8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

162


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 219/2007

tas-27 ta’ Frar 2007

dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru (SESAR)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 171 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Billi:

(1)

Sabiex jinħoloq l-ajru uniku Ewropew, fl-10 ta' Marzu 2004 l-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' l-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament dwar il-forniment ta' servizzi) (2), ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta' l-ispazju ta' l-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament dwar l-ispazju ta' l-arja) (3), u r-Regolament (KE) Nru 552/2004 dwar l-interoperabbiltà tax-Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku ta' l-Ajru (ir-Regolament dwar l-interoperabbiltà) (4).

(2)

Il-proġett għall-immodernizzar tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru fl-Ewropa, (il-“Proġett SESAR”), huwa l-element teknoloġiku ta' l-ajru uniku Ewropew. Hu jimmira li jagħti lill-Komunità infrastruttura ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru ta' prestazzjoni għolja li ser tippermetti l-iżvilupp tat-trasport bl-ajru sigur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, li jibbenefika bis-sħiħ mill-avvanzi teknoloġiċi ta' programmi bħal GALILEO.

(3)

Wara l-adeżjoni tal-Komunità għall-Eurocontrol, il-Kummissjoni u l-Eurocontrol iffirmaw ftehim kwadru ta' koperazzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-ajru uniku Ewropew u għal attivitajiet ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tal-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru.

(4)

Skond il-linji gwida adottati mill-Kunsill tal-Kompetittività tas-7 ta' Ġunju 2005 dwar it-tħejjija tal-programm Ewropew futur dwar l-ispazju, l-Unjoni Ewropea ser tkun responsabbli sabiex tiżgura d-disponibbiltà u l-kontinwità tas-servizzi operattivi ta' appoġġ għal-linji politiċi tagħha, u ser tikkontribwixxi għall-iżvilupp, it-twaqqif u l-funzjonament ta' infrastruttura Ewropea dwar l-ispazju billi tikkonċentra fuq applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ispazju bħala kontribut għall-ksiba tal-linji politiċi tagħha.

(5)

Il-proġett SESAR jimmira lejn l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp li qabel kienu qed isiru b'mod imxerred u mhux koordinat fil-Komunità, inklużi r-reġjuni l-aktar remoti u l-aktar esterni tagħha, imsemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat.

(6)

Il-proġett SESAR, billi jevita d-duplikazzjoni ta' l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp, mhux ser iwassal għal żieda fil-volum globali tal-kontributi ta' l-utenti ta' l-ajru għall-isforzi fir-riċerka u fl-iżvilupp.

(7)

Il-proġett SESAR jikkonsisti fi tliet fażijiet: fażi ta' definizzjoni; fażi ta' żvilupp u fażi ta' twaqqif.

(8)

Il-fażi ta' definizzjoni tal-proġett SESAR timmira li tiddefinixxi l-passi teknoloġiċi differenti li għandhom jittieħdu, il-prijoritajiet fil-programmi ta' modernizzazzjoni u l-pjanijiet operattivi ta' l-implimentazzjoni. Din hija ko-finanzjata mill-Komunità u mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol).

(9)

Il-fażi ta' definizzjoni bdiet f'Ottubru 2005 u qed titwettaq taħt ir-responsabbiltà ta' l-Eurocontrol minn konsorzju ta' impriżi li ġie magħżul wara sejħa pubblika għall-offerti. Din ser tintemm fl-2008 u ser tirriżulta fil-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru. Dan il-pjan ser jiddefinixxi l-programm ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-kunċetti mmirati, inklużi l-istrateġiji differenti ta' twaqqif.

(10)

Il-fażi ta' definizzjoni ser tiġi segwita bil-fażi ta' żvilupp (2008-2013) li ser tiżviluppa tagħmir, sistemi u standards ġodda, li ser jiżguraw konverġenza lejn sistema kompletament interoperabbli ta' Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru fl-Ewropa.

(11)

Il-fażi ta' żvilupp ser tinbidel fil-fażi ta' twaqqif (2014-2020), li ser tikkonsisti mill-produzzjoni u implimentazzjoni fuq skala kbira ta' l-infrastruttura il-ġdida ta' ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru. L-infrastruttura għandha tkun komposta minn komponenti kompletament armonizzati u interoperabbli li jiggarantixxu attivitajiet tat-trasport bl-ajru ta' prestazzjoni għolja fl-Ewropa.

(12)

B'kont meħud ta' l-għadd ta' atturi li ser ikollhom jiġu involuti f'dan il-proċess u r-riżorsi finanzjarji u l-ħila teknika meħtieġa, hija vitali għar-razzjonalizzazzjoni ta' l-attivitajiet li tiġi stabbilita entità ġuridika li hi kapaċi tiżgura l-ġestjoni tal-fondi assenjati lill-proġett SESAR matul il-fażi ta' żvilupp tiegħu.

(13)

Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita Impriża Konġunta taħt l-Artikolu 171 tat-Trattat sabiex ikun jista' jsir progress konsiderevoli fl-iżvilupp ta' teknoloġiji li jirrigwardaw is-sistemi ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru matul il-fażi ta' żvilupp u sabiex titħejja l-fażi ta' twaqqif.

(14)

Il-kompitu ewlieni ta' l-Impriża Konġunta hu li tmexxi l-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u validazzjoni tal-proġett SESAR billi tikkombina l-finanzjament mis-settur pubbliku u privat provdut mill-membri tagħha u billi tuża riżorsi tekniċi esterni u b'mod partikolari billi tuża l-esperjenza u l-ħila ta' l-Eurocontrol.

