8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

90


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/109/PESK

tal-15 ta' Frar 2007

li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Ottubru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/724/PESK (1) li taħtar lis-Sur Erwan FOUÉRÉ bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

(2)

Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill approva l-Politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropa f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)

Fl-20 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/123/PESK li testendi u temenda l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2007.

(4)

Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/724/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi emendat u estiż għal perjodu ta' 12-il xahar,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Erwan FOUÉRÉ bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huwa b'dan estiż sad-29 ta' Frar 2008.

Artikolu 2

Objettiv ta' politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ta' politika ta' l-Unjoni Ewropea fl-ex Repubblika tal-Maċedonja, li għandu jkun li jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-proċess politiku paċifiku u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Qafas Ohrid, u b'hekk jiffaċilita progress ulterjuri lejn l-integrazzjoni Ewropea permezz tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun.

Artikolu 3

Il-mandat

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jżomm kuntatt mill-qrib mal-Gvern ta' Dik li Qabel kienet ir-Repubbilka Jugoslava tal-Maċedonja u mal-partijiet involuti fil-proċess politiku;

(b)

joffri l-parir u l-faċilitazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-proċess politiku;

(ċ)

jiżgura koordinazzjoni ta' l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex jgħin fl-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kwadru tat-13 ta' Awissu 2001, kif ġie dispost fil-Ftehim u l-Annessi miegħu;

(d)

isegwi mill-qrib, u jirrapporta dwar, il-kwistjonijiet ta' sigurtà u dawk inter-etniċi u jwettaq kollegamenti mal-korpi kollha relevanti għal dak il-għan.

(e)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-ex Repubblika tal-Maċedonja, skond il-politika ta' drittijiet tal-bniedem ta' l-Unjoni Ewropea u l-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tar-SĠ/RGħ. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u kontribut politiku fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008 għandu jkun ta' EUR 725 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2007.

4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 6

Formazzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jinforma lill-Presidenza u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni finali tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Ir-remunerazzjoni ta' persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandha tkun koperta mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kkonċernati rispettivament.

3.   Il-karigi kollha tat-tip A li mhumiex koperti b'issekondar għandhom ikunu pubbliċizzati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikati wkoll lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.

4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 7

Sigurtà

1.   Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001//264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (2), b'mod partikolari meta jamministraw informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

2.   Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, jieħu l-miżuri prattikabbli kollha raġonevoli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni ibbażat fuq il-gwida tasSegretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, il-ġestjoni tal-moviment sigur ta' persunal lejn, u fiż-żona tal-missjoni, il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra l-Unjoni Ewropea huwa kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif mitlub mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(ċ)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal kkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta' sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta' riskju mogħtija liż-żona ta' missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, huma implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' implimentazzjoni ta' nofs it-terminu u tal-mandat;

(e)

jiżgura, skond ma jkun meħtieġ u fi ħdan ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala parti mill-katina ta' kmand, li jittieħed approċċ koerenti fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal fl-elementi kollha ta' l-Unjoni Ewropea preżenti f'operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi jew f'operazzjonijiet fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 8

Rappurtar

Bħala regola ġenerali, ir-RSUE għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS u jista' jirrapporta wkoll lill-grupp ta' ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u tal-KPS, ir-RSUE jista' jirrapporta lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 9

Koordinazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma' dawk tas-SĠ/RGħ, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b'aġġornamenti regolari ta' informazzjoni. Fuq il-post għandha tinżamm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-kamp.

Artikolu 10

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2007 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2007. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal valutazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 12

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  ĠU L 272, 18.10.2005, p. 26. Azzjoni Konġunta kif emendata mill-Azzjoni Konġunta 2006/123/PESK (ĠU L 49, 21.2.2006, p. 20).

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).