22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

316


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 375/2007

tat-30 ta’ Marzu 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1702/2003 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni biex inġenji ta’ l-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tiegħu,

Billi:

(1)

L-inġenji ta’ l-ajru li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 kollha għandu jinħarġilhom ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew permess biex jittajru skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003 ta’ l-24 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni biex inġenji ta’ l-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom (2) qabel it-28 ta’ Marzu 2007. Fin-nuqqas ta’ dan iċ-ċertifikat jew permess biex jittajru dawn ma jkunux intitolati li jintużaw wara dik id-data minn operaturi Komunitarji fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

(2)

B’konformità ma’ l-Artikolu 2(3)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003, l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni (minn hawn ’il quddiem l-Aġenzija) jeħtiġilha tiddetermina qabel it-28 ta’ Marzu 2007 id-disinn approvat ta’ ajruplani reġistrati fl-Istati Membri meħtieġ għall-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew permessi biex jittajru, li ma jkunux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 2(3)(a) tiegħu. Dwar ħafna prodotti aeronawtiċi l-Aġenzija ma setgħetx tagħmel din id-determinazzjoni f’dak il-perjodu ta’ żmien għaliex ma rċevietx l-applikazzjonijiet meħtieġa mingħand id-disinjaturi tagħhom.

(3)

Minkejja li ċ-ċertifikati ta’ l-adegwatezza għall-ajru għandhom jinħarġu biss meta l-Aġenzija tkun setgħet, wara evalwazzjoni teknika tal-prodott, tapprova d-disinn tagħhom jistgħu jinħarġu ċertifikati ristretti ta’ l-adegwatezza għall-ajru għal perjodu ta’ żmien limitat biex dawn l-inġenji ta’ l-ajru jitħallew ikomplu joperaw u biex l-Aġenzija tkun tista’ tivverifika d-disinji tagħhom.

(4)

Iż-żmien ma ppermettiex l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet partikolari ta’ adegwatezza għall-ajru mill-Aġenzija qabel it-28 ta’ Marzu 2007. Madankollu huwa possibbli li jiġi ddeterminat disinn approvat b’referenza għal dak ta’ l-Istat tad-disinn billi dan sar għall-biċċa l-kbira ta’ l-inġenji ta’ l-ajru li nħarġilhom ċertifikat tat-tip mill-Istati Membri qabel it-28 ta’ Settembru 2003.

(5)

Din id-determinazzjoni għandha ssir biss għal dawk l-inġenji ta’ l-arju li l-Istati Membri jkunu ħarġulhom ċertifikati ta’ l-adegwatezza għall-ajru, esklużi ċertifikati ristretti ta’ l-adegwatezza għall-ajru u permessi biex jittajru, sabiex ikun żgurat li dawn l-ajruplani jissodisfaw għall-anqas ir-rekwiżiti ta’ sigurtà kif tispeċifika l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fl-Anness 8 tagħha.

(6)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji għas-sigurtà u jkun limitat it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni l-miżuri previsti għandhom japplikaw biss fejn jidħlu inġenji ta’ l-arju li l-Istat Membru jkun ħarġilhom ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru, u li kienu fir-reġistru ta’ l-Istat Membru, sad-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1702/2003 f’dak l-Istat Membru (3). Is-sidien ta’ dawn l-ajruplani ma kinux konxji, dakinhar tar-reġistrazzjoni, tar-riskju li ma jitħallewx ikomplu joperaw wara t-28 ta’ Marzu 2007. B’kuntrast, is-sidien ta’ l-ajruplani reġistrati fi Stat Membru wara d-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1703/2003 f’dak l-Istat Membru kienu konxji, dakinhar tar-reġistrazzjoni, li dawn l-ajruplani ma kinux sa jitħallew ikomplu joperaw wara t-28 ta’ Marzu 2007, jekk l-Aġenzija ma setgħetx tapprova d-disinn tagħhom sa dik id-data.

(7)

Huwa meqjus meħtieġ li jkun żgurat li l-inġenji ta’ l-ajru eliġibbli għall-miżura intenzjonata għandhom ikunu esklużivament inġenji ta’ l-ajru li għalihom l-awtorità rappreżentattiva ta’ l-Istat tad-disinn taċċetta permezz ta’ ftehim ta’ ħidma skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 li tassisti lill-Aġenzija biex tkun żgurata sorveljanza kontinwa tad-disinn approvat b’hekk determinat.

(8)

Il-miżura prevista għandha tkun ta’ natura temporanja biex ikunu mitigati r-riskji assoċjati ma’ l-għarfien tekniku limitat li għandha l-Aġenzija tad-disinn tal-prodotti milquta. Huwa meħtieġ ukoll li jinħoloq inċentiv għad-disinjaturi biex jassistu lill-Aġenzija fid-determinazzjoni tad-disinn approvat meħtieġ biex jintegraw b’mod sħiħ l-inġenji ta’ l-ajru tagħhom fis-sistema Komunitarja. Barra dan, l-applikazzjoni ta’ reġimi regolatorji differenti għal inġenji ta’ l-ajru involuti fl-istess operazzjonijiet tqanqal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusta fis-suq intern u ma tistax tissokta indefinittivament. Għaldaqstant il-validità tal-miżura għandha tkun limitata għal perjodu ta’ 12-il xahar, li jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ 18-il xahar, bil-kundizzjoni li jkun ingħata bidu għall-proċess ta’ ċertifikazzjoni u jkun jista’ jiġi fi tmiemu tul dak il-perjodu.

(9)

L-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1702/2003 jirreferi biss għall-inġenji ta’ l-ajru li jkun inħarġilhom ċertifikat tat-tip. Madankollu għadd ta’ inġenji ta’ l-ajru li għandhom ikunu eliġibbli għall-miżura speċifikata f’dak l-Artikolu qatt ma nħarġilhom ċertifikat tat-tip għaliex dawn id-dokumenti ma kinux meħtieġa mill-Istandards ta’ l-ICAO applikabbli fiż-żmien li kienu ġew iddisinjati u ċċertifikati. Għaldaqstant hija meħtieġa kjarifika biex ikun żgurat li lil dawn l-inġenji ta’ l-ajru jista’ jkompli jinħarġilhom ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1702/2003 għandu jiġi emendat biex jiġu evitati l-konfużjoni u l-inċertezza legali rigward il-Parti 21A.173(b)(2) u l-Parti 21A.184 ta’ l-Anness ma’ dak ir-Regolament, li jirreferu għal “speċifikazzjonijiet speċifiċi taċ-ċertifikazzjoni” minflok “speċifikazzjonijiet speċifiċi ta’ l-airworthiness” kif hemm speċifikat fl-Artikoli 5(3)(b) u 15(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002.

