22.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 340/92


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Diċembru 2007

li temenda l-Parti 1 tan-network ta’ konsultazzjoni ta’ Schengen (speċifikazzjonijiet tekniċi)

(2007/866/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta’ l-24 ta’ April 2001 li jirriserva lill-Kunsill il-poteri ta’ implimentazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-viżi (1), u b'mod partikolari ta’ l-Artikolu 1(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva mir-Repubblika tal-Portugall,

Billi:

(1)

In-network Vision ġie stabbilit biex jippermetti konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali ta’ l-Istati msieħba dwar applikazzjonijiet għal viża magħmulin minn ċittadini minn pajjiżi sensittivi.

(2)

Qabel, in-network Vision kien jaħdem bl-użu tas-sistema ta’ komunikazzjoni X400. Sabiex jibqa' konformi mat-tekniki moderni għat-trasferiment tal-posta elettronika, il-protokoll dwar it-trasport tal-posta tan-network Vision kellu jiġi emigrat mill-X400 għas-sistema SMTP.

(3)

Sabiex tkun permessa l-parteċipazzjoni fis-sistema tad-disa' Stati Membri li saru Membri ta’ l-UE fl-2004 u li għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen b'mod sħiħ mill-21 ta’ Diċembru 2007, l-Istati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-2004 emigraw fil-15 ta’ Ottubru 2007 mill-X400 għall-protokoll dwar il-posta SMTP. Dan il-protokoll għandu konfigurazzjoni partikolari li issa teħtieġ li tiġi speċifikata.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu aġġornati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tan-Network ta’ Konsultazzjoni ta’ Schengen sabiex ikun żgurat li huma jirriflettu dawn il-bidliet.

(5)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(6)

Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (2), li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(A), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 (3) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(7)

Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(A) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u f'isem il-Komunità Ewropea rispettivament, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak il-Ftehim.

(8)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (4); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (5); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa relatat miegħu b'xi mod ieħor, fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(2) ta’ l-Atti ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 u l-2005 rispettivament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huwa b'dan inserit, fil-Parti 1, punt 1.1., tan-Network ta’ Konsultazzjoni ta’ Schengen (Speċifikazzjonijiet Tekniċi), punt ġdid 1.1.4, kif jidher fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-21 ta’ Diċembru 2007.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

A. COSTA


(1)  ĠU L 116, 26.4.2001, p. 2.

(2)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(4)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(5)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.


ANNESS

It-test li ġej għandu jiġi inserit fil-Parti 1, punt 1.1. - Karatteristiċi ġenerali tas-sistema ta’ komunikazzjoni- tan-Network ta’ Konsultazzjoni ta’ Schengen (Speċifikazzjonijiet Tekniċi):

“1.1.4.   REKWIŻITI TAL-KONFIGURAZZJONI TAL-MAILBOX OPERATTIVI

Kull Stat ta’ Schengen għandu jipprogramma S-SISTEMA TAL-POSTA OPERATTIVA TAL-VISION tiegħu skond:

AMBJENT TAN-NETWORK

FAJL DNS/HOST: Billi m'hemm l-ebda Servizz ta’ l-Isem tad-Domain, huwa meħtieġ li jiżdiedu rekords li jikkonċernaw kull server SMTP remot

Firewall: Iftaħ l-pakketti li jidħlu u joħorġu f'port 25.

KONTENUT MIME

Il-kodifikazzjoni tas-server tal-posta għall-messaġġi ser tiġi pprogrammata skond dawn il-valuri:

Kontenut-Tip: test/sempliċi RFC 2046

Charset: iso-8859-15 (Ewropa tal-Punent)

Kontenut-Trasferiment-Kodifikazzjoni: ikkwotat-jista' jiġi stampat.

Id-domain SMTP użat huwa visionmail.eu, fejn kull Stat ta’ Schengen għandu d-domain tiegħu stess tat-tielet livell ‘xx’. Dan ifisser li kull Stat ta’ Schengen għandu jipprogramma s-server tal-posta tiegħu sabiex jiġġestixxi l-isem tas-subdomain SMTP xx.visionmail.eu (xx huwa l-kodiċi b'żewġ karattri ta’ l-Istat ta’ Schengen).

L-indirizz tal-mailbox tar-riċevitur ser ikun fil-format: operxx@xx.visionmail.eu

Għal Stati ta’ Schengen b'tieni mailbox (li jibgħat), l-indirizz tal-mailbox li jibgħat ser ikun fil-format:

operxx-out@xx.visionmail.eu (Nota: dan huwa indirizz mhuwiex obbligatorju). ”.