(15)

L-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta taħt il-programm SESAR huma primarjament attivitajiet ta' riċerka u żvilupp. Għalhekk, il-finanzjament Komunitarju għandu jitħallas b'mod partikolari mill-programmi kwadru ta' riċerka u żvilupp tagħha. Jista' jitħallas finanzjament addizzjonali mill-programm tan-Network Trans-Ewropew skond l-Artikolu 4(g) tad-Deċiżjoni 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996, fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport Trans-Ewropew (5), li tipprovdi l-possibbiltà għall-finanzjament ta' l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp.

(16)

Il-finanzjament Komunitarju għall-Impriża Konġunta għandu, f'dan l-istadju tal-proġett, ikun limitat għall-fażi ta' żvilupp u jsir fil-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju attwali 2007-2013. Madankollu, dan ma jeskludix il-possibbiltà li l-Kunsill jirrivedi l-ambitu, it-tmexxija, il-finanzjament u t-tul ta' żmien ta' l-Impriża Konġunta abbażi tal-progress li jkun sar fil-fażi ta' żvilupp.

(17)

Il-parteċipazzjoni sostanzjali ta' l-industrija hija element essenzjali għall-proġett SESAR. Għalhekk, hu fundamentali li l-baġit pubbliku għall-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR jiġi miżjud b'kontribuzzjonijiet mill-industrija.

(18)

L-Impriża Konġunta għandha tiġi stabbilita qabel it-tmiem tal-fażi ta' definizzjoni sabiex tkun tista' ssegwi l-ħidma tal-fażi ta' definizzjoni u tħejji l-fażi ta' żvilupp sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru.

(19)

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru, inkluż it-trasferiment tiegħu lill-Impriża Konġunta, sabiex tiġi mmodernizzata l-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru fl-Ewropa, u għandu f'dan il-kuntest jirrivedi wkoll il-finanzjament tal-proġett SESAR u b'mod partikolari l-wegħdiet ta' kontribuzzjonijiet mill-industrija lill-Impriża Konġunta.

(20)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-membri fondaturi, is-sede ta' l-Impriża Konġunta għandha tkun stabbilita fi Brussell.

(21)

L-Impriża Konġunta hija entità mingħajr profitt li ser tiddedika r-riżorsi kollha tagħha għall-ġestjoni ta' programm pubbliku ta' riċerka ta' interess Ewropew. Iż-żewġ membri fondaturi tagħha huma organizzazzjonijiet internazzjonali li jaġixxu f'isem l-Istati Membri rispettivi tagħhom. Din l-entità għalhekk għandha tingħata, safejn ikun possibbli, l-eżenzjoni l-aktar estensiva mit-tassazzjoni mill-Istat ospitanti.

(22)

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (6).

(23)

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi regolari bil-progress ta' l-Impriża Konġunta. Din l-informazzjoni għandha ssir permezz ta' evalwazzjonijiet perjodiċi mwettqa mill-Kummissjoni u abbażi tar-rapporti annwali ta' attività ta' l-Impriża Konġunta.

(24)

Ir-regoli għall-organizzazzjoni u l-funzjonament ta' l-Impriża Konġunta għandhom jiġu stabbiliti permezz tat-tfassil ta' l-istatuti ta' l-Impriża Konġunta kif stabbilit fl-Anness.

(25)

Minħabba li t-tariffi fuq ir-rotot jitħallsu kollha mill-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru, dawn ta' l-aħħar jikkontribwixxu finanzjarjament għall-isforzi ta' riċerka u żvilupp fis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru. Għalhekk, dawn għandhom jingħataw rappreżentanza adegwata fi ħdan l-Impriża Konġunta.

(26)

Il-finanzjament pubbliku għall-fażijiet ta' definizzjoni u żvilupp tal-proġett SESAR huwa sostanzjali u l-investimenti f'ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru ta' ġenerazzjoni ġdida għandhom, fil-parti l-kbira, isiru mill-Istati Membri, inklużi korpi maħtura mill-Istati Membri. L-Istati Membri (ta' l-Unjoni Ewropea u/jew l-Eurocontrol) għalhekk għandhom jingħataw aċċess mingħajr ħlas, għal finijiet mhux kummerċjali, għall-konoxxenza li tirriżulta mill-proġett u għandhom ikunu permessi jużaw din il-konoxxenza għall-finijiet tagħhom stess, anke għal sejħiet għall-offerti pubbliċi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Stabbiliment ta' Impriża Konġunta

1.   Sabiex tmexxi l-attivitajiet tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett sabiex tiġi mmodernizzata l-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru fl-Ewropa u sabiex issaħħaħ is-sigurtà, (il-“proġett SESAR”), hija b'dan stabbilita Impriża Konġunta, magħrufa bħala “Impriża” Konġunta SESAR (“l-Impriża Konġunta”).

2.   L-Impriża Konġunta għandha tintemm tmien snin wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru (“il-Pjan Regolatorju ta' l-ATM”) li jirriżulta mill-fażi ta' definizzjoni tal-proġett SESAR. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar tali approvazzjoni billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

3.   Il-Pjan Regolatorju ATM għandu jiġi kkomunikat lill-Parlament Ewropew.

4.   L-ambitu, il-finanzjament u tul ta' żmien ta' l-Impriża Konġunta għandhom, fejn ikun il-każ, jiġu riveduti mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni skond l-iżvilupp tal-proġett u tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM, b'kont meħud ta' l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 7.

