8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

85


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/108/PESK

tal-15 ta' Frar 2007

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi

(1)

Fil-5 ta' Lulju 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/468/PESK li ġeddet u rrivediet il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan (1).

(2)

L-Unjoni Ewropea kienet involuta b’mod attiv fil-livell diplomatiku u politiku mill-bidu ta’ l-isforzi internazzjonali sabiex titrażżan u tiġi riżolta l-kriżi fid-Darfur.

(3)

L-Unjoni tixtieq issaħħaħ ir-rwol politiku tagħha fi kriżi b’numru kbir ta’ atturi lokali, reġjonali u internazzjonali u żżomm koerenza bejn l-assistenza ta’ l-Unjoni għall-maniġġar tal-kriżi fid-Darfur, immexxija mill-Unjoni Afrikana (UA), fuq naħa waħda, u r-relazzjonijiet politiċi globali mas-Sudan, inkluż l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (FKP) bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Moviment/Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLM/A), fuq in-naħa l-oħra.

(4)

Fil-5 ta' Mejju 2006, il-Ftehim ta' Paċi fid-Darfur (FPD) ġie konkluż f'Abuja mill-Gvern tas-Sudan u fazzjonijiet ribelli individwali. L-Unjoni ser tappoġġa sforzi sabiex jitwessa' l-appoġġ għall-FPD fost gruppi ribelli bħala element kruċjali ta' proċess politiku li jinkludi kollox, li jibqa' l-prekondizzjoni għal paċi u sigurtà dejjiema u tmiem għas-sofferenza ta' miljuni ta' nies fid-Darfur. Il-funzjonijiet tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għandhom jieħdu kont sħiħ tar-rwol ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-FPD, inkluż fir-rigward tad-Djalogu Darfur-Darfur u l-proċess ta' Konsultazzjoni.

(5)

L-Unjoni pprovdiet ammont sinifikanti ta’ assistenza lill-Missjoni ta’ l-UA fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (AMIS), f’termini ta’ appoġġ għall-ippjanar u l-maniġġar, finanzjament u loġistika.

(6)

Fil-31 ta' Marzu 2005, il-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, informat bir-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta dwar il-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-Darfur, adotta r-Riżoluzzjoni 1593(2005) li tirreferi s-sitwazzjoni fid-Darfur lill-Qorti Kriminali Internazzjonali.

(7)

Fil-31 ta' Awissu 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1706 (2006) li tagħti l-mandat lill-Missjoni tan-NU fis-Sudan (UNMIS) sabiex tintensifika l-impenn tagħha fid-Darfur kif ukoll sabiex tieħu passi, f'konsultazzjoni ma' l-UA, sabiex issaħħaħ il-missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fid-Darfur (AMIS) bl-użu tar-riżorsi tan-NU. Bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni, in-NU, l-UA u l-gvern Sudaniż iltaqgħu għal Konsultazzjoni ta' Livell Għoli f'Addis Ababa fis-16 ta' Novembru 2006. Il-partijiet qablu dwar approċċ bi tliet fażijiet ta' appoġġ tan-NU għall-AMIS li jwassal għal Forza eventwalment kombinata bejn il-UA u l-NU.

(8)

Il-Kunsill ta' Paċi u Sigurtà ta' l-UA, filwaqt li endorsja l-konklużjonijiet tal-Konsultazzjoni ta' Addis Ababa, iddeċieda li jestendi l-mandat ta' AMIS b'perijodu ta' 6 xhur sat-30 ta' Ġunju 2007, suġġett għal reviżjoni mill-UA u abbażi tad-disponibbiltà ta' riżorsi finanzjarji. Fil-15 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew qabel li jestendi l-azzjoni ta' appoġġ ċivili-militari ta' l-Unjoni Ewropea għal AMIS. Għadhom għalhekk meħtieġa impenn politiku proporzjonat ma' l-UA, in-NU u l-Gvern tas-Sudan, u kapaċità ta' koordinazzjoni speċifika.

(9)

Fid-19 ta' Diċembru 2006, is-Segretarju-Ġenerali tan-NU ħatar Mibgħut Speċjali għad-Darfur.

