8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

218


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (EURATOM) Nru 300/2007

tad-19 ta' Frar 2007

li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Komunità Ewropea hija fornitriċi maġġura ta' assistenza ekonomika, finanzjarja, teknika, umanitarja u makro-ekonomika għall-pajjiżi terzi. Sabiex l-għajnuna esterna tal-Komunità Ewropea ssir aktar effettiva, ġie mfassal qafas ġdid għall-ippjanar u l-forniment ta' assistenza li jinkludi r-Regolamenti li ġejjin: ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (2) sabiex ikopri l-assistenza Komunitarja għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali, ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (3), ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għal Strument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp (4), ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (5), ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (6), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-koperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (7). Ir-Regolament preżenti huwa strument komplementari mmirat sabiex jippromwovi livell għoli ta' sikurezza nukleari, ta' protezzjoni kontra r-radjazzjoni u l-applikazzjoni ta' salvagwardji effiċjenti u effikaċi ta' materjal nukleari f'pajjiżi terzi.

(2)

L-inċident ta' Chernobyl fl-1986 enfasizza l-importanza globali tas-sikurezza nukleari. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (it-“Trattat ta' l-Euratom”) li jinħolqu l-kondizzjonijiet ta' sikurezza meħtieġa sabiex ikunu eliminati l-perikli għall-ħajja u għas-saħħa tal-pubbliku, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (il-“Komunità”) għandha tkun tista' tappoġġa s-sikurezza nukleari f'pajjiżi terzi.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/819/Euratom (8) il-Komunità ngħaqdet mal-Konvenzjoni ta' l-1994 dwar is-Sikurezza Nukleari li għandha bħala wieħed mill-objettivi tagħha li tikseb u żżomm livell għoli ta' sikurezza nukleari madwar id-dinja. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/510/Euratom (9), il-Komunità ngħaqdet ukoll mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta' Kombustibbli Eżawrit u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta' Skart Radjuattiv li għandha bħala wieħed mill-objettivi tagħha li tikseb u żżomm livell għoli ta' sikurezza madwar id-dinja fil-ġestjoni tal-kombustibbli eżawrit u ta' l-iskart radjuattiv. Iż-żewġ Konvenzjonijiet jimmiraw li jilħqu dawn l-objettivi permezz tat-tisħiħ ta' miżuri nazzjonali u tal-koperazzjoni internazzjonali inkluża, fejn ikun il-każ, il-kooperazzjoni relatata mas-sikurezza.

(4)

Il-Komunità diġà tipprattika kooperazzjoni mill-qrib, skond il-Kapitolu 10 tat-Trattat ta' l-Euratom, ma' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA), kemm fir-rigward tas-salvagwardji nukleari lejn l-objettivi tal-Kapitolu 7 tat-Tieni Titolu tat-Trattat ta' l-Euratom, kif ukoll fir-rigward tas-sikurezza nukleari.

(5)

Hemm bżonn partikolari li l-Komunità tkompli l-isforzi tagħha b'appoġġ għall-applikazzjoni ta' salvagwardji effikaċi ta' materjali nukleari f'pajjiżi terzi, billi tibni fuq l-attivitajiet ta' salvagwardja tagħha stess fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

(6)

Hemm bżonn partikolari li hija tibni fuq l-esperjenza diġà miksuba taħt il-programmi Tacis u Phare anke permezz tal-ħidma tal-gruppi esperti rilevanti, b'mod partikolari fil-qasam tar-responsabbiltà nukleari ċivili.

(7)

Hemm il-ħtieġa ta' finanzjament ta' miżuri paralleli ta' appoġġ għall-objettivi ta' dan ir-Regolament, inklużi t-taħriġ, ir-riċerka u l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Trattati internazzjonali. Huwa kunsiljabbli li jsir koordinament ta' l-azzjonijiet taħt tali Konvenzjonijiet u Trattati ma' l-azzjonijiet Komunitarji.

(8)

Addizzjonalment għat-Trattati u Konvenzjonijiet internazzjonali, xi Stati Membri kkonkludew ftehim bilaterali dwar il-forniment ta' assistenza teknika.

(9)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju ta' l-1992 dwar problemi teknoloġiċi tas-sikurezza nukleari, il-Kunsill “jenfasizza l-importanza partikolari li jagħti lis-sikurezza nukleari fl-Ewropa, u għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jadottaw bħala l-objettiv fundamentali u ta' prijorità tal-kooperazzjoni tal-Komunità fil-qasam nukleari, b'mod partikolari mal-pajjiżi l-oħrajn Ewropej, b'mod speċjali dawk ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u r-Repubbliki ta' l-ex Unjoni Sovjetika, li jġibu l-installazzjonijiet nukleari tagħhom konformi mal-livelli ta' sikurezza ekwivalenti ma' dawk li jintużaw fil-Komunità u li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-kriterji ta' sikurezza u tar-rekwiżiti diġà rikonoxxuti madwar il-Komunità kollha”. Huwa meħtieġ li tiġi mogħtija assistenza finanzjarja b'kont meħud ta' dawn l-objettivi, anke meta jiġu appoġġati impjanti eżistenti li għadhom ma bdewx joperaw.

