| 
                31.1.2007  | 
            
                MT  | 
            
                Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  | 
            
                1  | 
         
Regoli ta' Proċedura
WERREJ
DAĦLA
KUMMENT PRELIMINARI
TITOLU 1
MEMBRI U KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT
KAPITOLU 1
Korpi kostitwenti tal-Kumitat
| 
                Artikolu 1 –  | 
            Korpi kostitwenti ta l-Kumitat | 
KAPITOLU 2
Membri tal-Kumitat
| 
                Artikolu 2 –  | 
            Status tal-membri u tas-sostituti | 
| 
                Artikolu 3 –  | 
            Perijodu tal-mandat | 
| 
                Artikolu 4 –  | 
            Privileġġi u immunitajiet | 
| 
                Artikolu 5 –  | 
            Parteċipazzjoni tal-membri u tas-sostituti | 
| 
                Artikolu 6 –  | 
            Prokura tal-vot | 
| 
                Artikolu 7 –  | 
            Delegazzjonijiet nazzjonali u gruppi politiċi | 
| 
                Artikolu 8 –  | 
            Delegazzjonijiet nazzjonali | 
| 
                Artikolu 9 –  | 
            Gruppi politiċi u membri mhux affiljati | 
| 
                Artikolu 10 –  | 
            Gruppi interreġjonali | 
TITOLU II
ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA TAL-KUMITAT
KAPITOLU 1
Konvokazzjoni u bidu tal-kariga tal-Kumitat
| 
                Artikolu 11 –  | 
            Konvokazzjoni ta' l-ewwel laqgħa | 
| 
                Artikolu 12 –  | 
            Bidu tal-kariga tal-Kumitat u verifika tal-kredenzjali | 
KAPITOLU 2
Assemblea plenarja
| 
                Artikolu 13 –  | 
            Ix-xogħol ta' l-Assemblea Plenarja | 
| 
                Artikolu 14 –  | 
            Konvokazzjoni ta' l-Assemblea Plenarja | 
| 
                Artikolu 15 –  | 
            Aġenda tas-Sessjoni Plenarja | 
| 
                Artikolu 16 –  | 
            Ftuħ tas-Sessjoni Plenarja | 
| 
                Artikolu 17 –  | 
            Aċċess għall-pubbliku, mistiedna u kelliema mistiedna, slot għal dibattitu topiku | 
| 
                Artikolu 18 –  | 
            Ħin għad-diskorsi | 
| 
                Artikolu 19 –  | 
            Lista tal-kelliema | 
| 
                Artikolu 20 –  | 
            Points of order | 
| 
                Artikolu 21 –  | 
            Kworum | 
| 
                Artikolu 22 –  | 
            Votazzjoni | 
| 
                Artikolu 23 –  | 
            Depożitu ta' l-emendi | 
| 
                Artikolu 24 –  | 
            Eżami ta' l-emendi | 
| 
                Artikolu 25 –  | 
            Opinjonijiet u rapporti urġenti | 
| 
                Artikolu 26 –  | 
            Proċeduri ssimplifikati | 
| 
                Artikolu 27 –  | 
            Għeluq tas-Sessjoni Plenarja | 
KAPITOLU 3
Il-Bureau u l-President
| 
                Artikolu 28 –  | 
            Kompożizzjoni tal-Bureau | 
| 
                Artikolu 29 –  | 
            Rappreżentanti tal-membri fil-laqgħat tal-Bureau | 
| 
                Artikolu 30 –  | 
            Regoli ta' l-elezzjoni | 
| 
                Artikolu 31 –  | 
            Elezzjoni tal-President u ta' l-ewwel Viċi-President | 
| 
                Artikolu 32 –  | 
            Elezzjoni tal-membri tal-Bureau | 
| 
                Artikolu 33 –  | 
            Elezzjoni tar-rappreżentanti | 
| 
                Artikolu 34 –  | 
            By-election għal siġġu battal tal-Bureau | 
| 
                Artikolu 35 –  | 
            Ix-xogħol tal-Bureau | 
| 
                Artikolu 36 –  | 
            Konvokazzjoni tal-Bureau, kworum u teħid ta' deċiżjoni | 
| 
                Artikolu 37 –  | 
            Il-President | 
Opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet – Proċedura fil-Bureau
| 
                Artikolu 38 –  | 
            Opinjonijiet – Bażi legali | 
| 
                Artikolu 39 –  | 
            Opinjonijiet u rapporti – Ħatra tal-kummissjoni kompetenti | 
| 
                Artikolu 40 –  | 
            Ħatra tar-rapporteur -ġenerali | 
| 
                Artikolu 41 –  | 
            Opinjonijiet u rapporti fuq inizjattiva proprja | 
| 
                Artikolu 42 –  | 
            Preżentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet | 
| 
                Artikolu 43 –  | 
            Promozzjoni ta' l-opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet | 
KAPITOLU 4
Kummissjonijiet
| 
                Artikolu 44 –  | 
            Kompożizzjoni u setgħat | 
| 
                Artikolu 45 –  | 
            Il-President u l-Viċi-Presidenti | 
| 
                Artikolu 46 –  | 
            Ix-xogħol tal-kummissjonijiet | 
| 
                Artikolu 47 –  | 
            Konvokazzjoni tal-kummissjonijiet u l-aġenda | 
| 
                Artikolu 48 –  | 
            Aċċess għall-pubbliku | 
| 
                Artikolu 49 –  | 
            Data ta' għeluq għat-tħejjija ta' l-opinjonijiet u tar-rapporti | 
| 
                Artikolu 50 –  | 
            Kontenut ta' l-opinjonijiet u tar-rapporti | 
| 
                Artikolu 51–  | 
            Rapporteurs | 
| 
                Artikolu 52 –  | 
            Gruppi ta' ħidma | 
| 
                Artikolu 53 –  | 
            Esperti | 
| 
                Artikolu 54 –  | 
            Kworum | 
| 
                Artikolu 55 –  | 
            Votazzjoni | 
| 
                Artikolu 56 –  | 
            Emendi | 
| 
                Artikolu 57 –  | 
            Rinunzja għat-tħejjija ta' opinjoni jew rapport | 
| 
                Artikolu 58 –  | 
            Proċedura bil-miktub | 
KAPITOLU 5
Amministrazzjoni tal-Kumitat
| 
                Artikolu 59 –  | 
            Segretarjat-Ġenerali | 
| 
                Artikolu 60 –  | 
            Segretarju-Ġenerali | 
| 
                Artikolu 61 –  | 
            Impjegar tas-Segretarju-Ġenerali | 
| 
                Artikolu 62 –  | 
            Statut ta' l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej | 
| 
                Artikolu 63 –  | 
            Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi | 
| 
                Artikolu 64 –  | 
            Il-Baġit | 
TITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA
KAPITOLU 1
Kooperazzjoni ma' Istituzzjonijiet oħra
| 
                Artikolu 65 –  | 
            Ftehim ta' kooperazzjoni | 
| 
                Artikolu 66 –  | 
            Trasmissjoni u pubblikazzjoni ta' l-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet | 
KAPITOLU 2
Aċċess għall-pubbliku u trasparenza
| 
                Artikolu 67 –  | 
            Aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti | 
KAPITOLU 3
Dispożizzjonijiet relatati mar-Regoli ta' Proċedura
| 
                Artikolu 68 –  | 
            Reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura | 
| 
                Artikolu 69 –  | 
            Istruzzjonijiet tal-Bureau | 
| 
                Artikolu 70 –  | 
            Dħul fis-seħħ tar-Regoli ta' Proċedura | 
DAĦLA
Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta r-Regoli ta' Proċedura li ġejjin fuq il-bażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 264 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat KE) fis-6 ta' Diċembru 2006.
KUMMENT PRELIMINARI
It-terminoloġija użata għall-funzjonijiet u għall-karigi f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura tirreferi kemm għall-maskil kif ukoll għall-femminil.
TITOLU I
MEMBRI U KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT
KAPITOLU 1
Korpi kostitwenti tal-Kumitat
Artikolu 1
Korpi kostitwenti tal-Kumitat
Il-korpi kostitwenti tal-Kumitat għandhom ikunu l-Assemblea Plenarja, il-President, il-Bureau u l-kummissjonijiet.
KAPITOLU 2
Membri tal-Kumitat
Artikolu 2
Status tal-membri u tas-sostituti
B'konformità ma' l-Artikolu 263 tat-Trattat KE, il-membri u s-sostituti għandhom ikunu rappreżentanti ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Għandhom ikunu titolari ta' mandat elettorali f'awtorità reġjonali jew lokali, jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta. Ma jistgħu ikunu marbuta bl-ebda mandat awtoritarju u għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Komunità.
Artikolu 3
Perijodu tal-mandat
1. Il-perijodu tal-mandat ta' membru jew sostitut għandu jibda fid-data li fiha tidħol fis-seħħ in-nomina tiegħu mill-Kunsill.
2. Il-perijodu tal-mandat ta' membru jew sostitut għandu jintemm b'riżenja, bi tmiem ta' mandat elettorali li bih ġie nnominat jew b'mewt.