(11)

B’deroga mir-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ l-adegwatezza għall-ajru, l-Artikolu 5 (3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 jipprevedi l-ħruġ ta’ permess għat-titjir. Ġeneralment dan il-permess jinħareġ meta ċ-ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru jkun temporanjament invalidu, per eżempju b’riżultat ta’ xi ħsara, jew meta ma jkunx jista’ jinħareġ ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru ngħidu aħna meta l-ajruplan ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew meta tkun għadha ma ntwerietx konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, iżda l-ajruplan minkejja dan ikun kapaċi jwettaq titjira sigura.

(12)

Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-permessi għat-titjir, ikun meħtieġ li jiġu adottati rekwiżiti u proċeduri amministrattivi komuni għall-ħruġ ta’ dawn il-permessi li jkun fihom il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex ikun mitigat ir-riskju ta’ devjazzjonijiet mir-rekwiżiti essenzjali, u għalhekk ikun żgurat ir-rikonoxximent tal-permessi għat-titjir mill-Istati Membri kollha skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjonijiet maħruġa mill-Aġenzija (4) skond l-Artikoli 12(2)(b) u 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 54(3) tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1702/2003 qed jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 qed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Ċertifikazzjoni ta’ prodotti, partijiet u tagħmir

1.   Il-prodotti, partijiet u tagħmir għandu jinħarġilhom ċertifikat kif hemm speċifikat fil-Parti 21.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, inġenji ta’ l-ajru, inklużi kull prodott, parti jew tagħmir installat, li ma jkunux reġistrati fi Stat Membru għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-Subpartijiet H u I tal-Parti 21. Dawn għandhom ikunu eżentati wkoll mid-dispożizzjonijiet tas-Subparti P tal-Parti 21 minbarra meta l-marki ta’ identifikazzjoni ta’ l-ajruplani jkunu preskritti minn Stat Membru.

3.   Fejn hemm referenza fl-Anness (il-Parti 21) biex jiġu applikati u/jew osservati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness I (il-Parti M) mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003 u xi Stat Membru jkun eleġġa, f’konformità ma’ l-Artikolu 7(3)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament, li ma japplikax dik il-Parti sat-28 ta’ Settembru 2008, minflok għandhom japplikaw ir-regoli nazzjonali rilevanti sa dik id-data.

Artikolu 2a

Validità kontinwa ta’ ċertifikati tat-tip u ċertifikati ta’ l-adegwatezza għall-ajru relatati

1.   Rigward prodotti li kellhom ċertifikat tat-tip, jew dokument li kien jippermetti l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru, maħruġ qabel it-28 ta’ Settembru 2003 minn Stat Membru, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-prodott għandu jitqies li jkollu ċertifikat tat-tip maħruġ skond dan ir-Regolament meta:

(i)

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip tiegħu tkun:

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip tal-JAA, għal prodotti li jkunu ġew iċċertifikati skond il-proċeduri tal-JAA, kif iddefinita fl-iskeda informattiva tal-JAA tagħhom, jew

għal prodotti oħrajn, il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip kif iddefinita fl-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip ta’ l-Istat tad-disinn, jekk dak l-Istat tad-disinn kien:

Stat Membru, sakemm l-Aġenzija ma tiddeterminax, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-kodiċijiet ta’ l-adegwatezza għall-ajru applikati u l-esperjenza fis-servizz, li din il-bażi ta’ ċertifikazzjoni tat-tip ma tipprevedix livell ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak meħtieġ mir-Regolament Bażi u dan ir-Regolament, jew

Stat li miegħu Stat Membru kien ikkonkluda ftehim bilaterali dwar l-adegwatezza għall-ajru jew arranġament simili li taħtu dawn il-prodotti jkunu ġew iċċertifikati fuq il-bażi tal-kodiċijiet ta’ l-adegwatezza għall-ajru ta’ dak l-Istat tad-disinn, sakemm l-Aġenzija ma tiddeterminax li dawn il-kodiċijiet ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew l-esperjenza fis-servizz jew is-sistema ta’ sigurtà ta’ dak l-Istat tad-disinn ma jipprevedux livell ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u dan ir-Regolament.

L-Aġenzija għandha tagħmel l-ewwel evalwazzjoni ta’ l-implikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż bil-ħsieb li tgħaddi opinjoni lill-Kummissjoni inklużi emendi possibbli ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

ir-rekwiżiti għall-protezzjoni ambjentali kienu dawk stipulati fl-Anness 16 għal-Konvenzjoni ta’ Chicago, applikabbli għall-prodott;

(iii)

id-direttivi applikabbli dwar l-adegwatezza għall-ajru kienu dawk ta’ l-Istat tad-disinn.

(b)

Id-disinn ta’ inġenji ta’ l-ajru individwali, li kien fir-reġistru ta’ Stat Membru qabel it-28 ta’ Settembru 2003, għandu jitqies li kien approvat skond dan ir-Regolament meta:

(i)

id-disinn bażiku tat-tip tiegħu kien parti miċ-ċertifikat tat-tip imsemmi fil-punt (a);

(ii)

kull bdil f’dan id-disinn tat-tip bażiku, li ma kienx fir-responsabbiltà ta’ sid iċ-ċertifikat tat-tip, kien ġie approvat; u

(iii)

id-direttivi dwar l-adegwatezza għall-ajru maħruġa jew adottati mill-Istat Membru tar-reġistru qabel it-28 ta’ Settembru 2003 kienu qed jiġu osservati, inklużi kwalunkwe varjazzjonijiet fid-direttivi dwar l-adegwatezza għall-ajru ta’ l-Istat tad-disinn maqbula ma’ l-Istat Membru tar-reġistru.

(c)

L-Aġenzija għandha tiddetermina ċ-ċertifikat tat-tip tal-prodotti li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (a) qabel it-28 ta’ Marzu 2007.

(d)

L-Aġenzija għandha tiddetermina l-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip għall-ħoss għall-prodotti kollha koperti bil-punt (a) qabel it-28 ta’ Marzu 2007. Sa ma ssir din id-determinazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jkomplu joħorġu ċertifikati tal-ħoss skond ir-Regolamenti nazzjonali applikabbli.