(10)

Skond il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, “liċenzja” tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija mill-korp regolatorju lill-applikant sabiex jieħu r-responsabbiltà għat-tqegħid fis-sit, għat-tfassil, għall-kostruzzjoni, għall-kummissjonar, għall-operat jew għad-dekummissjonar ta' installazzjoni nukleari.

(11)

Huwa mifhum li, meta tingħata assistenza lill-installazzjoni nukleari konċernata, din tingħata bil-mira li jista' jinkiseb l-impatt massimu mill-assistenza, mingħajr, madankollu, l-ebda devjazzjoni mill-prinċipju li r-responsabbiltà għas-sikurezza ta' l-installazzjoni għandha tkun f'idejn l-operatur u l-Istat li jkollu ġurisdizzjoni fuq l-installazzjoni.

(12)

Il-Linji Gwida ta' l-2001 għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operattiva fil-qasam ta' l-assistenza esterna jenfasizzaw il-ħtieġa għal koordinazzjoni msaħħa ta' l-assistenza esterna ta' l-UE.

(13)

Għall-adozzjoni ta' miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

(14)

Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 99/2000 tad-29 ta' Diċembru 1999 dwar l-għoti ta' għajnuna lill-Istati sħab fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Asja Ċentrali (10), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/381/KE, Euratom tal-5 ta' Ġunju ta' l-1998 dwar kontribut Komunitarju lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp għall-Fond tar-Rifuġju ta' Chernobyl (11), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/824/KE, Euratom tas-16 ta' Novembru 2001 dwar kontribut ulterjuri tal-Komunità Ewropea lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għall-Fond tar-Rifuġju ta' Chernobyl (12). Dawk l-istrumenti għandhom għalhekk jiġu mħassra.

(15)

Huwa meħtieġ li dan ir-Regolament, li jipprovdi għal assistenza finanzjarja b'appoġġ ta' l-objettivi tat-Trattat, japplika mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri fl-oqsma konċernati, partikolarment relattivament għas-salvagwardji nukleari.

(16)

F'dan ir-Regolament huwa inkluż, għat-tul ta' żmien kollu ta' l-istrument, ammont finanzjarju ta' referenza, fis-sens tal-punt 38 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (13), mingħajr ma jiġu milquta minnu s-setgħat ta' l-awtorità baġitarja kif definiti mit-Trattat ta' l-Euratom.

(17)

It-Trattat ta' l-Euratom ma jipprevedix, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, setgħat għajr dawk taħt l-Artikolu 203.

(18)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' l-Istrument għall-kooperazzjoni dwar is-sikurezza nukleari, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

OBJETTIVI

Artikolu I

Għanijiet ġenerali u kamp ta' applikazzjoni

Il-Komunità għandha tiffinanzja miżuri sabiex tappoġġa l-promozzjoni ta' livell għoli ta' sikurezza nukleari, ta' protezzjoni minn radjazzjoni u l-applikazzjoni ta' salvagwardji effiċjenti u effikaċi ta' materjal nukleari f'pajjiżi terzi skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Skop

L-assistenza finanzjarja, ekonomika u teknika prevista f'dan ir-Regolament għandha tkun komplementari għal kwalunkwe assistenza li tkun provduta mill-Komunità Ewropea taħt l-istrument ta' Għajnuna Umanitarja, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument għall-Istabbiltà, l-Istrument Ewropew għall-promozzjoni tad-Demokrazija u tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Istrument għall-Pajjiżi Industrijalizzati. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet għandhom jiġu appoġġati, minn dan ir-Regolament, il-miżuri li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta' kultura ta' sikurezza nukleari effikaċi fil-livelli kollha, b'mod partikolari permezz ta':

appoġġ kontinwu għal korpi regolatorji, organizzazzjonijiet ta' appoġġ tekniku, u t-tisħiħ tal-qafas regolatorju, b'mod partikolari fir-rigward ta' attivitajiet ta' liċenzjar,

l-użu, b'mod partikolari, ta' l-esperjenza ta' l-operaturi, ta' programmi ta' assistenza, fuq il-post u esterni, kif ukoll konsultazzjoni u attivitajiet relatati li jimmiraw lejn titjib fis-sigurtà tat-tfassil, ta' l-operat u tal-manutenzjoni ta' impjanti nukleari li huma attwalment liċenzjati u installazzjonijiet nukleari eżistenti oħrajn sabiex jintlaħqu livelli għolja ta' sikurezza,

appoġġ għat-trasport, trattament u rimi mingħajr periklu ta' kombustibbli nukleari eżawrit u ta' skart radjuattiv, u

