|
3.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 257/23 |
DEĊIŻJONI Nru 1150/2007/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Settembru 2007
li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Prevenzjoni u informazzjoni dwar id-droga” bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 152 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
|
(1) |
Skond it-Trattat, livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem għandu jkun żgurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u ta’ l-attivitajiet Komunitarji kollha; azzjoni Komunitarja hija meħtieġa sabiex tinkludi kontribut għall-ksib ta’ livell għoli tal-ħarsien tas-saħħa. |
|
(2) |
L-azzjoni Komunitarja għandha tikkomplimenta politika nazzjonali immirata lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, filwaqt li twarrab sorsi ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem u tnaqqas il-ħsara relatata mas-saħħa assoċjata mad-dipendenza mid-droga, inklużi informazzjoni u politika ta’ prevenzjoni. |
|
(3) |
Minħabba l-fatt li, skond riċerka, il-mard u l-mortalità assoċjati mad-dipendenza mid-droga jaffettwaw numru sew ta’ ċittadini Ewropej, il-ħsara relatata mas-saħħa assoċjata mad-dipendenza mid-droga tikkostitwixxi problema ewlenija għas-saħħa pubblika. |
|
(4) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni finali ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Droga (2000-2004) indikat il-ħtieġa għal involviment regolari tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika ta’ l-UE dwar id-droga. |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tadotta programm Komunitarju ta’ azzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) (4) tinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji u miżuri dwar id-dipendenza mid-droga, bħala wieħed mill-fatturi importanti relatati ma’ l-istil ta’ ħajja. |
|
(6) |
Fir-Rakkomandazzjoni 2003/488/KE tat-18 ta’ Ġunju 2003 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara relatata mas-saħħa assoċjata mad-dipendenza mid-droga (5), il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jiffissaw bħala objettiv tas-saħħa pubblika l-prevenzjoni tad-dipendenza mid-droga u t-tnaqqis tar-riskji relatati, u li jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji komprensivi kif jixraq. |
|
(7) |
F’Diċembru 2004, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga 2005-2012, li tkopri l-attivitajiet Ewropej kollha relatati mad-droga u li tiffissa l-miri prinċipali. Dawn il-miri jinkludu l-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, benesseri u koeżjoni soċjali permezz tal-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ l-użu tad-droga, tad-dipendenza u l-ħsara relatata mad-droga għas-saħħa u għas-soċjetà. |
|
(8) |
Il-Kunsill adotta l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga (2005-2008) (6) bħala strument kruċjali għat-traspożizzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga 2005-2012 f’azzjonijiet konkreti. L-għan finali tal-Pjan ta’ Azzjoni hu li jnaqqas b’mod sinifikanti il-prevalenza ta’ l-użu tad-droga fost il-popolazzjoni u li jnaqqas il-ħsara soċjali u għas-saħħa kkawżata bl-użu u l-kummerċ ta’ droga illeċita. |
|
(9) |
Il-Programm speċifiku “Prevenzjoni u informazzjoni dwar id-droga ” stabbilit skond din id-Deċiżjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Programm”), jimmira lejn l-implimentazzjoni ta’ miri identifikati mill-Istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga 2005-2012 u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga 2005-2008 u 2009-2012 billi jappoġġa proġetti li jimmiraw għall-prevenzjoni ta’ l-użu tad-droga, inkluż billi jindirizza t-tnaqqis ta’ ħsara relatata mad-droga u metodi ta’ trattament b’kont meħud ta’ l-aħħar għarfien xjentifiku. |
|
(10) |
Hu importanti u meħtieġ li wieħed jagħraf l-implikazzjonijiet serji, immedjati u għall-perijodu fit-tul tad-droga għas-saħħa, għall-iżvilupp psikoloġiku u soċjali u għall-opportunitajiet ugwali ta’ dawk konċernati, għall-individwi, għall-familji u l-komunitajiet, u li wieħed jagħraf l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi kbar għas-soċjetà kollha kemm hi. |
|
(11) |
Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-prevenzjoni ta’ l-użu tad-droga fost iż-żgħażagħ li huma l-aktar vulnerabbli fil-popolazzjoni. L-isfida ewlenija fil-prevenzjoni hija li ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġuti jadottaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa. |
|
(12) |
Il-Komunità Ewropea tista’ toħloq valur miżjud lill-azzjonijiet li jittieħdu minn Stati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni u l-informazzjoni, inkluż it-trattament u t-tnaqqis tal-ħsara relatata mad-droga, billi tikkomplimenta dawk l-azzjonijiet u billi tippromwovi sinerġiji. |
|
(13) |
Bi qbil ma’ l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat mill-Kummissjoni (7) dwar il-proċedimenti tal-kumitat relatati ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. B’mod partikolari, il-Parlament Ewropew għandu jirċievi l-abbozz tal-programm annwali meta dan ikun sottomess lill-kumitat ta’ ġestjoni. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għandu jirċievi r-riżultati tal-votazzjoni u sommarju tad-dokumenti tal-laqgħat ta’ dak il-kumitat. |
|
(14) |
Għandha tiġi assigurata komplementarjetà mal-kompetenza teknika taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (minn hawn ‘il quddiem magħruf bħala “ċ-Ċentru”) billi jsir użu tal-metodoloġija u l-aħjar prattiċi żviluppati miċ-Ċentru u permezz ta’ l-involviment tiegħu fit-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali. |
|
(15) |
Billi l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux, minħabba l-bżonn ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq livell Komunitarju u ta’ tixrid tul il-Komunità ta’ prattika tajba, jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-ħtieġa għal ħidma koordinata u multidixxiplinari u minħabba l-iskala u l-effetti tal-Programm, jintlaħqu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imsemmi f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(16) |
Waqt li żżomm f’moħħha l-importanza tal-viżibbiltà tal-finanzjament Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida biex tiżgura li kwalunkwe awtorità, organizzazzjoni mhux-governattiva, organizzazzjoni internazzjonali jew entità oħra li tirċievi għotja taħt il-Programm tirrikonoxxi kif xieraq l-appoġġ riċevut. |
|
(17) |
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul sħiħ tal-Programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza ewlenija fi ħdan it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (8) għall-awtorita tal-baġit matul il-proċedura baġitarja annwali. |
|
(18) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9), (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (10), li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità, huma applikati filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tas-sempliċità u l-konsistenza fl-għażla ta’ l-istrumenti baġitarji, limitazzjoni fuq in-numru ta’ każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tagħhom, u l-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta’ riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma’ l-użu tagħhom. |
|
(19) |
Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa b’mod mhux dovut jew użati ħażin b’mod konformi mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, (11) ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikunu protetti minn frodi u irregolaritajiet oħra (12), u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (13). |
|
(20) |
Ir-Regolament Finanzjarju jesiġi att bażiku li jkun ipprovdut biex ikopri l-għotjiet operattivi. |
|
(21) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni, filwaqt li ssir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li huma soġġetti għall-proċedura ta’ ġestjoni u dawk li huma soġġetti għall-proċedura konsultattiva, fejn f’ċerti każijiet u bil-ħsieb ta’ effiċjenza akbar, il-proċedura konsultattiva tkun l-aktar adatta. |
|
(22) |
Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva u fil-ħin ta’ dan il-Programm, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007, |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Stabbiliment u kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm Speċifiku “Prevenzjoni u informazzjoni dwar id-droga”, (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-Programm”), bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”, sabiex jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u għat-tnaqqis tal-ħsara lis-saħħa relatata mad-droga.
