8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

241


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/185/PESK

tad-19 ta' Marzu 2007

dwar appoġġ għal attivitajiet ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Istrateġija ta' l-UE”), li fil-Kapitolu III tagħha fiha lista ta' miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Istrateġija ta' l-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC) u ta' l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-ħolqien ta' dinja ħielsa minn armi kimiċi. Bħala parti minn din l-Istrateġija, l-UE ntrabtet li taħdem lejn l-aderenza universali ma' trattati u ftehim ewlenin ta' diżarm u non-proliferazzjoni, li fosthom hemm il-CWC. L-objettivi ta' l-Istrateġija ta' l-UE huma komplementari għall-objettivi segwiti mill-OPCW, fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tas-CWC.

(3)

Fit-22 ta' Novembru 2004, il-Kunsill adotta Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK dwar appoġġ għal attivitajiet ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (1). Wara l-iskadenza ta' l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK tat-12 ta' Diċembru 2005 dwar appoġġ għal attivitajiet ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (2), li skadiet sena wara l-adozzjoni tagħha.

(4)

Mill-bidu, fl-2005, ta' l-implimentazzjoni ta' l-Azzjonijiet Konġunti ta' l-UE b'appoġġ għall-OPCW 14-il pajjiż iffirmaw u rratifikaw is-CWC, sabiex b'hekk in-numru totali ta' Stati Membri ta' l-OPCW laħaq il-181.

(5)

Il-kontinwazzjoni ta' tali assistenza intensiva u mmirata mill-UE lejn l-OPCW hija meħtieġa fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni attiva tal-Kapitolu III ta' l-Istrateġija ta' l-UE. Huwa meħtieġ li jibqgħu jittieħdu miżuri relatati ma' l-universalizzazzjoni tas-CWC u li jkunu adattati u mmirati għan-numru li qed jonqos ta' Stati li ma jkunux Partijiet għas-CWC. Huwa meħtieġ li dawn l-attivitajiet ikunu komplementati b'oħrajn ġodda b'appoġġ ta' proġetti speċifiċi mwettqa mill-OPCW immirati lejn l-implimentazzjoni sħiħa tas-CWC u lejn it-titjib tal-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi.

(6)

Huwa kunsiljabbli li l-Kummissjoni tiġi fdata bis-superviżjoni ta' l-implimentazzjoni adatta tal-kontribut ta' l-UE.

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   Bil-għan li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi ta' l-Istrateġija ta' l-UE, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-attivitajiet ta' l-OPCW, bl-objettivi li ġejjin:

il-promozzjoni ta' l-universalità tas-CWC,

l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tas-CWC mill-Istati Parti,

il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi, bħala miżuri ta' akkumpanjament għall-implimentazzjoni tas-CWC,

l-appoġġ għall-ħolqien ta' qafas kollaborattiv fost l-industrija kimika, l-OPCW u l-Awtoritajiet Nazzjonali fil-kuntest ta' l-10 anniversarju ta' l-OPCW.

2.   Il-proġetti ta' l-OPCW, li jikkorrispondu għall-miżuri ta' l-Istrateġija ta' l-UE għandhom ikunu proġetti li jimmiraw lejn:

il-promozzjoni tas-CWC bit-twettiq ta' attivitajiet reġjonali, sub-reġjonali u bilaterali, maħsuba sabiex iżidu n-numru ta' membri ta' l-OPCW,

l-għoti ta' appoġġ tekniku sostnut lill-Istati Partijiet li jitolbuh għall-istabbiliment u l-funzjonament effettiv ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali, billi jiġu provduti għotjiet li jimmiraw lejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u t-twettiq ta' miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali kif previst fis-CWC,

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Istati Partijiet li jwieġbu u jiżviluppaw programmi ta' assistenza u protezzjoni kontra armi kimiċi,

l-istabbiliment ta' database aċċessibbli liberament sabiex l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-Industrija jkun jistgħu jidentifikaw faċilment is-sustanzi kimiċi li jkunu jinsabu fil-listi ta' l-Anness, mas-CWC, dwar is-Sustanzi Kimiċi,

it-tisħiħ tal-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi sabiex jiġi faċilitat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' l-Istati Partijiet li jimplimentaw is-CWC fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi,

l-appoġġ għal Forum ta' l-Industrija u l-Protezzjoni ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-10 anniversarju ta' l-OPCW,

l-appoġġ għal żjarat f'faċilitajiet għad-distruzzjoni ta' armi kimiċi (CWDFs) u/jew f'siti ta' kostruzzjoni ta' CWDF sabiex jiġi kkunsidrat il-progress u l-isforzi li saru sabiex jiġu rispettati l-iskadenzi estiżi għad-distruzzjoni.

Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata ta' dawn il-proġetti.

Artikolu 2

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni tas-seba' proġetti elenkati fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 700 000, li għandu jiġi finanzjat mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għall-2007.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amminsitrata skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-kontribut ta' l-UE imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament ma' l-OPCW dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribut ta' l-UE, li għandu jieħu l-forma ta' għotja. Il-ftehim ta' finanzjament li għandu jiġi konkluż għandu jistipula li l-OPCW għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut ta' l-UE, adatt għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak li tista' sabiex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 3

1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 2(1) għandha tkun fdata f'idejn is-Segretarjat Tekniku ta' l-OPCW (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ is-“Segretarjat Tekniku”), li għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza u taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ. Għal dan il-għan, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.

Artikolu 4

1.   Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ u għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 2(1).

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq rapporti regolari li għandhom jiġu provduti mis-Segretarjat Tekniku

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 18-il xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 2(3).

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Maghmul fi Brussell, 19 ta' Marzu 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

Horst SEEHOFER


(1)   ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63.

(2)   ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34.