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji għad-dekummissjonar ta' installazzjonijiet eżistenti u r-risanament ta' dawk li qabel kienu siti nukleari;

(b)

il-promozzjoni ta' oqfsa, proċeduri u sistemi regolatorji effikaċi li jiżguraw kontra radjazzjoni jonizzanti minn materjali radjuattivi, b'mod partikolari minn sorsi radjuattivi ta' attività għolja, u r-rimi tagħhom mingħajr periklu;

(ċ)

it-twaqqif tal-qafas u l-metodoloġiji regolatorji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' salvagwardji nukleari, inklużi l-verifika u l-kontroll korretti ta' materjali fissili fil-livell Statali u fil-livell ta' l-operaturi;

(d)

l-istabbiliment ta' arranġamenti effikaċi għall-prevenzjoni ta' inċidenti b'konsegwenzi radjoloġiċi kif ukoll il-mitigazzjoni ta' tali konsegwenzi jekk dawn iseħħu, u għal miżuri ta' ppjanar, tħejjija u rispons f'emerġenzi, ta' protezzjoni ċivili u ta' rijabilitazzjoni;

(e)

miżuri li jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali (anke fil-qafas ta' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari ta' l-IAEA) fl-oqsma msemmija hawn fuq, inklużi l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' Konvenzjonijiet u Trattati internazzjonali, l-iskambju ta' informazzjoni u t-taħriġ u r-riċerka.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati jkunu konsistenti mal-qafas ta' politika strateġika ġenerali tal-Komunità Ewropea għall-pajjiż imsieħeb, u b'mod partikolari ma' l-objettivi tal-linji politici u programmi tagħha ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp u ta' kooperazzjoni ekonomika adottati skond l-Artikoli 179 u 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

TITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI: PROGRAMMAZZJONI U ALLOKAZZJONI TA' FONDI

Artikolu 3

Dokumenti ta' strateġija u programmi indikattivi

1.   L-assistenza Komunitarja taħt dan ir-Regolament għandha tkun implimentata abbażi ta' dokumenti ta' strateġija pluriennali u programmi indikattivi.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija pluriennali, li jkopru wieħed jew aktar pajjiżi, għandhom jikkostitwixxu l-bażi ġenerali għall-implimentazzjoni ta' assistenza taħt l-Artikolu 2, u għandhom ikunu stabbiliti għal perjodu ta' mhux iktar minn seba' snin. Huma għandhom jistabbilixxu l-istrateġija tal-Komunità għall-ogħti ta' assistenza taħt dan ir-Regolament, skond il-ħtiġijiet tal-pajjiżi konċernati, il-prijoritajiet tal-Komunità, is-sitwazzjoni internazzjonali u l-attivitajiet ta' l-imsieħba prinċipali.

3.   Fit-tfassil ta' dawn id-dokumenti ta' strateġija, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkunu konsistenti ma' l-istrateġiji u l-miżuri adottati taħt strumenti oħrajn tal-Komunità Ewropea għal assistenza esterna.

4.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jinkludu programmi indikattivi pluriennali, li jistabbilixxu ż-żoni ta' prijorità magħżulin għall-finanzjament Komunitarju, l-objettivi speċifiċi u r-riżultati mistennija, u l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, ġenerali u għal kull qasam ta' prijorità. Fejn ikun il-każ, l-allokazzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw fil-forma ta' medda ta' allokazzjonijiet. Dawn il-programmi indikattivi għandhom jiġi stabbiliti b'konsultazzjoni mal-pajjiż imsieħeb jew mal-pajjiżi konċernati.

Artikolu 4

L-adozzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni

1.   Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2). Huma għandhom ikopru perjodu ta' mhux itwal mill-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu riveduti f'nofs il-perjodu jew kull meta jkun meħtieġ, u jistgħu jiġu riveduti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

3.   Il-programmi indikattivi għandhom jiġu riveduti kif meħtieġ b'kont meħud ta' kwalunkwe reviżjoni tad-dokumenti rilevanti ta' strateġija. F'każijiet eċċezzjonali, jista' jsir l-aġġustament ta' allokazzjonijiet pluriennali fid-dawl ta' ċirkostanzi speċjali, bħal żviluppi maġġuri li ma kinux previsti jew xi prestazzjoni eċċezzjonali. Kwalunkwe reviżjoni ta' programmi indikattivi għandha ssir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

TITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI: DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

Artikolu 5

Programmi ta' azzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' azzjoni mfassla abbażi tad-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi msemmija fl-Artikolu 3. Dawn il-programmi ta' azzjoni, li normalment jiġu mfassla fuq bażi annwali, għandhom jistabbilixxu d-dettalji speċifiċi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' assistenza taħt dan ir-Regolament.

