2.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 141/63


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/32/KE

ta’ l-1 ta’ Ġunju 2007

li temenda l-Anness VI tad-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja u l-Anness VI tad-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 tal-Kunsill fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (1), u partikolarment l-Artikolu 21c tagħha,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva 2001/16/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (2), u partikolarment l-Artikolu 21b tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva 96/48/KE u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/16/KE, l-entità kontraenti, jew ir-rappreżentant uffiċjali tagħha, għandha tistieden lill-korp notifikat li għażlet għal dak l-iskop biex japplika l-proċedura ta’ verifika “KE” msemmija fl-Anness VI tad-Direttivi.

(2)

Fuq il-bażi taċ-ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-korp notifikat u ta’ dokumentazzjoni teknika li takkumpanja ċ-ċertifikat, l-entità kontraenti, jew ir-rappreżentant uffiċjali tagħha, tfassal dikjarazzjoni ta’ verifika “KE”.

(3)

Punt 2 ta’ l-Anness VI tad-Direttiva 96/48/KE u punt 2 ta’ l-Anness VI tad-Direttiva 2001/16/KE jistipulaw li s-sottosistema tiġi ċċekkjata f'kull waħda mill-fażijiet li ġejjin: id-disinn globali; l-istruttura tas-sottosistema, inklużi partikolarment attivitajiet ta’ inġinerija ċivili, l-immuntar tal-konstitwenti, l-aġġustament globali; u l-verifika finali tas-sottosistema.

(4)

Il-kunċett attwali tal-“verifika finali tas-sottosistema” mhux ċar u preċiż biżżejjed. Jikkonsisti fl-iċċekkjar li s-sottosistema hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE u mad-dispożizzjonijiet regolatorji l-oħra applikabbli u li tista' tibda topera, partikolarment billi jiġu ċċekkjati l-interfaces ma’ sottosistemi oħra f'kundizzjonijiet operattivi.

(5)

Madankollu, hemm testijiet li l-manifattur jista' jwettaq fuq il-kostitwent iżolat ta’ interoperabilità (IC) jew is-sottosistema, indipendentement mill-ambjent finali li fih l-IC, jew is-sottosistema, se jiġi stallat u se jkun użat. Dawn it-testijiet “individwali”, utli u finali, huma indipendenti min-netwerk ferrovjarju li fuqu l-prodott se jopera.

(6)

Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi prevista fl-Anness VI taż-żewġ Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE, il-possibbiltà li l-manifattur japplika għall-ewwel fażi (il-fażi tad-disinn jew tal-produzzjoni) assessjar, li se jwassal għad-Dikjarazzjonijiet Intermedji ta’ Verifika (ISV) li jinħarġu mill-korp notifikat. Fuq il-bażi ta’ dawk l-ISV, il-kuntrattur prinċipali jew il-manifattur se jkun jista' jfassal “dikjarazzjoni KE tal-konformità ta’ IC intermedju jew tas-sottosistema” għall-fażi rilevanti.

(7)

Għalhekk id-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE għandhom jiġu emendati skond dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness VI tad-Direttiva 96/48/KE jinbidel bit-test fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Anness VI tad-Direttiva 2001/16/KE jinbidel bit-test fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-2 ta’ Diċembru 2007. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir tali referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 235, 17.9.1996, p.6. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114, kif korreġuta bi ĠU L 220, 21.6.2004, p. 40.

(2)  ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/50/KE.


ANNESS

“ANNESS VI

PROĊEDURA TA’ VERIFIKA GĦAS-SOTTOSISTEMI

1.   ID-DAĦLA

Il-verifika ‘KE’ hija l-proċedura li biha korp innotifikat jivverifika u jiċċertifika li sottosistema:

tkun konformi mad-Direttiva;

tkun konformi mar-regolamenti l-oħra li jirriżultaw mit-Trattat, u li tkun tista' titwettaq.

2.   L-ISTADJI

Is-sottosistema tiġi ċċekkjata f'kull waħda minn dawn l-istadji li ġejjin:

id-disinn globali;

il-produzzjoni: il-kostruzzjoni tas-sottosistema, li tinkludi, pereżempju, l-attivitajiet ta’ l-inġinerija ċivili, il-manifattura, l-immuntar tal-kostitwenti, l-aġġustament globali;

l-ittestjar finali tas-sottosistema.

