-partijiet essenzjali tagħhom prodotti u mibjugħa fil-pajjiż analogu t-Turkija, kif ukoll dawk prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju, huma simili.

C.   DUMPING

1.   Trattament ta' l-ekonomija tas-suq (“MET”)

(12)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, produttur esportatur Ċiniż li kkoopera sostna li kellu jingħata MET. Il-kumpanija tenniet li l-prattiki ta' kontabilità stabbiliti fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju, li wassal għaċ-ċaħda ta' MET għal ħames produtturi esportaturi Ċiniżi (tlieta ġew rifjutati biss għal din ir-raġuni), ma kinux biżżejjed materjali biex jaffettwaw l-affidabilità tal-kontijiet, li kienu fil-fatt kompluti u ma jolqtux id-determinazzjoni tal-marġini tad-dumping.

(13)

F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-prattiki ta' kontabilità msemmija qabel u li użat il-kumpanija, waqt iż-żjara ta' verifika fuq il-post instab li kienu jiksru b'mod ċar l-Istandards ta' Kontabilità Internazzjonali (“IAS”), notevolment l-IAS Nru 1, u ma setgħux jitqiesu bħala irrilevanti. Ma ntbagħtet l-ebda evidenza li setgħet tbiddel is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju.

(14)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kumment sostanzjat u rilevanti ieħor, il-premessi (15) u (28) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Trattament individwali

(15)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti, il-premessi (29) sa (34) tar-Regolament provviżorju li jirrigwardaw it-trattament individwali huma b'dan ikkonfermati.

3.   Valur normali

3.1.   Pajjiż analogu

(16)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti dwar l-għażla tat-Turkija bħala pajjiż analogu, il-premessi (35) sa (40) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.2.   Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ngħataw MET

(17)

Ta' min jiftakar li d-determinazzjoni tal-valur normali għall-uniku produttur esportatur Ukrajn u għal ieħor Ċiniż li ngħataw MET kienet ibbażata fuq id-data li bagħtu dawn il-kumpaniji dwar il-bejgħ domestiku u l-ispiża tal-produzzjoni. Din id-data ġiet ivverifikata fl-istabbilimenti tal-kumpaniji kkonċernati.

(18)

Ta' min jiftakar ukoll li l-produttur esportatur Ċiniż u dak Ukrajn li ngħataw MET ma kellhomx biżżejjed bejgħ domestiku rappreżentattiv u li l-valur normali kien stabbilit skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, jiġifieri il-valur normali nbena biż-żieda ta' ammont raġonevoli għall-ispejjeż ġenerali, amministrattivi u ta' bejgħ (“SG&A”) u marġini raġonevoli ta' profiitt ma' l-ispejjeż ta' manifattura.

3.2.1.   Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(19)

B'referenza għall-premessa (44) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni eżaminat iktar l-ispiża tal-produzzjoni, u b'mod partikolari l-prezzijiet tax-xiri ta' ċerta materja prima magħmula mill-azzar, irrapportat mill-produttur Ċiniż li għall-ewwel ingħata MET. F'dan ir-rigward, l-allegazzjonijiet u l-evidenza addizzjonali li waslet minn ċerti partijiet wara l-iżvelar provviżorju tqiesu u ġew ivverifikati wkoll. L-ebda diverġenza tal-prezzijiet tax-xiri ta' l-azzar irrappurtati mill-kumpanija kkonċernata mill-prezzijiet dinjin korrispondenti ma ġew ikkonfermati. L-ispiża tal-produzzjoni mibgħuta mill-kumpanija hija għalhekk definittivament aċċettata.

(20)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti oħra rigward il-valur normali għall-produttur esportatur Ċiniż li ngħata MET, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (43) sa (46) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.2.2.   L-Ukrajna

(21)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, l-awtoritajiet Ukrajni talbu lill-Kummissjoni biex terġa' tikkalkula l-valur normali għall-uniku esportatur Ukrajn fuq il-bażi tal-bejgħ fis-suq Ukrajn. Ta' min jiftakar li, għall-uniku produttur esportatur Ukrajn, il-bejgħ domestiku ġenerali tal-prodott ikkonċernat matul l-IP ma sarux fi kwantitajiet rappreżentattivi skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, il-valur normali kellu jinbena kif imsemmi fil-premessa (18) hawn fuq u kif spjegat fil-premessa (47) tar-Regolament provviżorju.

(22)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti oħra rigward il-valur normali għall-uniku produttur esportatur Ukrajn, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (47) sa (49) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.3.   Determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż analogu

(23)

Importatur wieħed sostna li t-tagħrif li wasal minn produttur wieħed biss fit-Turkija, il-pajjiż analogu, mhux biżżejjed għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali u li minħabba dawn ir-raġunijiet insuffiċjenti l-ebda dazju anti-dumping ma għandu jiġi impost. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li r-Regolament bażiku, u b'mod partikolari l-Artikolu 2(7) tiegħu, ma jipprekludix l-impożizzjoni tal-miżuri f'każ ta' ftit jew l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi fil-pajjiżi analogi. Ta' min madankollu jżid li, sabiex jiġi żgurat li s-sejba tkun preċiża kemm jista' jkun, il-Kummissjoni minkejja kollox qabblet it-tagħrif li wasal mingħand l-uniku produttur li kkoopera fil-pajiż analogu mat-tagħrif li wasal mingħand produttur Tork ieħor u mingħand produttur Amerikan, li ma kkooperax għal kollox fl-investigazzjoni imma qabel li jipprovdi ċertu tagħrif dwar il-prezzijiet, l-ispejjeż u l-volum tal-bejgħ, u mill-industrija Komunitarja. Dan it-tqabbil ikkonferma li d-data mill-produttur Tork li kkoopera tikkostitwixxi bażi raġonevoli xierqa għad-determinazzjoni ta' valur normali. Dan l-argument huwa għalhekk miċħud. Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (50) sa (52) tar-Regolament provviżorju huma ikkonfermati.