B'mod eċċezzjonali, per eżempju f'każijiet fejn programm ta' azzjoni għadu ma ġiex adottat, il-Kummissjoni, tista', abbażi tad-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi msemmija fl-Artikolu 3, tadotta miżuri mhux previsti fi programm ta' azzjoni taħt l-istess proċeduri li japplikaw għall-programmi ta' azzjoni.

2.   Dawn il-programmi ta' azzjoni għandhom jispeċifikaw l-objettivi segwiti, l-oqsma ta' intervent, il-miżuri maħsuba, ir-riżultati mistennija, il-proċeduri ta' amministrazzjoni u l-ammont totali ta' finanzjament ippjanat. Huma għandhom jinkludu deskrizzjoni fil-qosor ta' l-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni ta' l-ammonti allokati għal kull operazzjoni u skeda indikattiva ta' żmien ta' implimentazzjoni. Fejn rilevanti, huma jistgħu jinkludu r-riżultati ta' kwalunkwe esperjenzi miksuba minn assistenza ta' qabel.

3.   Il-programmi ta' azzjoni, u kwalunkwe reviżjonijiet jew estensjonijiet tagħhom, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2), wara, fejn ikun il-każ, konsultazzjoni mal-pajjiż imsieħeb, jew mal-pajjiżi msieħba fir-reġjun konċernat.

Artikolu 6

Miżuri speċjali

1.   Minkejja l-Artikoli 3 sa 5, il-Kummissjoni tista', fil-każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u urġenti, tadotta miżuri speċjali li ma jkunux previsti fid-dokumenti ta' strateġija u fil-programmi indikattivi msemmija fl-Artikolu 3 jew fil-programmi ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Il-miżuri speċjali għandhom jispeċifikaw l-objettivi segwiti, l-oqsma ta' attività, ir-riżultati mistennija, il-proċeduri użati ta' amministrazzjoni u l-ammont totali ta' finanzjament ippjanat. Huma għandhom jinkludu deskrizzjoni fil-qosor ta' l-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni ta' l-ammonti allokati għal kull operazzjoni u skeda indikattiva ta' żmien ta' implimentazzjoni.

3.   Fejn l-ispiża tal-miżuri speċjali teċċedi EUR 5 000 000, il-Kummissjoni għandha tadottahom skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2), wara, fejn ikun il-każ, konsultazzjoni mal-pajjiż imsieħeb, jew mal-pajjiżi msieħba fir-reġjun konċernat.

4.   Fejn l-ispiża tal-miżuri speċjali tkun EUR 5 000 000 jew inqas, il-Kummissjoni għandha tinforma bil-miktub lill-Kunsill u lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 19 fi żmien xahar minn meta tadotta tali miżuri.

Artikolu 7

Eliġibbiltà

1.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament taħt dan ir-Regolament bil-għan li jiġu implimentati l-programmi ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 u l-miżuri speċjali msemmija fl-Artikolu 6 safejn dawn jistgħu effettivament jikkontribwixxu għall-għanijiet tar-Regolament kif stabbilit fl-Artikolu 2:

(a)

il-pajjiżi u r-reġjuni msieħba u l-istituzzjonijiet tagħhom;

(b)

il-korpi deċentralizzati fil-pajjiżi msieħba, bħal reġjuni, dipartimenti, provinċji u muniċipalitajiet;

(ċ)

il-korpi konġunti stabbiliti mill-pajjiżi u r-reġjuni msieħba u l-Komunità;

(d)

l-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-organizzazzjonijiet reġjonali, il-korpi tan-NU, id-dipartimenti u l-missjonijiet, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-banek għall-iżvilupp, safejn dawn jikkontribwixxu għall-objettivi ta' dan ir-Regolament;

(e)

iċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Komunità u l-aġenziji ta' l-Unjoni Ewropea;

(f)

l-entitajiet u l-korpi, imsemmija hawn taħt, ta' l-Istati Membri, il-pajjiżi u r-reġjuni msieħba u kwalunkwe pajjiż terz ieħor safejn jikkontribwixxu għall-objettivi ta' dan ir-Regolament:

(i)

il-korpi pubbliċi u parastatali, l-awtoritajiet jew l-amministazzjonijiet lokali u l-konsorzji tagħhom;

(ii)

il-kumpanniji, id-ditti u l-organizzazzjonijiet u n-negozji privati oħrajn;

(iii)

l-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu, jippromwovu u jiffinanzjaw investiment privat f'pajjiżi u reġjuni msieħba;

(iv)

atturi mhux statali kif definiti fil-paragrafu 2;

(v)

persuni fiżiċi.