2.   Rigward prodotti li għalihom kien għaddej proċess ta’ ċertifikazzjoni tat-tip mill-JAA jew Stat Membru fit-28 ta’ Settembru 2003, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk prodott ikun taħt ċertifikazzjoni minn diversi Stati Membri, il-proġett l-aktar avvanzat għandu jintuża bħala referenza;

(b)

21A.15(a), (b) u (c) tal-Parti 21 m’għandhomx japplikaw;

(c)

permezz ta’ deroga minn 21A.17(a) tal-Parti 21, il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip għandha tkun dik stabbilita mill-JAA jew, fejn ikun applikabbli, l-Istat Membru fid-data ta’ l-applikazzjoni għall-approvazzjoni;

(d)

konstatazzjonijiet ta’ konformità li jkunu saru skond il-proċeduri tal-JAA jew l-Istat Membru għandhom jitqiesu li tkun għamlithom l-Aġenzija għall-iskop ta’ konformità ma’ 21A.20(a) u (b) tal-Parti 21.

3.   Rigward prodotti li jkollhom ċertifikat nazzjonali tat-tip, jew l-ekwivalenti tiegħu, u li għalih il-proċess ta’ approvazzjoni ta’ bidla li tkun saret minn Stat Membru jkun baqa’ ma ġiex iffinalizzat fiż-żmien meta ċ-ċertifikat tat-tip kellu jkun skond dan ir-Regolament, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk jkun qed jiġi eżegwit proċess ta’ approvazzjoni minn diversi Stati Membri, il-proġett l-aktar avvanzat għandu jintuża bħala referenza;

(b)

21A.93 tal-Parti 21 m’għandux japplika;

(c)

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip applikabbli għandha tkun dik stabbilita mill-JAA jew, fejn ikun applikabbli, mill-Istat Membru fid-data ta’ l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-bidla;

(d)

konstatazzjonijiet ta’ konformità li jkunu saru skond il-proċeduri tal-JAA jew l-Istat Membru għandhom jitqiesu li tkun għamlithom l-Aġenzija għall-iskop ta’ osservanza ta’ 21A.103(a)(2) u (b) tal-Parti 21.

4.   Rigward prodotti li kellhom ċertifikat nazzjonali tat-tip, jew l-ekwivalenti tiegħu, u li għalih il-proċess ta’ approvazzjoni ta’ disinn ta’ tiswija maġġuri li tkun saret minn Stat Membru jkun baqa’ ma ġiex iffinalizzat fiż-żmien meta ċ-ċertifikat tat-tip kellu jkun iddeterminat skond dan ir-Regolament, konstatazzjonijiet ta’ konformità li jkunu saru skond il-proċeduri tal-JAA jew l-Istat Membru għandhom jitqiesu li tkun għamlithom l-Aġenzija għall-iskop ta’ osservanza tal-21A.433(a) tal-Parti 21.

5.   Ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru maħruġ minn Stat Membru li jkun jafferma l-konformità maċ-ċertifikat tat-tip determinat skond il-paragrafu 1 għandu jitqies bħala konformi ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2b

Validità kontinwa ta’ ċertifikati supplimentari tat-tip

1.   Rigward ċertifikati supplimentari tat-tip maħruġa minn Stat Membru skond il-proċeduri tal-JAA jew proċeduri nazzjonali applikabbli u rigward tibdil fil-prodotti propost minn persuni oħrajn barra sid iċ-ċertifikat tat-tip tal-prodott, li kienu ġew approvati minn Stat Membru skond il-proċeduri nazzjonali applikabbli, jekk iċ-ċertifikat supplimentari tat-tip, jew tal-bidla, kien validu fit-28 ta’ Settembru 2003, iċ-ċertifikat supplimentari tat-tip, jew tal-bidla għandu jitqies li jkun inħareġ skond dan ir-Regolament.

2.   Rigward ċertifikati supplimentari tat-tip li għalihom kien hemm għaddej proċess ta’ ċertifikazzjoni minn Stat Membru fit-28 ta’ Settembru 2003 skond il-proċeduri tal-JAA applikabbli għal ċertifikat supplimentari tat-tip u rigward bdil maġġuri fil-prodotti, propost minn persuni oħrajn barra sid iċ-ċertifikat tat-tip tal-prodott, li għalih kien hemm għaddej proċess ta’ ċertifikazzjoni minn Stat Membru fit-28 ta’ Settembru 2003 skond il-proċeduri nazzjonali applikabbli, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk kien qed jiġi eżegwit proċess ta’ ċertifikazzjoni minn diversi Stati Membri, il-proġett l-aktar avvanzat għandu jintuża bħala referenza;

(b)

il-21A.113 (a) u (b) tal-Parti 21 m’għandhomx japplikaw;

(c)

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għandha tkun dik stabbilita mill-JAA jew, fejn ikun applikabbli, l-Istat Membru fid-data ta’ l-applikazzjoni għal ċertifikat supplimentari tat-tip jew approvazzjoni għal bidla maġġuri;

(d)

konstatazzjonijiet ta’ konformità li jkunu saru skond il-proċeduri tal-JAA jew l-Istat Membru għandhom jitqiesu li tkun għamlithom l-Aġenzija għall-iskop ta’ osservanza tal-21A.115(a) tal-Parti 21.

Artikolu 2c

Tħaddim kontinwu ta’ ċerti inġenji ta’ l-ajru rreġistrati minn Stati Membri

1.   Rigward ajruplan li ma jistax jitqies li jkollu ċertifikat tat-tip maħruġ skond l-Artikolu 2a (1)(a) ta’ dan ir-Regolament, li jkun inħariġlu ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru minn Stat Membru qabel ir-Regolament (KE) Nru 1702/2003 kien daħal fis-seħħ f’dak l-Istat Membru (5), u li kienu fir-reġistru tiegħu f’dik id-data, u li kienu għadu fir-reġistru ta’ Stat Membru fit-28 ta’ Marzu 2007, il-kumbinazzjoni ta’ dan li ġej għandha titqies li tikkostitwixxi l-ispeċifikazzjonijiet partikolari ta’ l-adegwatezza għall-ajru maħruġa skond dan ir-Regolament:

(a)

l-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip u l-iskeda informattiva taċ-ċertifikat tat-tip għall-ħoss, jew dokumenti ekwivalenti, ta’ l-Istat tad-disinn, bil-kundizzjoni li l-Istat tad-disinn ikun daħal fi ftehim ta’ ħidma xieraq ma’ l-Aġenzija skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 li jkun ikopri adegwatezza għall-ajru kontinwa tad-disinn ta’ dawn l-ajruplan;