4.   Prezz ta' esportazzjoni

4.1.   Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(24)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, produttur esportatur mill-PRC imsemmi fil-premessa (57) tar-Regolament provviżorju insista li l-bejgħ mill-esportazzjoni tiegħu permezz ta' kumpaniji kummerċjali mhux relatati ma għandhomx ikunu esklużi mid-determinazzjoni tal-prezz ta' esportazzjoni. Madankollu, il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza verifikabbli addizzjonali li ssostni l-pretensjonijiet tagħha; b'mod partikolari, il-kumpanija naqset li tissustanza d-destinazzjonijiet finali tal-bejgħ tagħha permezz ta' partijiet mhux relatati. Il-pretensjoni hija għalhekk miċħuda.

(25)

Produttur esportatur ieħor mill-PRC sostna li l-bejgħ tiegħu lill-KE permezz tal-kumpanija kummerċjali relatata bbażata f'Ħong Kong ma kellhiex tiġi injorata. Il-kumpanija tenniet il-pretensjoni inizjali tagħha biex ma jiġix eskluż dan il-bejgħ partikolari mill-kalkolu tal-prezzijiet ta' esportazzjoni, imma ma kienet kapaċi tipprovdi l-ebda tagħrif jew spjegazzjoni verifikabbli. Ma setgħetx turi li l-prezzijiet ta' esportazzjoni rrappurtati lill-konsumaturi indipendenti fil-Komunità kienu effettivament tħallsu. Hekk ukoll, ix-xirjiet tal-kummerċjant minn Ħong Kong ma kinux rikonċiljabbli mal-kontijiet ivverifikati. Il-pretensjoni hija għalhekk miċħuda.

(26)

L-istess parti sostniet li l-Kummissjoni kellha tuża r-rati ta' skambju tagħha meta kkalkulat il-prezzijiet ta' esportazzjoni. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-kumpanija rrappurtat it-tranżazzjonijiet kollha tagħha għal kull xahar billi użat ir-rata ta' skambju ta' l-ewwel jum ta' xogħol tax-xahar. Il-pretensjoni hija miċħuda peress li r-rata ta' skambju medja fix-xahar użata mill-Kummissjoni fil-kalkoli tagħha tirrappreżenta b'iktar preċiżjoni l-qagħda reali minħabba li tinnewtralizza l-effett ta' l-użu ta' rata fissa ta' jum wieħed biss biex jinqalbu t-tranżazzjonijiet li seħħew fi żmien xahar sħiħ.

(27)

L-industrija Komunitarja sostniet li l-prezzijiet ta' esportazzjoni rraportati mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, u b'mod partikolari l-kumpanija msemmija fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju, huma ħżiena. Madankollu, l-evidenza mibgħuta f'dan ir-rigward jew kienet irrelevanti jew ma kinitx verifikabbli jew ma weriet l-ebda diskrepanza. L-allegazzjonijiet huma għalhekk meqjusa li huma bla sisien.

(28)

Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (53) sa (58) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

4.2.   L-Ukrajna

(29)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, l-awtoritajiet Ukrajni u l-uniku produttur esportatur Ukrajn sostnew meta jiġi ddeterminat il-prezz ta' esportazzjoni, ma għandu jsir l-ebda tnaqqis għall-SG&A u l-profitt tal-kumpanija relatata, peress li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku mhux applikabbli f'dan il-każ. L-argument kien li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku japplika għall-importaturi relatati li jinsabu fil-Komunità peress li kliemu jagħmel distinzjoni ċara bejn “importazzjoni u bejgħ mill-ġdid”. L-uniku produttur esportatur Ukrajn stqarr li l-kumpanija relatata tiegħu taġixxi bħala dipartiment ta' esportazzjoni, u ż-żewġ partijiet interessati sostnew li l-prezz ta' esportazzjoni għandu jkun stabbilit fuq il-bażi ta' l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, huma sostnew li jekk il-kumpanija relatata ma tkunx tista' titqies bħala dipartiment ta' esportazzjoni tal-produttur esportatur ikollha titqies bħala aġent tal-bejgħ.

