28.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 344/51


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2007

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-2007 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Olanda għall-iskop li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara lill-pjanti u lill-prodotti tal-pjanti

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6405)

(It-testi bl-Olandiż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u ż-Żvediż biss huma awtentiċi)

(2007/877/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti, u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tingħata lill-Istati Membri biex ikopru n-nefqa relatata direttament mal-miżuri meħtieġa li jkunu ttieħdu, jew huma ppjanati li jittieħdu, bl-iskop li jiġġieldu kontra organiżmi ta’ ħsara introdotti minn pajjiżi terzi jew minn żoni oħra fil-Komunità, biex jinqerdu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex jiġu ristretti.

(2)

Il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Olanda lkoll stabbilew programm ta’ azzjonijiet biex jinqerdu organiżmi ta’ ħsara lill-pjanti li jkunu ġew introdotti fit-territorji tagħhom. Dawn il-programmi jispeċifikaw l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, il-miżuri mwettqa, it-tul tagħhom u kemm jiswew. Il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Olanda applikaw għall-allokazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal dawn il-programmi fil-limitu taż-żmien stabbilit fid-Direttiva 2000/29/KE u skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1040/2002 tal-14 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-kontroll fuq is-saħħa tal-pjanti u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2051/97 (2).

(3)

It-tagħrif tekniku pprovdut mill-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Olanda ppermetta lill-Kummissjoni biex tanalizza s-sitwazzjoni b’mod akkurat u komprensiv u biex tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2000/29/KE, intlaħqu. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità biex tkopri n-nefqa ta’ dawn il-programmi.

(4)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tkopri sa 50 % tan-nefqa eliġibbli. Madankollu, skond l-Artikolu 23(5), it-tielet paragrafu, tad-Direttiva, ir-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-programm imressaq mill-Ġermanja u parti mill-programm ta’ l-Olanda għandha titnaqqas ladarba l-programmi nnotifikati minn dawn l-Istati Membri diġà kienu suġġett ta’ finanzjament mill-Komunità taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/885/KE (3) għall-Ġermanja u d-Deċiżjoni 2005/789/KE (4) għall-Olanda.

(5)

Skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2000/29/KE, il-Kummissjoni għandha taċċerta ruħha jekk l-introduzzjoni ta’ l-organiżmu ta’ ħsara rilevanti ġiex kkawżat minn eżaminazzjonijiet jew spezzjonijiet inadegwati u tadotta l-miżuri meħtieġa mis-sejbiet tal-verifika tagħha.

(6)

Skond l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 (5) dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni, il-miżuri tas-saħħa tal-pjanti għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Garanzija u l-Gwida Agrikola. Għall-finijiet tal-kontroll finanzjarju ta’ dawn il-miżuri għandhom japplikaw il-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-2007 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Olanda relatata mal-miżuri meħtieġa kif speċifikat fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2000/29/KE u li ttieħdet għall-iskop li jiġu miġġielda l-organiżmi kkonċernati bil-programmi ta’ eradikazzjoni elenkat fl-Anness hija b’dan approvata.

Artikolu 2

1.   Is-somma totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 1 hija ta’ EUR 694 273.

2.   Is-somma massima tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal kull programm għandha tkun kif indikata fl-Anness.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif stabbilit fl-Anness għandha titħallas skond il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

evidenza tal-miżuri meħuda tkun ingħatat skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) 1040/2002.

(b)

talba għall-ħlas tkun tressqet mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) 1040/2002.

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja hija mingħajr preġudizzju għall-verifiki mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2000/29/KE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju ta’ l-Olanda.

Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).

(2)  ĠU L 157, 15.6.2002, p. 38, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 738/2005 (ĠU L 122, 14.5.2005, p. 17).

(3)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 43.

(4)  ĠU L 296, 12.11.2005, p. 42.

(5)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1, kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1.).


ANNESS

PROGRAMMI TA’ ERADIKAZZJONI

Kodiċi:

a= Is-sena ta’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni.

TAQSIMA I

Programmi li għalihom il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità hija ta’ 50 % tan-nefqa eliġibbli.

Stat Membru

L-organiżmi ta’ ħsara

Il-pjanti milquta

Sena

Infiq eleġibbli

(EUR)

Il-massimu tal-kontribuzzjoni mill-Komunità (EUR)

Għal kull programm

Il-Belġju

Diabrotica virgifera

Qamħirrum

2005 u 2006

67 331

33 665

Il-Finlandja

Bemisia tabaci

Euphorbia pulcherrima

2006 u 2007

109 262

54 631

Franza

Diabrotica virgifera

Qamħirrum

2005 u 2006

871 548

435 774

L-Olanda

Diabrotica virgifera

Qamħirrum

2005

282 557

141 278


TAQSIMA II

Programmi li għalihom ir-rati tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità jvarjaw, bl-applikazzjoni tad-digressivita'.

Stat Membru

L-organiżmi ta’ ħsara

Il-pjanti milquta

Sena

a

Infiq eleġibbli

(EUR)

Ir-rata

(%)

Il-massimu tal-kontribuzzjoni mill-Komunità

(EUR)

Il-Ġermanja

Anoplophora glabripennis

Siġar varji

2006

3

26 950

45

12 127

L-Olanda

Diabrotica virgifera

Qamħirrum

2005 (iż-żona ta’ Alsmeer)

3

37 330

45

16 798


Il-massimu tal-kontribuzzjoni mill-Komunità (EUR)

694 273