(b)

ir-rekwiżiti għall-protezzjoni ambjentali stipulati fl-Anness 16 mal-Konvenzjoni ta’ Chicago, skond kif ikunu japplikaw għal dawk l-inġenji ta’ l-ajru; u

(c)

l-informazzjoni kontinwa mandatorja dwar l-adegwatezza għall-ajru ta’ l-Istat tad-disinn.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet partikolari ta’ l-adegwatezza għall-ajru għandhom jippermettu l-kontinwazzjoni tat-tip ta’ operazzjonijiet li l-inġenji ta’ l-ajru kkonċernati kienu intitolati li jeżerċitaw fit-28 ta’ Marzu 2007 u għandhom jibqgħu validi sat-28 ta’ Marzu 2008, jekk dawn l-ispeċifikazzjonijiet ma jiġux issostitwiti qabel dik id-data b’approvazzjoni ambjentali u tad-disinn maħruġa mill-Aġenzija skond dan ir-Regolament. Ċertifikati ristretti ta’ l-adegwatezza għall-ajru għall-inġenji ta’ l-ajru kkonċernati għandhom jinħarġu mill-Istati Membri b’konformità mal-Parti 21 Subparti H meta tkun attestata l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

3.   Il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ validità msemmi fil-paragrafu 2 sa massimu ta’ 18-il xahar għal inġenji ta’ l-ajru ta’ ċertu tip, bil-kundizzjoni li jkun ingħata bidu għall-proċess ta’ ċertifikazzjoni mill-Aġenzija għal dak it-tip ta’ inġenji ta’ l-ajru qabel it-28 ta’ Marzu 2008 u li l-Aġenzija tiddetermina jekk dan il-proċess ikunx jista’ jiġi fi tmiemu fil-perjodu addizzjonali ta’ validità. F’dan il-każ l-Aġenzija għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-determinazzjoni tagħha.

Artikolu 2d

Validità kontinwa ta’ ċertifikati ta’ partijiet u tagħmir

1.   Approvazzjonijiet ta’ partijiet u tagħmir maħruġa minn Stat Membru u li kienu validi sat-28 ta’ Settembru 2003 għandhom jitqiesu li nħarġu skond dan ir-Regolament.

2.   Rigward partijiet u tagħmir li għalihom kien hemm għaddej proċess ta’ awtorizzazzjoni minn Stat Membru fit-28 ta’ Settembru 2003, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk kien hemm għaddej proċess ta’ awtorizzazzjoni minn diversi Stati Membri, il-proġett l-aktar avvanzat għandu jintuża bħala referenza;

(b)

il-21A.603 tal-Parti 21 m’għandux japplika;

(c)

ir-rekwiżiti applikabbli għad-data skond 21A.605 tal-Parti 21 għandhom ikunu dawk stabbiliti mill-Istat Membru fid-data ta’ l-applikazzjoni għall-approvazzjoni jew awtorizzazzjoni;

(d)

konstatazzjonijiet ta’ konformità li jkunu saru skond il-proċeduri ta’ l-Istat Membru għandhom jitqiesu li tkun għamlithom l-Aġenzija għall-iskop ta’ osservanza tal-21A.606(b) tal-Parti 21.

Artikolu 2e

Permess għat-titjir

Il-kundizzjonijiet determinati qabel it-28 ta’ Marzu 2007 mill-Istati Membri għall-permessi għat-titjir jew ċertifikat ieħor ta’ l-adegwatezza għall-ajru maħruġ għal inġenji ta’ l-ajru li ma kellhomx ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew ċertifikat ristrett ta’ l-adegwatezza għall-ajru maħruġ skond dan ir-Regolament, jitqiesu li ġew determinati skond dan ir-Regolament, jekk l-Aġenzija ma tiddeċidix qabel it-28 ta’ Marzu 2008 li dawn il-kundizzjonijiet ma jipprevedux livell ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 jew dan ir-Regolament.

Permess għat-titjir jew ċertifikat ieħor ta’ l-adegwatezza għall-ajru maħruġ mill-Istati Membri qabel it-28 ta’ Marzu 2007 għal inġenji ta’ l-ajru li ma kellhomx ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew ċertifikat ristrett ta’ l-adegwatezza għall-ajru maħruġ skond dan ir-Regolament, jitqies bħala permess għat-titjir maħruġ skond dan ir-Regolament sat-28 ta’ Marzu 2008.”

2.

L-Anness (il-Part 21) mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1702/2003 qed jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1701/2003 (ĠU L 243, 27.9.2003, p. 5).

(2)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 706/2006 (ĠU L 122, 9.5.2006, p. 16).

(3)  EUR 15: 28 ta’ Settembru 2003; EUR 10: 1 ta’ Mejju 2004; EUR 2: 1 ta’ Jannar 2007.

(4)  L-Opinjoni 1/2007 tat-30 ta’ Jannar 2007 u l-Opinjoni 2/2007 tat-8 ta’ Frar 2007.

(5)  Għall-EUR 15: 28 ta’ Settembru 2003; għall-EUR 10: 1 ta’ Mejju 2004 u għall-EUR 2: 1.1.2007.


ANNESS

L-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1702/2003 qed jiġi emendat kif ġej:

1.

Fil-paragrafu 21A.139 qed jiżdied is-subparagrafu (b)(1)(xvii) li ġej:

“(xvii)

Il-ħruġ ta’ permess għat-titjir u approvazzjoni tal-kundizzjonijiet għat-titjir assoċjati.”

2.

Fil-paragrafu 21A.163 qed jiżdied is-subparagrafu (e) li ġej:

“(e)

Skond il-proċeduri tal-produzzjoni maqbula ma’ l-awtorità kompetenti tiegħu għall-produzzjoni, għal ajruplan li jkun ipproduċa u meta l-organizzazzjoni tal-produzzjoni nnifisha tkun qed tikkontrolla skond il-POA tagħha l-konfigurazzjoni ta’ l-ajruplan u tkun qed tattesta l-konformità mal-kundizzjonijiet tad-disinn approvati għat-titjira, biex jinħariġlu permess għat-titjir skond 21A.711(c) inkluża l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira skond 21A.710(b).”

3.