3. Membru jew sostitut li jirriżenja għandu jgħarraf bil-miktub lill-President tal-Kumitat bil-ħsieb tiegħu u jispeċifika d-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-riżenja tiegħu, li m'għandhiex tkun aktar minn tliet xhur wara d-data ta' notifika. Il-President għandu jgħarraf lill-Kunsill, li għandu jikkonferma li l-post tbattal u jimplimenta l-proċedura ta' tibdil.
4. Membru jew sostitut li l-perijodu tal-mandat tiegħu fil-Kumitat jintemm minħabba li jiskadi l-mandat elettorali li bih ġie nominat għandu jgħarraf minnufih lill-President tal-Kumitat dwar dan bil-miktub.
5. Fil-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, għandu jiġi nominat suċċessur mill-Kunsill għall-bqija tal-kariga.
Artikolu 4
Privileġġi u immunitajiet
Il-membri u s-sostituti tagħhom b'mandat kif dovut għandhom igawdu privileġġi u immunitajiet skond il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, anness mat-Trattat tat-8 ta' April 1965 li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej.
Artikolu 5
Parteċipazzjoni tal-membri u tas-sostituti
1. Kull membru li ma jistax jipparteċipa f'xi Sessjoni Plenarja jista' jkun rappreżentat minn xi sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tiegħu, ukoll f'każ li dan jiġri biss f'ċerti ġranet matul is-Sessjoni Plenarja. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b'mandat kif dovut jiġu rreġistrati fuq lista ta' l-attendenza.
2. Kull membru li ma jistax jipparteċipa f'xi laqgħa tal-Kummissjoni, jew xi laqgħa oħra li ġiet approvata mill-Bureau jista' jkun rappreżentat minn xi membru ieħor jew sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tiegħu, mill-grupp politiku tiegħu jew mill-grupp interreġjonali tiegħu. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b'mandat kif dovut jiġu rreġistrati fuq lista ta' l-attendenza.
3. Membru jew sostitut imniżżel fil-lista ta' dawk li jieħdu post il-membri ta' grupp ta' ħidma, imwaqqaf skond l-Artikoli 35 jew 52, jista' jieħu post kwalunkwe membru fil-grupp politiku tiegħu.
4. Sostitut jew xi membru li jieħu post membru ieħor jista' jaċċetta prokura minn membru wieħed biss. Għandu jkollu l-istess setgħat bħal membru fil-laqgħa rilevanti. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jkun mgħarraf bil-miktub dwar il-prokura tal-vot qabel il-laqgħa rilevanti.
5. Għal kull Sessjoni Plenarja għandhom jitħallsu lura l-ispejjeż lill-membru jew lis-sostitut. Il-Bureau jippreċiża dan fl-istruzzjonijiet tiegħu dwar l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u l-indennizzi ta' kuljum.
6. Sostitut li jiġi nominat rapporteur jista' jippreżenta l-abbozz ta' opinjoni jew rapport li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu f'dik is-Sessjoni Plenarja li għandha fuq l-aġenda tagħha l-abbozz ta' opinjoni jew rapport. Dan għandu japplika wkoll jekk il-membru li tiegħu huwa s-sostitut jinsab ukoll fil-laqgħa. Il-membru jista' jiddelega l-vot tiegħu lis-sostitut waqt li l-abbozz ta' opinjoni jew rapport imsemmi jkun qiegħed jiġi diskuss. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jkun mgħarraf bil-miktub dwar id-delegazzjoni tal-vot qabel il-laqgħa rilevanti.
Artikolu 6
Prokura tal-vot
Ħlief kif hemm provdut fl-Artikoli 5 u 29, id-dritt għall-vot ma jistax jiġi delegat.
Artikolu 7
Delegazzjonijiet nazzjonali u gruppi politiċi
Id-delegazzjonijiet nazzjonali u l-gruppi politiċi għandhom jgħinu b'mod ibbilanċjat fl-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat.
Artikolu 8
Delegazzjonijiet nazzjonali
1. Il-membri u s-sostituti minn kull Stat Membru għandhom jikkostitwixxu delegazzjoni nazzjonali. Kull delegazzjoni nazzjonali għandha tħaddem ir-regoli interni tagħha u tagħżel president. Il-President tal-Kumitat għandu jkun uffiċjalment mgħarraf bl-isem tal-persuna magħżula.
2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jara li, fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Kumitat, id-delegazzjonijiet nazzjonali jirċievu għajnuna li tippermetti li kull membru individwali jirċievi tagħrif u għajnuna fl-ilsien uffiċjali tiegħu. Din l-għajnuna għandha tifforma parti minn servizz speċifiku li jikkonsisti f'Kumitat ta' l-uffiċjali tar-Regjuni jew uffiċjali oħra u għandhom jiżguraw li huwa magħmul minn uffiċjali u aġenti oħra tal-Kumitat tar-Reġjuni. Speċifikament, is-Segretarju-Ġenerali għandu jipprovdi lid-delegazzjonijiet nazzjonali b'mezzi xierqa sabiex isejħu laqgħat immedjatament qabel jew matul is-Sessjonijiet Plenarji.
Artikolu 9
Gruppi politiċi u membri mhux affiljati
1. Il-membri u s-sostituti jistgħu jiffurmaw gruppi li jirriflettu l-affinità politika tagħhom. Il-kriterji għas-sħubija għandhom jiġu preskritti fir-regoli ta' proċedura ta' kull grupp politiku.
2. Minimu ta' għoxrin membru jew sostitut li jirrappreżentaw minn ta' l-inqas tliet Stati Membri; minimu ta' tmintax-il membru jew sostitut li jirrappreżentaw minn ta' l-inqas erba' Stati Membri jew minimu ta' sittax-il membru jew sostitut li jirrappreżentaw minn ta' l-inqas ħames Stati Membri – li minn ta' l-inqas nofshom, fil-każijiet kollha, għandhom ikunu membri – huwa meħtieġ sabiex jiġi ffurmat grupp politiku. Membru jew sostitut jista' jkun ta' grupp politiku wieħed biss. Grupp politiku għandu jxolji jekk in-numru tal-membri neċessarju sabiex jitwaqqaf ikun inqas minn dak meħtieġ.
3. Il-President tal-Kumitat għandu jkun mgħarraf bi stqarrija meta jitwaqqaf, ixolji jew b'xi mod jinbidel xi grupp politiku. L-istqarrija dwar it-twaqqif ta' xi grupp politiku għandha tispeċifika l-isem tal-grupp politiku, il-membri tiegħu u l-Bureau.
4. Kull grupp politiku għandu jiġi megħjun minn segretarjat magħmul minn persunal minn fost l-aġenti tas-Segretarjat-Ġenerali. Il-gruppi politiċi jistgħu jibagħtu proposti lill-awtorità li għandha l-poter li tinnomina dwar l-għażla, l-impjegar u l-promozzjoni ta' dan il-persunal u t-tiġdid tal-kuntratti tagħhom. L-awtorità li tinnomina għandha tasal għad-deċiżjoni tagħha wara li tikkonsulta l-presidenti tal-gruppi politiċi.
5. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jipprovdi lill-gruppi politiċi u lill-korpi kostitwenti tagħhom b'riżorsi xierqa għal-laqgħat, attivitajiet u pubblikazzjonijiet u għax-xogħol tas-segretarjati tagħhom. Ir-riżorsi għal kull grupp politiku għandhom jiġu speċifikati fil-baġit. Il-gruppi politiċi u s-segretarjati tagħhom jistgħu jagħmlu użu xieraq mill-faċilitajiet tal-Kumitat.
6. Il-gruppi politiċi u l-Bureau tagħhom jistgħu jiltaqgħu immedjatament qabel jew matul is-Sessjonijiet Plenarji. Jistgħu jsejħu laqgħa straordinarja darbtejn fis-sena. Sostitut li jattendi għal dawn il-laqgħat huwa intitolat għall-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u għall-indennizzi ta' kuljum jekk ikun qiegħed jirrappreżenta xi membru mill-grupp politiku tiegħu biss.
7. Il-membri mhux affiljati għandu jkollhom appoġġ amministrattiv. Id-dispożizzjonijiet relatati ma' dan għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fuq proposta tas-Segretarju-Ġenerali.
Artikolu 10
Gruppi interreġjonali
Il-membri u s-sostituti jistgħu jiffurmaw gruppi interreġjonali. Għandhom jgħarrfu lill-President tal-Kumitat dwar dan.
TITOLU II
ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA TAL-KUMITAT
KAPITOLU 1
Konvokazzjoni u bidu tal-Kariga tal-Kumitat
Artikolu 11
Konvokazzjoni ta' l-ewwel laqgħa
Il-Kumitat jiġi kkonvokat wara kull tiġdid ta' erba' snin mill-aktar membru anzjan u għandu jitlaqqa' mhux aktar tard minn xahar wara n-nomina tal-membri tiegħu mill-Kunsill. L-ewwel laqgħa għandha titmexxa mill-aktar membru anzjan preżenti (il-president interim) megħjun mill-iżgħar erba' membri preżenti u s-Segretarju-Ġenerali tal-Kumitat, li flimkien jikkostitwixxu l-Bureau interim.
Artikolu 12
Bidu tal-kariga tal-Kumitat u verifika tal-kredenzjali
1. Matul l-ewwel laqgħa, il-president interim għandu jgħarraf lill-Kumitat bil-komunikazzjoni mill-Kunsill relatata man-nomina tal-membri. Jekk jintalab, il-president interim jista' jiddeċiedi li jivverifika n-nomina u l-kredenzjali tal-membri qabel ma jiddikjara l-bidu tal-kariga tal-Kumitat għall-mandat il-ġdid.
2. Il-Bureau interim għandu jibqa' fil-kariga sa l-istqarrija tar-riżultati ta' l-elezzjonijiet tal-membri tal-Bureau.
KAPITOLU 2
Assemblea plenarja
Artikolu 13
Ix-xogħol ta' l-Assemblea Plenarja
Il-Kumitat għandu jiltaqa' f'Assemblea Plenarja. Ix-xogħol prinċipali tagħha għandu jkun:
| 
                a)  | 
            
