22.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 340/105


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2007

li tapprova l-pjanijiet għall-2008 għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ u t-tilqim ta’ dawn il-ħnieżer u ta’ ħnieżer fi stabbilimenti kontra din il-marda fir-Rumanija

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6699)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

(2007/870/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1), it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(3) u r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 20(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/89/KE tintroduċi miżuri minimi tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer. Dawn il-miżuri jinkludu d-dispożizzjoni li l-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni, wara l-konferma ta’ każ primarju ta’ deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, pjan tal-miżuri għall-qerda ta’ din il-marda. Dawn il-miżuri jipprovdu wkoll għat-tilqim ta’ emerġenza għall-ħnieżer slavaġ u ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer.

(2)

Ir-Rumanija nehdiet programm għas-sorveljanza u l-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer fit-territorju kollu ta’ dan l-Istat Membru. Dan il-programm għadu għaddej.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/802/KE tat-23 ta’ Novembru 2006 li tapprova l-pjanijiet għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ u t-tilqim ta’ emerġenza ta’ dawn il-ħnieżer u ta’ ħnieżer fi stabbilimenti kontra din il-marda fir-Rumanija (2) ġiet adottata bħala waħda minn għadd ta’ miżuri fil-ġlieda kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer. Id-Deċiżjoni 2006/802/KE tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2007.

(4)

Id-deni klassiku tal-ħnieżer huwa preżenti fi ħnieżer slavaġ u fi ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer fir-Rumanija.

(5)

Ir-Rumanija fid-29 ta’ Novembru 2007 ressqet għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni pjan emendat għall-2008 għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ u pjan għall-2008 għat-tilqim ta’ emerġenza ta’ ħnieżer slavaġ kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fit-territorju kollu tar-Rumanija.

(6)

Barra minn hekk, ir-Rumanija ressqet quddiem il-Kummissjoni, fid-29 ta’ Novembru 2007, pjan emendat għall-2008 għat-tilqim ta’ emerġenza għat-tilqim ta’ ħnieżer fi stabbilimenti kbar tal-ħnieżer permezz ta’ vaċċin markanti u pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza għat-tilqim ta’ ħnieżer fi stabbilimenti iżgħar tal-ħnieżer b’vaċċin ħaj konvenzjonalment attenwat.

(7)

Dawn il-pjanijiet imressqa mir-Rumanija ġew eżaminati mill-Kummissjoni u nstabu konformi mad-Direttiva 2001/89/KE. Għaldaqstant, għandhom jiġu approvati.

(8)

Fl-interessi tas-saħħa ta’ l-annimali, ir-Rumanija għandha tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri stipulati f’dawn il-pjanijiet.

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/779/KE ta’ l-14 ta’ Novembru 2006 dwar miżuri ta’ kontroll tranżitorji tas-saħħa ta’ l-annimali fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer fir-Rumanija (3) ġiet adottata minħabba l-preżenza endemika ta’ deni klassiku tal-ħnieżer fit-territorju tar-Rumanija.

(10)

Il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/779/KE jipprojbixxu inter alia d-dispaċċ ta’ laħam tal-ħnieżer, prodotti tal-laħam tal-ħnieżer u prodotti u preparazzjonijiet li fihom il-laħam tal-ħnieżer mir-Rumanija lejn l-Istati Membri l-oħra. Għal dan l-għan, dan il-laħam u dawn il-prodotti għandhom jiġu mmarkati b’marka speċjali. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-laħam frisk ta’ ħnieżer imlaqqma matul it-tilqim ta’ emerġenza skond id-Deċiżjoni attwali jiġi mmarkat bl-istess marka u li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-laħam.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati bħala miżuri tranżitorji applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2008.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Pjan għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ

Il-pjan imressaq mir-Rumanija lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007 għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, fiż-żona kif stabbilit fil-punt 1 ta’ l-Anness, huwa approvat.