ANNESS

Appoġġ ta' l-UE għal attivitajiet ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva

1.   Objettiv u deskrizzjoni

Objettiv ġenerali:l-appoġġ għall-universalizzazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (CWC) u, b'mod partikolari, il-promozzjoni tar-ratifika/ta' l-adeżjoni mas-CWC minn Stati li mhumiex Partijiet (Stati firmatarji kif ukoll Stati li mhumiex firmatarji) u l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tas-CWC mill-Istati Partijiet.

Deskrizzjoni:L-assistenza mill-UE lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) ser tkun iffokata fuq l-oqsma li ġejjin, identifikati mill-Istati Partijiet tas-CWC bħala oqsma li jeħtieġu azzjoni urġenti:

il-promozzjoni ta' l-universalità tas-CWC,

l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tas-CWC mill-Istati Partijiet,

il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi, bħala miżuri ta' akkumpanjament għall-implimentazzjoni tas-CWC,

l-appoġġ għall-ħolqien ta' qafas kollaborattiv fost l-industrija kimika, l-OPCW u l-Awtoritajiet Nazzjonali fil-kuntest ta' l-10 anniversarju ta' l-OPCW.

Il-proġetti deskritti fil-punt 2 ser jirċievu l-appoġġ ta' l-UE. Il-finanzjament ta' l-UE ser ikopri biss nefqa speċifikament relatata ma' l-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti. Flimkien ma' dan, l-akkwist ta' kwalunkwe merkanzija, xogħol jew servizz ser isir mill-OPCW.

2.   Deskrizzjoni tal-proġetti

2.1.   Proġett 1: L-Universalità tas-CWC

Skop tal-Proġett

Il-kisba ta' aderenza universali mas-CWC permezz tal-promozzjoni b'mod attiv tar-ratifika/ta' l-adeżjoni mas-CWC minn Stati li mhumiex Partijiet (Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji) u l-appoġġ ta' l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-CWC minn Stati Partijiet.

Riżultati/attivitajiet tal-proġett:

żieda fis-sħubija mas-CWC, permezz ta' l-inkoraġġiment u l-appoġġ ta' l-14-il Stat, li mhumiex Partijiet (1), li baqa' sabiex jingħaqdu mas-CWC, kemm jista' jkun malajr.

networking reġjonali msaħħaħ (bl-involviment ta' organizzazzjonijiet rilevanti reġjonali u sub-reġjonali għall-finijiet tal-promozzjoni ta' l-universalità kif ukoll ta' l-implimentazzjoni nazzjonali effettiva tas-CWC).

aktar sensibilizzazzjoni dwar is-CWC, id-dispożizzjonijiet tagħha, u l-benefiċċji għall-Istati Partijiet permezz ta' programmi reġjonali, sub-reġjonali u bilaterali u l-parteċipazzjoni ta' Stati, li mhumiex Partijiet, f'avvenimenti ta' l-OPCW bħal korsijiet ta' taħriġ, sessjonijiet ta' ħidma u seminars dwar l-implimentazzjoni tas-CWC.

Deskrizzjoni tal-proġett

(a)

Sessjoni ta' ħidma reġjonali dwar is-CWC għall-Baċir tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani:

Sessjoni ta' ħidma dwar is-CWC għall-Istati, li mhumiex Partijiet, fil-Baċir tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani (f'post li jiġi kkonfermat, iddum minn jumejn sa tlieta, fit-tieni semestru ta' l-2007). Din is-sessjoni ta' ħidma ser tkun segwitu għal avvenimenti simili li saru f'Malta (2004), f'Ċipru (2005), fl-Italja (2006) u fit-Tramuntana ta' l-Afrika (2007). Hi timmira lejn l-intensifikazzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar is-CWC u l-kontribut tagħha għal stabbiltà reġjonali u paċi u sigurtà internazzjonali. Il-parteċipanti minn Stati, li mhumiex Partijiet, fir-reġjun ser ikunu sponsorjati. Is-Segretarjat Tekniku ta' l-OPCW (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ is-“Segretarjat Tekniku”) jista' wkoll jisponsorja rappreżentanti minn Stati Partijiet u organizzazzjonijiet reġjonali/sub-reġjonali (bħal-Lega ta' l-Istati Għarab) sabiex iservu bħala persuni ta' riżorsa. Kelliem mistieden jew tnejn mill-UE ser jiġu mitluba jinfurmaw lill-parteċipanti dwar inizjattivi ta' l-UE dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm fir-rigward ta' l-armi ta' distruzzjoni massiva (WMD), l-aspetti politiċi u ta' sigurtà tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u miżuri ta' kontroll ta' l-esportazzjoni implimentati mill-UE.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR 56 478

(b)

Programmi/Żjarat Bilaterali

Is-Segretarjat Tekniku ser jintensifika, f'koordinazzjoni mal-Presidenza ta' l-UE, approċċi u programmi bilaterali mmirati lejn Stati, li mhumiex Partijiet, individwali. Il-grupp viżitanti ser ikun jinkludi rappreżentanti ta' l-UE skond il-każ.

(i)

minn żewġ żjarat bilaterali sa tlieta lejn Stati, li mhumiex Partijiet, fl-Afrika. Kull żjara ddum minn jumejn sa tlieta. Iż-żjara tkun tikkonsisti f'massimu ta' ħames persuni mis-Segretarjat Tekniku. Id-diviżjonijiet jew il-fergħat tas-Segretarjat Tekniku li jkunu l-aktar rilevanti biss ser ikunu mistiedna jibagħtu persuni ta' riżorsa.

(ii)

minn żewġ żjarat bilaterali sa tliet lejn Stati, li mhumiex Partijiet, fil-Lvant Nofsani. Kull żjara ddum minn jumejn sa tliet ijiem. Iż-żjara tkun tikkonsisti f'massimu ta' erba' persuni mis-Segretarjat Tekniku. Id-diviżjonijiet jew il-fergħat li jkunu l-aktar rilevanti biss ser ikunu mistiedna jibagħtu persuni ta' riżorsa.