5.   L-għan ta' l-Impriża Konġunta għandu jkun li tiżgura l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta' ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi rilevanti kollha ta' riċerka u żvilupp fil-Komunità. Hi għandha tkun responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM u b'mod partikolari mit-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

torganizza u tikkoordina l-attivitajiet tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR, skond il-Pjan Regolatorju ta' l-ATM, li jirriżultaw mill-fażi ta' definizzjoni tal-proġett amministrat mill-Eurocontrol, billi tikkombina u tamministra taħt struttura unika l-finanzjament tas-settur pubbliku u ta' dak privat;

tiżgura l-finanzjament meħtieġ għall-attivitajiet tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR skond il-Pjan Regolatorju ta' l-ATM;

tiżgura l-involviment tal-partijiet interessati tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru fl-Ewropa, b'mod partikolari: il-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, l-utenti ta' l-ispazji ta' l-ajru, l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-persunal, l-ajruporti, u l-industrija tal-manifattura, kif ukoll l-istituzzjonijiet xjentifiċi rilevanti jew il-komunità xjentifika rilevanti;

torganizza l-ħidma teknika ta' riċerka u żvilupp, ta' validazzjoni u studju, li għandha titwettaq taħt l-awtorità tagħha waqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta' tali attivitajiet;

tiżgura s-superviżjoni ta' attivitajiet relatati ma' l-iżvilupp ta' prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju ta' l-ATM u jekk ikun meħtieġ, torganizza sejħiet speċifiċi għall-offerti.

6.   L-Impriża Konġunta għandha tkun operattiva sa mhux aktar tard mit-trasferiment tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM lill-Impriża Konġunta.

7.   Is-sede ta' l-Impriża Konġunta għandha tkun stabbilita fi Brussell.

Artikolu 2

Status legali

1.   L-Impriża Konġunta għandha jkollha personalità ġuridika. F’kull Stat Membru, hija għandha tgawdi l-aktar kapaċità legali estensiva konċessa lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġi ta' dak l-Istat. B'mod partikolari, hija tista' takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċedimenti legali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex jagħtu lill-Impriża Konġunta l-aktar eżenzjoni estensiva possibbli mit-tassazzjoni fir-rigward tal-VAT u taxxi oħra u dazji tas-sisa.

Artikolu 3

Statuti ta' l-Impriża Konġunta

L-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta, kif stabbiliti fl-Anness ma' dan ir-Regolament, jikkostitwixxu parti integrali minnu u huma b'dan adottati.

Artikolu 4

Sorsi ta' finanzjament

1.   Il-finanzjament ta' l-Impriża Konġunta għandu jiġi mill-kontribuzzjonijiet mill-membri tagħha, inklużi imprizi privati, skond l-Artikoli 1 u 12 ta' l-Istatuti.

2.   Il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha titħallas mill-baġit tal-programm kwadru għar-riċerka u għall-żvilupp teknoloġiku. Dan jista', barra minn hekk, jitħallas mill-baġit tal-programm kwadru tan-Networks Trans-Ewropej.

3.   Il-kontributi finanzjarji Komunitarji kollha lill-Impriża Konġunta għandhom jieqfu ma' l-iskadenza tal-perspettivi finanzjarji 2007-2013 sakemm ma jiġix deċiż xort'oħra mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Kumitat

1.   Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 (“il-Kumitat”), għandu jkun mgħarraf fuq bażi regolari dwar il-ħidma ta' l-Impriża Konġunta. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-proġett SESAR bħala punt fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kumitat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni tal-Komunità fil-Bord Amministrattiv.

3.   Madankollu, il-pożizzjoni tal-Komunità fil-Bord Amministrattiv fir-rigward ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv, kwistjonijiet jew deċiżjonijiet finanzjarji strateġiċi meħuda taħt l-Artikolu 23 ta' l-Istatuti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-pożizzjoni tal-Komunità fil-Bord Amministrattiv fir-rigward ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-adeżjoni ta' membri ġodda, il-modifika ta' l-Istatuti u modifiki sinifikanti tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(3).

Artikolu 6

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar wieħed.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stipolat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar wieħed.

4.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta mal-Kumitat dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 7

Evalwazzjoni

Kull tliet snin mill-bidu ta' l-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta u mill-anqas sena waħda qabel l-iskadenza tat-terminu ta' l-Impriża Konġunta, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, tar-riżultati miksuba mill-Impriża Konġunta u tal-metodi operattivi tagħha, kif ukoll tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta' l-Impriża Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati ta' dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(3)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(4)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(5)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


ANNESS

STATUTI TA' L-IMPRIŻA KONĠUNTA

Artikolu 1

Membri

1.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu membri fondaturi ta' l-Impriża Konġunta:

il-Komunità Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”);

l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (“Eurocontrol”), rappreżentata mill-Aġenzija tagħha.

2.   Dawn li ġejjin jistgħu jsiru membri ta' l-Impriża Konġunta:

il-Bank Ewropew ta' l-Investiment;

kwalunkwe impriża jew korp, pubbliċi jew privati, oħrajn inklużi dawk minn pajjiżi terzi li kkonkludew mill-anqas ftehim wieħed mal-Komunità Ewropea fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

3.   Kwalunkwe talba għall-adeżjoni skond dan il-paragrafu għandha tiġi indirizzata lid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jittrasmettiha lill-Bord Amministrattiv. Il-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedi jekk jawtorizzax in-negozjati. Jekk l-awtorizzazzjoni tingħata, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnegozja l-kondizzjonijiet ta' adeżjoni u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-kontributi finanzjarji u r-rappreżentanza fi ħdan il-Bord Amministrattiv. L-abbozz ta' ftehim għandu jiġi ppreżentat lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni skond l-Artikolu 5(1)(d).