(30)

Bi tweġiba għal dan, ta' min jinnota li, għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità, l-uniku produttur esportatur Ukrajn ikkonsenja l-prodott ikkonċernat direttament lill-Komunità, bagħat il-fattura lill-kumpanija relatata tiegħu fl-Iżvizzera għal kull konsenja u rċieva ħlas rilevanti. Għalhekk, il-produttur esportatur wettaq il-funzjonijiet kollha ta' esportatur. Il-kumpanija relatata fl-Iżvizzera nnegozjat kuntratti ta' bejgħ u bagħtet il-fattura lill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità. Il-kumpanija relatata wettqet ukoll il-funzjonijiet kollha ta' importazzjoni ta' l-oġġetti li daħlet fiċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità, jiġifieri, ingħatat ir-rilaxx mid-dwana ta' l-oġġetti fil-Komunità u ġarrbu kwalunkwe spejjeż għat-trasport ta' l-oġġetti għal għand ix-xerrej indipendenti fil-Komunità kif ukoll għal kwalunkwe ħażna fil-Komunità fejn applikabbli. F'dan ir-rigward, din il-kumpanija relatata, għalkemm stabbilita formalment barra mill-Komunità, għandha numru tal-VAT ta' l-UE u topera, inter alia, permezz ta' l-uffiċċji tal-bejgħ tagħha u bosta faċilitajiet ta' ħżin fil-Komunita. Għalhekk għandha titqies bħala li twettaq il-funzjonijiet ta' importatur relatat kif stabbilit fil-premessa (59) tar-Regolament provviżorju u mhux dawk ta' esportatur jew aġent tal-bejgħ. Għaldaqstant, il-pretensjoni għandha tiġi miċħuda u s-sejbiet provviżorji kkonfermati.

(31)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-premessa (59) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

5.   Tqabbil

(32)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, produttur esportatur Ċiniż sostna li ċerti differenzi importanti fil-prezz (eż. it-toqol proprju tat-tavla għall-mogħdija) ġew injorati fit-tqabbil tal-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni ta' tipi ta' prodotti differenti. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li t-tipi differenti ta' prodotti nġabru fi gruppi sabiex jirriflettu l-karatteristiċi fiżiċi ewlenin u x'jaffettwa l-ispiża/il-prezz minn naħa u biex jippermettu tqabbil rappreżentattiv suffiċenti tat-tipi esportati u t-tipi mibjugħa mill-produttur Tork li kkoopera fis-suq domestiku tiegħu min-naħa l-oħra. Il-karatteristiċi ewlenin li ġejjin tqiesu għal finijiet ta' tqabbil: it-tip, id-daqs, il-kostruzzjoni u l-materjal tal-wiċċ, il-materjal tas-saqajn, u l-preżenza u t-tip ta' fejn tqiegħed il-ħadida, il-preżenza ta' aċċessorji bħal tavla għall-kmiem, fejn tqiegħed il-bjankerija, sokit. It-toqol u kriterji oħra msemmija mill-produttur esportatur ikkonċernat huma indirettament riflessi f'ċerti kriterji meqjusa għat-tqabbil (pereżempju, it-toqol huwa rifless fid-daqs tal-wiċċ tat-tavla għall-mogħdija u l-materjal ta' kostruzzjoni tagħha). Għaldaqstant, il-pretensjoni ma setgħetx tiġi aċċettata.

(33)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, bosta partijiet talbu iktar tagħrif rigward l-aġġustamenti għall-valur normali użat għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx MET. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li d-dokumenti ta' żvelar speċifiċi kkomunikati lil kull parti li kkooperat taw lista definittiva tad-diversi aġġustamenti aċċettati u li bħal f'kull każ saru aġġustamenti fejn kien ippruvat li nħtieġu. B'mod partikolari, il-valur normali bbażat fuq il-pajjiż analogu kien aġġustat 'l isfel sabiex jelimina l-effetti ta' (a) id-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi deskritti fil-premessa (62) tar-Regolament provviżorju, (b) id-differenzi fil-livell tal-kummerċ deskritti wkoll fil-premessa (62) tar-Regolament provviżorju u (c) id-differenzi fl-ispiża tal-kreditu mogħti għall-bejgħ domestiku meqjus. Ma ġew stabbiliti l-ebda differenzi oħra u, b'hekk, ma saru l-ebda aġġustamenti oħra.

(34)

L-uniku produttur esportatur Ukrajn sostna li l-Kummissjoni, meta ddeterminaw għall-finijiet ta' tqabbil l-aġġustamenti għall-prezz ta' l-esportazzjoni, għamel ċerti deduzzjonijiet mhux ġustifikati fir-rigward ta' ċerti elementi li jikkonċernaw l-ispejeż ta' trasport u ta' kreditu. Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u rrevediet l-aġġustamenti rilevanti skond dan.

(35)

Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (60) sa (62) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

6.   Marġini ta' dumping

6.1.   Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(36)

Fid-dawl ta' li ntqal hawn fuq, il-marġini tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwali tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:

Foshan City Gaoming Lihe Daily Necessities Co. Ltd., Foshan

34.9 %

Guangzhou Power Team Houseware Co. Ltd., Guangzhou

36.5 %

Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd., Guangzhou

0 %

Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan

18.1 %

Zhejiang Harmonic Hardware Products Co. Ltd., Guzhou

26.5 %

il-kumpaniji l-oħra kollha

38.1 %.

6.2.   L-Ukrajna

(37)

Il-marġini ta’ dumping definittiv rivedut, espress bћala persentaġġ tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:

Eurogold Industries Ltd, Zhitomir:

9.9 %

il-kumpaniji l-oħra kollha:

9.9 %.