                li tadotta opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet;  | 
         
| 
                b)  | 
            
                li tadotta l-abbozzi ta' l-estimi ta' l-infiq u d-dħul tal-Kumitat;  | 
         
| 
                ċ)  | 
            
                li tadotta l-programm politiku tal-Kumitat fil-bidu ta' kull perijodu;  | 
         
| 
                d)  | 
            
                li teleġġi l-President, il-Viċi-President u l-bqija tal-membri tal-Bureau;  | 
         
| 
                e)  | 
            
                li twaqqaf kummissjonijiet;  | 
         
| 
                f)  | 
            
                li tadotta u tirrevedi r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat.  | 
         
Artikolu 14
Konvokazzjoni ta' l-Assemblea Plenarja
1. Il-President tal-Kumitat għandu jsejjaħ l-Assemblea Plenarja ta' l-inqas darba kull tliet xhur. Id-dati tas-Sessjonijiet Plenarji għandhom jiġu ffissati mill-Bureau matul it-tielet kwart tas-sena ta' qabel. Sessjoni Plenarja tista' tiltaqa' f'jum wieħed jew aktar.
2. Fuq talba bil-miktub ta' mill-inqas kwart tal-membri, il-President huwa marbut li jsejjaħ Sessjoni Plenarja straordinarja, li għandha sseħħ mhux qabel gimgħa u mhux aktar tard minn xahar wara d-data tat-talba. It-talba bil-miktub għandha tindika s-suġġett li ser ikun diskuss fis-Sessjoni Plenarja straordinarja. Ma jista' jiġi diskuss l-ebda suġġett ieħor.
Artikolu 15
Aġenda tas-Sessjoni Plenarja
1. L-abbozz preliminari ta' l-aġenda li jkun fih lista proviżorja ta' l-abbozzi ta' l-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet għad-diskussjoni fis-Sessjoni Plenarja ta' wara dik li jkun imiss flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha li jeħtieġu deċiżjoni għandhom jitħejjew mill-Bureau.
2. L-abbozz ta' aġenda flimkien mad-dokumenti kollha mniżżla fih li jeħtieġu deċiżjoni għandhom jintbagħtu mill-President lill-membri u lis-sostituti fl-ilsien uffiċjali tagħhom ta' l-inqas erba' ġimgħat qabel il-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja. Simultanjament, dawn għandhom ikunu aċċessibbli f'format elettroniku.
3. L-abbozzi ta' opinjonijiet u ta' riżoluzzjonijiet għandhom bi prinċipju jitniżżlu fl-aġenda fl-istess ordni li ġew adottati mill-kummissjonijiet jew ġew ippreżentati b'konformità mar-Regoli ta' Proċedura. Tiġi kkunsidrata r-rabta bejn il-kontenut tad-diversi punti ta' l-aġenda.
4. F'każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet xierqa fejn l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 ma tistax tiġi rispettata, il-President jista' jiddeċiedi li jinkludi dokument li jeħtieġ deċiżjoni fl-abbozz ta' aġenda sakemm id-dokument imsemmi jkun wasal għand il-membri u s-sostituti fl-ilsien uffiċjali tagħhom mhux aktar tard minn ġimgħa qabel il-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja.
5. L-emendi bil-miktub fl-abbozz ta' aġenda għandhom jintbagħtu lis-Segretarju-Ġenerali mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja.
6. Il-Bureau għandu jistabbilixxi l-abbozz ta' aġenda finali fil-laqgħa tiegħu immedjatament qabel il-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja. F'din il-laqgħa l-Bureau jista' jiddeċiedi, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li jinkludi fuq l-aġenda kwistjonijiet ta' natura urġenti jew topiċi li l-analiżi tagħhom ma tistax tistenna sas-Sessjoni Plenarja li jmiss.
Artikolu 16
Ftuħ tas-Sessjoni Plenarja
Il-President għandu jiftaħ is-Sessjoni Plenarja u jissottometti għal adozzjoni l-abbozz ta' aġenda finali.
Artikolu 17
Aċċess għall-pubbliku, mistiedna u kelliema mistiedna, slot għal dibattitu topiku
1. Is-Sessjonijiet Plenarji huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm l-Assemblea Plenarja ma tiddeċidiex mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa jew xi punt speċifiku fuq l-aġenda.
2. Rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jattendu għas-Sessjonijiet Plenarji. Jistgħu jintalbu jindirizzaw il-laqgħa.
3. Il-President, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Bureau, jista' wkoll jistieden mistednin oħra ewlenija sabiex jindirizzaw l-Assemblea Plenarja. Wara jista' jkun hemm dibattitu ġenerali, li matulu għandhom japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-ħin għad-diskorsi.
4. Il-Bureau jista', b'konformità ma' l-Artikolu 15, paragrafi 1 u 6, jipproponi lill-Assemblea Plenarja li jinżamm dibattitu ġenerali dwar kwistjonijiet politiċi topiċi ta' rilevanza reġjonali jew lokali (slot għal dibatttitu topiku). Ir-regoli ġenerali dwar il-ħin għad-diskorsi għandhom japplikaw.
Artikolu 18
Ħin għad-diskorsi
1. L-Assemblea Plenarja għandha, fil-bidu tal-laqgħa tagħha u fuq proposta tal-Bureau, tistipula l-ħin għad-diskorsi għal kull punt fuq l-aġenda. Matul is-Sessjoni Plenarja, il-President jista', fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' xi membru, jiddeċiedi sabiex jillimita l-ħin għad-diskorsi.
2. Il-President, fuq proposta tal-Bureau, jista' jipproponi lill-Assemblea Plenarja li meta jinżammu d-dibattiti fuq xi kwistjonijiet ġenerali jew speċifiċi, il-ħin għad-diskorsi għandu jitqassam fost il-gruppi politiċi u delegazzjonijiet nazzjonali.
3. Bħala regola ġenerali, il-ħin għad-diskorsi għandu jkun limitat għal żewġ minuti għall-kummenti fuq il-minuti, għal points of order u l-modifiki għall-abbozz finali ta' aġenda jew l-aġenda.
4. Jekk xi kelliem jaqbeż il-ħin merfugħ għalih, il-President jista', wara li jiġbidlu l-attenzjoni, iwaqqfu milli jkompli jitkellem.
5. Kull talba minn xi membru sabiex jitwaqqaf id-dibattitu għandha tgħaddi għall-vot mill-President.
Artikolu 19
Lista tal-kelliema
1. L-ismijiet tal-membri li jitolbu jitkellmu għandhom jitniżżlu f'lista bl-istess ordni li biha waslu t-talbiet tagħhom li jitkellmu. Il-President għandu jsejjaħ il-membri sabiex jitkellmu fuq il-bażi ta' din il-lista billi jiżgura kemm jista' jkun li kelliema ta' fehma politika differenti u minn delegazzjonijiet nazzjonali differenti jinstemgħu wara xulxin.
2. Tingħata prijorità, iżda, lir-rapporteur tal-kummissjoni interessata u lir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi u tad-delegazzjonijiet nazzjonali li jixtiequ jitkellmu f'isem il-grupp jew delegazzjoni tagħhom.
3. Ħadd ma jista' jindirizza l-laqgħa aktar minn darbtejn fuq l-istess suġġett, ħlief bil-permess tal-President. Il-President u r-rapporteur tal-Kummissjoni interessata għandhom, iżda, jitħallew jitkellmu fuq talba tagħhom għal tul ta' żmien skond kif jiddeċiedi l-President.
Artikolu 20
Points of order
1. Membru li jixtieq jippreżenta point of order jew li jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-President minħabba xi nuqqas fir-rigward tar-Regoli ta' Proċedura għandu jitħalla jitkellem. Il-point of order għandha tkun relatata ma' l-aġenda jew mas-suġġett tad-diskussjoni.
2. Talba għal point of order għandha tieħu preċedenza fuq kull talba oħra li wieħed jitkellem.
3. Il-President għandu jieħu deċiżjoni minnufih dwar il-points of order, b'konformità mar-Regoli ta' Proċedura u għandu jħabbar id-deċiżjoni tiegħu minnufih wara li tkun saret il-point of order. M'għandu jittieħed l-ebda vot dwar id-deċiżjoni tal-President.
Artikolu 21
Kworum