(10)

Il-preżenza permanenti f'Khartoum tħalli lok għall-kontinwazzjoni tal-kuntatti tar-RSUE mal-Gvern tas-Sudan, il-partiti politiċi Sudaniżi, il-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni AMIS, in-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji tagħha, u missjonijiet diplomatiċi, kif ukoll għal parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Kumitati ta' Valutazzjoni u Evalwazzjoni stabbiliti sabiex jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' l-FKP u l-FPD rispettivament u monitoraġġ aktar mill-qrib tas-sitwazzjoni fil-Lvant tas-Sudan wara l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Paċi għas-Sudan tal-Lvant (FPSL). Bl-istess mod, preżenza f'Juba tħalli spazju sabiex jinżammu kuntatti aktar mill-qrib u aktar regolari mal-Gvern tax-Xlokk tas-Sudan u l-SPLM, kif ukoll sabiex is-sitwazzjoni fix-Xlokk tas-Sudan tiġi segwita aktar fil-fond.

(11)

Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill approva l-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(12)

Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2006/468/PESK, il-mandat tar-RSUE għas-Sudan għandu, fil-prinċipju, jiġi estiż b'perijodu ta' 12-il xahar.

(13)

Is-Sur Pekka Haavisto informa lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli bl-intenzjoni tiegħu li jirriżenja fl-aħħar ta' April 2007. Il-mandat tiegħu għandu għalhekk jiġi estiż sat-30 ta' April 2007. Il-Kunsill għandu l-ħsieb li jaħtar RSUE ġdid għall-perijodu li jkun baqa' tal-mandat.

(14)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Pekka Haavisto bħala Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan huwa b'dan estiż sat-30 ta' April 2007.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fis-Sudan, notevolent fir-rigward ta':

(a)

l-isforzi, bħala parti mill-komunità internazzjonali u b’appoġġ għall-Unjoni Afrikana (UA) u għan-Nazzjonijiet Uniti (NU), sabiex il-partijiet Sudaniżi, l-UA u n-NU jiġu megħjuna jiksbu riżoluzzjoni politika tal-kunflitt fid-Darfur, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi fid-Darfur (FPD) u sabiex tkun faċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (FKP) u jiġi promoss id-djalogu Nofsinhar-Nofsinhar, kif ukoll tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi fil-Lvant tas-Sudan (FPLS), b’kont debitament meħud tar-ramifikazzjonijiet reġjonali ta’ dawn il-kwistjonijiet u tal-prinċipju ta' appartenenza Afrikana; u

(b)

l-assigurazzjoni ta’ l-effikaċja u l-viżibbiltà massimi tal-kontribut ta’ l-Unjoni għall-missjoni ta’ l-UA fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (AMIS).

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta’ l-Unjoni, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jaħdem ma’ l-UA, il-Gvern tas-Sudan, il-Gvern tas-Sudan tan-Nofsinhar, il-movimenti armati tad-Darfur u partiti Sudaniżi oħra kif ukoll ma' organizzazzjonijiet non-governattivi u jżomm kollaborazzjoni mill-qrib man-NU u ma' atturi internazzjonali rilevanti oħra, bil-għan li jitwettqu l-objettivi tal-politika ta’ l-Unjoni;

(b)

jirrappreżenta lill-Unjoni fid-djalogu Darfur-Darfur, fil-laqgħat ta’ livell għoli tal-Kummissjoni Konġunta, kif ukoll laqgħat oħra rilevanti kif mitlub;

(ċ)

jirrappreżenta lill-Unjoni, kull meta jkun possibbli, fil-Kummissjonijiet ta' Valutazzjoni u Evalwazzjoni tal-FKP u l-FPD;

(d)

isegwi l-iżviluppi fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-FPLS;

(e)

jiżgura koerenza bejn il-kontribut ta’ l-Unjoni għall-maniġġar tal-kriżi fid-Darfur u r-relazzjoni politika ġenerali ta’ l-Unjoni mas-Sudan;

(f)

fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa, u l-ġlieda kontra l-impunità fis-Sudan, isegwi s-sitwazzjoni u jżomm kuntatti regolari ma’ l-awtoritajiet Sudaniżi, l-UA u n-NU, b’mod partikolari ma' l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservaturi għad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-reġjun, u l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

2.   Bil-għan li jwettaq il-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a)

iżomm vista ġenerali ta' l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni;

(b)

jiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-kontributi ta’ l-Unjoni lill-AMIS;

(ċ)

jappoġġa l-proċess politiku u l-attivitajiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-FPK, l-FPD u l-FPLS; u

(d)

isegwi u jirrapporta dwar il-konformità tal-partijiet Sudaniżi mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, notevolment il-1556 (2004), 1564 (2004), 1591 (2005), 1593 (2005), 1672 (2006), 1679 (2006) u 1706 (2006).

Artikolu 4

Mandat ta' implimentazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ). Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' l-infiq kollu lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lir-RSUE fil-qafas tal-mandat.