(iii)

minn żewġ żjarat bilaterali sa tliet lejn Stati, li mhumiex Partijiet, fl-Amerika Latina u l-Karibew. Iż-żjara tkun tikkonsisti f'massimu ta' erba' persuni mis-Segretarjat Tekniku. Id-diviżjonijiet jew il-fergħat li jkunu l-aktar rilevanti biss ser ikunu mistiedna jibagħtu persuni ta' riżorsa.

(iv)

minn żjara bilaterli sa tnejn lejn l-Asja. Iż-żjarat ikunu jikkonsistu f'massimu ta' erba' persuni mis-Segretarjat Tekniku. Id-diviżjonijiet jew il-fergħat li jkunu l-aktar rilevanti biss ser ikunu mistiedna jibagħtu persuni ta' riżorsa.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR 88 435

L-avvenimenti bilaterali għal dawn il-pajjiżi jistgħu jkunu jinkludu sessjonijiet ta' ħidma/seminars nazzjonali sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar is-CWC u jiġu promossi r-ratifika/l-adeżjoni. Għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni finali sabiex jitwettqu tali avvenimenti bilaterali tiġi determinata minn żviluppi pożittivi u mil-livell ta' tħejjija mill-pajjiżi msemmija qabel.

Stima ta' l-Ispiża Totali tal-Proġett 1: EUR 144 913

2.2.   Proġett 2: Implimentazzjoni Nazzjonali tas-CWC

2.2.1.   L-istabbiliment u l-funzjonament effettiv ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali, l-attwazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali u l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura amministrattiva meħtieġa skond l-obbligi taħt l-Artikolu VII tas-CWC, u l-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet preċiżi ta' l-Artikolu VI

Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett jikkontribwixxi għal sforzi attwali sabiex jitjieb il-funzjonament ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali, u l-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni adegwati permezz ta' l-assistenza fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-CWC, b'enfasi partikolari fuq l-aspetti legali u tekniċi sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' Stati Partijiet rikjedenti sabiex jiġu megħjuna jirrispettaw l-obbligi taħt l-Artikolu VII tas-CWC permezz ta' żjarat bilaterali jew formats adatti oħra. Tali assistenza tiġi provduta minn esperti/persuni ta' riżorsa mill-persunal ta' l-OPCW bl-inklużjoni ta' esperti ta' l-UE kif meħtieġ. Kull żjara sejra ddum madwar ħamest ijiem ta' xogħol. In-numru ta' esperti jkun normalment tlieta għal kull żjara. It-tul ta' kull żjara u n-numru ta' persuni li jivvjaġġaw f'kull grupp jiġi determinat fuq bażi ta' każ b'każ sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' l-assistenza li għandha tiġi provduta bl-aktar mod kost-effettiv. Alternattivament, ser tiġi provduta assistenza permezz ta' finanzjament ta' żjarat minn esperti minn Stati Partijiet rikjedenti fis-Segretarjat Tekniku, għal konsultazzjonijiet u ħidma prattika ma' uffiċjali rilevanti tas-Segretarjat Tekniku. Kull żjara sejra ddum ukoll madwar ħamest ijiem ta' xogħol, normalment bi tlitt esperti nazzjonali għal kull żjara.

Addizzjonalment, l-UE ser tiffinanzja programm ta' żjara estiża lill-Afrika sabiex tassisti lill-Istati Partijiet Afrikani jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu VII tas-CWC.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR 225 498

2.2.2.   Allokazzjoni ta' għotjiet finanzjarji lill-Awtoritajiet Nazzjonali b'appoġġ għall-isforzi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet għal attivitajiet nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-CWC

Deskrizzjoni tal-proġett

Għotjiet finanzjarji sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet ta' implimentazzjoni nazzjonali f'madwar 10 Awtoritajiet Nazzjonali magħżula, li ma jaqbżux l-EUR 10 000 għal kull waħda mill-Awtoritajiet Nazzjonali magħżula.

L-oqsma speċifiċi li għalihom tista' tkun mitluba assistenza fil-futur qrib mill-Istati Partijiet jinkludu fondi għal:

it-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tas-CWC fil-lingwa nazzjonali meta din tkun differenti minn waħda mil-lingwi tas-CWC u l-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni ta' leġislazzjoni u regolamenti fis-seħħ li jistabbilixxu uffiċċju għall-Awtorità Nazzjonali;

l-onorarji għal konsulenza għal esperti ġuridiċi li jabbozzaw il-leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali;

korsijiet ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali għal persunal minn aġenziji governattivi rilevanti u l-industrija dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti tas-CWC. Dawn jistgħu jinkludu, fost oħrajn, seminars ta' outreach u ta' sensibilizzazzjoni għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'Ministeri bħar-Relazzjonijiet Esterni, il-Ġustizzja, id-Difiża, l-Intern, l-Industrija u l-Kummerċ, awtoritajiet doganali u assoċjazzjonijiet ta' l-industrija;

sessjonijiet ta' taħriġ għall-partijiet interessati rilevanti dwar kif jidentifikaw u jirraportaw dwar: faċilitajiet li jistgħu jiġu ddikjarati, sustanzi kimiċi elenkati, importazzjonijiet u esportazzjonijiet rilevanti għas-CWC.

Dawn l-għotjiet mhumiex ser jipprovdu l-ebda għajnuna finanzjarja għall-ħlas ta' salarji.

Mekkaniżmu ta' Approvazzjoni

Ser jiġi stabbiliti mekkaniżmu ta' approvazzjoni għall-għażla ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali u ta' konsulenti proposti li jkun jinvolvi rappreżentanti tal-Presidenza ta' l-UE, l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Personali tar-Rappreżentant Għoli dwar in-non-profilerazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Segretarjat Tekniku.