1. Jintlaħaq kworum fl-Assemblea Plenarja jekk aktar minn nofs il-membri huma preżenti. Il-kworum għandu jiġi verifikat fuq talba ta' membru u fuq kondizzjoni li mill-anqas ħmistax-il membru jivvutaw favur it-talba għall-verifika tal-kworum. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi hu kemm hu n-numru ta' nies preżenti. Il-President jista' jwaqqaf is-Sessjoni Plenarja għal mhux aktar minn għaxar minuti qabel ma jgħaddi għall-verifika tal-kworum. Il-membri li jkunu talbu verifika tal-kworum iżda li jkunu ħallew il-kamra tas-Sessjoni Plenarja għandhom jitqiesu bħala preżenti għall-għanijiet ta' l-għadd. Jekk hemm anqas minn ħmistax-il membru preżenti, il-President jista' jiddeċiedi li ma ntlaħaqx kworum.
2. Jekk tinqata' li ma ntlaħaqx kworum, il-punti kollha fuq l-aġenda li jeħtieġu votazzjoni għandhom jiġu posposti għall-jum tal-laqgħa li jmiss, f'liema ħin l-Assemblea Plenarja tista' tgħaddi għall-votazzjoni valida ta' dawn il-punti, ikun kemm ikun in-numru tal-membri preżenti.
Artikolu 22
Votazzjoni
1. L-Assemblea Plenarja għandha tiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, ħlief fejn huwa provdut mod ieħor f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura.
2. Il-forom validi ta' vot għandhom ikunu “favur”, “kontra” jew astensjoni. Fil-kalkolu tal-maġġoranza, il-voti mitfugħa favur jew kontra biss għandhom jitqiesu. F'każ ta' voti indaqs, it-test jew il-proposta għandha titqies bħala li m'għaddietx.
3. Jekk ir-riżultat ta' l-għadd tal-voti jkun kontestat, jista' jintalab li jittieħed vot mill-ġdid mill-President jew fuq talba ta' membru fuq il-kondizzjoni li minn ta' l-inqas ħmistax-il membru jivvotaw favur dit-talba li jittieħed vot mill-ġdid.
4. Fuq proposta tal-President, l-Assemblea Plenarja tista' tiddeċiedi li ssejjaħ votazzjoni bl-għajta ta' l-ismijiet.
5. Il-votazzjoni fuq id-deċiżjonijiet relatati ma' persuni għandha ssir fis-sigriet.
6. Il-President jista' f'kull ħin jiddeċiedi li l-votazzjoni ssir b'mezzi elettroniċi.
Artikolu 23
Depożitu ta' l-emendi
1. Il-Membri u s-sostituti b'mandat kif dovut biss jistgħu jiddepożitaw emendi għal dokumenti li jeħtieġu deċiżjoni. Dawn l-emendi għandhom ikunu bil-miktub.
2. Ħlief kif inhu provdut fl-ewwel sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 26, l-emendi għal dokumenti li jeħtieġu deċiżjoni għandhom jiġu sottomessi mingħand ta' l-inqas sitt membri jew sostituti b'mandat kif dovut u fuqhom għandu jkun hemm isimhom. Delegazzjonijiet nazzjonali magħmula minn anqas minn sitt membri jistgħu jissottomettu emendi bil-kondizzjoni li jiġu depożitati minn l-istess numru ta' membri jew sostituti b'mandat kif dovut mid-delegazzjoni.
3. Għandhom jaslu għand is-Segretarju-Ġenerali mhux aktar tard mis-seba' jum ta' xogħol qabel il-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja u għandhom ikunu disponibbli elettronikament malli ssir it-traduzzjoni tagħhom, mhux aktar tard minn jumejn ta' xogħol qabel is-Sessjoni Plenarja. L-iskadenza biex jintbagħtu l-emendi tista' titnaqqas għal tlett ijiem ta' xogħol mill-President f'każijiet fejn l-Artikolu 15 paragrafu 4 jiġi applikat. L-iskadenza m'għandhiex tapplika fil-każ ta' emendi ta' affarijiet urġenti skond l-Artikolu 15 paragrafu 6.
4. L-emendi kollha għandhom jitqassmu fost il-membri qabel il-bidu tas-Sessjoni Plenarja.
Artikolu 24
Eżami ta' l-emendi
1. Jekk aktar minn għoxrin emenda jintbagħtu għal dokument li jeħtieġ deċiżjoni, il-Bureau jew l-Assemblea Plenarja jistgħu jirreferu d-dokument lura lill-kummissjoni interessata sabiex jerġa' jitqies. Dan m'għandux japplika fil-każ ta' dokumenti li jeħtieġu deċiżjoni li l-adozzjoni tagħhom ma tistax tiġi diferita.
2. Jekk xi emenda jew aktar jitressqu għal xi parti ta' xi test, il-President, ir-rapporteur jew l-awturi ta' dawn l-emendi jistgħu jipproponu emendi ta' kompromess matul id-dibattitu. Dawn għandhom jingħataw prijorità waqt il-votazzjoni sakemm ħadd mill-awturi ta' l-emendi oriġinali ma joġġezzjona u, jekk ikunu adottati, iħassru kull emenda li fuqha jkun sar il-kompromess.
3. Il-votazzjoni fuq l-emendi għandha ssegwi l-ordni tal-punti fit-test. Il-President jista' jordna joint vote fuq emendi li l-kontenut jew l-għan tagħhom huwa simili.
4. Ma' l-emendi depożitati għall-abbozz ta' opinjoni jew rapport, ir-rapporteur jista' jippreżenta lista ta' dawk fosthom li jirrakkomanda li jiġu adottati. Jekk rapporteur ikun għamel rakkomandazzjoni ta' vot, il-President jista' jiddeċiedi li l-emendi kollha koperti mir-rakkomandazzjoni għandhom jiġu votati flimkien. Kull membru jista', iżda, joġġezzjona għar-rakkomandazzjoni ta' vot, filwaqt li jispeċifika l-emendi li għandhom jiġu votati separatament.
5. L-emendi għandu jkollhom prijorità fuq it-test li miegħu huma marbuta u għandhom jiġu votati qabel it-test.
6. Jekk żewġ emendi jew aktar li jeskludu lil xulxin jitressqu għall-istess parti ta' xi test, l-emenda li titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali għandha jkollha prijorità u tiġi vvotata l-ewwel.
7. Il-vot finali għandu jkun fuq it-test sħiħ, sew jekk huwa emendat sew jekk le. Opinjoni li ma ġġibx il-maġġoranza tal-voti kollha mitfugħa għandha tintbagħat lura lill-kummissjoni kompetenti jew taqa'.
Artikolu 25
Opinjonijiet u rapporti urġenti
F'każijiet urġenti fejn data ta' għeluq stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew ma tistax tintlaħaq skond il-proċedura normali, u l-kummissjoni kompetenti adottat l-abbozz ta' opinjoni tagħha jew rapport b'mod unanimu, il-President għandu jittrasmetti dan l-abbozz ta' opinjoni jew rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Parlament Ewropew għal tagħrif. L-abbozz ta' opinjoni jew rapport għandu jintbagħat lis-Sessjoni Plenarja li jmiss sabiex ikun adottat mingħajr emenda. Id-dokumenti kollha marbuta ma' l-imsemmija opinjoni jew rapport għandhom jixhdu n-natura urġenti ta' l-opinjoni jew rapport.
Artikolu 26
Proċeduri ssimplifikati
1. Abbozzi ta' opinjonijiet jew rapporti adottati unanimament minn xi kummissjoni (ewlenija), għandhom jintbagħtu lill-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni mingħajr tibdil sakemm ta' l-inqas 32 membru jew sostitut b'mandat kif dovut jew grupp politiku ma jiddepożitax emenda skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 23 paragrafu 3. F'dan il-każ, l-emenda għandha titqies mill-Assemblea Plenarja. L-abbozz ta' opinjoni jew rapport għandu jkun ippreżentat mir-rapporteur fis-Sessjoni Plenarja u jista' jkun is-suġġett ta' dibattitu. Dan għandu jintbagħat lill-membri flimkien ma' l-abbozz ta' aġenda.
2. Jekk il-kummissjoni (ewlenija) hija tal-fehma li l-Kumitat m'għandux għaliex jikkummenta dwar jew jipproponi tibdil għal xi dokument mgħoddi lilha, tista' tipproponi li ebda oġġezzjoni ma tinqala' dwar id-dokument. Il-proposta għandha tgħaddi għand l-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni mingħajr dibattitu.
Artikolu 27
Għeluq tas-Sessjoni Plenarja
Qabel l-għeluq tas-Sessjoni Plenarja, il-President għandu jħabbar il-ħin u l-post tas-Sessjoni Plenarja li jmiss flimkien ma' xi punti li diġà qegħdin fuq l-aġenda.
KAPITOLU 3
Il-Bureau u l-President
Artikolu 28
Kompożizzjoni tal-Bureau
Il-Bureau huwa magħmul:
| 
                a)  | 
            
                mill-President;  | 
         
| 
                b)  | 
            
                mill-ewwel Viċi-President;  | 
         
| 
                ċ)  | 
            
                minn Viċi-President għal kull Stat Membru;  | 
         
| 
                d)  | 
            
                minn 27 membru ieħor;  | 
         
| 
                e)  | 
            
                mill-presidenti tal-gruppi politiċi;  | 
         
Is-siġġijiet fil-Bureau (barra mis-siġġijiet tal-President, l-ewwel Viċi-President u l-presidenti tal-gruppi politiċi) għandhom jitqassmu fost id-delegazzjonijiet nazzjonali kif ġej:
| 
                —  | 
            