4.   Fid-deċiżjoni dwar jekk jiġux awtorizzati negozjati dwar l-adeżjoni, ma' impriża jew korp pubbliku jew privat, il-Bord Amministrattiv għandu b'mod partikolari jieħu kont tal-kriterji li ġejjin:

il-konoxxenza u l-esperjenza dokumentati fil-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru u/jew fil-manifattura ta' tagħmir u/jew fis-servizzi għall-użu fil-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru,

il-kontribuzzjoni prevedibbli mill-impriża jew korp għall-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM,

is-solidità finanzjarja ta' l-impriża jew tal-korp,

konflitti potenzjali ta' interess.

5.   Is-sħubija fl-Impriża Konġunta ma tistax tiġi ttrasferita lil parti terza mingħajr il-kunsens minn qabel u unanimu, tal-Bord Amministrattiv.

Artikolu 2

Organi ta' l-Impriża Konġunta

L-organi ta' l-Impriża Konġunta għandhom ikunu l-Bord Amministrattiv u d-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 3

Kompożizzjoni u Presidenza tal-Bord Amministrattiv

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun kompost minn:

(a)

rappreżentant minn kull wieħed mill-membri ta' l-Impriża Konġunta;

(b)

rappreżentant tal-militar;

(ċ)

rappreżentant ta' l-utenti ċivili ta' l-ispazju ta' l-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

(d)

rappreżentant tal-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

(e)

rappreżentant tal-manifatturi tat-tagħmir, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

(f)

rappreżentant ta' l-ajruporti, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

(g)

rappreżentant mill-korpi li jirrappreżentaw il-persunal fis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

(h)

rappreżentant ta' l-istituzzjonijiet xjentifiċi rilevanti jew tal-komunità xjentifika rilevanti, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun presedut mir-rappreżentant tal-Komunità.

Artikolu 4

Votazzjoni fil-Bord Amministrattiv

1.   Ir-rappreżentanti msemmija fil-punti (a) u (ċ) ta' l-Artikolu 3(1) għandhom ikollhom id-dritt tal-vot.

2.   Il-membri ta' l-Impriża Konġunta għandhom ikollhom numru ta' voti fi proporzjon għall-kontribuzzjoni tagħhom għall-fondi ta' l-Impriża Konġunta. Madankollu, minkejja l-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu, il-Komunità u l-Eurocontrol għandhom ikollhom mhux anqas minn 25 % kull wieħed min-numru totali ta' voti u r-rappreżentant ta' l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru msemmi fil-punt (ċ) ta' l-Artikolu 3(1) għandu jkollu mill-anqas 10 % min-numru totali ta' voti.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv għandhom jiġu adottati b'maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa sakemm ma jiġix previst diversament f'dawn l-Istatuti.

4.   Jekk il-voti jinqasmu b'mod indaqs, il-Komunità għandha jkollha l-vot deċiżiv.

5.   Kwalunkwe deċiżjoni fir-rigward ta' l-adeżjoni ta' membri ġodda (fis-sens ta' l-Artikolu 1(2)), tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv, ta' emendi proposti għal dawn l-Istatuti, il-proposti għall-Kummissjoni dwar it-tul ta' żmien ta' l-Impriża Konġunta, tax-xoljiment ta' l-Impriża Konġunta jew tad-deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 23 għandha teħtieġ l-il-vot pożittiv tar-rappreżentant tal-Komunità fuq il-Bord Amministrattiv.

6.   Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-adozzjoni tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM u l-modifiki tiegħu għandhom jeħtieġu l-voti pożittivi tal-membri fondaturi. Minkejja l-paragrafu 1, tali deċiżjonijiet m'għandhomx jittieħdu fejn ir-rappreżentanti msemmija fil-punti (ċ), (d), (f), u (g) ta' l-Artikolu 3(1) ikunu unanimament opposti.

Artikolu 5

Responsabbiltajiet tal-Bord Amministrattiv

1.   B’mod partikolari, il-Bord Amministrattiv għandu jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

jadotta l-Pjan Regolatorju ta' l-ATM approvat mill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament u japprova kwalunkwe proposta għall-modifika tiegħu;

(b)

jagħti linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR u jeżerċita kontroll ġenerali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

(ċ)

japprova l-programm ta' ħidma u l-programmi annwali ta' ħidma ta' l-Impriża Konġunta msemmijin fl-Artikolu 16(1) kif ukoll il-baġit annwali, inkluż il-pjan ta' stabbiliment tal-persunal;

(d)

jawtorizza n-negozjati u jiddeċiedi dwar l-adeżjoni ta' membri ġodda u dwar il-ftehim relatati kif imsemmija fl-Artikolu 1(3);

(e)

jissorvelja l-esekuzzjoni tal-ftehim bejn il-membri u l-Impriża Konġunta;

(f)

jaħtar u jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv u japprova l-iskema ta' l-organizzazzjoni;

(g)

jiddeċiedi dwar l-ammonti u l-proċeduri għall-pagament tal-kontributi finanzjarji tal-membri u l-evalwazzjoni tal-kontributi mhux finanzjarji;

(h)

jadotta r-regolamenti finanzjarji ta’ l-Impriża Konġunta;

(i)

japprova l-kontijiet u l-karta tal-bilanċ annwali;

(j)

jadotta r-rapport annwali dwar il-progress tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu msemmi fl-Artikolu 16(2);

(k)

jiddeċiedi dwar proposti lill-Kummissjoni dwar l-estensjoni u x-xoljiment ta' l-Impriża Konġunta;