Kriterji għall-għażla

L-għażla ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali sabiex jirċievu għotjiet ser issir abbażi ta' kriterji identifikati b'attenzjoni, inkluża dimostrazzjoni ta' l-abbiltà tagħhom li jagħmlu progress kwantifikabbli fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-CWC u skond pjan ta' azzjoni speċifiku għall-pajjiż żviluppat matul żjara ta' assistenza bilaterali.

Il-mekkaniżmu ta' approvazzjoni ser janalizza bir-reqqa l-applikazzjonijiet għal għotjiet mill-Awtoritajiet Nazzjonali sabiex jara l-eliġibbiltà tagħhom (speċifikament, fir-rigward tar-rilevanza għaż-żieda tal-kapaċità għal implimentazzjoni nazzjonali, trasparenza, fattibbiltà u sostenibbiltà) qabel ma jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-korpi kompetenti tal-Kunsill. L-għotjiet għandhom jikkontribwixxu sabiex l-Awtoritajiet Nazzjonali magħżula jsiru entitajiet awto-suffiċjenti fi snin sussegwenti.

Sabiex jirċievu tali għotjiet, l-Awtoritajiet Nazzjonali riċeventi ser ikollhom jipprovdu lill-OPCW b'objettivi kwantifikabbli li jridu jiġu milħuqa kif ukoll bi skeda inekwivoka ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom bl-użu ta' l-għotjiet. Bħala parti mill-kuntratt, l-Awtorità Nazzjonali riċeventi tkun obbligata tirrapporta l-attivitajiet tagħha lis-Segretarjat Tekniku fuq bażi regolari. L-iżburżar ta' l-għotjiet isiru f'pagamenti, b'pagamenti suċċessivi rilaxxati wara reviżjoni tal-progress miksub. Is-Segretarjat Tekniku ser jipprovdi lill-UE bid-dettalji rilevanti dwar il-progress mill-Istati Partijiet riċeventi kif ukoll b'rendikont finanzjarju dwar l-użu tal-fondi minn kull Stat Parti riċeventi.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR 100 000

2.2.3.   Il-parteċipazzjoni ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali u ta' l-awtoritajiet doganali f'laqgħa teknika waħda jew aktar fl-Aja jew f'postijiet oħra, dwar id-dispożizzjonijiet ta' trasferimenti tas-CWC

Deskrizzjoni tal-proġett

Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Partijiet fil-ġbir ta' data affidabbli dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni għal sustanzi kimiċi elenkati u sabiex isiru dikjarazzjonijiet preċiżi lill-OPCW u fil-monitoraġġ tal-kummerċ f'sustanzi kimiċi elenkati minħabba restrizzjonijiet nazzjonali ta' kapaċità għandhom impatt fuq l-effikaċja tar-reġim ta' verifika ta' l-OPCW u l-kisba ta' l-objettivi tagħha ta' non-proliferazzjoni.

Is-Segretarjat Tekniku qed ifittex jindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq billi jiffoka fuq is-suġġetti li ġejjin:

is-sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati fl-Awtoritajiet Nazzjonali, speċjalment l-awtoritajiet doganali, għal rekwiżiti legali tas-CWC sabiex jiġu avvanzati l-objettivi tas-CWC ta' non-proliferazzjoni;

il-forniment ta' informazzjoni teknika lill-awtoritajiet doganali permezz ta' laqgħat iffokati fuq amministrazzjoni aħjar tal-proċeduri ta' importazzjoni-esportazzjoni għar-regolazzjoni tal-kummerċ f'sustanzi kimiċi elenkati;

l-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi rilevanti għall-monitoraġġ effettiv tal-kummerċ f'sustanzi kimiċi elenkati u l-kondiviżjoni ta' esperjenzi nazzjonali u reġjonali fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trasferiment tas-CWC;

id-disseminazzjoni ta' informazzjoni dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet ta' assistenza ta' l-UE għall-monitoraġġ ta' sustanzi kimiċi elenkati;

il-komprensjoni tad-diffikultajiet u l-isfidi prattiċi li l-awtoritajiet doganali f'reġjuni u sub-reġjuni differenti jiltaqgħu magħhom fil-monitoraġġ tal-kummerċ f'sustanzi kimiċi elenkati;

il-faċilitazzjoni tal-komprensjoni u l-koperazzjoni aħjar fost il-partijiet interessati ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali għall-monitoraġġ u l-preżentazzjoni ta' data dwar l-importazzjoni-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi elenkati;

it-tfittxija ta' sinerġiji bejn reġimi internazzjonali differenti li l-awtoritajiet doganali ikunu meħtieġa jimmonitorjaw; u l-għoti ta' forum għall-konsultazzjoni u l-koperazzjoni f'sub-reġjuni sabiex jiġu implimentati b'mod effikaċi r-rekwiżiti tas-CWC.

Is-Segretarjat Tekniku ser jorganizza tliet laqgħat sub-reġjonali għall-Asja tax-Xlokk, il-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika f'Isfel u għall-Istati Partijiet fl-Ewropa tal-Lvant. Permezz ta' dawn il-laqgħat, is-Segretarjat Tekniku ser jipprova jissottolinja n-neċessità li l-Istati Partijiet kollha jistabbilixxu miżuri li jgħinu fil-kisba ta' l-objettivi ta' non-proliferazzjoni tas-CWC. Barra minn hekk, waqt il-Laqgħa Reġjonali Annwali ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali f'GRULAC, ser tingħata attenzjoni lill-ħtieġa għal interazzjoni effettiva bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-awtoritajiet doganali.