                3 siġġijiet: il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Polonja u r-Renju Unit;  | 
         
| 
                —  | 
            
                2 siġġijiet: il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Isvezja;  | 
         
| 
                —  | 
            
                siġġu wieħed: l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja.  | 
         
Artikolu 29
Rappreżentanti tal-membri fil-laqgħat tal-Bureau
1. Għall-membri tagħha tal-Bureau, bl-eċċezzjoni tal-President u ta' l-ewwel Viċi-President, kull delegazzjoni nazzjonali għandha taħtar membru jew sostitut bħala rappreżentant ad personam mid-delegazzjoni stess.
2. Għal president, kull grupp politiku għandu jaħtar minn fostu membru jew sostitut bħala rappreżentant ad personam.
3. Rappreżentant ad personam għandu dritt jipparteċipa f'laqgħat u jkollu d-dritt li jitkellem u jivvota biss meta jkun qiegħed jissostitwixxi dan il-membru tal-Bureau. Il-prokura tal-vot għandha tiġi mgħarrfa bil-miktub lis-Segretarju-Ġenerali qabel il-laqgħa kkonċernata.
Artikolu 30
Regoli ta' l-elezzjoni
1. Il-Bureau għandu jiġi elett mill-Assemblea Plenarja għal sentejn.
2. L-elezzjoni għandha tinżamm taħt il-presidenza tal-President interim skond l-Artikoli 11 u 12. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jintbagħtu bil-miktub lis-Segretarju-Ġenerali mhux aktar tard minn siegħa qabel il-bidu tas-Sessjoni Plenarja. L-elezzjoni tista' ssir biss jekk ikunu preżenti minn ta' l-inqas żewġ terzi tal-membri.
Artikolu 31
Elezzjoni tal-President u ta' l-ewwel Viċi-President
1. Qabel l-elezzjonijiet għall-postijiet ta' President u ta' l-ewwel Viċi-President, il-kandidati jistgħu jagħmlu stqarrija qasira quddiem l-Assemblea Plenarja. Ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess ammont ta' ħin għad-diskors, stabbilit mill-President interim.
2. L-elezzjoni tal-President u dik ta' l-ewwel Viċi-President għandhom isiru separatament. Għandhom jiġu eletti bil-maġġoranza tal-voti mitfugħa.
3. Il-forom validi ta' votazzjoni għandhom ikunu l-vot “favur” u astensjoni. Huma l-voti “favur” biss li jiġu kkunsidrati sabiex tiġi kkalkolata jekk intlaħqitx il-maġġoranza.
4. Jekk l-ebda kandidat ma jikseb il-maġġoranza fl-ewwel votazzjoni, tinżamm it-tieni votazzjoni li matulha jiġi elett il-kandidat li jikseb l-ogħla numru ta' voti. Fil-każ ta' voti indaqs, tittieħed deċiżjoni bix-xorti.
Artikolu 32
Elezzjoni tal-membri tal-Bureau
1. Tista' tiġi stabbilita lista komuni tal-kandidati mid-delegazzjonijiet nazzjonali li jippreżentaw kandidat wieħed biss għal kull wieħed mis-siġġijiet merfugħa għalihom fil-Bureau. Din il-lista tista' tiġi adottata b'votazzjoni waħda jekk tikseb il-maġġoranza tal-voti mitfugħa. F'każijiet fejn ma tiġix adottata lista komuni jew fejn in-numru ta' kandidati propost għas-siġġijiet ta' delegazzjoni nazzjonali fil-Bureau jaqbeż in-numru ta' siġġijiet disponibbli, kull wieħed minn dawn is-siġġijiet għandu jiġi deċiż b'votazzjoni separata; f'dan il-każ id-dispożizzjonijiet ta' l-elezzjoni li huma applikati huma dawk tal-President u ta' l-ewwel Viċi-President, kif stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31, paragrafi 2 sa 4.
2. Fid-dawl ta' l-elezzjoni tal-presidenti tal-gruppi politiċi bħala membri tal-Bureau, lista nominali għandha tintbagħat lill-Assemblea Plenarja għal adozzjoni.
Artikolu 33
Elezzjoni tar-rappreżentanti
L-elezzjoni ta' kandidat għal siġġu tal-Bureau twassal awtomatikament għal dik tar-rappreżentant tiegħu ad personam.
Artikolu 34
By-election għal siġġu battal tal-Bureau
Il-membru tal-Bureau jew ir-rappreżentant tiegħu ad personam li ma jibqax jagħmel parti mill-Kumitat jew li jirriżenja mill-Bureau, għandu jiġi sostitut għall-bqija tal-mandat b'konformità ma' l-Artikoli 28 sa 33. Il-by-election għal siġġu battal għandha ssir fl-Assemblea Plenarja taħt il-presidenza tal-President jew ta' wieħed mir-rappreżentanti tiegħu skond l-Artikolu 37 paragrafu 3.
Artikolu 35
Ix-xogħol tal-Bureau
Ix-xogħol tal-Bureau huwa kif ġej:
| 
                a)  | 
            
                it-tħejjija u l-preżentazzjoni lill-Assemblea Plenarja tal-programm politiku tiegħu fil-bidu tal-mandat tiegħu u l-kontroll tat-twettiq ta' dan. Fi tmiem il-mandat tiegħu jippreżenta lill-Assemblea Plenarja rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm politiku tiegħu;  | 
         
| 
                b)  | 
            
                l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ta' l-Assemblea Plenarja u tal-kummissjonijiet;  | 
         
| 
                ċ)  | 
            
                l-adozzjoni, fuq proposta tal-kummissjonijiet, tal-programm ta' ħidma annwali tagħhom;  | 
         
| 
                d)  | 
            
                ir-responsabbiltà ġenerali għall-kwistjonijiet ta' natura finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva dwar il-membri u s-sostituti, l-organizzazzjoni interna tal-Kumitat u tas-Segretarjat-Ġenerali tiegħu, inkluż il-pjan ta' organizzazzjoni u l-korpi kostitwenti tiegħu;  | 
         
| 
                e)  | 
            
                Il-Bureau jista' 
 
  | 
         
| 
                f)  | 
            
                l-impjegar tas-Segretarju-Ġenerali u ta' l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra msemmija fl-Artikolu 62;  | 
         
| 
                ġ)  | 
            
                il-preżentazzjoni lill-Assemblea Plenarja ta' l-abbozz preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat, b'konformità ma' l-Artikolu 64;  | 
         
| 
                g)  | 
            
                l-awtorizzazzjoni tal-laqgħat barra l-postijiet tax-xogħol tas-soltu;  | 
         
| 
                għ)  | 
            
                it-teħid ta'dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta' xogħol tal-gruppi ta' ħidma jew tal-kumitati konġunti kostitwiti mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni.  | 
         
Artikolu 36
Konvokazzjoni tal-Bureau, kworum u teħid ta' deċiżjoni
1. Il-Bureau jitlaqqa' mill-President, li għandu jiffissa d-data tal-laqgħa u l-aġenda bi ftehim ma' l-ewwel Viċi-President. Il-Bureau għandu jiltaqa' minn ta' l-inqas darba kull tliet xhur, jew mhux aktar tard minn 14-il jum wara r-riċevuta ta' talba bil-miktub li ssir mingħand ta' l-inqas kwart mill-membri tiegħu.
2. Il-kworum tal-Bureau jintlaħaq jekk minn ta' l-inqas nofs il-membri tiegħu huma preżenti. Il-kworum jiġi vverifikat fuq it-talba ta' membru u b'kondizzjoni li minn ta' l-inqas sitt membri jivvotaw favur din it-talba. Meta l-verifika tal-kworum ma tintalabx, kull vot huwa validu jkun xi jkun in-numru tal-preżenti. Jekk jiġi stabbilit li l-kworum ma ntlaħaqx, il-Bureau jista' jkompli bid-diskussjonijiet iżda l-votazzjoni ssir fil-laqgħa segwenti.
3. Id-deċiżjonijiet jitteħdu b'maġġoranza ta' voti mitfugħa, ħlief fejn hemm provdut mod ieħor f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 22 paragrafu 2.
4. Sabiex jitħejjew id-deċiżjonijiet tal-Bureau, il-President jagħti r-responsabbiltà lis-Segretarju-Ġenerali sabiex iħejji d-dokumenti ta' diskussjoni u r-rakkomandazzjonijiet ta' deċiżjoni fuq kull tema li trid tiġi eżaminata u dawn jinhemżu ma' l-abbozz ta' l-aġenda.
5. Il-Membri għandhom jirċievu d-dokumenti minn ta' l-inqas għaxart ijiem qabel il-ftuħ tal-laqgħa. L-emendi għad-dokumenti tal-Bureau għandhom jintbagħtu bil-miktub lis-Segretarju-Ġenerali mhux aktar tard mit-tielet jum ta' xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Bureau u għandhom ikunu elettronikament disponibbli malli jiġu tradotti.
Artikolu 37
Il-President
1. Il-President għandu jmexxi x-xogħol tal-Kumitat.
2. Il-President jirrappreżenta lill-Kumitat. Jista' jiddelega dawn is-setgħat.
3. Jekk il-President ikun assenti jew ma jistax jattendi, għandu jkun irrappreżentat mill-ewwel Viċi-President; jekk l-ewwel Viċi-President huwa wkoll assenti jew ma jistax jattendi, il-President għandu jkun irrappreżentat minn wieħed mill-Viċi-Presidenti l-oħra.
Opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet – Proċedura fil-Bureau
Artikolu 38
Opinjonijiet – Bażi legali
Il-Kumitat jadotta l-opinjonijiet tiegħu skond l-Artikolu 265 tat-Trattat KE:
| 
                a)  | 
            