2.   L-atturi mhux statali eliġibbli għal appoġġ finanzjarju taħt dan ir-Regolament għandhom jinkludu: l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw popli indiġeni, il-gruppi ta' ċittadini lokali u l-assoċjazzjonijiet ta' kummerċjanti, il-koperattivi, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ekonomiċi u soċjali, l-organizzazzjonijiet lokali (inklużi networks) involuti fil-kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali deċentralizzata, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tat-tagħlim, tal-kultura, tar-riċerka u tax-xjenza, l-universitajiet, il-knejjes u assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi, il-media u kwalunkwe assoċjazzjonijiet mhux governattivi u fondazzjonijiet indipendenti li x'aktarx jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew għad-dimensjoni esterna tal-linji politiċi interni.

Artikolu 8

Tipi ta' miżuri

1.   Il-finanzjament Komunitarju jista' jieħu l-forom li ġejjin:

(a)

proġetti u programmi;

(b)

appoġġ settorali;

(ċ)

kontributi li jiggarantixxu fondi skond l-Artikolu 16;

(d)

f'każijiet eċċezzjonali, programmi għat-tħaffif tad-dejn, taħt xi programm, miftiehem internazzjonalment, għall-eżoneru mid-dejn;

(e)

għotjiet għall-finanzjament ta' miżuri;

(f)

għotjiet li jkopru spejjeż operattivi;

(g)

finanzjament ta' programmi ta' ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet pubbliċi, korpi pubbliċi nazzjonali jew entitajiet stabbiliti taħt id-dritt privat b'missjoni ta' servizz pubbliku ta' Stat Membru u dawk ta' pajjiż jew reġjun imsieħeb;

(h)

kontributi lil fondi internazzjonali, b'mod partikolari dawk amministrati minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali;

(i)

kontributi lil fondi nazzjonali stabbiliti minn pajjiżi u reġjuni msieħba sabiex jattiraw finanzjament konġunt minn numru ta' donaturi, jew kontributi lil fondi stabbiliti minn donatur jew aktar bil-għan ta' l-implimentazzjoni konġunta ta' l-operazzjonijiet;

(j)

riżorsi umani u materjali meħtieġa għall-amministrazzjoni u s-superviżjoni effettiva ta' proġetti u programmi minn pajjiżi u reġjuni msieħba.

2.   L-attivitajiet koperti minn, u eliġibbli għall-finanzjament taħt, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1257/96 ta' l-20 ta' Ġunju ta' l-1996 dwar l-għajnuna umanitarja (14) ma jistgħux jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament.

3.   Il-finanzjament Komunitarju m'għandux, bħala prinċipju, jintuża sabiex jitħallsu t-taxxi, id-dazji doganali jew ħlasijiet fiskali oħrajn f'pajjiżi benefiċjarji.

Artikolu 9

Miżuri ta' appoġġ

1.   Il-finanzjament Komunitarju jista' jkopri nfiq assoċjat ma' l-attivitajiet ta' tħejjija, segwitu, monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-kisba ta' l-objettivi tiegħu, eż. attivitajiet ta' studji, laqgħat, informazzjoni, sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika, taħriġ u pubblikazzjoni, infiq assoċjat ma' networks kompjuterizzati għall-iskambju ta' informazzjoni u kwalunkwe nfiq ieħor għal assistenza amministrattiva jew teknika li l-Kummissjoni tista' tagħmel għall-amministrazzjoni tal-programm. Huwa għandu jkopri wkoll l-infiq għal persunal għall-appoġġ amministrattiv impjegat fid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex jamministraw proġetti ffinanzjati taħt dan ir-Regolament.

2.   L-ebda waħda mill-miżuri ta' appoġġ m'huma neċessarjament koperti mill-programmazzjoni pluriennali u għalhekk jistgħu jiġu ffinanzjati barra l-ambitu tad-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali. Madankollu, huma jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll taħt programmi indikattivi pluriennali. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' appoġġ li ma jkunux koperti minn programmi indikattivi pluriennali skond l-Artikolu 6.