D.   ĦSARA

1.   Produzzjoni Komunitarja

(38)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (72) u (73) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja

(39)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (74) sa (76) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   Konsum Komunitarju

(40)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (77) u (78) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(41)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, waħda mill-partijiet imsemmija fil-premessa (83) tar-Regolament provviżorju tenniet il-pretensjoni tagħha li tanalizza l-influwenza ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-Ukrajna separatament mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-PRC, għax allegatament hemm differenzi fundamentali fejn jidħlu l-livell tal-prezz u l-iżvilupp tal-volum importat. Madankollu, ma ntbagħtet l-ebda ġustifikazzjoni biex tappoġġa l-pretensjoni. Fir-rigward tal-prezzijiet, ta' min jiftakar li d-differenza assoluta fil-livell tal-prezzijiet bejn iż-żewġ pajjiżi mhumiex deċiżivi fil-kuntest tal-valutazzjoni kumulattiva peress li tista' tirrifletti għadd ta' fatturi, inkluż taħlita differenti tal-prodott ta' l-importazzjonijiet minn kull pajjjiż; it-tendenzi tal-prezzijiet segwew tendenza simili (ara l-premessa (84) tar-Regolament provviżorju). Fir-rigward tal-volumi, il-volum ta' l-importazzjonijiet minn kull pajjiż kien sinjifikanti fl-IP u kellu tendenza li tikber matul il-perjodu meqjus. Il-fatt li l-produttur Ukrajn beda l-operazzjoni ta' produzzjoni tiegħu fl-2003 biss mhux rilevanti biex tiġi stabbilita kwalunkwe ħsara fl-IP. Għaldaqstant, il-pretensjoni għandha terġa' tiġi miċħuda, u l-valutazzjoni kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping stabbilit fil-premessi (79) sa (86) tar-Regolament provviżorju kkonfermat.

(42)

Importatur sostna li l-prezzijiet ta' importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw mill-PRC, kif stabbilit mill-Kummissjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis fil-prezz (ara l-premessa (92) tar-Regolament provviżorju), ma jirriflettux ċerti spejjeż addizzjonali u inevitabbli mġarrba fl-importazzjoni mill-PRC, bħall-ispejjeż tat-tagħbija u l-ispejjeż għall-ħażna, il-ħatt u t-trasport minn maħżen ta' tranżizzjoni għall-maħżen ta' l-importatur. Fil-każ ta' l-ispejjeż tat-tagħbija, l-investigazzjoni kkonfermat li dawn l-ispejjeż huma fil-fatt imġarrba fil-Komunità, peress li t-twavel għall-mogħdija normalment jintbagħtu sfużi fil-kontejners mill-PRC. Il-pretensjoni għalhekk tqieset ġusta u l-prezzijiet ta' importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw mill-PRC ġew emendati skond dan. Fil-każ ta' l-ispejjeż addizzjonali l-oħra kollha msemmija hawn fuq, il-pretensjoni ma setgħetx tiġi aċċettata peress li dawn l-ispejjeż huma pjuttost speċifiċi għall-importatur ikkonċernat u ma jkunux neċesserjament imġarrba mill-importaturi l-oħra. Barra minn hekk, dawn l-ispejjeż jistgħu jinġarrbu mill-produtturi Komunitarji wkoll. Il-marġini provviżorji ta' tnaqqis fil-prezz għall-importazzjonijiet iddampjati mill-PRC ġew emendati skond dan kif ġej:

Pajjiż

Tnaqqis fil-prezz

PRC

29.2 %-44,2 %

(43)

Ma waslu l-ebda kummenti rigward is-6,6 % ta' tnaqqis fil-prezz misjub fl-Ukrajna, li huwa b'dan ikkonfermat. Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti oħra rigward l-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati, il-premessi (87) sa (92) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

5.   Il-qagћda ta’ l-industrija Komunitarja

(44)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, dawk li lmentaw sostnew li l-marġini tal-profitti tagħhom matul l-IP ma għandhomx jirriflettu t-tnaqqis straordinarju u temporanju fir-rimunerazzjoni tat-tmexxija ta' ċerti produtturi Komunitarji fl-IP (ara l-premessa (100) tar-Regolament provviżorju). Sabiex il-qagħda ekonomika ta' l-industrija Komunitarja tiġi riflessa konsistentement matul il-perjodu meqjus u peress li l-evidenza vverifikata f'dan ir-rigward kienet disponibbli, il-pretensjoni ġiet aċċettata. Iċ-ċifri u l-konlużjonijiet provviżorji dwar il-profittabilità ta' l-industrija Komunitarja ġew emendati skond kif ġej:

 

2002

2003

2004

IP

Marġini ta' profitt qabel it-taxxa

6,8  %

6,4  %

0,7  %

2,1  %

Indiċi: 2002=100

100

94

10

31

Sors : tweġibiet vverifikati tal-kwestjonarju

(45)

B'hekk, matul il-perjodu meqjus il-profitabilità ta' l-industrija Komunitarja marret għall-agħar. Il-marġini ta' profitt fl-IP kien b'69 % inqas mill-2002

(46)