                meta jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill fil-każijiet previsti mit-Trattat KE, jew fuq il-bażi ta' referenza minn dawn l-istituzzjonijiet jew il-Parlament Ewropew fil-każijiet l-oħra kollha;  | 
         
| 
                b)  | 
            
                fuq l-inizjattiva tiegħu stess;  | 
         
| 
                ċ)  | 
            
                meta, fil-każ li jiġi kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali skond l-Artikolu 262 tat-Trattat KE, il-Kumitat jikkunsidra li huma involuti interessi speċifiċi reġjonali.  | 
         
Artikolu 39
Opinjonijiet u rapporti – Ħatra tal-kummissjoni kompetenti
1. Meta jirċievi talbiet ta' tħejjija ta' opinjoni min-naħa tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Parlament Ewropew fuq xi dokumenti, il-President jgħaddihom lill-kummissjonijiet kompetenti, waqt li l-Bureau jiġi mgħarraf matul il-laqgħa segwenti.
2. Jekk is-suġġett ta' xi opinjoni jew rapport jaqa' fil-kompetenzi ta' aktar minn kummissjoni waħda, il-President għandu jaħtar kummissjoni prinċipali u, jekk ikun neċessarju, jista' jipproponi li l-Bureau jwaqqaf grupp ta' ħidma li jkun fih rappreżentanti mill-kummissjonijiet ikkonċernati.
3. Jekk xi kummissjoni ma taqbilx ma' xi deċiżjoni meħuda mill-President skond il-paragrafi 1 u 2, tista' permezz tal-president tagħha, titlob lill-Bureau sabiex jieħu deċiżjoni.
Artikolu 40
Ħatra tar-rapporteur-ġenerali
1. F'każ li l-kummissjoni kkonċernata ma tistax tħejji abbozz ta' opinjoni jew rapport sad-data ta' għeluq stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew, il-Bureau jista' jipproponi li l-Assemblea Plenarja taħtar rapporteur-ġenerali, li għandu jippreżenta direttament lill-Assemblea Plenarja abbozz ta' opinjoni jew ta' rapport.
2. F'każ li data ta' għeluq stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew ma tħallix biżżejjed ħin lill-Assemblea Plenarja tal-Kumitat sabiex taħtar rapporteur-ġenerali, ir-rapporteur-ġenerali jista' jinħatar mill-President u l-Assemblea Plenarja għandha tkun mgħarrfa matul il-laqgħa tagħha segwenti.
3. Fiż-żewġ każijiet, il-kummissjoni kkonċernata għandha tiltaqa', fejn ikun possibbli, sabiex isir dibattitu ġenerali esplorattiv dwar is-suġġett ta' l-opinjoni jew tar-rapport.
Artikolu 41
Opinjonijiet u rapporti fuq inizjattiva proprja
1. It-talbiet għal tħejjija ta' opinjonijiet jew rapporti fuq inizjattiva proprja jistgħu jintbagħtu lill-Bureau minn tlieta mill-membri tiegħu, minn kummissjoni permezz tal-president tagħha jew minn 32 membru tal-Kumitat. Dawn it-talbiet għandhom jaslu l-Bureau, akkumpanjati mir-raġunijiet, flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha ta' diskussjoni skond l-Artikolu 36 paragrafu 4, u fejn ikun possibbli, qabel ma jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali.
2. Il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar talbiet eventwali ta' abbozzar ta' opinjonijiet jew rapporti ta' inizjattiva proprja b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-voti mitfugħa. L-opinjonijiet jew ir-rapporti għandhom jgħaddu għand il-kummissjoni kompetenti b'konformità ma' l-Artikolu 39. Il-President jinforma lill-Assemblea Plenarja dwar id-deċiżjonijiet kollha tal-Bureau relatati ma' l-approvazzjoni u ma' l-attribuzzjoni ta' l-opinjonijiet jew tar-rapporti fuq inizjattiva proprja.
3. Dan l-Artikolu jiġi applikat b'analoġija għall-opinjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 38 paragrafu ċ.
Artikolu 42
Preżentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet
1. Jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda dawk ir-riżoluzzjonijiet li jirreferu għal temi dwar l-oqsma ta' attività ta' l-Unjoni Ewropea, li jikkonċernaw tħassib importanti ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali u li għandhom natura ta' attwalità.
2. Il-proposti ta' riżoluzzjonijiet jew it-talbiet ta' tħejjija ta' riżoluzzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kumitat mingħand ta' l-inqas tnejn u tletin membru, jew minn xi grupp politiku. Il-proposti jew it-talbiet kollha għandhom jiġu ppreżentati lill-Bureau bil-miktub u jindikaw l-isem tal-membri jew tal-grupp politiku li jappoġġjawhom. Għandhom jaslu għand is-Segretarju-Ġenerali mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħat tal-Bureau.
3. Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-Kumitat għandu jiddiskuti xi abbozz jew talba ta' riżoluzzjoni jista':
| 
                a)  | 
            
                jdaħħal l-abbozz ta' riżoluzzjoni fl-abbozz preliminari ta' l-aġenda tas-Sessjoni Plenarja b'konformità ma' l-Artikolu 15 paragrafu 1;  | 
         
| 
                b)  | 
            
                jaħtar kummissjoni sabiex tħejji abbozz ta' riżoluzzjoni sa data ta' għeluq stabbilita. Il-kummissjoni kompetenti tħejji abozz ta' riżoluzzjoni skond il-proċedura għat-tħejjija ta' abbozzi ta' opinjonijiet jew ta' rapporti. F'dan il-każ ma japplikawż id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 50;  | 
         
| 
                ċ)  | 
            
                F'każijiet urġenti, b'konformità mat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 15 paragrafu 6, idaħħal abbozz ta' riżoluzzjoni fl-aġenda tas-Sessjoni Plenarja segwenti. L-abbozz jiġi eżaminat matul it-tieni jum tas-sessjoni.  | 
         