Artikolu 10

Kofinanzjament

1.   Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli għal kofinanzjament minn, inter alia, dawn li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri, u b'mod partikolari l-aġenziji pubbliċi u parastatali tagħhom;

(b)

pajjiżi donaturi oħrajn u b'mod partikolari l-aġenziji pubbliċi u parastatali tagħhom;

(ċ)

organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, u b'mod partikolari istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u reġjonali;

(d)

kumpanniji, ditti, u organizzazzjonijiet u negozji privati oħrajn, u atturi mhux statali oħrajn imsemmija fl-Artikolu 7(2);

(e)

il-pajjiżi u r-reġjuni msieħba li jirċievu finanzjament.

2.   Fil-każ ta' kofinanzjament parallel, il-proġett jew il-programm għandu jiġi maqsum f'numru ta' sub-proġetti identifikabbli b'mod ċar, li rispettivament ikunu ffinanzjati minn imsieħba differenti li jipprovdu kofinanzjament b'tali mod li l-użu aħħari tal-finanzjament jista' dejjem jiġi identifikat. Fil-każ ta' kofinanzjament konġunt, l-ispiża totali tal-proġett jew programm għandu jiġi kondiviż bejn l-imsieħba li jipprovdu l-kofinanzjament u r-riżorsi għandhom jiġu akkomunati b'tali mod li ma jkunx possibbli li jiġi identifikat is-sors tal-finanzjament għal kwalunkwe attività li titwettaq bħali parti mill-proġett jew programm.

3.   Fil-każ ta' konfinanzjament konġunt, il-Kummissjoni tista' tirċievi jew tamministra fondi f'isem il-korpi msemmija taħt (a), (b) u (ċ) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bl-għan ta' l-implimentazzjoni ta' miżuri konġunti. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-miżuri ċentralment, direttament jew indirettament, billi tiddelega l-inkarigu lill-aġenziji jew korpi Komunitarji stabbiliti mill-Komunità. Tali fondi għandhom jiġu trattati bħala dħul assenjat skond l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (15).

Artikolu 11

Proċeduri ta' amministrazzjoni

1.   Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

2.   F'każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista', skond l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tiddeċiedi li tafda l-inkarigi ta' awtorità pubblika, u b'mod partikolari l-inkarigi ta' implimentazzjoni ta' baġit, lill-korpi msemmija fl-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 jekk ikunu ta' reputazzjoni rikonoxxuta internazzjonalment, ikunu konformi ma' sistemi ta' amministrazzjoni u kontroll rikonoxxuti internazzjonalment, u jkunu sorveljati minn awtorità pubblika.

3.   Fil-każ ta' amministrazzjoni deċentralizzata, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tuża l-proċeduri ta' akkwist jew ta' għotja tal-pajjiż jew reġjun benefiċjarju.

Artikolu 12

Impenji tal-baġit

1.   L-impenji baġitarji għandhom isiru abbażi tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 5, 6 u 9.

2.   Il-forom legali għall-finanzjament Komunitarju għandhom jinkludu:

ftehim ta' finanzjament;

ftehim ta' għotja;

kuntratti ta' akkwist;

kuntratti ta' impjieg.

Artikolu 13

Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Kwalunkwe ftehim li jirriżulta minn dan ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, partikolarment fir-rigward ta' frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet oħra, skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (16) u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (17) u r-Regolament (Euratom) Nru 1074/99 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (18).

2.   Il-ftehim għandhom espressament jagħtu lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri s-setgħa ta' verifika, abbażi ta' dokumenti u fil-post, fuq il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji. Huma għandhom ukoll jawtorizzaw b'mod espliċitu lill-Kummissjoni li twettaq kontrolli u ispezzjonijiet fil-post, kif previst fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

3.   Il-kuntratti kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' assistenza għandhom jiżguraw id-dritt tal-Kummissjoni u tal-Qorti ta' l-Awdituri, kif previsti fil-paragrafu 2 waqt u wara l-implimentazzjoni ta' kuntratti.

Artikolu 14

Regoli ta' parteċipazzjoni u oriġini

1.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi li jkunu ċittadini ta', jew persuni ġuridiċi li jkunu stabbiliti ġewwa, Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, pajjiż li jkun jew ikun ġie definit bħala benefiċjarju ta' assistenza fi Programm ta' Azzjoni adottat taħt ir-Regolament preżenti, pajjiż li jkun benefiċjarju ta' l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni jew l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija, jew Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea iżda li ma jkunx Stat Membru ta' l-UE.

2.   Il-Kummissjoni tista', f'każijiet debitament sostanzjati, tawtorizza l-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi li jkunu ċittadini ta', jew persuni ġuridiċi li jkunu stabbiliti ġewwa, pajjiż li jkollu rabtiet tradizzjonali ekonomiċi, kummerċjali jew ġeografiċi ma' pajjiż benefiċjarju.