Għaldaqstant, ir-redditu fuq l-investiment u l-likwidità ta' l-industrija Komunitarja ġew emendati sabiex jirreflettu t-tiswijiet msemmija hawn fuq għar-rimunerazzjonijiet u l-profitt fl-IP. Iċ-ċifri riveduti fit-tabella hawn taħt jippreżentaw żvilupp ta' dawn iż-żewġ indikaturi ta' ħsara fl-IP li hu agħar minn dak stabbilit fil-premessi (102) u (103) tar-Regolament provviżorju:

 

2002

2003

2004

IP

Redditu fuq l-investiment

61,98  %

68,19  %

4,77  %

13,72  %

Indiċi: 2002=100

100

110

8

22

Likwidità (EUR)

3 463 326

4 184 515

1 246 671

2 565 562

Indiċi: 2002=100

100

121

36

74

Sors : tweġibiet vverifikati tal-kwestjonarju

(47)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti oħra rigward il-qagħda ta' l-industrija Komunitarja, il-premessi (94) sa (107) tar-Regolament provviżorju, immodifikati kif stabbilit fil-premessi (44) sa (46) hawn fuq, huma b’dan ikkonfermati.

6.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(48)

Il-fatturi riveduti hawn fuq, jiġifieri t-tnaqqis tal-prezz, il-profittabilità, ir-redditu fuq l-investiment u l-likwidità ta' l-industrija Komunitarja fl-IP, ma affettwawx il-konklużjonijiet dwar il-fatturi ta' ħsara kollha stabbiliti fir-Regolament provviżorju li jikkonferma li l-industrija Komunitarja sofriet ħsara materjali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, u minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (108) sa (110) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

E.   KAWŻALITÀ

(49)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, ċerti partijiet imsemmija fil-premessa (134) tar-Regolament provviżorju tennew sempliċement li l-ħsara li sofriet l-industrija Komunitarja kienet tort l-istess industrija Komunitarja. Madankollu, ma nġabu l-ebda evidenza ġdida u argumenti ġodda f'dan ir-rigward, u l-pretensjoni tagħhom għalhekk inċaħdet.

(50)

Fid-dawl ta' li ntqal hawn fuq u minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti ġodda rigward il-kawżalità, il-premessi (111) sa (141) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

F.   L-INTERESS KOMUNITARJU

1.   Rimarki ġenerali u l-Interess ta’ l-industrija Komunitarja

(51)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (142) sa (146) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   L-interess tal-konsumaturi

(52)

Wara l-iżvelar provviżorju, importatur wieħed ma qabilx ma' ċerti valutazzjonijiet ikkwotati fil-premessa (148) tar-Regolament provviżorju. B'mod partikolari, huwa kkontesta l-assunzjoni li saret li (i) kwalunkwe piż ta' miżuri anti-dumping ikun allokat b'mod indaqs bejn l-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi u, (ii) l-awment totali bejn il-prezz ta' importazzjoni u ta' l-imnut huwa ta' madwar 500 %. L-argument kien li l-piż se jgħaddi kompletament fuq il-konsumaturi, peress li l-marġini ta' l-importatur huwa diġà baxx u l-bejjiegħa bl-imnut mhux probabbli li jnaqqsu l-marġini tagħhom, għalkemm huwa konsiderevoli. Fejn għandu x'jaqsam ma' l-awment, l-argument kien li tavla għall-mogħdija importata għal EUR 6.53, li huwa l-prezz ta' importazzjoni ddampjata għal unità medja fil-fruntiera tal-Komunità, x'aktarx ikun mibjugħ bl-imnut għal inqas minn EUR 35, li huwa bejn wieħed u ieħor il-prezz medju bl-imnut ta' tavla għall-mogħdija fil-Komunità, u, għalhekk, l-analiżi bbażata fuq il-prezzijiet bl-imnut u ta' importazzjoni hija qarrieqa u turi marġini irrealistiċi. Ta' min jinnota wkoll li l-element tat-taxxa fuq il-valur miżjud ma tqiesx fil-kalkolu. Skond dan l-importatur, l-awment totali minflok ikun l-iktar l-iktar ta' 300 %.

(53)

Fir-rigward ta' l-impatt fuq il-konsumaturi, ta' min jiftakar li ma waslu l-ebda rappreżentazzjonijiet minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, la qabel u lanqas wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju. Rigward il-kummenti ta' importatur stabbiliti fil-premessa (52) hawn fuq, ta' min jinnota dan li ġej. L-ewwel nett, li l-importatur ikkonċernat ammetta li kwalunkwe impatt tal-miżuri anti-dumping fuq il-konsumaturi ikun ta' ftit li xejn, meta tqis il-ħajja utli ta' tavla għall-mogħdija. Fil-fatt, anke jekk il-piż jgħaddi kollu fuq il-konsumaturi, huma jkollhom iħallsu iżjed medja ta' madwar EUR 1.5 għal oġġett li jdum b'ħajja utli għal mill-inqas ħames snin (l-istima hija bbażata fuq l-ishma mis-suq u l-prezzijiet ta' l-2005 u fuq ir-rati definittivi tad-dazju). It-tieni nett, minħabba l-kompetizzjoni qalila f'dan is-suq, huwa improbabbli ħafna li wieħed mill-operaturi involuti fl-importazzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat jassorbi parti mid-dazju anti-dumping impost. Għalhekk, ix-xenarju li skondu l-piż jinqasam b'mod indaqs jidher li hu iktar realistiku. Fil-fatt, l-ebda parti oħra involuta f'dan il-proċediment ma kkontesta din il-valutazzjoni. Għalhekk, il-konklużjonijiet tal-premessa (149) tar-Regolament provviżorju jistgħu jiġu kkonfermati.