4. Abbozzi ta' riżoluzzjonijiet li huma marbutin ma' xi avveniment imprevedibbli li jseħħ wara d-data ta' għeluq stipulata fil-paragrafu 2 (riżoluzzjonijiet ta' urġenza eċċezzjonali) u li jħarsu d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jistgħu jintbagħtu sa tliet sigħat qabel il-bidu tal-laqgħa tal-Bureau. Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-proposta tmiss il-qofol tax-xogħol tal-Kumitat, il-proposta titqies b'konformità ma' l-Artikolu 42 paragrafu 3 ċ). L-emendi għall-abbozzi ta' riżoluzzjonijiet ta' urġenza eċċezzjonali jistgħu jitressqu minn kull membru matul is-Sessjoni Plenarja.
Artikolu 43
Promozzjoni ta' l-opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet
Il-Bureau huwa responsabbli mill-promozzjoni ta' l-opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet tal-Kumitat.
KAPITOLU 4
Kummissjonijiet
Artikolu 44
Kompożizzjoni u setgħat
1. Fil-bidu ta' kull perjodu ta' erba' snin, l-Assemblea Plenarja tikkostitwixxi kummissjonijiet sabiex jippreparawlha xogħolha. Għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni u s-setgħat tagħhom fuq proposta mill-Bureau.
2. Il-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet għandha tirrifletti r-rappreżentanza ta' l-Istati Membri fil-Kumitat.
3. Il-membri tal-Kumitat għandhom jagħmlu parti minn ta' l-inqas kummissjoni waħda iżda mhux parti minn aktar minn żewġ kummissjonijiet. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet mill-Bureau għall-membri li jappartjenu għal delegazzjonijiet nazzjonali li n-numru ta' membri tagħhom ikun anqas min-numru ta' kummissjonijiet.
Artikolu 45
Il-President u l-Viċi-Presidenti
1. Fl-ewwel laqgħa tagħha kull kummissjoni għandha taħtar minn fost il-membri tagħha President, l-ewwel Viċi-President u, jekk ikun neċessarju, massimu ta' żewġ Viċi-Presidenti.
2. Fejn in-numru ta' kandidati jaqbel man-numru ta' siġġijiet li jridu jimtlew, il-kandidati jistgħu jiġu eletti b'akklamazzjoni. F'każ kontrarju jew fuq talba ta' wieħed minn kull sitt membri tal-kummissjoni, il-kandidati jiġu eletti b'votazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 31 paragrafu 2 sa paragrafu 4 li jirregolaw il-metodi ta' elezzjoni tal-President u ta' l-ewwel Viċi-President tal-Kumitat.
3. Jekk membru ma jibqax jagħmel parti mill-Kumitat jew jirriżenja mill-post tiegħu ta' President jew ta' Viċi-President, il-post battal għandu jimtela skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 46
Ix-xogħol tal-kummissjonijiet
B'konformità mal-kompetenzi li jiġu attribwiti lilhom mill-Assemblea Plenarja fis-sens ta' l-Artikolu 44, il-kummissjonijiet jiddiskutu politiki komunitarji. Huma għandhom b'mod partikolari jħejju l-verżjonijiet ta' l-abbozzi ta' l-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet li mbagħad jintbagħtu lill-Assemblea Plenarja għal adozzjoni.
Artikolu 47
Konvokazzjoni tal-kummissjonijiet u l-aġenda
1. Id-data u l-aġenda tal-laqgħa ta' kummissjoni jiġu ddeterminati mill-President tagħha, bi qbil ma' l-ewwel Viċi-President.
2. Kummissjoni għandha titlaqqa' mill-President tagħha. Il-konvokazzjoni għal laqgħa ordinarja flimkien ma' l-aġenda għandha tasal għand il-membri mhux aktar tard minn erba' ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa.
3. Jekk minn ta' l-inqas kwart mill-membri jagħmlu talba bil-miktub, il-President huwa obbligat li jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-kummissjoni, li għandha ssir mhux aktar tard minn erba' gimgħat wara li tintbagħat it-talba. L-aġenda ta' laqgħa straordinarja għandha titfassal mill-membri li jibagħtu t-talba għal laqgħa bħal din. Għandha tintbagħat lill-membri flimkien mal-konvokazzjoni.
4. L-abbozzi kollha ta' l-opinjonijiet u d-dokumenti l-oħra tad-diskussjoni li jridu jiġu tradotti u mqassma qabel xi laqgħa għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-kummissjoni kkonċernata mhux aktar tard minn ħames ġimgħat qabel id-data stabbilita għal-laqgħa. Għandhom jintbagħtu lill-membri mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-data tal-laqgħa. F'każijiet eċċezzjonali, id-dati ta' għeluq imsemmija jistgħu jiġu emendati mill-President.
Artikolu 48
Aċċess għall-pubbliku
1. Il-laqgħat tal-kummissjonijiet huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm xi kummissjoni ma tiddeċidiex mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa kollha jew ta' xi punt speċifiku fuq l-aġenda tagħha.
2. Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll personalitajiet oħrajn, jistgħu jkunu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kummissjonijiet u sabiex iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-membri.
Artikolu 49
Data ta' għeluq għat-tħejjija ta' l-opinjonijiet u tar-rapporti
1. Il-kummissjonijiet jippreżentaw l-abbozzi ta' opinjoni jew ta' rapport qabel id-data ta' għeluq prevista fil-kalendarju interistituzzjonali. In-numru ta' laqgħat għall-analiżi ta' abbozz ta' opinjoni jew ta' rapport m'għandux ikun aktar minn żewġ laqgħat, mingħajr ma tiġi inkluża l-ewwel laqgħa li fiha jiġi organizzat ix-xogħol.
2. F'każijiet eċċezzjonali, il-Bureau jista' jawtorizza laqgħat supplimentari sabiex jiġi analizzat abbozz ta' opinjoni jew ta' rapport, jew jista' jġedded id-data ta' għeluq għat-tressiq ta' l-abbozz.
Artikolu 50
Kontenut ta' l-opinjonijiet u tar-rapporti
1. Opinjoni jew rapport tal-Kumitat tippreżenta l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-suġġett meqjus, kif ukoll, f'każ ta' bżonn, proposti konkreti għal modifikazzjoni fid-dokument diskuss.
2. Fl-evalwazzjoni ta' dan id-dokument, il-parti prinċipali tat-test tal-Kumitat għandha, fejn huwa possibbli, tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-effetti probabbli fil-livell ta' l-amministrazzjoni u fuq il-finanzi reġjonali u lokali.
3. F'każ ta' bżonn, għandha titħejja dikjarazzjoni spjegattiva mir-rapporteur u m'għandhiex titressaq għall-vot. Għandha, iżda, taqbel mat-test ta' l-opinjoni li tressaq għall-vot.
Artikolu 51
Rapporteurs
1. Kull kummissjoni, fuq proposta tal-President tagħha, għandha tinnomina rapporteur jew, f'każijiet b'raġuni xierqa, żewġ rapporteurs sabiex ifasslu abbozz ta' opinjoni jew ta' rapport.
2. Fil-ħatra tar-rapporteurs, kull kummissjoni għandha tiżgura allokazzjoni ġusta u bbilanċjata ta' l-opinjonijiet u tar-rapporti.
3. F'każijiet urġenti, il-President tal-kummissjoni jista' japplika proċedura bil-miktub sabiex jaħtar rapporteur. Il-President jistieden lill-membri tal-kummissjoni sabiex jgħidulu bil-miktub u sa mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol, l-oġġezzjonijiet tagħhom għall-ħatra tar-rapporteur propost. F'każ ta' oġġezzjoni, il-President u l-ewwel Viċi-President għandhom jiddeċiedu bi qbil komuni.
4. Jekk il-President jew wieħed mill-Viċi-Presidenti ta' kummissjoni jinħatar bħala rapporteur, huwa għandu, matul l-analiżi ta' l-abbozz ta' l-opinjoni jew tar-rapport, jgħaddi l-presidenza tal-laqgħa lil xi Viċi-President ieħor jew lill-aktar membru anzjan preżenti.
Artikolu 52
Gruppi ta' ħidma
1. F'ċerti sitwazzjonijiet li jesiġu dan, il-kummissjonijiet jistgħu jwaqqfu bl-approvazzjoni tal-Bureau, gruppi ta' ħidma. Il-membri tal-gruppi ta' ħidma jistgħu wkoll jiġu minn kummissjoni oħra.
2. Membru ta' grupp ta' ħidma li ma jistax jattendi laqgħa jista' jiġi rrappreżentat minn membru jew minn rappreżentant li jidhru fil-lista ta' sostituti għall-grupp ta' ħidma.
3. Kull grupp ta' ħidma jista' jaħtar president u viċi-president minn fost il-membri tiegħu.
Artikolu 53
Esperti
1. Il-membri tal-kummissjonijiet jistgħu jiġu megħjuna minn espert.
2. Kummissjoni tista' taħtar esperti kemm sabiex jgħinuha f'xogħolha jew sabiex jgħinu xi gruppi ta' ħidma li tkun waqqfet. Fuq talba tal-President, dawn l-esperti jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal- kummissjoni jew xi wieħed mill-gruppi ta' ħidma tagħha.
3. L-esperti tar-rapporteurs u l-esperti mistiedna mill-kummissjoni biss għandhom id-dritt għar-rimborż ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-indennizzi ta' kuljum.
Artikolu 54
Kworum
1. Il-kworum ta' kummissjoni jintlaħaq meta aktar minn nofs il-membri jkunu preżenti.
2. Il-kworum għandu jkun ivverifikat fuq talba ta' membru u b'kondizzjoni li minn ta' l-inqas għaxar membri jivvutaw favur din it-talba. Jekk ma tintalabx il-verifika tal-kworum, il-voti kollha għandhom ikunu validi, ikun x'ikun in-numru tal-preżenti. Jekk jitqies li l-kworum ma ntlaħaqx, il-kummissjoni tista' tipproċedi għall-analiżi tal-punti li għadhom fuq l-aġenda li ma jeħtiġux vot waqt li tippostponi għal-laqgħa segwenti d-diskussjonijiet u l-votazzjonijiet fuq il-punti ta' l-aġenda li għadhom sospiżi.
Artikolu 55
Votazzjoni
1. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'maġġoranza tal-voti mitfugħa. Japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 22 paragrafu 2.
2. Jekk kummissjoni tinterrompi votazzjoni fuq opinjoni, tista' tiddeċiedi, b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, sabiex terġa' tissottometti għall-votazzjoni l-emendi li diġà saret votazzjoni fuqhom meta tieħu deċiżjoni fuq it-test kollu.
Artikolu 56
Emendi
1. L-emendi għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-kummissjoni mhux aktar tard mill-ħames jum ta' xogħol qabel id-data tal-laqgħa. F'każijiet eċċezzjonali, id-data ta' għeluq tista' tiġi emendata mill-President.
2. Il-votazzjonji fuq l-emendi għandha timxi bl-istess ordni tal-punti ta' l-abbozz ta' opinjoni jew ta' rapport li qiegħed jiġi analizzat. Wara dan, it-test sħih għandu jgħaddi għall-vot. F'każ fejn żewġ emendi jew aktar li jeskludu lil xulxin ikunu tressqu għall-istess parti ta' xi test, l-emenda li titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali għandu jkollha prijorità u għandha tgħaddi l-ewwel għall-vot.
3. Meta l-opinjoni jew ir-rapport jiġi adottat fil-Kummissjoni għandu jintbagħat mill-President tal-kummissjoni lill-President tal-Kumitat.
Artikolu 57
Rinunzja għat-tħejjija ta' opinjoni jew rapport
Meta l-kummissjoni inkarigata (b'titolu prinċipali, f'każ ta' bżonn) tqis li xi dokument mibgħut lilha m'għandu ebda interess reġjonali jew lokali, jew mhux ta' importanza politika, tista' tiddeċiedi li ma tħejjix opinjoni jew rapport.
Artikolu 58
Proċedura bil-miktub
1. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-President ta' kummissjoni jista' jirrikorri għall-proċedura bil-miktub sabiex jadotta deċiżjoni li tikkonċerna t-tħaddim tal-kummissjoni tiegħu.
2. Il-President għandu jibgħat lill-membri l-proposta ta' deċiżjoni u jistedinhom sabiex jibagħtulu bil-miktub, sa mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol, l-oġġezzjonijiet li jista' jkollhom.
3. Jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni, id-deċiżjoni tiġi adottata.
KAPITOLU 5
Amministrazzjoni tal-Kumitat
Artikolu 59
Segretarjat-Ġenerali
1. Il-Kumitat huwa assistit minn Segretarjat-Ġenerali.
2. Is-Segretarjat-Ġenerali għandu jkun immexxi minn Segretarju-Ġenerali.
3. Il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju-Ġenerali, għandu jorganizza s-Segretarjat-Ġenerali b'tali mod li dan ta' l-aħħar ikun kapaċi li jiżgura t-tħaddim effiċjenti tal-Kumitat u l-korpi kostitwenti tiegħu u jassisti lill-membri tal-Kumitat fil-qadi ta' dmirijiethom. B'dan il-mod jistabbilixxi s-servizzi li l-amministrazzjoni trid tipprovdi lill-membri, lid-delegazzjonijiet nazzjonali, lill-gruppi politiċi u lill-membri mhux affiljati.
4. Is-Segretarjat-Ġenerali jistabbilixxi l-minuti tal-laqgħat tal-korpi kostitwenti tal-Kumitat.
Artikolu 60
Segretarju Ġenerali
1. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jkun responsabbli mit-twettiq tad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bureau jew mill-President, b'konformità ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura u l-qafas legali applikabbli. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jattendi għal-laqgħat tal-Bureau sabiex jagħti l-pariri u għandu jżomm il-minuti ta' dawn il-laqgħat.
2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jaqdi dmirijietu taħt id-direzzjoni tal-President, li jirrappreżenta l-Bureau.
Artikolu 61
Impjegar tas-Segretarju-Ġenerali
1. Il-Bureau għandu jimpjega lis-Segretarju-Ġenerali b'deċiżjoni li tittieħed mill-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, waqt li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 u d-dispożizzjonijiet relatati tal-Kondizzjonijiet tax-Xogħol applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej.
2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jiġi impjegat għal ħames snin. Id-dispożizzjonijiet partikolari tal-kuntratt ta' impjieg tiegħu għandhom jitfissru mill-Bureau.
3. Il-poteri li l-Kondizzjonijiet tax-Xogħol applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej jikkonferixxu lill-awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta' impjieg jiġu eżerċitati, fil-każ tas-Segretarju-Ġenerali, mill-Bureau.
Artikolu 62
Statut ta' l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej
1. Il-poteri li l-Istatut ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jikkonferixxi lill-awtorità li għandha l-poteri ta' ħatra għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:
| 
                —  | 
            