Għall-fażi tad-disinn (li tinkludi t-testijiet tat-tip) u għall-fażi tal-produzzjoni, il-kuntrattur prinċipali (jew il-manifattur) jew r-rappreżentant awtorizzat stabbilit fi ħdan il-Komunità, bħala l-ewwel pass, jista' japplika għal analiżi.

F'dan il-każ, din (dawn) l-analiżi jwasslu għad-dikjarazzjoni(jiet) ta’ verifika intermedjarja(i) (ISV) maħruġa mill-Korp Notifikat magħżul mill-kuntrattur prinċipali (jew il-manifattur). Dan min-naħa tiegħu jħejji ‘Dikjarazzjoni tal-KE dwar il-konformità mas-sottosistema intermedjarja’ għall-fażi(jiet) rilevanti.

3.   IĊ-ĊERTIFIKAT

Il-Korp Notifikat responsabbli għall-verifika ‘KE’ jħejji ċ-ċertfikat ta’ verifika maħsub għall-entità għall-parti kontraenti jew għar-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità, li min-naħa tagħha tfassal id-dikjarazzjoni tal-‘KE’ maħsuba għall-awtorità superviżorja fl-Istat Membru li fih tinsab u/jew topera s-sottosistema.

Il-Korp Notifikat responsabbli għall-verifika tal-‘KE’ janalizza d-disinn u l-produzzjoni tas-sottosistema.

Jekk ikun disponibbli, il-Korp Notifikat iqis ‘Id-Dikjarazzjonijiet ta’ Verifika Intermedjarji’ - ISV(s) -, u, sabiex joħroġ iċ-ċertifikat ta’ verifika tal-KE, huwa:

Jivverifika li s-sottosistema

hija koperta mill-ISVs rilevanti tad-disinn u tal-produzzjoni mwassla għand il-kuntrattur prinċipali (jew il-manifattur), jekk tkun talbet lill-Korp Notifikat għal dawn iż-żewġ fażijiet,

jew tikkorrispondi li ġiet prodotta skond l-aspetti kollha koperti mid-disinn ISV imwassal għand il-kuntrattur (jew il-manifattur) prinċipali jekk tkun talbet lill-Korp Notifikat biss għall-fażi ta’ l-ippjanar;

Jivverifika li huma jkopru sewwa l-ħtiġijiet tat-TSI u tanalizza l-elementi ta’ l-ippjanar u tal-produzzjoni li mhumiex koperti mill-ISV(s) ta’ l-ippjanar u/jew tal-produzzjoni mwassla għand il-kuntrattur (jew il-manifattur) prinċipali.

4.   IL-FAJL TEKNIKU

Il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni tal-verifika għandu jkun ikun kompost kif ġej:

għall-infrastruttura: il-pjanti ta’ l-inġinerija strutturali, ir-reġistri ta’ approvazzjoni għat-tħaffir u l-infurzar, ir-rapporti ta’ l-ittestjar u ta’ spezzjoni dwar il-konkrit eċċ;

għas-sottosistemi l-oħra: id-disinji ġenerali u dettaljati konformi ma’ l-eżekuzzjoni, id-dijagrammi elettriċi u idrawliċi, id-dijagrammi ta’ ċirkuwiti kontrollati, id-deskrizzjoni ta’ sistemi għall-ipproċessar ta’ data u sistemi awtomatiċi, manwali dwar l-operat u l-manutenzjoni, eċċ.;

fis-sottosistema għandha tiġi inkorporata lista tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità, kif imsemmi fl-Artikolu 3;

iridu jkunu provduti l-kopji tad-dikjarazzjonijiet tal-‘KE’ dwar il-konformità jew l-adegwatezza għall-użu li bihom il-kostitwenti msemmija hawn fuq iridu jkunu provduti skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva akkumpanjati, fejn xieraq, min-noti ta’ kalkolu u kopja tar-reġistri tat-testijiet u l-eżaminazzjonijiet li jsiru mill-korpi notifikati fuq il-bażi ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

jekk ikunu disponibbli, id-dikjarazzjoni(jiet) intermedjarji ta’ verifika (ISV) u, f'tali każ, id-dikjarazzjoni(jiet) tal-KE tal-konformità tas-sottosistema intermedjarja, li jakkumpanjaw iċ-ċertfikat KE tal-verifika, li jinkludi r-riżultat ta’ verifika mill-Korp Notifikat tal-validità tagħhom;

