|
29.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 346/15 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007
li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
(It-test Franċiż biss huwa awtentiku)
(2007/880/KE)
IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u partikolarment l-Artikolu 19(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Billi:
|
(1) |
Skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96/KE flimkien ma’ l-Anness II ma’ dik id-Direttiva, Franza ġiet awtorizzata li tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-konsum f'Korsika. L-awtorizzazzjoni ngħatat sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra ddatata s-16 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Franċiżi talbu l-awtorizzazzjoni sabiex japplikaw, billi hija taxxa enerġetika, rata mnaqqsa għall-petrol bla ċomb biss użat bħala karburant, bħala kontinwazzjoni ta’ prattika segwita fil-qafas tad-deroga msemmija hawn fuq u qabel ma din tiskadi. It-tnaqqis jammonta għal EUR 1 għal kull ettolitru. L-awtorizzazzjoniji hija mitluba għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2012. F'Korsika, il-provvista ta’ petrol bla ċomb fil-pompa timplika spiża żejda sostanzjali meta mqabbla mal-provvista fuq il-kontinent u l-prezzijiet finali huma bejn EUR 4 u EUR 7 ogħla, għal kull ettolitru, minn dawk mitluba fuq il-kontinent. |
|
(3) |
Bit-tnaqqis tat-taxxa fuq il-petrol bla ċomb imħallsa mill-konsumaturi f'Korsika, il-konsumaturi konċernati jitpoġġew iktar fuq l-istess livell ma’ dawk fuq il-kontinent. Għalhekk, il-miżura tikkonforma ma’ objettivi ta’ politika reġjonali u ta’ koeżjoni. |
|
(4) |
It-tnaqqis fiskali ma jeċċedix dak meħtieġ sabiex jittieħed kont ta’ l-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni mġarrba mill-konsumaturi f'Korsika. |
|
(5) |
Il-livell finali ta’ tassazzjoni jirrispetta l-minimi previsti mid-Direttiva 2003/96/KE, attwalment EUR 359 għal kull 1 000 litru (jew EUR 35.90 għal kull ettolitru). Dan hu minnu anki jekk titqies l-awtorizzazzjoni mogħtija mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/767/KE (2), li l-effetti tagħha jistgħu jingħaqdu ma’ dawk ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(6) |
Fir-rigward tal-lok mbiegħed u l-insularità tad-dipartimenti li għalihom tapplika, kif ukoll tat-tnaqqis moderat fir-rata, li hija wkoll għolja ħafna meta mqabbla mal-minimu Komunitarju, din il-miżura mhix se twassal għal ċaqliq marbut speċifikament mal-provvista ta’ karburant. |
|
(7) |
Konsegwentement, il-miżura mitluba hija aċċettabbli fir-rigward tal-funzjonament korrett tas-suq intern u l-ħtieġa li tiġi garantita kompetizzjoni ġusta u mhijiex inkompatibbli mal-politika Komunitarja dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport. |
|
(8) |
Għaldaqstant, jeħtieġ li Franza tiġi awtorizzata, skond l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, li tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa applikabbli għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum f'Korsika, sal-31 ta’ Diċembru 2012. |
|
(9) |
Jeħtieġ li jiġi garantit li Franza tkun tista' tapplika t-tnaqqis preċiż konċernat, li huwa s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni, bħala kontinwazzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2007, fil-kuntest tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 18 konġuntament ma’ l-Anness II tad-Direttiva 2003/96/KE. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba b'effett mill-1 ta’ Jannar 2007, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Franza hija b'dan awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika.
Sabiex jiġi evitat li jingħata kumpens eċċessiv, it-tnaqqis ma għandux imur lil hinn mill-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport, ħżin u distribuzzjoni meta mqabbla ma’ Franza kontinentali.
Ir-rata mnaqqsa għandha tikkonforma ma’ l-obbligi previsti mid-Direttiva 2003/96/KE, u partikolarment mar-rati minimi msemmija fl-Artikolu 7.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
F. NUNES CORREIA
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).