                għall-uffiċjali fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta' funzjoni AD u għall-uffiċjali fil-grupp ta' funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali;  | 
         
| 
                —  | 
            
                għall-uffiċjali l-oħra, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju-Ġenerali.  | 
         
2. Il-poteri li l-Kondizzjonijiet tax-Xogħol applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej jinkoferixxu lill-awtorità kompetenti sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta' ingaġġ għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:
| 
                —  | 
            
                għall-impjegati temporanji fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta' funzjoni AD u għall-impjegati temporanji tal-grupp ta' funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali;  | 
         
| 
                —  | 
            
                għall-impjegati l-oħra temporanji, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju-Ġenerali;  | 
         
| 
                —  | 
            
                għall-impjegati temporanji fl-uffiċċju privat tal-President jew ta' l-ewwel Viċi-President: 
 
 Il-ħaddiema temporanji impjegati fl-uffiċċju privat tal-President jew ta' l-ewwel Viċi-President għandhom jibqgħu ingaġġati sat-tmiem tal-mandat tal-President jew tal-Viċi President  | 
         
| 
                —  | 
            
                għall-ħaddiema awżiljarji, il-ħaddiema bil-kuntratt, il-konsulenti speċjali u l-ħaddiema lokali, mis-Segretarju-Ġenerali skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-kondizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej.  | 
         
Artikolu 63
Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amminstrattivi
1. Il-Bureau jistabbilixxi, skond l-Artikolu 35, Kummissjoni Konsultattiva għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi, li tiġi preseduta minn membru tal-Bureau.
2. Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għandu jkollha l-kompiti li ġejjin:
| 
                a)  | 
            
                diskussjoni u adozzjoni ta' l-abbozz preliminarju tad-dħul u l-infiq sottomess mis-Segretarju-Ġenerali, b'konformità ma' l-Artikolu 64;  | 
         
| 
                b)  | 
            
                tħejjija ta' l-abbozzi ta' l-istruzzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tal-Bureau dwar kwistjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi, inklużi dawk relatati mal-membri u s-sostituti.  | 
         
3. Il-president tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi jirrappreżenta lill-Kumitat fir-rigward ta' l-awtoritajiet baġitarji ta' l-Unjoni.
Artikolu 64
Il-Baġit
1. Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għandha tibgħat lill-Bureau l-abbozzi preliminari ta' l-infiq u d-dħul tal-Kumitat għas-sena finanzjarja segwenti. Il-Bureau għandu jibgħat dan l-abbozz preliminari lill-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni.
2. L-Assemblea Plenarja tadotta l-abbozzi preliminari ta' l-infiq u d-dħul tal-Kumitat u tibgħathom lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fil-ħin sabiex tiżgura li d-dati ta' għeluq preskritti fir-regolament baġitarju jiġu rispettati.
3. Il-President tal-Kumitat, wara li jikkonsulta l-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi, għandu jipproċedi għall-attwazzjoni tar-rendikont tad-dħul u l-infiq, jew jara li jkun attwat, skond ir-regoli finanzjarji interni adottati mill-Bureau. Huwa għandu jaqdi dawn il-funzjonijiet skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.
TITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA
KAPITOLU 1
Kooperazzjoni ma' Istituzzjonijiet oħra
Artikolu 65
Ftehim ta' kooperazzjoni
Fil-qafas tal-kompetenzi tal-Kumitat, il-Bureau jista' jikkonkludi, fuq proposta tas-Segretarju-Ġenerali, ftehim ma' organizzazzjonijiet u korpi oħra.
Artikolu 66
Trasmissjoni u pubblikazzjoni ta' l-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet
1. L-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat, kif ukoll il-komunikazzjonijiet relatati ma' l-applikazzjoni ta' proċedura simplifikata skond l-Artikolu 26 jew mar-rinunċja tat-tħejjija ta' opinjoni jew ta' rapport skond l-Artikolu 57, għandhom ikunu indirizzati lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew. Bħal ma jiġri fil-każ tar-riżoluzzjonijiet, għandhom jintbagħtu mill-President.
2. L-opinjonijiet, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
KAPITOLU 2
Aċċess għall-Pubbliku u Trasparenza
Artikolu 67
Aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti
1. Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew stabbilita fi Stat Membru, għandhom dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi lill-Komunità Ewropea, iżda b'riserva għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti mfissra mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau tal-Kumitat. L-aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat għandu jingħata, fejn possibbli, bl-istess mod lill-persuni naturali u legali oħrajn.
2. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi reġistru ta' dokumenti tiegħu. Għal dan il-għan, il-Bureau jadotta r-regoli interni dwar l-aċċess u jagħmel lista ta' dokumenti li huma direttament aċċessibbli.
KAPITOLU 3
DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAR-REGOLI TA' PROĊEDURA
Artikolu 68
Reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura
1. L-Assemblea Plenarja għandha tiddeċiedi b'maġġoranza tal-membri tagħha jekk hemmx ħtieġa li tirrivedi dawn ir-Regoli ta' Proċedura, f'parti minnhom jew fis-sħiħ.
2. Għandha tinnomina kummissjoni ad hoc li tkun responsabbli għat-tħejjija ta' rapport u ta' abbozz ta' test fuq il-bażi ta' liema tipproċedi għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda b'maġġoranza tal-membri tagħha. Id-dispożizzjonijiet ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 69
Istruzzjonijiet tal-Bureau
Il-Bureau jista' jistabbilixxi permezz ta' istruzzjonijiet id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, filwaqt li jiġu mħarsa dawn ta' l-aħħar.
Artikolu 70
Dħul fis-seħħ tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
(1) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.