(54)

Fir-rigward ta' l-awmenti applikati mill-operaturi, ta' min jiftakar li l-ebda bejjiegħ bl-imnut ma kkoopera fl-investigazzjoni u, għalhekk, ma kienet disponibbli l-ebda evidenza dettaljata u verifikabbli fuq il-prezzijiet bl-imnut u fuq il-marġini applikati f'dan l-istadju. Il-valutazzjoni tista' għalhekk tkun ibbażata fuq tqabbil bejn il-prezz ta' l-importazzjonijiet iddampjati, magħrufa mit-tweġibiet tal-kwestjonarju, u l-prezz medju bl-imnut, stmat abbażi ta' l-informazzjoni li waslet mill-importaturi u l-industrija Komunitarja. Skond din l-informazzjoni, il-prezz medju bl-imnut jirreferi għall-bejgħ kollu ta' dan it-tip fil-Komunità, fosthom inter alia t-taxxa fuq il-valur miżjud. L-awment totali applikat mill-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u kwalunkwe operatur ieħor involut fid-distribuzzjoni ta' l-importazzjonijiet iddampjati lill-konsumaturi stabbilit b'hekk huwa ta' madwar 450 %. Fl-aħħar nett ta' min jiftakar u qiegħda tiġi mill-ġdid ikkonfermata li l-awmenti individwali jistgħu jvarjaw b'mod sinjifikanti minn operatur għall-ieħor, imma huma bħala medja sostanzjali, b'mod partikolari fl-istadju ta' l-imnut.

(55)

Produttur esportatur Ċiniż sostna li l-konsumaturi Komunitarji ma għandhomx ikunu mċaħħda mill-prodotti Ċiniżi ta' kwalità għolja mibjugħa bl-iżjed prezz raġjonevoli. F'dan ir-rigward, qiegħda ssir referenza għall-premessa (53) hawn fuq u l-premess (59) hawn isfel u l-konklużjoni hi li s-suq Komunitarju ma jiċċaħħadx minn prodotti bħal dawn.

(56)

Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (147) sa (150) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.   L-interess tad-distributuri/il-bejjiegħa bl-imnut

(57)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, qiegħda ssir referenza għall-premessi (52) sa (54) hawn fuq u l-premessa (151) tar-Regolament provviżorju hi b’dan ikkonfermata.

4.   L-interess ta’ l-importaturi mhux relatati fil-Komunità

(58)

Wara l-iżvelar provviżorju, żewġ importaturi msemmiija fil-premessa (152) tar-Regolament provviżorju taw kummenti dwar l-interess tagħhom. Ma waslu l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward.

(59)

Wieħed minn dawn l-importaturi ma qabilx mal-valutazzjoni li tikkonċerna l-allokazzjoni tal-piż tal-miżuri anti-dumping u l-livell ta' l-awmenti applikati fi stadji differenti tal-bejgħ (ara l-premessi (52) sa (54) hawn fuq). Huwa bagħat li mhux se jkun kapaċi jassorbi l-ebda spiża addizzjonali u, b'hekk, se jkollu jgħaddihom kompletament lill-bejjiegħa bl-imnut. Għaldaqstant, huwa jista' jara l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat tiegħu fil-Komunità jonqos u allegatament jista' anke jkun imġiegħel ikeċċi l-impjegati. Madankollu, minħabba l-kontribuzzjoni żgħira tal-prodott ikkonċernat fuq il-fatturat totali tiegħu (inqas minn 5 %), id-daqs ta' din il-kumpanija u l-pożizzjoni tagħha fis-swieq tal-Komunità u ta' l-esportazzjoni, kif ukoll is-sorsi differenti tal-forniment għall-prodott ikkonċernat, kwalunkwe effett kuntrarju fuq in-negozju tiegħu jkun ċertament minuri.

(60)

L-importatur imsemmi fil-premessa (154) tar-Regolament provviżorju tenna li l-impatt tal-miżuri fuq in-negozju tiegħu jista' jkun sinjifikanti, għalkemm il-bejgħ totali tiegħu ta' twavel għall-mogħdija ma jirrappreżentax iktar minn 10 % tal-fatturat totali tiegħu. Huwa sostna li kwalunkwe telf fis-suq tat-twavel għall-mogħdija jirriżulta f'telf terġa' akbar mis-suq ta' l-għatjiet li huma prodotti minn din il-kumpanija. Huwa spjega li t-twavel għall-mogħdija u l-għatjiet tagħhom huma marbuta flimkien anke meta ma jinbiegħux ma' xulxin, peress li ħafna bejjiegħa bl-imnut jippreferu jbiegħu dawn il-prodotti mingħand l-istess fornitur. Għalhekk, kwalunkwe telf fil-bejgħ tat-twavel għall-mogħdija importati mgħammra b'għatjiet prodotti minn dan l-importatur iwasslu għal telf korrispondenti mill-bejgħ ta' l-għatjiet ta' bdil tal-kumpanija. F'dan ir-rigward huwa aċċettat li l-impatt tal-miżuri fuq ċertu bejgħ Komunitarju ta' dan l-importatur jista' jkun sinjifikanti. Madankollu, l-impatt fuq il-fatturat totali se jibqa' limitat peress li t-twavel għall-mogħdija u l-għatjiet ta' bdil mgħadda flimkien jirrappreżentaw madwar 30 % tal-fatturat totali tagħhom. Barra minn hekk, parti mill-impatt se jiddependi mir-rendiment fl-esportazzjoni ta' l-importatur, peress li l-esportazzjonijiet tiegħu mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat mhumiex ftit u dan il-bejgħ ma għandux normalment jintlaqat mill-miżuri.