(l)

jistabbilixxi proċeduri għall-għoti ta' drittijiet ta' aċċess għall-assi tanġibbli u intanġibbli li jkunu l-proprjetà ta' l-Impriża Konġunta u t-trasferiment ta' tali assi;

(m)

jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM, inklużi l-proċeduri speċifiċi għall-konflitti ta' interess;

(n)

jiddeċiedi dwar il-proposti lill-Kummissjoni għall-emendament ta' l-Istatuti skond l-Artikolu 24;

(o)

jeżerċita tali poteri oħrajn u jwettaq tali funzjonijiet oħrajn, inkluż l-istabbiliment ta' korpi sussidjarji, kif jista' jkun meħtieġ għall-finijiet tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR;

(p)

jadotta l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 8.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu li għandhom jiżguraw li l-proċedimenti tiegħu jimxu bla xkiel u b'mod effiċjenti, b'mod partikolari fil-każ ta' espansjoni sinifikanti fl-isħubija. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Bord Amministrattiv għandu jiltaqa' mill-inqas erba' darbiet fis-sena. Għandhom jissejħu laqgħat straordinarji fuq it-talba ta' terz tal-membri tal-Bord Amministrattiv li jirrappreżenta mill-anqas 30 % tad-drittijiet tal-vot, jew tal-Komunità jew tad-Direttur Eżekuttiv;

(b)

il-laqgħat għandhom normalment isiru fis-sede ta' l-Impriża Konġunta;

(ċ)

sakemm ma jiġix deċiż diversament f'każijiet partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jipparteċipa fil-laqgħat;

(d)

proċeduri speċifiċi għall-identifikazjoni u l-evitar ta' konflitti ta' interess.

Artikolu 6

Evitar ta' konflitti ta' interess

1.   Il-membri ta' l-Impriża Konġunta jew tal-Bord Amministrattiv u l-persunal ta' l-Impriża Konġunta mhumiex permessi jipparteċipaw fit-tħejjija, fl-evalwazzjoni jew fil-proċeduri ta' l-għoti ta' kuntratti fir-rigward ta' sejħiet għall-offerti pubbliċi jekk ikunu proprjetarji ta', jew ikollhom ftehim ta' sħubija ma', korpi li jkunu kandidati potenzjali għal sejħiet għall-offerti pubbliċi jew jirrappreżentaw tali korpi.

2.   Il-membri ta' l-Impriża Konġunta u l-parteċipanti fil-Bord Amministrattiv għandhom jiżvelaw kwalunkwe interess personali jew korporattiv dirett jew indirett fir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni fuq l-aġenda. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-membri tal-persunal fir-rigward tal-kompiti li jiġu assenjati lilhom.

3.   Abbażi ta' l-iżvelar imsemmi fil-paragrafu 2, il-Bord Amministrattiv jista' jiddeċiedi li jeskludi membri, parteċipanti jew membri tal-persunal minn deċiżjonijiet jew kompiti fejn x'aktarx jirriżulta konflitt ta' interess. Huma ma jkollhomx aċċess għal informazzjoni relatata ma' l-oqsma meqjusa suġġetti għall-konflitti potenzjali ta' interess.

Artikolu 7

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum ta' l-Impriża Konġunta u huwa r-rappreżentant legali tagħha.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea li għandha tinkludi mill-inqas tliet kandidati.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'indipendenza sħiħa fil-limiti tal-poteri assenjati lilu.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddirieġi l-esekuzzjoni tal-proġett SESAR fil-linji gwida stabbiliti mill-Bord Amministrattiv li lejh huwa għandu jkun responsabbli. Huwa għandu jipprovdi lill-Bord Amministrattiv bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu b'mod partikolari:

(a)

jimpjega, imexxi u jissorvelja l-persunal ta' l-Impriża Konġunta, inkluż il-persunal imsemmi fl-Artikolu 8(4);

(b)

jorganizza, imexxi u jissorvelja l-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta;

(ċ)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv il-proposti tiegħu dwar il-iskema ta' l-organizzazzjoni;

(d)

ifassal u jaġġorna regolarment il-programm ta' ħidma globali u dak annwali ta' l-Impriża Konġunta, inkluż estimu dwar l-ispejjeż tal-programm, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(e)

ifassal, skond ir-Regolamenti Finanzjarji, l-abbozz tal-baġit annwali, inkluż il-pjan ta' stabbiliment tal-persunal, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(f)

jiżgura li jitwettqu l-obbligi ta' l-Impriża Konġunta, fir-rigward tal-kuntratti u l-ftehim li hija tikkonkludi;

(g)

jiżgura li l-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta jitwettqu b'indipendenza sħiħa u mingħajr kwalunkwe konflitt ta' interess;

(h)

ifassal ir-rapport annwali dwar il-progress tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, u tali rapporti oħrajn li jistgħu jintalbu mill-Bord Amministrattiv, u jippreżentahom lil dan ta' l-aħħar;

(i)

jippreżenta l-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ lill-Bord Amministrattiv;

(j)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv kwalunkwe proposta li tinvolvi tibdiliet fit-tfassil tal-proġett SESAR.

Artikolu 8

Il-persunal ta' l-Impriża Konġunta

1.   Il-korp tal-persunal għandu jiġi ddeterminat fil-pjan ta' stabbiliment li għandu jiġi espost fil-baġit annwali.

2.   Il-membri tal-persunal ta' l-Impriża Konġunta għandhom ikollhom kuntratt ta' perjodu fiss ibbażat fuq il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-ħaddiema tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   L-infiq kollu tal-persunal għandu jitħallas mill-Impriża Konġunta.