Fil-paragrafu 21A.165 qed jiżdiedu s-subparagrafi (j) u (k) li ġejjin:

“(j)

Fejn ikun applikabbli, skond il-privileġġ ta’ 21A.163(e), jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom ikun jista’ jinħareġ permess għat-titjir.

(k)

Fejn ikun applikabbli, skond il-privileġġ ta’ 21A.163(e), jistabbilixxi l-konformità ma’ 21A.711(b) u (d) qabel joħroġ permess għat-titjir (EASA Formola 20b, ara l-Appendiċi) lil ajruplan.”

4.

It-titolu tas-Subparti H tas-Sezzjoni A qed jiġi ssostitwit kif ġej:

“SUBPARTI H —   ĊERTIFIKATI TA’ L-ADEGWATEZZA GĦALL-AJRU U ĊERTIFIKATI RISTRETTI TA’ L-ADEGWATEZZA GĦALL-AJRU”

5.

Fil-paragrafu 21A.173 (b) (2), il-kliem “speċifikazzjonijiet speċifiċi taċ-ċertifikazzjoni” qed jiġi ssostitwit bil-kliem “speċifikazzjonijiet speċifiċi ta’ l-adegwatezza għall-ajru”.

6.

Fil-paragrafu 21A.173 is-subparagrafu (c) qed jiġi mħassar.

7.

Fil-paragrafu 21A.174 is-subparagrafu (d) qed jiġi mħassar.

8.

Is-subparagrafu (b) tal-paragrafu 21A.179 qed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Fejn ikun inbidel sid l-ajruplan, u l-ajruplan ikollu ċertifikat ristrett ta’ l-adegwatezza għall-ajru li ma jikkonformax ma’ ċertifikat ristrett tat-tip, iċ-ċertifikati ta’ l-adegwatezza għall-ajru għandhom jiġu ttrasferiti flimkien ma’ l-ajruplan bil-kundizzjoni li l-ajruplan jibqa’ fl-istess reġistru, jew jinħarġlu biss il-ftehim formali ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tar-reġistru fejn ikun ġie ttrasferit.”

9.

Fil-paragrafu 21A.184, il-kliem “speċifikazzjonijiet speċifiċi taċ-ċertifikazzjoni” qed jiġi ssostitwit bil-kliem “speċifikazzjonijiet speċifiċi ta’ l-adegwatezza għall-ajru”.

10.

Il-paragrafu 21A.185 qed jiġi mħassar.

11.

Fil-paragrafu 21A.263, is-subparagrafu (b) qed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Suġġett għal 21A.257(b), l-Aġenzija għandha taċċetta mingħajr verifika ulterjuri d-dokumenti ta’ konformità li ġejjin sottomessi mill-applikant bl-iskop li jikseb:

1.

l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira meħtieġa għal permess għat-titjir; jew

2.

ċertifikat tat-tip jew approvazzjoni ta’ bidla maġġuri fid-disinn ta’ tip; jew

3.

ċertifikat supplimentari tat-tip; jew

4.

awtorizzazzjoni ta’ l-ETSO skond 21A.602B(b)(1); jew

5.

approvazzjoni ta’ disinn ta’ tiswija maġġuri.”

12.

Fil-paragrafu 21A.263 (c), qed jiżdiedu s-subparagrafi (6) u (7) li ġejjin:

“6.

Għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jinħareġ permess għat-titjir skond 21A.710(a)(2),

(i)

minbarra titjiriet inizjali ta’:

tip ġdid ta’ ajruplan, jew

ajruplan immodifikat minn bidla li tkun jew tista’ tiġi kklassifikata bħala bidla maġġuri sinifikanti jew STC sinifikanti, jew

ajruplan li l-karatteristiċi ta’ titjir u/jew pilotaġġ tiegħu setgħu jkunu ġew mibdula b’mod sinifikanti;

(ii)

minbarra permessi għat-titjir li jkunu sa jinħarġu għall-iskop ta’ 21A.701(a)(15).

7.

Għall-ħruġ ta’ permess għat-titjir skond 21A.711(b) għal ajruplan li jkun iddisinja jew immodifika, u meta l-organizzazzjoni tad-disinn innifisha tkun qed tikkontrolla skond id-DOA tagħha l-konfigurazzjoni ta’ l-ajruplan u tkun qed tattesta l-konformità mal-kundizzjonijiet tad-disinn approvati għat-titjira.”

13.

Fil-paragrafu 21A.265 qed jiżdiedu s-subparagrafi (f) u (g) li ġejjin:

“(f)

Fejn ikun applikabbli, skond il-privileġġ ta’ 21A.263(c)(6), jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jinħareġ permess għat-titjir.

(g)

Fejn ikun applikabbli, skond il-privileġġ ta’ 21A.263(c)(7), jistabbilixxi l-konformità ma’ 21A.711(b) u (d) qabel joħroġ permess għat-titjir (EASA Formola 20b, ara l-Appendiċi) lil ajruplan.”

14.

Is-Subparti P tas-Sezzjoni A qed tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

“SUBPARTI P —   PERMESS GĦAT-TITJIR

21A.701   Ambitu

Permessi għat-titjir għandhom jinħarġu skond din is-Subparti lil ajruplani li ma jkunux jissodisfaw, jew li ma jkunux urew li jissodisfaw, ir-rekwiżiti applikabbli ta’ l-adegwatezza għall-ajru imma jkunu jistgħu jagħmlu titjira sigura taħt kundizzjonijiet iddefiniti u għall-iskopijiet li ġejjin:

1.

żvilupp;

2.

turija ta’ konformità mar-regolamenti jew speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni;

3.

taħriġ ta’ l-ekwipaġġi ta’ organizzazzjonijiet ta’ l-iddisinjar jew organizzazzjonijiet tal-produzzjoni;

4.

ittestjar ta’ titjiriet waqt il-produzzjoni ta’ ajrupluni ta’ produzzjoni ġdida;

5.

titjir ta’ l-ajruplan waqt il-produzzjoni bejn faċilitajiet tal-produzzjoni;

6.

titjir ta’ l-ajruplan għall-aċċettazzjoni mill-klijent;

7.

ikkunsinjar jew esportar ta’ l-ajruplan;

8.

titjir ta’ l-ajruplan għall-aċċettazzjoni mill-Awtorità;

9.

stħarriġ tas-suq, inkluż it-taħriġ ta’ l-ekwipaġġ tal-klijenti;

10.

eżibizzjoni u wirja ta’ l-ajru;

11.