(61)

F'dan ir-rigward u b'referenza għall-premessi (152) sa (156) tar-Regolament provviżorju u l-premessi (52) sa (54) hawn fuq, il-konklużjonijiet definittivi li ġejjin huma fir-rigward ta' l-impatt tal-miżuri anti-dumping fuq il-qagħda ta' l-importaturi tat-twavel għall-mogħdija mhux relatati fil-Komunità: (i) l-importaturi x'aktarx li jkollhom jerfgħu piż pjuttost ikbar mill-bejjiegħa bl-imnut, (ii) il-qagħda ta' ċerti importaturi tista' tintlaqat b'mof iktar sinjifikanti, madankollu (iii) bħala medja l-impatt kuntrarju tal-miżuri ma jkunx deċiżiv għall-operazzjonijiet tagħhom u mhux sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji mistennija għall-industrija Komunitarja.

5.   Konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

(62)

L-analiżi addizzjonali ta' hawn fuq rigward l-interess tal-konsumaturi u l-importaturi mhux relatati fil-Komunità ma biddlux il-konklużjonijiet provviżorji f'dan ir-rigward. Anka jekk f'ċerti każi l-piż jingħadda kollu lill-konsumaturi, kwalunkwe impatt finanzjarju negattiv fuqhom ikun fi kwalunkwe każ ta' ftit li xejn. Kien ikkonfermat ukoll li kwalunkwe impatt kuntrarju fuq ċerti importaturi ma jkunux deċiżivi għan-negozji tagħhom. Fuq din il-bażi, tqies li l-konklużjonijiet rigward l-interess Komunitarju kif stabbilit fil-premessi (157) sa (162) tar-Regolament provviżorju ma tbiddlux. Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra, huma għalhekk ikkonfermati b’mod definit.

G.   MIŻURI DEFINITTIVI GĦALL-ANTI-DUMPING

1.   Il-livell tat-tneħħija tal-ћsara

(63)

Dawk li lmentaw sostnew li l-livell tat-tneħħija tal-ħsara, kif stabbilita provviżorjament, ma kinitx biżżejjed biex telimina l-ħsara lill-industrija Komunitarja. B'mod partikolari, huma sostnew li: (a) il-marġini ta' profitt qabel it-taxxa użat fil-kalkolu huwa inqas mill-marġini li jista' jintlaħaq raġonevolment b'kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni normali, u (b) l-ispiża tal-produzzjoni, kif ikkalkulatha l-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-livell tat-tneħħija tal-ħsara, ma tirriflettix l-ispiża proprja tal-produzzjoni tat-tipi differenti tal-prodott. Fir-rigward tal-marġini tal-profitt li jista' jkun raġonevolment mistenni fin-nuqqas ta' dumping inġurjuż, ta' min jiftakar li l-marġini ta' 7 % hija bbażata fuq il-profitabilità ta' l-industrija Komunitarja qabel l-influss ta' l-importazzjonijiet iddampjati (ara l-premessa (44) hawn fuq). Marġini bħal dan huwa b'hekk meqjus raġonevoli u l-industrija Komunitarja ma pprovdiet l-ebda evidenza biex tiċħadha. Il-pretensjoni tagħhom hija għalhekk miċħuda. Ir-rigward l-ispiża tal-produzzjoni, ta' min jinnota li ma ntbagħtu l-ebda dettalji preċiżi u verifikabbli dwar l-ispiża proprja tal-produzzjoni għal kull tip ta' prodott mill-industrija Komunitarja għall-IP. Għalhekk, l-ispiża tal-produzzjoni għal kull tip ta' prodott tista' tkun ibbażata biss fuq il-prezzijiet proprji ta' kull produttur Komunitarju rranġata mill-profitt proprju ġenerali li rrealizzat fl-IP għall-prodott li jixxiebah. Peress li l-marġini tal-profitt ta' l-industrija Komunitarja ġie rivedut kif spjegat fil-premessa (44) hawn fuq, il-livell tat-tneħħija tal-ħsara ġie emendat kif xieraq.

(64)

Ta' min jiftakar li l-prezzijiet ta' importazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw ġew emendati kif spjegat fil-premessa (42) hawn fuq. B'hekk, il-livell tat-tneħħija tal-ħsara għal dawn l-esportaturi ġiet emendata kif xieraq ukoll.