In-numru ta' Stati Partijiet li jkunu qed jattendu avveniment sub-reġjonali jvarja bejn sebgħa u għaxra. Żewġ rappreżentanti mill-Awtorità Nazzjonali u l-Awtoritajiet doganali minn kull Stat Parti huma mistiedna jieħdu sehem. Persuni ta' riżorsa bi speċjalizzazzjoni rilevanti huma wkoll sponsorjati mill-OPCW għal tali laqgħat.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR183 466

2.2.4.   Outreach sabiex il-Parlamentari jiġu sensibilizzati dwar ir-rekwiżiti tas-CWC sabiex l-Istati Partijiet jadottaw leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali komprensiva

Skop tal-proġett

Il-promozzjoni ta' l-adozzjoni ta' leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali fl-Istati Partijiet.

Deskrizzjoni tal-proġett

Is-Segretarjat Tekniku se jipprova jiġbed l-attenzjoni ta' parlamenti f'reġjuni ġeografiċi differenti, rappreżentati fl-OPCW, bil-għan li jissensibilizzahom dwar l-importanza ta' l-adozzjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali implimentattiva tas-CWC.

Għal dak il-għan, is-Segreatrjat Tekniku se jipprova jorganizza żewġ laqgħat dedikati tal-Parlamentari fil-livell reġjonali fl-Asja u fl-Amerika Latina.

Barra minn hekk, se titkompla l-ħidma ta' sensibilizzazzjoni matul l-Assembleji ta' l-Unjoni Inter-Parlamentari.

Din ir-rikjesta hija magħmula abbażi ta' numru ta' abbozzi ta' leġislazzjoni nazzjonali implimentattiva li mistennija tiġi kkunsidrata mill-Parlamenti nazzjonali matul l-2007-2008. Terz biss tas-sħubija ta' l-OPCW għandha leġislazzjoni nazzjonali implimentattiva komprensiva.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR 167 769

Stima ta' l-Ispiża Totali tal-Proġett 2: EUR 676 733

2.3.   Proġett 3: Koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi

Kors għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi

Skop tal-proġett

Il-faċilitazzjoni ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' l-Istati Partijiet sabiex jimplimentaw is-CWC fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XI tas-CWC.

Dan il-proġett essenzjalment jiffoka fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet permezz tal-forniment ta' appoġġ għal-laboratorji analitiċi fil-forma ta' taħriġ fil-qasam tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi ta' sustanzi kimiċi rilevanti għas-CWC.

Riżultati/attivitajiet tal-proġett:

l-għoti ta' assistenza lil kimiċi analitiċi kwalifikati mill-Istati Partijiet sabiex jiksbu iżjed esperjenza u konoxxenza prattika sabiex tkun faċilitata l-analiżi ta' sustanzi kimiċi relatati ma' l-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC.

il-faċilitazzjoni tal-laboratorji analitiċi f'dawn il-pajjiżi mmirati sabiex jgħollu l-livelli tagħhom ta' kompetenza teknika.

Deskrizzjoni tal-proġett:

Tlitt unitajiet tal-kors għall-iżvilupp analitiku ser jiġu organizzati għal 20 parteċipant b'kull waħda fl-2007. L-għanijiet tal-kors ser ikunu li ġejjin: l-għoti ta' assistenza lil kimiċi analitiċi kwalifikati mill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw jew li għandhom ekonomiji fi transizzjoni sabiex jiksbu iżjed esperjenza u konoxxenza prattika; il-faċilitazzjoni ta' l-analiżi ta' sustanzi kimiċi relatati ma' l-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC; it-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali fl-Istati Membri billi jiġi offrut taħriġ fil-kimika analitika lil persunal mill-industrija, istituzzjonijiet akkademiċi u laboratorji tal-gvern; il-faċilitazzjoni ta' l-adozzjoni ta' prattika tal-laboratorju tajba; u l-ampjament tar-riżerva ta' ħaddiema li l-Awtoritajiet Nazzjonali u s-Segretarjat jistgħu jużaw fil-ġejjieni. Il-kors għandu jkopri kemm taħriġ teoretiku kif ukoll prattiku f'oqsma li jirrelataw mas-sistema ta' validazzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta' problemi, it-tħejjija u l-analiżi ta' kampjuni. Kull kors idum ġimgħatejn.

Stima ta' l-Ispiża Totali tal-Proġett 3: EUR 360 000

2.4.   Proġett 4: Assistenza u Protezzjoni kontra Armi Kimiċi

Skop tal-proġett

L-OPCW hija impenjata li tindirizza t-theddid għall-paċi u s-sigurtà. Dan it-theddid jitlob reazzjoni rapida u koordinata fil-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. L-Artikolu X tas-CWC li jikkonsisti f'Assistenza u Protezzjoni għandu rwol partikolari f'dan ir-rigward. L-OPCW hija meħtieġa tiżviluppa u żżomm stat preparat sabiex tipprovdi reazzjoni f'waqtha, adegwata, u effikaċi. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li l-OPCW tassisti lill-Istati Partijiet sabiex jiżviluppaw u/jew itejbu sistemi ta' reazzjoni nazzjonali u reġjonali kontra armi kimiċi, u sabiex jibnu mekkaniżmu effettiv għall-mobilizzazzjoni ta' l-assistenza internazzjonali lil kwalunkwe Stat Parti rikjedenti fil-każ ta' l-użu possibbli ta' armi kimiċi.

Riżultati tal-proġett:

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-Segretarjat Tekniku li jimmobilizza u jikkoordina l-assistenza internazzjonali;

l-iżvilupp jew it-titjib tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni nazzjonali u ta' programmi ta' protezzjoni ta' l-Istati Partijiet;

l-istabbiliment ta' networks ta' protezzjoni reġjonali li jiffunzjonaw effikaċement;

il-forniment u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni kontra armi kimiċi.

2.4.1.   Żjarat tekniċi fl-Istati Partijiet għall-ispezzjoni ta' offerti ta' assistenza

Deskrizzjoni tal-Proġett

Fl-2007, is-Segretarjat Tekniku ser iwettaq sa sitt żjarat fl-Istati Partijiet għall-ispezzjoni ta' offerti ta' assistenza taħt il-paragrafu 7 ta' l-Artikolu X tas-CWC. Il-grupp tas-Segretarjat Tekniku ser ikun magħmul minn massimu ta' żewġ esperti.