titjir ta' l-ajruplan lejn lokazzjoni fejn tkun sa ssir xi manutenzjoni jew verifika ta’ l-adegwatezza għall-ajru, jew lejn post ta’ ħażna;

12.

titjir ta’ l-ajruplan b’piż li jkun jaqbeż il-piż tat-tluq massimu ċċertifikat tiegħu f’titjira li tkun teċċedi l-limiti normali fuq il-baħar, jew fuq żoni ta’ art fejn faċilitajiet adegwati ta’ nżul jew fjuwil mixtieq ma jkunux disponibbli;

13.

ksur ta’ rekords, tlielaq ta’ l-ajru jew xi kompetizzjoni simili;

14.

titjir ta’ ajruplan li jkun jissodisfa rekwiżiti applikabbli ta’ l-adegwatezza għall-ajru qabel ma tkun ġiet stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti ambjentali;

15.

għal attività ta’ titjir mhux kummerċjali fuq ajruplan individwali mhux kumpless jew tipi li għalihom ma jkunx appropjat ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew ċertifikat ristrett ta’ l-adegwatezza għall-ajru.

21A.703   Eliġibbiltà

Kull persuna naturali jew legali hija eliġibbli bħala applikant għal permess għat-titjir minbarra permess għat-titjir meta jintalab għall-iskop ta’ 21A.701(a)(15) fejn l-applikant għandu jkun is-sid. Persuna li tkun eliġibbli biex tapplika għal permess għat-titjir tkun eliġibbli wkoll biex tapplika għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira.

21A.705   Awtorità Kompetenti

Minkejja 21.1, għall-iskop ta’ din is-Subparti, l-‘Awtorità Kompetenti’ għandha tkun:

(a)

l-awtorità maħtura mill-Istat Membru tar-reġistru; jew

(b)

għal ajruplan li ma jkunx reġistrat, l-awtorità maħtura mill-Istat Membru li tkun ordnat il-marki ta’ identifikazzjoni.

21A.707   Applikazzjoni għal permess għat-titjir

(a)

F’konformità ma’ 21A.703 u meta l-applikant ma jkunx ingħata l-privileġġ li jinħariġlu permess għat-titjir, għandha ssir applikazzjoni għal permess għat-titjir għand l-Awtorità Kompetenti bil-mod u l-manjiera stabbilita minn dik l-awtorità.

(b)

Kull waħda mill-applikazzjonijiet għal permess għat-titjir għandha tinkludi:

1.

l-iskop(ijiet) tat-titjir(a/ijiet), skond 21A.701;

2.

il-modi kif l-ajruplan ma jikkonformax mar-rekwiżiti applikabbli ta’ l-adegwatezza għall-ajru;

3.

il-kundizzjonijiet tat-titjira approvati skond 21A.710.

(c)

Fejn il-kundizzjonijiet tat-titjira ma jkunux ġew approvati dakinhar ta’ l-applikazzjoni għall-permess għat-titjir, għandha ssir applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira skond 21A.709.

21A.708   Kundizzjonijiet tat-titjira

Il-kundizzjonijiet tat-titjira jinkludu:

(a)

il-konfigurazzjoni(jiet) li għalihom ikun qed jintalab il-permess għat-titjir;

(b)

kull kundizzjoni jew restrizzjoni meħtieġa għall-operar sigur ta’ l-ajruplan, inklużi:

1.

il-kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet imposti fuq l-itinerarji jew spazju ta’ l-ajru, jew it-tnejn, meħtieġa għat-titjir(a/ijiet);

2.

il-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet imposti fuq l-ekwipaġġ tat-titjira biex itajjar l-ajruplan;

3.

ir-restrizzjonijiet rigward ġarr ta’ persuni oħrajn barra l-ekwipaġġ tat-titjira;

4.

il-limitazzjonijiet operazzjonali, proċeduri speċifiċi jew kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ssodisfatti;

5.

il-programm tal-prova tat-titjira speċifika (jekk ikun applikabbli);

6.

l-arranġamenti speċifiċi kontinwi ta’ l-adegwatezza għall-ajru inklużi istruzzjonijiet ta’ manutenzjoni u skond liema reġim għandhom jiġu eżegwiti;

(c)

il-konvalidazzjoni li l-ajruplan ikun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet tas-subparagrafu (b);

(d)

il-metodu użat għall-kontroll tal-konfigurazzjoni ta’ l-ajruplan, biex jibqa’ fil-limiti tal-kundizzjonijiet stabbiliti.

21A.709   Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira

(a)

F’konformità ma’ 21A.707(c) u meta l-applikant ma jkunx ingħata l-privileġġ li jiġu approvati l-kundizzjonijiet tat-titjira, għandha ssir applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira:

1.

għand l-Aġenzija bil-mod u l-manjiera stabbilita mill-Aġenzija, meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira tkun relatata mas-sigurtà tad-disinn; jew

2.

għand l-Awtorità Kompetenti bil-mod u l-manjiera stabbilita minn dik l-awtorità, meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira ma tkunx relatata mas-sigurtà tad-disinn.

(b)

Kull waħda mill-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira għandha tinkludi:

1.

il-kundizzjonijiet tat-titjira proposta;

2.

id-dokumentazzjoni li tissostanzja dawn il-kundizzjonijiet; u

3.

dikjarazzjoni li l-ajruplan ikun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet tal-paragrafu 21A.708(b).

21A.710   Approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira

(a)

meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira tkun relatata mas-sigurtà tad-disinn, il-kundizzjonijiet tat-titjira għandhom jiġu approvati minn:

1.

l-Aġenzija; jew

2.

organizzazzjoni tad-disinn approvata b’mod xieraq, skond il-privileġġ ta’ 21A.263(c)(6).

(b)

Meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira ma tkunx relatata mas-sigurtà tad-disinn, il-kundizzjonijiet tat-titjira għandhom jiġu approvati mill-Awtorità Kompetenti, jew mill-organizzazzjoni li tkun approvata b’mod xieraq li tkun sa toħroġ ukoll il-permess għat-titjir.

(c)

Qabel ma tapprova l-kundizzjonijiet tat-titjira, l-Aġenzija, l-Awtorità Kompetenti jew l-organizzazzjoni approvata għandha tkun sodisfatta li l-ajruplan ikun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet speċifikati. L-Aġenzija jew l-Awtorità Kompetenti tista’ ġġiegħel jew teżiġi lill-applikant jagħmel kull spezzjoni jew prova meħtieġa għal dak l-iskop.