2. Il-Programm għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.
Artikolu 2
Objettivi ġenerali
Il-Programm għandu jkollu l-objettivi ġenerali li ġejjin:
|
(a) |
li jipprevjeni u jnaqqas l-użu tad-droga, id-dipendenza u l-ħsara relatata mad-droga; |
|
(b) |
li jikkontribwixxi għat-titjib ta’ l-informazzjoni dwar l-użu tad-droga; u |
|
(ċ) |
li jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga. |
Artikolu 3
Objettivi speċifiċi
Il-Programm għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
|
(a) |
li jippromwovi azzjonijiet transnazzjonali biex:
|
|
(b) |
li jinvolvi lis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE dwar id-Droga u l-Pjanijiet ta’ azzjoni ta’ l-UE dwar id-Droga; u |
|
(ċ) |
biex tiġi sorveljata, implimentata u evalwata l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi taħt il-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar id-Droga 2005-2008 u 2009-2012. Il-Parlament Ewropew hu involut fil-proċess ta’ evalwazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-grupp ta’ tmexxija ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. |
Artikolu 4
Azzjonijiet
Bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi mniżżla fl-Artikoli 2 u 3, dan il-Programm għandu jappoġġa t-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin taħt il-kondizzjonijiet imniżżlin fil-programm ta’ ħidma annwali imsemmi fl-Artikolu 9(2):
|
(a) |
azzjonijiet speċifiċi mwettqin mill-Kummissjoni, bħalma huma studji u riċerka, kejl ta’ opinjonijiet u surveys, formulazzjoni ta’ indikaturi u metodoloġiji komuni, ġbir, żvilupp u disseminazzjoni ta’ data u ta’ statisitika, seminars, konferenzi u laqgħat ta’ esperti, l-organizzazzjoni ta’ kampanji u avvenimenti pubbliċi, żvilupp u manutenzjoni ta’ websites, tħejjija u disseminazzjoni ta’ materjal ta’ informazzjoni, appoġġ għal u inkoraġġiment ta’ networks ta’ esperti nazzjonali, attivitajiet ta’ analiżi, monitoraġġ u evalwazzjoni; |
|
(b) |
proġetti transnazzjonali speċifiċi ta’ interess Komunitarju ppreżentati minn ta’ l-inqas żewġ Stati Membri jew minn ta’ l-inqas Stat Membru wieħed u stat wieħed ieħor li jista’ jkun pajjiż aderenti jew pajjiż kandidat taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fil-programm ta’ ħidma annwali; jew |
|
(ċ) |
attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mhux-governattivi jew entitajiet oħra f’ħidma għal għan ta’ interess Ewropew ġenerali rigward l-objettivi ġenerali tal-Programm taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fil-programm ta’ ħidma annwali. |
Artikolu 5
Parteċipazzjoni
Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jieħdu sehem fl-azzjonijiet tal-Programm:
|
(a) |
l-Istati ta’ l-EFTA li huma membri tal-Ftehim ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Ftehim; u |
|
(b) |
il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Balkani tal-punent inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni jew il-protokolli addizzjonali tagħhom relatati mal-parteċipazzjoni fi programmi Komunitarji konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi. |
Pajjiżi kandidati li ma jipparteċipawx fil-Programm jistgħu jkunu assoċjati ma’ proġetti jekk dan ikun jikkontribwixxi għat-tħejjija tagħhom għall-adeżjoni, kif ukoll pajjiżi terzi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali li ma jeħdux sehem fil-Programm jekk dan ikun jaqdi l-għan tal-proġetti.
Artikolu 6
Gruppi ta’ Mira
1. Il-Programm hu mmirat lejn il-gruppi kollha li direttament jew indirettament jittrattaw il-fenomenu tad-droga.
2. Fir-rigward tad-droga, iż-żgħażagħ, in-nisa, il-gruppi vulnerabbli u dawk li jgħixu f’inħawi żvantaġġati soċjalment huma gruppi f’riskju u għandhom jiġu identifikati bħala gruppi ta’ mira. Gruppi ta’ mira oħra jinkludu l-għalliema u l-persunal edukattiv, il-ġenituri, il-ħaddiema soċjali, l-awtoritajiet lokali u nazzjonali, il-persunal mediku u paramediku, il-persunal ġudizzjarju, l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi u dawk penitenzjarji, organizzazzjonijiet mhux governattivi, it-trade unions u l-komunitajiet reliġjużi.
Artikolu 7
Aċċess għall-Programm
Aċċess għal dan il-Programm għandu jkun miftuħ għall-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi jew privati (awtoritajiet lokali fil-livell rilevanti, dipartimenti ta’ universitajiet u ċentri ta’ riċerka) li jaħdmu fil-qasam ta’ l-informazzjoni dwar u l-prevenzjoni ta’ l-użu tad-droga inkluż it-tnaqqis u t-trattament ta’ ħsara relatata mad-droga.
Korpi u organizzazzjonijiet li huma orjentati lejn il-profitt għandhom ikollhom aċċess għal għotjiet taħt il-Programm biss flimkien ma’ organizzazzjonijiet mhux għal qligħ jew dawk statali.
