8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

68


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2007/92/PESK

tat-12 ta’ Frar 2007

li ġġedded il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Kosta ta' l-Ivorju

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Kosta ta' l-Ivorju (1) sabiex jiġu implimentati l-miżuri imposti kontra l-Kosta ta' l-Ivorju mir-Riżoluzzjoni 1572(2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”). Skond dik ir-Riżoluzzjoni, dawn il-miżuri applikaw sal-15 ta' Diċembru 2005.

(2)

Fit-23 ta' Jannar 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/30/PESK (2) li ġeddet il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Kosta ta' l-Ivorju mill-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK għal perjodu ulterjuri ta' tnax-il xahar, u ssupplimentathom bil-miżuri restrittivi imposti mill-paragrafu 6 ta' l-UNSCR 1643(2005). Skond dik ir-Riżoluzzjoni, dawn il-miżuri applikaw sal-15 ta' Diċembru 2006.

(3)

Fid-dawl ta' l-iżviluppi reċenti fil-Kosta ta' l-Ivorju, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-15 ta' Diċembru 2006 adotta r-Riżoluzzjoni 1727(2006) li ġeddet il-miżuri restrittivi imposti mill-UNSCR 1572(2004) u mill-UNSCR 1643(2005) sal-31 ta' Ottubru 2007.

(4)

Il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK u mill-Pożizzjoni Komuni 2006/30/PESK għandhom għalhekk jiġu mġedda b'effett mis-16 ta' Diċembru 2006 sal-31 ta' Ottubru 2007, sabiex jagħtu effett lill-UNSCR 1727(2006),

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK u mill-Pożizzjoni Komuni 2006/30/PESK għandhom jiġu applikati sal-31 ta' Ottubru 2007, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor skond kwalunkwe Riżoluzzjoni relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-ġejjieni.

Artikolu 2

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tapplika mis-16 ta' Diċembru 2006 sal-31 ta' Ottubru 2007.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)   ĠU L 368, 15.12.2004, p. 50. Pożizzjoni Komuni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2006/483/PESK (ĠU L 189, 12.7.2006, p. 23).

(2)   ĠU L 19, 24.1.2006, p. 36.