29.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

311


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 436/2007

ta' l-20 ta’ April 2007

dwar il-prova li l-formalitajiet doganali jkunu twettqu fir-rigward ta' l-importazzjoni taz-zokkor f'pajjiż terzi, kif ipprovdut fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (1), partikolarment l-Artikolu 16(4) tiegħu,

billi:

(1)

L-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jipprovdi li r-rifużjonijiet għall-esportazzjoni fis-settur taz-zokkor (2) jistgħu jvarjaw skond id-destinazzjoni, fejn dan ikun meħtieġ minħabba s-sitwazzjoni tas-suq dinji jew il-ħtiġijiet speċifiċi ta' ċerti swieq.

(2)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 958/2006 tat-28 ta' Ġunju 2006 dwar sejħa permanenti għal offerti sabiex jiġu stabbiliti rifużjonijiet għall-esportazzjoni ta' zokkor abjad (3) għas-sena tas-suq 2006/2007, jipprovdi għal dik id-differenzjazzjoni billi jkunu esklużi ċerti destinazzjonijiet.

(3)

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jipprovdi li meta r-rata tar-rifużjoni tvarja skond id-destinazzjoni, ir-rifużjonijiet għandhom jitħallsu soġġetti għall-kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16.

(4)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jipprovdi li l-prodotti għandhom jiġu importati fl-istat mhux mibdul tagħhom, f'pajjiż terz jew f'wieħed mill-pajjiżi terzi li dwarhom japplikaw ir-rifużjonijiet.

(5)

L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 jindika d-dokumenti differenti li jistgħu jkunu l-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni f'pajjiż terz, fil-każ ta' differenzjazzjoni tar-rata tar-rifużjoni skond id-destinazzjoni. Skond din id-dispożizzjoni, l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, f'ċerti każi speċifiċi li jridu jiġu ddeterminati, li l-prova msemmija f'dak l-Artikolu tista' titqies bħala mogħtija permezz ta' dokument partikolari jew b'xi mod ieħor.

(6)

Operazzjonijiet ta' esportazzjoni fis-settur taz-zokkor normalment ikunu regolati b'kuntratti li jkunu fuq bażi ta' frank abbord (fob) fiq is-suq tal-futures ta' Londra. B'konsegwenza, ix-xerrejja jieħdu lura, f'dan l-istadju fob, l-obbligi kollha tal-kuntratt, inkluż il-prova ta' twettiq tal-formalitajiet doganali, mingħajr ma huma direttament il-benefiċjarji tar-rifużjoni li din il-prova tagħti dritt għaliha. Il-kisba ta' din il-prova għall-kwantitajiet importati tista' timplika diffikultajiet amministrattivi kbar f'ċerti pajjiżi, u dan jista' jdewwem jew iżomm konsiderevolment il-ħlas tar-rifużjoni għall-kwantitajiet effettivament esportati.

(7)

Sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi fuq l-ekwilibriju tas-suq taz-zokkor, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2255/2004 tas-27 ta' Diċembru 2004 dwar il-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni taz-zokkor f'pajjiż terz, jipprovdi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 (4) li jiġu ddeterminati provi alternattivi li joffru l-garanziji li jippermettu li l-prodott jitqies bħala importat fil-pajjiż terz.

(8)

Billi sa mill-31 ta' Diċembru 2006, id-data tat-tmiem ta' l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2255/2004, wieħed jista' jara persistenza tad-diffikultajiet amministrattivi u tal-konsegwenzi tagħhom għas-suq, jeħtieġ li jiġu ddeterminati mill-ġdid il-provi alternattivi dwar id-destinazzjoni għall-esportazzjonijiet li jkunu saru mill-1 ta' Jannar 2007 u li tiġi pprovduta bħala konsegwenza applikazzjoni retroattiva ta' dan ir-Regolament.

(9)

Minħabba li din hija deroga, il-perjodu ta' l-applikazzjoni tagħha għandu jkun ristrett.

(10)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għaz-zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-esportazzjonijiet li jkunu saru skond l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, il-prodott jitqies importat f'pajjiż terz meta jiġu ppreżentati t-tliet dokumenti li ġejjin:

(a)

kopja tad-dokument tat-trasport;

(b)

dikjarazzjoni li l-prodott nħatt, magħmula jew minn awtorità uffiċjali tal-pajjiż terz li ssemma, mill-awtoritajiet uffiċjali ta' wieħed mill-Istati Membri stabbiliti fil-pajjiż tad-destinazzjoni, jew minn aġenzija ta' sorveljanza internazzjonali approvata skond l-Artikolu 16a sa 16f tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, li tiċċertifika li l-prodott ħalla l-post tal-ħatt jew għall-inqas li, sa fejn tkun taf l-awtorità jew l-aġenzija li toħroġ id-dikjarazzjoni, il-prodott ma jkunx sussegwentement tgħabba mill-ġdid bl-għan li jerġa' jkun esportat;

(c)

dokument bankarju maħruġ minn intermedjarji awtorizzati stabbiliti fil-Komunità li jiċċertifika li l-pagament li jikkorrispondi għall-esportazzjoni msemmija ġie kkreditat fil-kont ta' l-esportatur li jkun infetaħ magħhom, jew prova tal-pagament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.11.2006, p. 52).

(2)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 247/2007 (ĠU L 69, 9.3.2007, p. 3).

(3)  ĠU L 175, 29.6.2006, p. 49. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 203/2007 (ĠU L 61, 28.2.2007, p. 3).

(4)  ĠU L 385, 29.12.2004, p. 22. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2121/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 24).