3.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha wkoll tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi li jkunu ċittadini ta', jew persuni ġuridiċi li jkunu stabbiliti ġewwa, kwalunkwe pajjiż divers minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1, kull meta jkun ġie stabbilit l-aċċess reċiproku għall-assistenza esterna tagħhom. L-aċċess reċiproku għandu jingħata kull meta pajjiż jagħti l-eliġibbiltà fuq termini ekwivalenti lill-Istati Membri u lill-pajjiż riċevitur konċernat.

L-aċċess reċiproku għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament u strumenti Komunitarji oħrajn ta' assistenza esterna għandu jiġi stabbilit permezz ta' deċiżjoni speċifika li tikkonċerna pajjiż speċifiku jew grupp speċifiku ta' pajjiżi reġjonali. Tali deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19(2) u għandha tkun fis-seħħ għal perjodu minimu ta' sena.

L-għoti ta' aċċess reċiproku għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament u taħt strumenti Komunitarji oħrajn ta' assistenza esterna għandu jkun ibbażat fuq paragun bejn il-Komunità u donaturi oħrajn u għandu jipproċedi fil-livell settorali jew fil-livell tal-pajjiż kollu, kemm jekk ikun pajjiż donatur kif ukoll jekk ikun pajjiż riċevitur. Id-deċiżjoni sabiex tingħata din ir-reċiproċità lil pajjiż donatur għandha tkun ibbażata fuq it-trasparenza, il-konsistenza u l-proporzjonalità ta' l-għajnuna pprovduta minn dak id-donatur, inkluża n-natura kwalitattiva u kwantitattiva tagħha. Għandha ssir konsultazzjoni mal-pajjiżi benefiċjarji bħala parti mill-proċedura deskritta f'dan il-paragrafu.

L-aċċess reċiproku għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għall-benefiċċju tal-pajjiżi l-inqas żviluppati kif iddefinit mill-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-OECD għandu jingħata awtomatikament lill-membri tal-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-OECD.

4.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

5.   L-esperti jistgħu jkunu ta' kwalunkwe nazzjonalità. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kwalitattivi u finanzjarji stabbiliti fir-regoli Komunitarji dwar l-akkwist.

6.   Il-fornimenti u l-materjali kollha mixtrija taħt kuntratti ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom joriġinaw mill-Komunità jew minn pajjiż eliġibbli taħt dan l-Artikolu. It-terminu “oriġini” għall-fini ta' dan ir-Regolament huwa ddefinit fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti dwar regoli ta' l-oriġini għall-finijiet doganali.

7.   Il-Kummissjoni tista', f'każijiet debitament sostanzjati, tawtorizza l-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi li jkunu ċittadini ta', jew persuni ġuridiċi li jkunu stabbiliti ġewwa, pajjiżi diversi minn dawk imsemmijin fil-paragrafi 1, 2, u 3, jew ix-xiri ta' fornimenti jew materjali ta' oriġini differenti minn dik stabbilita fil-paragrafu 6. Jistgħu jiġu ġustifikati derogi abbażi tan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi konċernati, minħabba raġunijiet ta' urġenza estrema, jew jekk ir-regoli ta' eliġibbiltà jagħmlu r-realizzazzjoni ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew ferm diffiċli.

8.   Kull meta l-finanzjament Komunitarju jkopri operazzjoni implimentata permezz ta' organizzazzjoni internazzjonali, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kuntrattwali rilevanti għandhom ikunu miftuħin għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jkunu eliġibbli skond il-paragrafi 1, 2 u 3 kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jkunu eliġibbli skond ir-regoli ta' dik l-organizzazzjoni, b'attenzjoni debita sabiex jingħata trattament ugwali lid-donaturi kollha. L-istess regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' fornimenti, materjali u esperti.

Kull meta l-finanzjament Komunitarju jkopri operazzjoni kkofinanzjata ma' pajjiż terz, suġġett għar-reċiproċità kif definita fil-paragrafu 2, ma' organizzazzjoni reġjonali, jew ma' Stat Membru, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kuntrattwali rilevanti għandhom ikunu miftuħin għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jkunu eliġibbli skond il-paragrafi 1, 2 u 3 kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jkunu eliġibbli skond ir-regoli ta' tali pajjiż terz, organizzazzjoni reġjonali jew Stat Membru. L-istess regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' fornimenti, materjali u esperti.

9.   L-offerenti li jkunu ngħataw kuntratti skond dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw standards ewlenin dwar l-impjieg kif definiti fil-Konvenzjonijiet rilevanti ta' l-ILO.