4.   Kwalunkwe membru ta' l-Impriża Konġunta jista' jipproponi lid-Direttur Eżekuttiv li jissekonda membri tal-persunal tiegħu għall-Impriża Konġunta skond il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim rilevanti.

Il-persunal sekondat għall-Impriża Konġunta għandu jiġi inkluż fil-pjan ta' stabbiliment tal-persunal u għandu jaġixxi b'indipendenza sħiħa taħt is-superviżjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 9

Ftehim

1.   Sabiex twettaq il-kompiti definiti fl-Artikolu 1(5) ta' dan ir-Regolament, l-Impriża Konġunta tista' tikkonkludi ftehim speċifiċi mal-membri tagħha.

2.   Ir-rwol u l-kontribut ta' l-Eurocontrol għandu jiġi definit fi ftehim ma' l-Impriża Konġunta. Dan il-ftehim għandu:

(a)

jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u għall-użu tar-riżultati tal-fażi ta' definizzjoni lill-Impriża Konġunta;

(b)

jiddeskrivi l-kompiti u r-responsabbiltajiet ta' l-Eurocontrol fl-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju ta' l-ATM taħt l-awtorità ta' l-Impriża Konġunta, bħal:

(i)

l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u validazzjoni skond il-programm ta' ħidma ta' l-Impriża Konġunta;

(ii)

il-koordinazzjoni ta' l-iżviluppi komuni għas-sistema futura taħt ir-responsabbiltà ta' l-Eurocontrol;

(iii)

il-proposta, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(5) ta' dan ir-Regolament, ta' emendi possibbli għall-Pjan Regolatorju ta' l-ATM;

(iv)

l-aġġornament ta' l-indikaturi ta' konverġenza (il-pjan Ewropew ta' konverġenza u implimentazzjoni, il-pjan lokali ta' konverġenza u implimentazzjoni);

(v)

il-koperazzjoni ma' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili.

3.   Il-ftehim kollha mal-membri għandhom jinkludu dispożizzjonijiet adatti li għandhom jevitaw kwalunkwe konflitt possibbli ta' interess għall-membri fit-twettiq tal-kompiti taħt il-ftehim imsemmija.

4.   Ir-rappreżentanti tal-membri ta' l-Impriża Konġunta m'għandhomx jipparteċipaw f'deliberazzjonijiet ta' l-Impriża Konġunta relatati ma' negozjati dwar il-konklużjoni tal-ftehim tagħhom stess imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jiġu miċħuda aċċess għad-dokumentazzjoni dwar dawn id-deliberazzjonijiet.

Artikolu 10

Kuntratti esterni

1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9, l-Impriża Konġunta tista' tikkonkludi kuntratti ta' servizz u forniment ma' impriżi jew ma' konsorzju ta' impriżi, b'mod partikolari sabiex twettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 1(5) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-kuntratti msemmija fil-paragrafu 1 jipprovdu għad-dritt tal-Kummissjoni li twettaq, f'isem l-Impriża Konġunta, kontrolli sabiex tiżgura li jkunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

3.   Il-kuntratti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet adatti kollha relatati mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali msemmija fl-Artikolu 18 u klawżoli adatti ta' penalità. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe konflitt ta' interessi, il-membri involuti fid-definizzjoni ta' ħidma li tkun suġġetta għal sejħa għal offerti, inkluż il-persunal tagħhom li jkun sekondat taħt l-Artikolu 8(4), ma jistgħux jieħdu sehem fit-twettiq ta' din il-ħidma.

Artikolu 11

Gruppi ta' ħidma

1.   Sabiex jitwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 1(5) ta' dan ir-Regolament, l-Impriża Konġunta tista' tistabbilixxi numru limitat ta' gruppi ta' ħidma sabiex iwettqu attivitajiet li ma jkunux diġà qegħdin jitwettqu x'imkien ieħor. Dawn il-gruppi għandhom jibbażaw il-ħidma fuq il-ħila ta' professjonisti u għandhom jaħdmu b'mod trasparenti.

2.   L-esperti li jieħdu sehem fil-gruppi ta' ħidma m'għandhomx jappartjenu għall-persunal ta' l-Impriża Konġunta.

3.   Il-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu preseduti minn rappreżentant ta' l-Impriża Konġunta.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Id-dħul ta' l-Impriża Konġunta għandu jiġi mis-sorsi identifikati fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

2.   Sabiex tinbeda l-ħidma ta' l-Impriża Konġunta, il-membri fondaturi għandhom iħallsu kontribuzzjoni inizjali minima ta' EUR 10 miljuni fi żmien perjodu ta' sena waħda mill-istabbiliment ta' l-Impriża Konġunta.

3.   Il-membri msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(2) għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-kontribuzzjoni inizjali minima ta' EUR 10 miljuni fi żmien perjodu ta' sena waħda minn meta l-adeżjoni tagħhom ma' l-Impriża Konġunta tiġi aċċettata. Dan l-ammont għandu jitnaqqas għal EUR ħames miljuni għal membri li jingħaqdu ma' l-Impriża Konġunta fi żmien 12-il xahar mill-kostituzzjoni tagħha.

Fil-każ ta' impriżi, li jissottoskrivu individwalment jew kollettivament, li jistgħu jitqiesu bħala intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju fit-tifsira tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (1), dan l-ammont għandu jitnaqqas għal EUR 250 000 irrispettivament minn meta dawn isiru membri. Il-membri ġodda jistgħu jingħataw l-għażla li jħallsu l-kontribuzzjoni inizjali f'diversi pagamenti, matul perjodu li għandu jiġi miftiehem u stabbilit fil-ftehim tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 1(3).