ċertifikat mill-Korp Notifikat responsabbli għall-verifika tal-‘KE’, akkumpanjat min-noti ta’ kalkolu li jikkorrispondu u kontrofirmati minnu, jiddikjara li l-proġett huwa konformi ma’ din id-Direttiva u jsemmi kwalunkwe riżerva reġistrata matul il-prestazzjoni ta’ l-attivitajiet u mhux irtirati; iċ-ċertifikat għandu jkun akkumpanjat ukoll mir-rapporti ta’ spezzjoni u verifika li jkunu saru mill-istess korp in konnessjoni mal-ħidma tiegħu, kif speċifikat f'sezzjonijiet 5.3 u 5.4.

5.   IL-MONITORAĠĠ

5.1.

L-għan tal-monitoraġġ tal-‘KE’ huwa li jiżgura illi matul il-produzzjoni tas-sottosistema, l-obbligi li jirriżultaw mill-fajl tekniku jiġu milqugħa.

5.2.

Il-Korp Notifikat responsabbli biex jiċċekkja l-produzzjoni għandu jkollu aċċess permanenti għas-siti ta’ bini, is-siti tal-produzzjoni, iż-żoni ta’ ħżin u, fejn jixraq, il-faċilitajiet tal-prefabbrikazzjoni u ta’ l-ittestjar u, b’mod aktar ġenerali, għall-postijiet kollha li huwa jqis li huma meħtieġa għall-ħidma tiegħu. L-entità kontraenti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha fi ħdan il-Komunità għandha tibgħat jew tara li jintbagħtulha d-dokumenti kollha neċessarji għal dak l-għan u, partikolarment, il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika dwar is-sottosistema.

5.3.

Il-Korp Notifikat responsabbli biex jiċċekkja l-implimentazzjoni perjodikament għandu jwettaq verifiki sabiex jikkonferma li hemm konformità mad-Direttiva. Irid Jipprovdi rapport ta’ verifika lil dawk responsabbli mill-implimentazzjoni. Jista' jirrikjedi li jkun preżenti f'ċerti stadji ta’ l-operazzjonijiet tal-bini.

5.4.

Barra dan, il-Korp Notifikat jista' jżur għall-għarrrieda s-sit tax-xogħol jew is-siti tal-produzzjoni. Waqt tali żjarat, il-Korp Notifikat jista' jwettaq verifiki kompleti jew parzjali. Irid jipprovdi rapport ta’ spezzjoni u, fejn jixraq, rapport ta’ verifika lil dawk responsabbli mill-implimentazzjoni.

6.   IS-SOTTOMISSJONI

Il-fajl komplet imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi ddepożitat għand l-entità kontraenti jew l-aġent awtorizzat tagħha stabbilit fi ħdan il-Komunità b'appoġġ għaċ-ċertifikat tal-verifika maħruġ mill-Korp Notifikat responsabbli għall-verifika tas-sottosistema funzjonabbli. Il-fajl għandu jiġi mehmuż mad-dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’ li l-entità kontraenti tibgħat lill-awtorità superviżorja fl-Istat Membru kkonċernat.

Għandha tinżamm kopja tal-fajl mill-entità kontraenti matul il-ħajja tas-servizz tas-sottosistema. Għandha tintbagħat lil kwalunkwe Stati Membri li jitolbuha.

7.   IL-PUBBLIKAZZJONI

Kull Korp Notifikat perjodikament għandu jippubblika l-informazzjoni rilevanti dwar:

it-talbiet għall-verifiki ‘KE’ li jkun irċieva

id-dikjarazzjonijiet intermedjarji ta’ verifika (ISVs) maħruġa jew rifjutati

iċ-ċertifikati ta’ verifika maħruġa jew rifjutati.

8.   IL-LINGWA

Il-fajls u l-korrispondenza dwar il-proċeduri ta’ verifika ‘KE’ għandhom jinkitbu f'lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-entità kontraenti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha fi ħdan il-Komunità, jew inkella f'lingwa aċċettata mill-entità.”