(65)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti oħra dwar il-livell tat-tneħħija tal-ħsara, il-premessi (164) sa (166) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   Il-forma u l-livell tal-miżuri

(66)

Fid-dawl tal-preċedenti u b'konformità ma' l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju definittiv anti-dumping, fil-livell tal-marġini ta' dumping misjuba, peress li għall-produtturi esportaturi kollha kkonċernati l-livell tat-tneħħija tal-ħsara nstab li kienu ogħla mill-marġini ta' dumping.

(67)

Fuq il-bażi ta' li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazji definittiv għall-PRC u l-Ukrajna huma kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping

PRC

Foshan City Gaoming Lihe Daily Necessities Co. Ltd., Foshan

34,9  %

Guangzhou Power Team Houseware Co. Ltd., Guangzhou

36,5  %

Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd., Guangzhou

0  %

Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan

18,1  %

Zhejiang Harmonic Hardware Products Co. Ltd., Guzhou

26,5  %

Il-kumpaniji l-oћra kollha

38,1  %

L-Ukrajna

Il-Kumpaniji kollha

9,9  %

(68)

Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li ssir rakkomandazzjoni għall-impożizzjoni ta' dazji definittivi anti-dumping, l-uniku produttur esportatur fl-Ukrajna u żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx MET (wieħed minnhom lanqas biss ma ngħata trattament individwali) ipproponew impenji skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, ta' min jinnota li l-prodott ikkonċernat huwa kkaratterizzat minn għadd konsiderevoli ta' tipi ta' prodott, li spiss jinbidlu skond l-ordnijiet tal-konsumaturi u li għandhom varjazzjonijiet sinjifikanti fil-prezz bejniethom. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi ibigħu, flimkien mal-prodott ikkonċernat, prodotti oħra lill-istess konsumaturi u b'hekk jinħoloq riskju sinjifikanti ta' kompensazzjoni għall-prezz f'affarijiet oħra. In-natura tal-prodott u l-kumplessità tiegħu biex jitqiegħed fis-suq jagħmilha virtwalment impossibbli li jiġu stabbiliti prezzijiet minimi ta' importazzjoni għal kull tip ta' prodott, li jkun jista' jiġi adegwatament sorveljat mill-Kummissjoni mingħajr riskju serju ta' evażjoni. Abbażi ta' li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni kienet li dawn l-impenji mhumiex prattiċi u għalhekk ma jistgħux jiġu aċċettati. Il-partijiet ġew infurmati b'dan u ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Madankollu, il-kummenti tagħhom ma biddlux il-konklużjoni ta' hawn fuq.

(69)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping gћal kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Gћalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji li nstabet matul l-investigazzjoni. Dawn ir-rati ta' dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-'kumpaniji l-oħra kollha’) huma għalhekk applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Prodotti importati ffabbrikati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikatament fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmija speċifikatament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(70)

Kwalunkwe pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju anti-dumping gћal kumpaniji individwali (eż. wara bdil fl-isem ta’ l-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgћ) gћandha tiġi minnufih indirizzata lill-Kummissjoni (3) bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifikazzjoni fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgћ domestiku u ma’ dak ta’ l-esportazzjoni u li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew ma’ dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgћ. Jekk ikun hemm bżonn, ir-Regolament jkun imbagħad emendat kif xieraq billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpaniji li jgawdu minn rati ta' dazju individwali.

3.   Ġbir ta' dazju provviżorju

(71)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġini ta' dumping misjuba u fid-dawl tal-livell ta' ħsara kkawżat lill-industrija Komunitarja, tqies li hemm bżonn li l-ammonti li nġabru permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju impost mir-Regolament provviżorju, jiġifieri ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1620/2006, jinġabru definittivament sa l-ammont ta' dazju definittivament impost minn dan ir-Regolament. Fejn id-dazju definittiv ikun anqas mid-dazju provviżorju, id-dazju għandu jkun ikkalkulat mill-ġdid u l-ammonti żgurati li jaqbżu r-rata definittiva tad-dazju għandhom jiġu rilaxxati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv anti-dumping huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet ta' twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tpoġġi l-ħadida li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3924 90 90, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 (kodiċi TARIC 3924909010, 4421909810, 7323939010, 7323999110, 7323999910, 8516797010 u 8516900051).

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti mmanufatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Manufattur

Rata ta’ dazju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

PRC

Foshan City Gaoming Lihe Daily Necessities Co. Ltd., Foshan

34,9

A782

Guangzhou Power Team Houseware Co. Ltd., Guangzhou

36,5

A783

Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd., Guangzhou

0

A784

Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan

18,1

A785

Zhejiang Harmonic Hardware Products Co. Ltd., Guzhou

26,5

A786

Il-kumpaniji l-oћra kollha

38,1

A999

L-Ukrajna

Il-Kumpaniji kollha

9,9

3.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazju doganali.

Artikolu 2

Ammonti li nġabru permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skond ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1620/2006 dwar l-importazzjonijiet ta' twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tpoġġi l-ħadida li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3924 90 90, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 (kodiċi TARIC 3924909010, 4421909810, 7323939010, 7323999110, 7323999910, 8516797010 u 8516900051) għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti miġbura li huma iżjed mill-ammont tad-dazju anti-dumping definittiv għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 23 ta’ April 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 300, 31.10.2006, p. 13.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat H-J-79 5/17 — Rue de la Loi/Wetstraat 200 — B-1049 Brussell.