4.   Il-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedi dwar l-ammonti li għandhom isiru disponibbli minn kull membru fi proporzjon għall-kontribuzzjonijiet li dan ikun aċċetta li jħallas u għandu jistabbilixxi l-iskadenza sa meta l-membri għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

5.   Huma possibbli kontributi mhux finanzjarji ħlief fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Dawn għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-valur tagħhom u ta' l-utilità tagħhom għat-twettiq tal-kompiti ta' l-Impriża Konġunta u għandhom jiġu speċifikati fil-ftehim tagħhom imsemmi fl-Artikolu 1(3).

6.   Kwalunkwe membru ta' l-Impriża Konġunta li jonqos milli jwettaq l-impenji tiegħu rigward il-kontributi mhux finanzjarji jew ma jagħmilx disponibbli l-ammont dovut fil-limitu ta' żmien preskritt għandu jiġi skwalifikat, għal sitt xhur wara l-iskadenza ta' dan il-limitu ta' żmien, milli jivvota fil-Bord Amministrattiv sa tali żmien li l-obbligi tiegħu jkunu twettqu. Ma' l-iskadenza ta' dan il-perjodu ta' sitt xhur, jekk l-obbligi jkunu għadhom ma twettqux, l-isħubija għandha tiġi revokata.

Artikolu 13

Dħul

1.   Id-dħul kollu ta' l-Impriża Konġunta għandu jiġi applikat għall-promozzjoni tal-kompiti definiti fl-Artikolu 1(5) ta' dan ir-Regolament. Suġġett għall-Artikolu 25, ma għandu jsir l-ebda pagament permezz ta' diviżjoni ta' kwalunkwe dħul żejjed fuq l-infiq lill-membri ta' l-Impriża Konġunta.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet regolatorji applikabbli għall-kontribuzzjoni Komunitarja, kwalunkwe mgħax li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tagħha għandu jiġi kkunsidrat bħala dħul ta' l-Impriża Konġunta.

Artikolu 14

Regolamenti finanzjarji

1.   Ir-regolamenti finanzjarji ta' l-Impriża Konġunta għandhom jiġu adottati mill-Bord Amministrattiv.

2.   L-għan tar-regolamenti finanzjarji huwa li tiġi żgurata l-amministrazzjoni ekonomika u dik finanzjarja tajba ta' l-Impriża Konġunta.

3.   Ir-regolamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u għandhom jinkludu b'mod partikolari r-regoli prinċipali dwar:

(a)

il-preżentazzjoni u l-istruttura ta' l-estimi ta' l-ispejjeż tal-proġett SESAR u tal-baġit annwali;

(b)

l-implimentazzjoni tal-baġit annwali u l-kontroll finanzjarju intern;

(ċ)

il-metodu ta' pagament tal-kontribuzzjonijiet mill-membri ta' l-Impriża Konġunta;

(d)

iż-żamma u l-preżentazzjoni tal-kontijiet u ta' inventarji kif ukoll it-tfassil u l-preżentazzjoni tal-karta tal-bilanċ annwali;

(e)

il-proċedura rigward sejħiet għall-offerti, ibbażata fuq in-non diskriminazzjoni bejn il-pajjiżi tal-membri ta' l-Impriża Konunta u l-karattru Komunitarju tal-proġett, l-għoti u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti u l-ordnijiet f'isem l-Impriża Konġunta.

4.   Ir-regoli dettaljati ta' implimentazzjoni li jippermettu lill-Kummissjoni tiżgura konformità ma' l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 274 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn l-Impriża Konġunta u l-Kummissjoni.

Artikolu 15

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.

2.   Qabel il-31 ta' Marzu ta' kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jittrasmetti lill-membri l-estimi ta' l-ispejjeż tal-proġett SESAR kif approvati mill-Bord Amministrattiv.

L-estimi ta' l-ispejjeż tal-proġett għandhom jinkludu previżjoni ta' l-infiq annwali għas-sentejn segwenti. F'din il-previżjoni, l-estimi tad-dħul u l-infiq għall-ewwel waħda minn dawk is-sentejn finanzjarji (l-abbozz tal-baġit preliminarju) għandhom jitfasslu f'tali dettall kif meħtieġ għall-proċedura baġitarja interna ta' kull membru rigward il-kontributi finanzjarji tiegħu għall-Impriża Konġunta. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti lill-membri l-informazzjoni supplimentari meħtieġa kollha għal dan il-għan.

3.   Il-membri għandhom minnufih jikkomunikaw lid-Direttur Eżekuttiv il-kummenti tagħhom dwar l-estimi ta' l-ispejjeż tal-proġett, u b'mod partikolari dwar l-estimi tad-dħul u l-infiq għas-sena ta' wara.

4.   Abbażi ta' l-estimi approvati ta' l-ispejjeż tal-proġett, u b'kont meħud tal-kummenti mingħand il-membri, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-abbozz tal-baġit għas-sena ta' wara u jippreżentah lill-Bord Amministrattiv għall-adozzjoni qabel it-30 ta' Settembru.

5.   Fi żmien xahrejn mit-tmiem ta' kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta l-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ għas-sena ta' qabel lill-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej. Il-verifika li tkun saret mill-Qorti ta' l-Awdituri għandha tkun ibbażata fuq records u titwettaq fil-post.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta l-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ, flimkien mar-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni minn maġġoranza ta' 75 % tal-voti mitfugħa. Id-Direttur Eżekuttiv huwa intitolat u, jekk mitlub mill-Bord Amministrattiv, obbligat jikkummenta dwar ir-rapport.

7.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tibgħat ir-rapport tagħha lill-membri ta' l-Impriża Konġunta.