Total ta' 71 Stat Parti intrabtu li jipprovdu assistenza permezz ta' l-OPCW, u għal dan il-għan 42 Stat Parti għażlu li minn jeddhom jagħtu assistenza lill-OPCW, f'dan ir-rigward. Dawn il-wegħdiet ta' assistenza volontarja jinkludu tipi differenti ta' tagħmir protettiv individwali, tagħmir u unitajiet ta' skoperta u ta' dekontaminazzjoni, tagħmir umanitarju, letteratura istruttiva, u konsulenza minn esperti.

Dawn iż-żjarat ser jippermettu l-valutazzjoni ta' offerti magħmula mill-Istat Membru ta' l-OPCW miżjur sabiex tiġi żgurata l-validità tagħhom, u jiġi verifikat l-istatus tat-tagħmir (dwar żmien ta' servizz, l-ippakkjar, id-disponibbiltà, l-istat tiegħu sabiex jiġi konsenjat, eċċ.). Jekk it-tagħmir ikun wasal viċin il-limiti ta' l-iskadenza tiegħu jew jekk ikun hemm il-ħsieb li tiġi mibdula l-offerta, tali żjarat se jistabbilixxu l-kondizzjonijiet il-ġodda u jiksbu aktar dettalji dwar l-offerta. Din l-informazzjoni se tiġi mdaħħla fid-database ta' Assistenza u ta' Protezzjoni ta' l-OPCW.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR 45 230

2.4.2.   L-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet Nazzjonali ta' l-Istati Partijiet ta' l-Afrika ta' Fuq kontra Armi Kimiċi

Deskrizzjoni tal-Proġett

Fis-sitwazzjoni ta' sigurtà attwali, l-Istati Partijiet qed isiru aktar konxji tal-fatt li l-pjanijiet attwali tagħhom ta' reazzjoni nazzjonali ma jieħdux kont ta' l-użu possibbli tal-WMD. B'konsegwenza, l-OPCW qed tirċievi numru għoli ta' talbiet relatati ma' l-iżvilupp tal-kapaċità protettiva kontra armi kimiċi minn Stati Partijiet, fil-każ ta' attakk terroristiku kimiku.

Is-Segretarjat Tekniku ta prijorità għolja lir-reġjun Afrikan, fejn ma teżisti kważi l-ebda kapaċità protettiva kontra armi kimiċi, u s-Segretarjat Tekniku jemmen li l-ħtieġa hija l-akbar u ddeċieda li jipprovdi assistenza f'waqtha lil dan ir-reġjun.

Reċentement, għas-sigurtà u s-sikurezza fir-reġjun, l-Istati Partijiet ta' l-Afrika ta' Fuq (l-Alġerija, il-Libja, il-Marokk u t-Tuneżija), talbu lill-OPCW għall-assistenza skond il-paragrafu 5 ta' l-Artikolu X tas-CWC, li jagħti d-dritt lill-Istati Partijiet li jitolbu u jirċievu konsulenza minn esperti mis-Segretarjat Tekniku fit-titjib u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom kontra l-armi kimiċi.

Is-Segretarjat Tekniku ppjana sett ta' attivitajiet immirati sabiex iħarrġu lil dawk li jirrispondu l-ewwel, involuti fil-qasam, u sabiex jiżviluppaw is-sistema tagħhom ta' reazzjoni f'emerġenza kontra aġenti tal-gwerra kimika (CWA). L-attività fl-Afrika ta' Fuq ser tibda b'laqgħa ta' ppjanar preliminarja waħda, segwita b'korsijiet ta' protezzjoni bażiċi, avvanzati u speċjalizzati. Il-proġett ser jiġi konkluż b'eżerċizzju sub-reġjonali u b'laqgħa ta' evalwazzjoni finali.

Stima ta' l-Ispiża Totali: EUR 200 900

Stima ta' l-Ispiża Totali għall-Proġett 4: EUR 246 130

2.5.   Proġett 5: L-appoġġ għall-implimentazzjoni nazzjonali sħiħa tas-CWC mill-Istati Partijiet permezz ta' l-aġġornament tad-database tas-sustanzi kimiċi skedati għall-finijiet tal-verifika

2.5.1.   Aġġornament tad-database tas-sustanzi kimiċi elenkati għal finijiet ta' verifika

Objettiv tal-proġett

Il-faċilitazzjoni tal-ħidma ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali u ta' l-industrija permezz ta' l-istabbiliment ta' database aċċessibbli liberament li tippermetti l-identifikazzjoni faċli ta' sustanzi kimiċi elenkati u tgħinhom itejbu l-identifikazzjoni tal-faċilitajiet għal dikjarazzjoni u jnaqqsu d-diskrepanzi fl-importazzjoni u l-esportazzjoni ddikjarati ta' dawn is-sustanzi kimiċi bejn l-Istati Parti.

Riżultati tal-proġett:

l-iżvilupp ta' database bis-sustanzi kimiċi elenkati kollha tas-CWC;

l-idenfitikazzjoni ta' dawn is-sustanzi kimiċi man-Numru tar-Reġistru tas-Servizz ta' l-Astratt Kimiku (CAS), jekk assenjat, il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata (HS) għall-użu ta' l-uffiċjali doganali u formuli kimiċi u strutturali;

l-aċċessibbiltà tad-database permezz tal-web, mingħajr spejjeż.

Stima ta' l-Ispiża Totali għall-Proġett 5: EUR 80 180

2.6.   Proġett 6: Forum ta' l-Industrija u l-Protezzjoni ta' l-OPCW

Objettiv tal-proġett

It-tħejjija u t-twettiq ta' Forum ta' l-Industrija u l-Protezzjoni ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-10 Anniversarju ta' l-OPCW fit-2-3 ta' Novembru 2007, qabel it-12-il Sessjoni tal-Konferenza ta' l-Istati Partijiet u l-Awtoritajiet Nazzjonali li ser jiltaqgħu minnufih qabel dan il-Forum.