Artikolu 15

Għotjiet

Persuni fiżiċi jistgħu jirċievu għotjiet konformement ma' l-Artikolu 114 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 16

Fondi magħmula disponibbli lill-Bank ta' Investiment Ewropew jew intermedjarji finanzjarji oħrajn

Il-fondi msemmija fl-Artikolu 8(1) (ċ) u (h) għandhom jiġu amministrati minn intermedjarji finanzjarji, mill-Bank ta' Investiment Ewropew jew kwalunkwe bank ieħor jew organizzazzjoni kapaċi li tamministrahom. Il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet implimentattivi għal dan l-Artikolu, fuq bażi ta' każ b'każ sabiex ikopru l-qsim tar-riskju, ir-rimunerazzjoni ta' l-intermedjarju fdat bl-inkarigu ta' l-implimentazzjoni, l-użu u l-irkupru ta' mgħax fuq il-fond u l-għeluq ta' l-operazzjoni.

Artikolu 17

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha regolarment tevalwa r-riżultati ta' linji politiċi u programmi u l-effikaċja ta' programmazzjoni sabiex tiżgura jekk l-objettivi ntlaħqux u sabiex tkun tista' tifformola rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li ttejjeb operazzjonijiet futuri. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapporti sinifikattivi ta' evalwazzjoni lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 19. Għandu jittieħed kont ta' dawn ir-riżultati fit-tfassil tal-programm u fl-allokazzjoni tar-riżorsi.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Rapport

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skond dan ir-Regolament u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza. Ir-rapport għandu jiġi indirizzat ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni relatata mas-sena ta' qabel dwar il-miżuri ffinanzjati, informazzjoni dwar ir-riżultati ta' eżerċizzji ta' monitoraġġ u evalwazzjoni u dwar l-implimentazzjoni ta' impenji u pagamenti baġitarji, imqassma skond il-pajjiż, ir-reġjun u s-settur ta' kooperazzjoni.

Artikolu 19

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'terminu ta' żmien li jista' jiġi stabbilit mill-President skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 118(2) tat-Trattat ta' l-Euratom, fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom jingħataw piż bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota;

(b)

il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament. Madankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux jaqblu ma' l-opinjoni tal-kumitat, huma għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li dwarhom hija ddeċidiet għal perjodu ta' 30 ġurnata;

(ċ)

il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti matul il-perjodu previst taħt (b).

3.   Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, fuq proposta tal-president tiegħu, abbażi tar-regoli standard ta' proċedura kif pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-kumitat għandu jistabbilixxi, fir-regoli ta' proċedura tiegħu, regoli dwar il-konsultazzjoni li għandhom jippermettu lill-Kummissjoni, fejn meħtieġ, tadotta miżuri speċjali bi proċedura ta' emerġenza.

Il-prinċipji u l-kondizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti applikabbli għall-Kummissjoni għandha tapplika għall-kumitat.

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat mill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitat fuq bażi regolari. Għal dak il-għan, huwa għandu jirċievi aġendi tal-laqgħat tal-kumitat, u r-riżultati ta' votazzjoni u sommarju tar-reġistri tal-laqgħat u listi ta' l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li lilhom jappartjenu l-persuni magħżula mill-Istati Membri sabiex jirrappreżentawhom.

4.   Jista' jieħu sehem osservatur tal-Bank ta' Investiment Ewropew fil-proċedimenti tal-Kumitat fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Bank.

Artikolu 20

Ammont finanzjarju ta' referenza

L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul il-perjodu 2007-2013 għandu jkun EUR 524 000 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 21

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-ewwel tliet snin flimkien, jekk xieraq, bi proposta leġislattiva li tintroduċi l-modifiki meħtieġa għall-istrument.

Artikolu 22

Tħassir

1.   L-istrumenti li ġejjin għandhom ikunu mħassra mill-1 ta' Jannar 2007:

ir-Regolament (KE, Euratom) 99/2000;

id-Deċiżjoni 98/381/KE, Euratom;

id-Deċiżjoni 2001/824/KE, Euratom.

2.   L-istrumenti mħassra għandhom ikomplu japplikaw għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin baġitarji qabel l-2007.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. GLOS


(1)  Opinjoni ta' l-14 ta' Diċembru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

(3)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(5)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41, ir-Regolament kif emendat fil-ĠU L 29, 3.2.2007, p. 16

(8)  ĠU L 318, 11.12.1999, p. 20, id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/491/Euratom (ĠU L 172, 6.5.2004, p. 7).

(9)  ĠU L 185, 16.7.2005, p. 33.

(10)  ĠU L 12, 18.1.2000, p. 1. Regolament kif sostitwit mir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1).

(11)  ĠU L 171, 17.6.1998, p. 31.

(12)  ĠU L 308, 27.11.2001, p. 25.

(13)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(14)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 6. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(15)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(16)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(17)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(18)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8.