Artikolu 8
Tipi ta’ intervent
1. Il-finanzjament Komunitarju jista’ jkun fil-forom legali li ġejjin:
|
(a) |
għotjiet; jew |
|
(b) |
kuntratti ta’ akkwist pubbliku. |
2. Għandhom jingħataw għotjiet Komunitarji wara sejħiet għal proposti, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament sostanzjati kif previst fir-Regolament Finanzjarju, u għandhom jingħataw permezz ta’ għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjonijiet.
Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jispeċifika r-rata minima tan-nefqa annwali li għandha tingħata għall-għotjiet u r-rata massima għall-finanzjament konġunt.
3. Barra minn hekk, għandu jsir provvediment għal nefqa għal miżuri akkumpanjanti, permezz ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku, f’liema każ il-fondi Komunitarji għandhom ikopru x-xiri ta’ merkanzija u ta’ servizzi. Dan għandu jkopri, inter alia, in-nefqa għal informazzjoni u komunikazzjoni, tħejjija, implimentazzjoni, monitoraġġ, iċċekkjar u evalwazzjoni ta’ proġetti, politika, programmi u leġislazzjoni.
Artikolu 9
Miżuri implimentattivi
1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju Komunitarju skond ir-Regolament Finanzjarju.
2. Biex jiġi implimentat il-Programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta’ l-objettivi ġenerali mniżżlin fl-Artikolu 2, tadotta programm ta’ ħidma annwali filwaqt li tieħu kont tal-kompetenza teknika taċ-Ċentru. Il-Programm għandu jistabbilixxi l-objettivi speċifiċi, il-prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 8 u, jekk meħtieġ, lista ta’ azzjonijiet oħra tiegħu.
L-ewwel programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi adottat sat-23 ta’ Jannar 2008.
3. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi adottat skond il-proċedura ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 10(3).
4. Il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u allokazzjoni relatati ma’ għotjiet għal azzjonijiet għandhom jieħdu kont, fost l-oħrajn, tal-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
il-konformità ta’ l-azzjoni proposta mal-programm ta’ ħidma annwali, l-objettivi speċifikati fl-Artikolu 2 u 3 u t-tipi ta’ azzjoni stipulati fl-Artikolu 4; |
|
(b) |
il-kwalità ta’ l-azzjoni proposta fir-rigward tat-tfassil, l-organizzazzjoni, il-preżentazzjoni u r-riżultati mistennija; |
|
(ċ) |
l-ammont ta’ finanzjament Komunitarju mitlub u kemm hu xieraq meta mqabbel mar-riżultati mistennija; u |
|
(d) |
l-impatt tar-riżultati mistennija fuq l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 u fuq l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4. |
5. L-applikazzjonijiet għall-għotjiet operattivi, kif imsemmija fl-Artiklu 4(ċ), għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’:
|
(a) |
il-konsistenza tagħhom ma’ l-objettivi tal-Programm; |
|
(b) |
il-kwalità ta’ l-attivitajiet ippjanati; |
|
(ċ) |
kwalunkwe effett multiplikatorju probabbli ta’ dawn l-attivitajiet fuq il-pubbliku; |
|
(d) |
l-impatt ġeografiku u soċjali ta’ l-attivitajiet imwettqa; |
|
(e) |
l-involviment taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni tal-korpi konċernati; u |
|
(f) |
il-proporzjon ta’ spiża/gwadann ta’ l-attività proposta. |
6. Id-deċiżjonijiet relatati ma’ azzjonijiet proposti imsemmija fl-Artikolu 4(a) għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 10(3). Id-deċiżjonijiet relatati ma’ proġetti u azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(b) u (ċ) rispettivament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 10(2).
Id-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal għotjiet li jinvolvu korpi jew organizzazjonijiet orjentati lejn il-profitt għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 10(3).
Artikolu 10
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.
2. Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, tenut kont tad-disposizzjonjiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
3. Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, meħud kont tad-disposizzjonjiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.