Artikolu 2

Pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ

Il-pjan imressaq mir-Rumanija lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007 għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, fiż-żona kif stabbilit fil-punt 2 ta’ l-Anness, huwa approvat.

Artikolu 3

Pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d -deni klassiku tal-ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer b’vaċċin markanti

Il-pjan imressaq mir-Rumanija lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007 għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer b’vaċċin markanti, fiż-żona kif stabbilit fil-punt 3 ta’ l-Anness, huwa approvat.

Artikolu 4

Pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer b’ vaċċin ħaj konvenzjonalment attenwat

Il-pjan imressaq mir-Rumanija lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007 għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer b’vaċċin ħaj konvenzjonalment attenwat, fiż-żona kif stabbilit fil-punt 4 ta’ l-Anness, huwa approvat.

Artikolu 5

Obbligi mir-Rumanija dwar il-laħam tal-ħnieżer

Ir-Rumanija għandha tiżgura li l-laħam tal-ħnieżer miksub mill-ħnieżer:

(a)

li huma mlaqqma b’vaċċin markanti skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għas-suq nazzjonali u ma għandux jintbagħat fi Stati Membri oħra;

(b)

li huma mlaqqma skond l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Deċiżjoni, ikun immarkat b’marka ta’ identifikazzjoni jew ta’ saħħa speċjali li ma tistax tiġi mfixkla mat-timbru tal-Komunità kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2006/779/KE;

(ċ)

li huma mlaqqma b’vaċċin ħaj konvenzjonalment attenwat skond l-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-konsum domestiku privat u ma għandux jintbagħat fi Stati Membri oħra.

Artikolu 6

Obbligi ta’ tagħrif fuq ir-Rumanija

Ir-Rumanija għandha tiżgura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġu pprovduti kull xahar b’rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għat-tilqim ta’ emerġenza tal-ħnieżer, kif stipulat fl-Artikoli 3 u 4, li jinkludi mill-inqas it-tagħrif li ġej għal kull kontea:

(a)

l-għadd totali ta’ stabbilimenti u l-għadd totali ta’ ħnieżer preżenti għal kull kategorija kif stabbilit fil-programm ta’ qerda;

(b)

għal kull kategorija ta’ stabbilimenti, l-għadd ta’ kull xahar u kumulattiv ta’ stabbilimenti u ħnieżer fejn ġie implimentat it-tilqim ta’ emerġenza;

(ċ)

l-għadd ta’ kull xahar u kumulattiv ta’ dożi ta’ tilqim differenti li ġew użati;

(d)

l-għadd ta’ kull xahar u kumulattiv ta’ testijiet ta’ sorveljanza mwettqa u r-riżultati ta’ dawn it-testijiet.

Artikolu 7

Miżuri ta’ konformità mir-Rumanija

Il-Rumanija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni u tippubblika dawn il-miżuri. Hija għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 8

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

Artikolu 9

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmula fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/729/KE (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 26).

(2)  ĠU L 329, 25.11.2006, p. 34. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/625/KE (ĠU L 253, 28.9.2007, p. 44).

(3)  ĠU L 314, 15.11.2006, p. 48. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/630/KE (ĠU L 255, 29.9.2007, p. 44).


ANNESS

1.   Żoni fejn il-pjan għall-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ għandu jiġi implimentat:

It-territorju kollu tar-Rumanija.

2.   Żoni fejn il-pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ għandu jiġi implimentat:

It-territorju kollu tar-Rumanija.

3.   Żoni fejn il-pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer b’vaċċin markanti ta’ ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer għandu jiġi implimentat:

It-territorju kollu tar-Rumanija.

4.   Żoni fejn il-pjan għat-tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer b’vaċċin ħaj konvenzjonalment attenwat ta’ ħnieżer fi stabbilimenti tal-ħnieżer għandu jiġi implimentat:

It-territorju kollu tar-Rumanija.