Jumejn ta' sessjonijiet plenarja u fl-istess ħin ma' sessjonijiet ta' ħidma u sessjonijiet ta' taħriġ ta' l-Industrija u l-Protezzjoni mas-Segretarjat Tekniku, l-industrija kimika, l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali rispettivi, akkumpanjati minn wirja ta' spezzjoni tas-CWC u tagħmir ta' protezzjoni tad-WMD.

Skop tal-proġett

L-għan ġenerali tal-Forum huwa li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC permezz ta' l-iżvilupp ta' sinerġiji u t-tisħiħ ta' qafas kollaborattiv bejn l-industrija kimika, l-OPCW u l-Awtoritajiet Nazzjonali. Permezz ta' stedina magħmula lir-rappreżentanti ta' l-industrija kimika ta' l-Istati Firmatarji, il-Forum ser jimmira wkoll lejn il-promozzjoni ta' l-universalità tas-CWC.

Riżultati tal-proġett

aktar appoġġ għall-industrija kimika fl-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC u sinerġiji dejjem akbar bejn l-industrija kimika, l-OPCW u l-Awtoritajiet Nazzjonali;

aktar sensibilizzazzjoni ta' l-industrija kimika dwar it-theddid u l-isfidi tal-proliferazzjoni;

titjib fil-kapaċitajiet ta' l-Istati Partijiet fil-protezzjoni tad-WMD (per eżempju, tagħmir għall-individwazzjoni, kontro-miżuri mediċi u tagħmir ta' reazzjoni);

titjib fil-kapaċitajiet ta' l-industrija kimika fit-trattament tat-teknika u l-proċeduri ta' verifika tas-CWC;

assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jieħdu sehem fl-iskambju ta' esperjenza u konoxxenza prattika dwar il-verifika ta' l-industrija u l-għoti ta' aċċess għall-iżviluppi reċenti fl-isfera tal-verifika tas-CWC u l-protezzjoni kontra d-WMD.

Imsieħba, udjenzi/partijiet interessati tal-proġett kif ukoll parteċipanti u benefiċjarji

L-industrija kimika, inklużi l-assoċjazzjonijiet (is-CEFIC, il-Kunsill Internazzjonali ta' Assoċjazzjonijiet Kimiċi) u l-kumpanniji mill-Istati Membri u mill-Istati Firmatarji, l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-OPCW, l-aġenziji Governattivi li huma involuti fil-monitoraġġ/is-superviżjoni ta' l-attivitajiet fl-isfera ta' l-implimentazzjoni nazzjonali u l-kontroll ta' sustanzi kimiċi tossiċi, l-aġenziji Governattivi li huma involuti fl-għoti ta' assistenza fil-każ ta' l-użu ta' armi kimiċi jew l-użu terroristiku ta' sustanzi kimiċi tossiċi, l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali u nazzjonali, kif ukoll kumpanniji li jipproduċu tagħmir protettiv tad-WMD.

Stima ta' l-Ispiża Totali għall-Proġett 6: EUR140 000

2.7.   Proġett 7: L-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil gruppi mill-OPCW li jkunu qed iżuru faċilitajiet għad-distruzzjoni ta' armi kimiċi

Skop tal-Proġett

Il-forniment ta' appoġġ finanzjarju għar-rappreżentanti mill-Kunsill Eżekuttiv ta' l-OPCW, kif deskritt fid-deċiżjoni mill-Kunsill Eżekuttiv u l-Konferenza ta' l-Istati Partijiet (EC-M-26/DEC.5), il-possibbiltà li jsiru żjarat f'CWDFs u/jew f'siti ta' CWDF sabiex jiġi kkunsidrat il-progress u l-isforzi li saru sabiex jiġu rrispettati l-iskadenzi estiżi għad-distruzzjoni.

Riżultati tal-Proġett

L-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' l-Eżekuttiv tal-Kunsill u tal-Konferenza ta' l-Istati Partijiet (EC-M-26/DEC.5), permezz tal-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni fil-gruppi li jkunu qed jagħmlu żjara ta' rappreżentanti mill-gruppi reġjonali kollha li, minħabba restrizzjonijiet finanzjarji, kieku ma jkunux jistgħu jattendu.

Deskrizzjoni tal-Proġett

Fit-8 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill Eżekuttiv ta' l-OPCW adotta d-Deċiżjoni EC-M-26/DEC.5 “Żjarat mir-Rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv” fejn irrakkomanda lill-Konferenza ta' l-Istati Partijiet sabiex tieħu deċiżjoni sabiex taqbel dwar iż-żjarat minn rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv f'CWDFs fl-Istati Uniti ta' l-Amerika u fil-Federazzjoni Russa.

Permezz tad-Deċiżjoni tagħha C-11/DEC.20 tat-8 ta' Diċembru 2006 “Żjarat mir-Rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv”, il-Konferenza ta' l-Istati Partijiet qablet li tali żjarat għandhom iseħħu u stabbiliet l-modalitajiet prattiċi għalihom.

L-għan taż-żjarat ser ikun li l-membri tal-Kunsill Eżekuttiv jiġu provduti bl-opportunità li jivvalutaw il-progress u l-isforzi li saru sabiex jiġu rispettati l-iskadenzi estiżi u kwalunkwe miżura li tkun qed tittieħed mill-Istat Parti miżjur, sabiex ikunu jistgħu jiġu eliminati l-problemi jew id-dewmien eventwalment possibbli fil-programm għad-distruzzjoni.