Artikolu 11
Komplimentarjetà
1. Sinerġiji u komplimentarjetà ma’ strumenti Komunitarji oħra għandhom jiġu mfittxija, b’mod partikolari mal-Programmi Ġenerali “Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet”, is-7 Programm Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp u l-Programm Komunitarju dwar is-Saħħa Pubblika. Għandha tiġi żgurata komplimentarjetà mal-metodoloġija u l-aħjar prattiċi żviluppati miċ-Ċentru, b’mod partikolari rigward l-element ta’ l-istatistika ta’ informazzjoni dwar id-droga.
2. Il-Programm jista’ jaqsam riżorsi ma’ strumenti Komunitarji oħra, b’mod partikolari mal-Programmi Ġenerali “Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet”, “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” u s-7 Programm Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp sabiex jiġu implimentati azzjonijiet li jilħqu l-objettivi tal-Programmi kollha.
3. Operazzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni ma għandhomx jirċievu appoġġ finanzjarju għall-istess skop minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra. Il-Kummissjoni għandha tesiġi li l-benefiċjarji tal-Programm jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar finanzjament irċevut mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea u minn sorsi oħra, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għal finanzjament.
Artikolu 12
Riżorsi baġitarji
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 21 350 000.
2. Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-azzjonijiet li l-Programm jipprovdi għalihom għandhom jiddaħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.
Artikolu 13
Monitoraġġ
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal kwalunkwe azzjoni ffinanzjata mill-Programm, il-benefiċjarju jippreżenta rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tax-xogħol u li rapport finali jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur mill-kompletament ta’ l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-kontenut tar-rapporti.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Programm jipprovdu b’mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ permezz ta’ kontrolli fuq il-post, inkluż kontrolli ta’ kampjuni, u verifiki mill-Qorti ta’ l-Awdituri.
3. Għal perijodu ta’ ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju ta’ appoġġ finanzjarju jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta’ appoġġ fir-rigward tan-nefqa fuq l-azzjoni.
4. Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli fuq il-post imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, taġġusta l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ l-appoġġ finanzjarju oriġinarjament approvat kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għall-pagamenti.
5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħed kull pass ieħor meħtieġ biex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu sew u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 14
Ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji Komunitarji
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji Komunitarji jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u permezz ta’ l-irkupru ta’ l-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96, u (KE) Nru 1073/1999.
2. Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96 għal kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż ksur ta’ obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-Programm, li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li għandu jew li kien ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea jew baġits amministrati mill-Komunitajiet, b’element ta’ nefqa mhux ġustifikata.
3. Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju mogħti għal azzjoni, jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew il-ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju konċernat, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun soġġetta għal bidla li tmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet implimentattivi tal-proġett.
4. Jekk il-limiti ta’ żmien ma ġewx osservati jew jekk parti biss ta’ l-appoġġ finanzjarju allokat hija ġustifikata bil-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni, l-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju biex jippreżenta osservazzjonijiet fi żmien perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-appoġġ finanzjarju li jkun fadal tesiġi li somom diġà mħallsin jintalbu lura.
5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe pagament mhux dovut jitħallas lura lill-Kummissjoni. L-interessi għandhom jiġu magħduda ma’ kwalunkwe somma mhux imħallsa lura f’waqtha skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 15
Evalwazzjoni
1. Il-Programm ser jiġi mmonitorjat regolarment sabiex tiġi segwita l-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet imwettqa taħtu.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura evalwazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-Programm.
3. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi:
|
(a) |
preżentazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm; |
|
(b) |
rapport interim ta’ evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2011; |
|
(ċ) |
komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Awwissu 2012; u |
|
(d) |
rapport ta’ evalwazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014. |
Artikolu 16
Pubblikazzjoni ta’ proġetti
Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ proġetti ffinanzjati taħt il-Programm b’deskrizzjoni qasira ta’ kull proġett.
Artikolu 17
Viżibbiltà
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament mogħti taħt din id-Deċiżjoni.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 9(2) u (3) u l-Artikolu 10(3), li għandhom japplikaw mid-data li fiha din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ.
Magħmul fi Strasburgu, 25 ta’ Settembru 2007.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
M. LOBO ANTUNES
(2) ĠU C 192, 16.8.2006, p. 25.
(3) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Settembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).
(5) ĠU L 165, 3.7.2003, p. 31.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(8) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(9) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).
(10) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).
(11) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.