Artikolu 16

Il-programm ta' ħidma u rapporti

1.   L-Impriża Konġunta għandha tfassal il-programm ta' ħidma tagħha abbażi ta' prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' kontabbiltà waqt li tistabbilixxi b'mod ċar l-objettivi possibbli u l-istadji. Dan għandu jikkonsisti fi:

(a)

programm ta' ħidma globali, diviż f'perjodi ta' sitta u tletin xahar;

(b)

programmi ta' ħidma annwali stabbiliti kull sena li jiddeskrivu l-attivitajiet, l-iskeda ta' żmien u l-ispejjeż ta' l-Impriża Konġunta matul dan il-perjodu.

2.   Ir-rapport annwali għandu juri l-progress tal-proġett SESAR, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-iskeda ta' żmien, l-ispejjeż u l-prestazzjoni ta' dan il-proġett.

Artikolu 17

Protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Il-Kummissjoni għandha jkollha d-dritt li jkunu protetti tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Komunità billi twettaq kontrolli effikaċi. Jekk il-Kummissjoni tiskopri kwalunkwe irregolarità, hija għandha tirriżerva d-dritt li tnaqqas jew tissospendi kwalunkwe pagament sussegwenti lill-Impriża Konġunta.

2.   L-ammont imnaqqas jew sospiż skond il-paragrafu 1 għandu jkun ekwivalenti għall-ammont ta' l-irregolaritajiet li fil-fatt ikunu ġew skoperti mill-Kummissjoni.

Artikolu 18

Drittijiet ta' proprjetà

L-Impriża Konġunta għandha tkun proprjetarja ta' l-assi kollha tanġibbli u intanġibbli li jkunu nħolqu mill-Impriża Konġunta jew ġew trasferiti lilha għall-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR skond il-ftehim imsemmija fl-Artikoli 1(3) u 9, konklużi mill-Impriża Konġunta. L-Impriża Konġunta tista' tagħti d-drittijiet ta' aċċess għall-konoxxenza li tirriżulta mill-proġett, b'mod partikolari lill-membri tagħha kif ukoll lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u/jew lill-Eurocontrol għall-finijiet tagħhom stess u għal finijiet mhux kummerċjali.

Artikolu 19

It-trasparenza u t-trattament ta' dokumenti

Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta regoli dwar it-trattament ta' dokumenti sabiex jirrikonċilja r-rekwiżiti ta' sigurtà, tas-segretezza kummerċjali, u ta' l-aċċess pubbliku. Dawn ir-regoli għandhom jieħdu kont, fejn ikun il-każ, tal-prinċipji u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 20

Miżuri kontra l-frodi

1.   Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u atti illegali oħrajn, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (4).

2.   L-Impriża Konġunta għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (5) u għandha minnufih tippubblika d-dispożizzjonijiet adatti applikabbli għall-impjegati kollha ta' l-Impriża Konġunta.

3.   Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu, jekk meħtieġ, iwettqu kontrolli fil-post fost dawk li jirċievu finanzjament mill-Impriża Konġunta u fost l-aġenti responsabbli għall-allokazzjoni tiegħu.

Artikolu 21

Responsabbiltà

1.   L-Impriża Konġunta għandha tkun unikament responsabbli għat-twettiq ta' l-obbligi tagħha.

2.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ l-Impriża Konġunta għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u mil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

3.   Kwalunkwe pagament mill-Impriża Konġunta sabiex ikopri r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 2 u l-ispejjeż u nfiq li jsiru in konnessjoni magħha għandhom jiġu kkunsidrati bħala nfiq ta' l-Impriża Konġunta.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipproponi lill-Bord Amministrattiv sabiex dan jikkuntratta kwalunkwe assigurazzjoni li tkun meħtieġa, u l-Impriża Konġunta għandha toħroġ tali assigurazzjoni li l-Bord Amministrattiv jista' jitlob.

Artikolu 22

Kunfidenzjalità

L-Impriża Konġunta għandha tiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva, li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista' jkun ta' dannu għall-interessi tal-partijiet kontraenti. Hija għandha tapplika l-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà definiti u implimentati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (6).

Artikolu 23

Trasferiment ta' assi tanġibbli u intanġibbli mill-Impriża Konġunta

Ma' l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, it-trasferiment mill-Impriża Konġunta lil korp ieħor ta' l-assi kollha tanġibbli u intanġibbli, jew ta' parti minnhom, li jkunu l-proprjetà tagħha, għandu jkollu l-kunsens tal-Bord Amministrattiv.

Artikolu 24

L-emendament ta' l-Istatuti

1.   Kwalunkwe membru ta' l-Impriża Konġunta jista' jippreżenta proposti għall-emendament ta' dawn l-Istatuti lill-Bord Amministrattiv.

2.   Jekk il-Bord Amministrattiv jaqbel ma' tali proposti b'maġġoranza ta' 75 % tal-voti u skond l-Artikolu 4(5) ta' dawn l-Istatuti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta skond l-Artikolu 5(4) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Ix-xoljiment ta' l-Impriża Konġunta

Għall-fini tat-twettiq tal-proċedimenti involuti fl-istralċ ta' l-Impriża Konġunta, il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar stralċjarju wieħed jew aktar, li għandu jikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv.

Artikolu 26

Il-liġi applikabbli

Il-liġi ta' l-Istat fejn tkun stabbilita s-sede ta' l-Impriża Konġunta għandha tapplika fi kwalunkwe kwistjoni li ma tku nx koperta minn dawn l-Istatuti.


(1)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(4)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(5)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(6)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 175 M, 29.6.2006, p. 316).