21A.711   Ħruġ ta’ permess għat-titjir

(a)

L-Awtorità Kompetenti għandha toħroġ permess għat-titjir:

1.

mal-preżentazzjoni tad-data meħtieġa skond 21A.707; u

2.

meta l-kundizzjonijiet ta’ 21A.708 jkunu ġew approvati skond 21A.710; u

3.

meta l-Awtorità Kompetenti, permezz ta’ l-investigazzjonijiet tagħha, li jistgħu jinkludu spezzjonijiet, jew permezz ta’ proċeduri maqbula ma’ l-applikant, tkun sodisfatta li qabel it-titjira l-ajruplan ikun jikkonforma mad-disinn iddefinit skond 21A.708.

(b)

Organizzazzjoni tad-disinn approvata b’mod xieraq tista’ toħroġ permess għat-titjir (EASA Formola 20b, ara l-Appendiċi) taħt il-privileġġ mogħti skond 21A.263(c)(7), meta l-kundizzjonijiet ta’ 21A.708 jkunu ġew approvati skond 21A.710.

(c)

Organizzazzjoni tal-produzzjoni approvata b’mod xieraq tista’ toħroġ permess għat-titjir (EASA Formola 20b, ara l-Appendiċi) taħt il-privileġġ mogħti skond 21A.163(e), meta l-kundizzjonijiet ta’ 21A.708 jkunu ġew approvati skond 21A.710.

(d)

Il-permess għat-titjir għandu jispeċifika l-iskop(ijiet) u kull kundizzjoni u restrizzjoni approvata skond 21A.710.

(e)

Għal permessi maħruġa skond is-subparagrafu (b) jew (c), għandha tiġi sottomessa kopja tal-permess għat-titjir lill-Awtorità Kompetenti.

(f)

Fuq evidenza li xi waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati f’21A.723(a) ma tkunx issodisfatta għal permess għat-titjir li organizzazzjoni tkun ħarġet konformament mas-subparagrafu (b) jew (c), dik l-organizzazzjoni għandha tirrevoka dak il-permess għat-titjir.

21A.713   Bdil

(a)

Kull bidla li tinvalida l-kundizzjonijiet tat-titjira jew il-konvalidazzjoni assoċjata stabbilita għall-permess għat-titjir għandha tiġi approvata skond 21A.710. Meta tkun rilevanti għandha ssir applikazzjoni skond 21A.709.

(b)

Bidla li taffettwa l-kontenut tal-permess għat-titjir tkun teħtieġ il-ħruġ ta’ permess ġdid għat-titjir skond 21A.711.

21A.715   Lingwa

Il-manwali, plakards, listi, u marki ta’ strumenti u informazzjoni neċessarja oħra meħtieġa skond l-ispeċifikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni applikabbli għandhom jiġu ppreżentata f’lingwa uffiċjali jew aktar tal-Komunità Ewropea aċċettabbli għall-Awtorità Kompetenti.

21A.719   Trasferibbiltà

(a)

Permess għat-titjir m’huwiex trasferibbli.

(b)

Minkejja s-subparagrafu (a) għal raġunijiet ta’ permess għat-titjir maħruġ għall-iskop ta’ 21A.701(a)(15), fejn ikun inbidel sid l-ajruplan, il-permess għat-titjir għandu jiġi ttrasferit flimkien ma’ l-ajruplan bil-kundizzjoni li l-ajruplan jibqa’ fl-istess reġistru, jew jinħareġ biss bil-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tar-reġistru fejn ikun ġie ttrasferit.

21A.721   Spezzjonijiet

Is-sid, jew l-applikant għal, permess għat-titjir għandu jipprovdi aċċess għall-ajruplan ikkonċernat fuq it-talba ta’ l-Awtorità Kompetenti.

21A.723   Terminu ta’ żmien u validità kontinwa

(a)

Permess għat-titjir għandu jinħareġ għal massimu ta’ 12-il xahar u jibqa’ validu kemm-il darba:

1.

ikun hemm il-konformità mal-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet ta’ 21A.711(d) assoċjati mal-permess għat-titjir;

2.

il-permess għat-titjir ma jiġix irrinunzjat jew irrevokat skond 21B.530;

3.

l-ajruplan jibqa’ fl-istess reġistru.

(b)

Minkejja s-subparagrafu (a), permess għat-titjir maħruġ għall-iskop ta’ 21A.701(a)(15) jista’ jinħareġ għal terminu ta’ żmien illimitat.

(c)

Mar-rinunzja jew ir-revoka tiegħu, il-permess għat-titjir għandu jiġi rritornat lill-Awtorità Kompetenti.

21A.725   Tiġdid ta’ permess għat-titjir

It-tiġdid tal-permess għat-titjir għandu jiġi pproċessat bħala bidla f’konformità ma’ 21A.713.

21A.727   Obbligi ta’ sid il-permess għat-titjir

Is-sid ta’ permess għat-titjir għandu jiżgura li l-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet assoċjati mal-permess għat-titjir huma ssodisfatti u miżmuma.

21A.729   Żamma ta’ rekords

(a)

Id-dokumenti kollha mressqa biex jiġu stabbiliti u ġġustifikati l-kundizzjonijiet tat-titjira għandhom ikunu fil-pussess ta’ sid l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira għad-dispożizzjoni ta’ l-Aġenzija u l-Awtorità Kompetenti u għandhom jinżammu sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa biex tkun żgurata adegwatezza għall-ajru kontinwa ta’ l-ajruplan.

(b)

Id-dokumenti kollha assoċjati mal-ħruġ ta’ permessi għat-titjir taħt il-privileġġ ta’ l-organizzazzjonijiet approvati, inklużi rekords ta’ spezzjonijiet, dokumenti li jissostanzjaw l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira u l-permess għat-titjir innifsu, għandhom ikunu fil-pussess ta’ l-organizzazzjoni relatata approvata għad-dispożizzjoni ta’ l-Aġenzija jew l-Awtorità Kompetenti u għandhom jinżammu sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa biex tkun żgurata adegwatezza għall-ajru kontinwa ta’ l-ajruplan.”

15.

Il-paragrafu 21B.20 qed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“21B.20   Obbligi ta’ l-awtorità kompetenti

Kull waħda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru hija responsabbli mill-implimentazzjoni tas-Sezzjoni A, bis-Subpartijiet F, G, H, I u P biss għall-applikanti, jew sidien, li l-post prinċipali tan-negozju tagħhom ikun fit-territorju tagħha.”