3.   Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u l-assistenza ta' l-Unjoni lill-AMIS, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan in ġenerali.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   In-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2007 sat-30 ta' April 2007 għandha tkun koperta mill-ammont ta' referenza finanzjarju deċiż mill-Kunsill għall-mandat tar-RSUE matul il-perijodu mit-18 ta' Lulju 2006 sat-28 ta' Frar 2007.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun suġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni.

4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 6

Formazzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jinforma lill-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-formazzjoni finali tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal sabiex jaħdem mar-RSUE. Ir-remunerazzjoni tal-persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandha tiġi koperta mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kkonċernati rispettivament.

3.   Il-karigi kollha tat-tip A li ma jimtlewx permezz ta' ssekondar għandhom jiġu ppubbliċizzati, adegwatament, mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikati lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.

4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 7

Sigurtà

1.   Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (2), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

2.   Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jkun jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, l-immaniġġar tal-moviment sikur tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra l-Unjoni Ewropea jkun kopert b'assigurazzjoni għal riskju għoli kif rikjest mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(ċ)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ ta' sigurtà adatt qabel jew malli jaslu fiż-żona tal-missjoni, abbażi ta' klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula b'segwitu għal valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, jiġu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, il-Kunsill u l-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjoni oħra relatata mas-sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' implimentazzjoni tal-mandat;

(e)

jiżgura, kif meħtieġ u fi ħdan ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala parti mill-katina ta' kmand, li jittieħed approċċ koerenti fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal fl-elementi kollha ta' l-Unjoni Ewropea preżenti f'operazzjoni jew operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżi fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 8

Ċellula ta' Koordinazzjoni

1.   Fil-koordinazzjoni tal-kontributi ta’ l-Unjoni lill-AMIS, ir-RSUE għandu jiġi assistit minn Ċellula ta’ Koordinazzjoni (Uffiċċju tar-RSUE) ad hoc stabbilita f’Addis Ababa, li taġixxi taħt l-awtorità tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) ta’ l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK tat-18 ta' Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta' l-Unjoni Ewropea għall-missjoni ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (3).

2.   L-Uffiċċju tar-RSUE f'Addis Ababa għandu jinkludi konsulent politiku, konsulent militari anzjan u konsulent tal-pulizija.

3.   Il-konsulenti tal-pulizija u dawk militari fl-Uffiċċju tar-RSUE għandhom jaġixxu bħala konsulenti għar-RSUE rispettivament fir-rigward tal-komponenti tal-pulizija u dawk militari ta’ l-azzjoni ta’ appoġġ ta’ l-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1. F'dik il-kapaċità, huma għandhom jirrapportaw lir-RSUE.

4.   Il-konsulenti tal-pulizija u dawk militari ma għandhomx jirċievu struzzjonijiet mir-RSUE fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni tan-nefqa fir-rigward rispettivament tal-komponenti tal-pulizija u dawk militari ta’ l-azzjoni ta’ appoġġ ta’ l-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1. Ir-RSUE ma għandu jkollu l-ebda responsabbiltà f'dan ir-rigward.

5.   Għandu jiġi stabbilit Uffiċċju tar-RSUE f'Khartoum, li jkun jinkludi Konsulent Politiku u l-persunal ta' appoġġ amministrattiv u loġistiku meħtieġ. Skond il-mandat deskritt fl-artikolu 3, sub-uffiċċji fid-Darfur u fid-Sudan tan-Nofsinhar għandhom jiġu stabbiliti wkoll jekk l-Uffiċċju f'Khartoum ma jkunx jista' jipprovdi l-appoġġ kollu meħtieġ lill-persunal tar-RSUE skjerat f'reġjuni oħra fis-Sudan. L-uffiċċju f'Khartoum għandu jagħmel użu mill-ħila teknika ta' l-Uffiċċju tar-RSUE f'Addis Ababa fir-rigward ta' kwistjonijiet militari u tal-pulizija, kull meta jkun meħtieġ.

Artikolu 9

Rappurtar

Bħala regola, ir-RSUE għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS u jista' jirrapporta wkoll lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u tal-KPS, ir-RSUE jista’ jirrapporta lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 10

Koordinazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ta’ l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tas-SĠ/RGħ, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni. Fil-kamp, għandha tinżamm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll jikkollabora ma' atturi oħra internazzjonali u reġjonali fil-kamp.

Artikolu 11

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs April 2007.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 13

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  ĠU L 184, 6.7.2006, p. 38.

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).

(3)  ĠU L 188, 20.7.2005, p. 46.