Skond din id-Deċiżjoni C-11/DEC.20, il-gruppi li jkunu qed jagħmlu ż-żjara għandhom jinkludu: il-president (jew il-viċi-president) tal-Kunsill Eżekuttiv, rappreżentant minn kull wieħed mill-gruppi reġjonali l-oħra, rappreżentant wieħed minn Stati Partijiet oħra li jkunu qed jospitaw tali żjarat, id-Direttur-Ġenerali tas-Segretarjat Tekniku (jew ir-rappreżentant tiegħu), u, jekk ikun meħtieġ, interpretu tas-Segretarjat Tekniku.

Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi li s-Segretarjat Tekniku għandu jkopri l-ispejjeż tal-persunal tiegħu stess u l-president (jew il-viċi-president) tal-Kunsill Eżekuttiv u li l-parteċipanti l-oħra kollha ikollhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom.

L-iskop ta' dan il-proġett huwa li jipprovdi finanzjament għall-erba' rappreżentanti reġjonali parteċipanti, jekk jitolbu dan.

Il-mekkaniżmu ta' approvazzjoni stabbilit għall-proġett imsemmi fil-punt 2.2.2 ser jintuża għall-għażla tal-benefiċjarji li għandhom jiġu ffinanzjati taħt dan il-proġett. Is-Segretarjat Tekniku ser jinforma lill-Presidenza ta' l-UE kemm jista' jkun malajr dwar il-kandidati interessati kollha u ser tissejjaħ laqgħa tal-mekkaniżmu ta' approvazzjoni. Ser ikun meħtieġ il-qbil minn qabel ta' l-Istati Membri ta' l-UE għas-selezzjoni finali tal-parteċipanti li ser jibbenefikaw mill-appoġġ ta' l-UE għaż-żjarat. Il-kriterji tas-selezzjoni ser jinkludu l-istatus tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, it-twettiq mill-pajjiżi applikanti ta' l-obbligi tagħhom lejn l-OPCW u r-rispett lejn l-obbligi internazzjonali rilevanti kollha fir-rigward tad-diżarm u n-non-proliferazzjoni.

Fi stadju aktar tard, l-UE tikkunsidra l-ħolqien ta' trust fund għal dawn il-finijiet.

Stima ta' l-Ispiża Totali għall-Proġett 7: EUR 21 696

3.   It-Tul ta' Żmien

It-tul ta' żmien totali kkalkolat għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta huwa ta' 18-il xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji ta' attivitajiet relatati ma' l-universalità huma Stati li mhumiex Partijiet għas-CWC (kemm Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji). Il-benefiċjarji ta' attivitajiet relatati ma' l-implimentazzjoni huma Stati Partijiet għall-CWC mhux fl-UE. Il-proġetti ser jimmiraw lejn ir-rinforz ta' l-implimentazzjoni stretta tas-CWC u l-konformità magħha mill-Istati Parti. L-għażla tal-benefiċjarji ser tkun identifikata mill-OPCW f'koordinazzjoni mal-Presidenza ta' l-UE.

5.   Entità implimentattiva

L-OPCW ser tiġi fdata bl-implimentazzjoni tas-seba' proġetti.

Dawn is-seba' proġetti ser jiġu implimentati mill-persunal ta' l-OPCW bl-għajnuna ta' l-Istati Partijiet għall-OPCW u l-istituzzjonijiet, l-esperti jew il-kuntratturi magħżula tagħhom, bħal hawn fuq. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist ta' kwalunkwe merkanzija, xogħol jew servizz mill-OPCW fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta għandu jiġi mwettaq skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli ta' l-OPCW, kif spjegat fid-dettall fil-Ftehim dwar il-Kontribut tal-Komunità Ewropea ma' Organizzazzjoni Internazzjonali.

Ir-riżultati miksuba minn kull wieħed mis-seba' proġetti finanzjati taħt din l-Azzjoni Konġunta ser ikunu evalwati mill-istituzzjonijiet kompetenti ta' l-UE skond din l-Azzjoni Konġunta. Għal dan il-għan, l-OPCW ser tipprovdi lill-Presidenza ta' l-UE, permezz tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u l-Kummissjoni, rapporti dettaljati dwar l-implimentazzjoni.

6.   Parteċipanti Terzi

Dawn il-proġetti ser jiġu finanzjati 100 % minn din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti ta' l-Istati Partijiet għall-OPCW jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu taħt ir-regoli standard ta' operazzjoni għall-esperti ta' l-OPCW.

7.   Stima ta' riżorsi meħtieġa

Il-kontribut ta' l-UE ser ikopri 100 % ta' l-implimentazzjoni tas-seba' proġetti, kif deskritt f'dan l-Anness. L-ispejjeż stmati huma kif ġej:

Proġett 1

EUR 144 913

Proġett 2

EUR 676 733

Proġett 3

EUR 360 000

Proġett 4

EUR 246 130

Proġett 5

EUR 80 180

Proġett 6

EUR 140 000

Proġett 7

EUR 21 696

SPIŻA TOTALI ARROTONDATA (minbarra l-kontinġenzi): EUR 1 670 000

Flimkien ma' dan, hija inkluża riżerva ta' kontinġenza ta' madwar 3 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (EUR 30 000).

SPIŻA TOTALI (inklużi l-kontinġenzi): EUR 1 700 000

8.   Ammont finanzjarju ta' referenza sabiex ikopri l-ispiża totali tal-proġetti

L-ispiża totali tal-proġetti hija ta' EUR 1 700 000.


(1)  L-Istati li mhumiex Partijiet huma distribwiti reġjonalment kif ġej: l-Afrika (l-Angola, il-Kongo (Brazzaville), il-Ginea Bissaw u s-Somalja), il-Lvant Nofsani (l-Eġittu, l-Iraq, l-Iżrael, il-Libanu u s-Sirja), l-Amerika Latina u l-Karibew (il-Baħamas, il-Barbados u r-Repubblika Dominikana) u l-Asja (il-Mianmar u l-Korea ta' Fuq).