16.

Fil-paragrafu 21B.25 is-subparagrafu (a) qed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Ġenerali:

L-Istat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti b’responsabbiltajiet allokati għall-implimentazzjoni tas-Sezzjoni A, is-Subpartijiet F, G, H, I u P bi proċeduri dokumentati, struttura ta’ organizzazzjoni u staff.”

17.

It-titolu tas-Subparti H tas-Sezzjoni B qed jiġi ssostitwit kif ġej:

“SUBPARTI H —   ĊERTIFIKATI TA’ L-ADEGWATEZZA GĦALL-AJRU U ĊERTIFIKATI RISTRETTI TA’ L-ADEGWATEZZA GĦALL-AJRU”

18.

Fil-paragrafu 21B.325 is-subparagrafu (a) qed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tar-reġistru għandha, skond kif ikun applikabbli, toħroġ, jew temenda Ċertifikat ta’ l-Adegwatezza għall-Ajru (EASA Formola 25, ara l-Appendiċi) jew Ċertifikat Ristrett ta’ l-Adegwatezza għall-Ajru (EASA Formola 24, ara l-Appendiċi) mingħajr dewmien għalxejn meta tkun sodisfatta li r-rekwiżiti applikabbli tas-Sezzjoni A, is-Subparti H ikunu ssodisfatti.”

19.

Il-paragrafu 21B.330 qed jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“21B.330   Sospensjoni u revoka ta’ ċertifikati ta’ l-adegwatezza għall-ajru u ċertifikati ristretti ta’ l-adegwatezza għall-ajru

(a)

Fuq evidenza li xi waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati f’21A.181(a) ma tkunx issodisfatta, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tar-reġistru għandha tissospendi jew tirrevoka ċ-ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru.

(b)

Mal-ħruġ ta’ l-avviż ta’ sospensjoni u revoka ta’ ċertifikat ta’ l-adegwatezza għall-ajru jew ċertifikat ristrett ta’ l-adegwatezza għall-ajru l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tar-reġistru għandha tistqarr ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew revoka u tinforma lil sid iċ-ċertifikat dwar id-dritt tiegħu għal appell.”

20.

Is-Subparti P tas-Sezzjoni B qed tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

“SUBPARTI P —   PERMESS GĦAT-TITJIR

21B.520   Investigazzjoni

(a)

L-Awtorità Kompetenti għandha twettaq attivitajiet investigattivi suffiċjenti biex tiġġustifika l-ħruġ, jew ir-revoka tal-permess għat-titjir.

(b)

L-Awtorità Kompetenti għandha tħejji proċeduri ta’ evalwazzjoni li jkunu jkopru għall-anqas l-elementi li ġejjin:

1.

evalwazzjoni ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-applikant;

2.

evalwazzjoni ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-applikazzjoni;

3.

evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni rċevuta ma’ l-applikazzjoni;

4.

spezzjoni ta’ l-ajruplan;

5.

approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira f’konformità ma’ 21A.710(b).

21B.525   Ħruġ ta’ permessi għat-titjir

L-Awtorità Kompetenti għandha toħroġ permess għat-titjir (EASA Formola 20a, ara l-Appendiċi) meta tkun sodisfatta li r-rekwiżiti applikabbli tas-Sezzjoni A, is-Subparti P ikunu ssodisfatti.

21B.530   Revoka ta’ permessi għat-titjir

(a)

Fuq evidenza li xi waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati fil-21A.723(a) ma tkunx issodisfata għal permess għat-titjir li tkun ħarġet, l-Awtorità Kompetenti għandha tirrevoka dak il-permess għat-titjir.

(b)

Mal-ħruġ ta’ l-avviż ta’ revoka ta’ permess għat-titjir l-Awtorità Kompetenti għandha tistqarr ir-raġunijiet għar-revoka u tinforma lil sid il-permess għat-titjir dwar id-dritt għal appell.

21B.545   Żamma ta’ rekords

(a)

L-Awtorità Kompetenti għandha tħaddem sistema ta’ żamma ta’ rekords li tkun tipprovdi traċċabbiltà adegwata tal-proċess tal-ħruġ u r-revoka ta’ kull wieħed mill-permessi individwali għat-titjir.

(b)

Ir-rekords għandu jkun fihom ta’ l-anqas:

1.

id-dokumenti pprovduti mill-applikant;

2.

id-dokumenti stabbiliti matul l-investigazzjoni, li fihom ikunu mistqarra l-attivitajiet u r-riżultati finali ta’ l-elementi ddefiniti f’21B.520(b); u

3.

kopja tal-permess għat-titjir.

(c)

Ir-rekords għandhom jinżammu għal minimu ta’ sitt snin wara li l-permess ma jibqax validu.”

21.

Il-lista ta’ l-Appendiċi qed tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

 

“Appendiċi I — EASA Formola 1 Ċertifikat tar-rilaxx Awtorizzat

 

Appendiċi II — EASA Formola 15a Ċertifikat ta’ Verifika ta’ l-Adegwatezza għall-Ajru

 

Appendiċi III — EASA Formola 20a Permess għat-Titjir

 

Appendiċi IV — EASA Formola 20b Permess għat-Titjir (maħruġ minn organizzazzjonijiet approvati)

 

Appendiċi V — EASA Formola 24 Ċertifikat Ristrett ta’ l-Adegwatezza għall-Ajru

 

Appendiċi VI — EASA Formola 25 Ċertifikat ta’ l-Adegwatezza għall-Ajru

 

Appendiċi VII — EASA Formola 45 Ċertifikat tal-Ħoss

 

Appendiċi VIII — EASA Formola 52 Stqarrija ta’ Konformità ta’ l-Ajruplan

 

Appendiċi IX — EASA Formola 53 Ċertifikat għar-Rilaxx tas-Servizz

 

Appendiċi X — EASA Formola 55 Ċertifikat ta’ Approvazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni tal-Produzzjoni

 

Appendiċi XI — EASA Formola 65 Ittra ta’ Kunsens [Produzzjoni mingħajr POA]”

22.

EASA Formola 20 qed tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

Image

Test ta 'immaġni

23.

EASA Formola 20b qed tiżdied kif ġej:

Image

Test ta 'immaġni

24.

L-Iskeda B ta’ l-EASA Formola 55 qed tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

Image

Test ta 'immaġni