21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 337/122


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007

li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit rigward l-Irlanda ta’ Fuq skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6281)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2007/863/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u b’mod partikolari t-tielet sottoparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax il-kisba ta’ l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun ġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, staġuni twal ta’ tkabbir u għelejjel b’rata għolja ta’ assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fl-10 ta’ Awwissu 2007, ir-Renju Unit ressaq talba lill-Kummissjoni għal deroga skond it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE għall-Irlanda ta’ Fuq.

(3)

Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tar-Renju Unit li jippermetti l-applikazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ kwantitajiet ta’ nitroġenu li jistgħu jilħqu l-250 kg fuq kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem f’farms bil-mergħat. Madwar 732 stabbiliment fl-Irlanda ta’ Fuq, jiġiferi 2,7 % tal-farms totali, 4 % ta’ l-Art Agrikola Użata u 5 % ta’ l-Unitajiet tal-Bhejjem huma potenzjalment koperti mid-deroga.

(4)

Il-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE, ir-Regolamenti għall-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati (l-Irlanda ta’ Fuq) 2006 (ir-Regolament 2006 Nru 489), ġiet adottata u tapplika bl-istess mod għad-deroga li ntalbet.

(5)

Ir-Regolamenti (fl-Irlanda ta’ Fuq) dwar il-Fosforu (Użu fl-Agrikoltura) 2006 stipula l-miżuri li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti bil-fosfati fl-art, għall-prevenzjoni tat-tniġġis ta’ l-ilma. Ir-regolamenti jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi sakemm ma jintweriex li l-ammont ma jaqbiżx dak li jeħtieġu l-uċuħ, u dan jirrikjedi, inter alia, il-valutazzjoni ta’ l-istatus tal-fertilità tal-ħamrija permezz ta’ analiżi kimika.

(6)

Tressqet data dwar il-kwalità ta’ l-ilma, li turi li konċentrazzjonijiet baxxi tan-nitrati huma karatteristika ta’ l-ilmijiet fl-Irlanda ta’ Fuq. Fl-2005, il-konċentrazzjoni medja ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art kienet taħt l-20 mg/l ta’ nitrati f’71 % tas-siti ta’ monitoraġġ u konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 50 mg/l ta’ nitrati nstabu f’mhux aktar minn 7 % tal-punti ta’ kampjunar. Id-data dwar il-kwalità ta’ l-ilma fix-xmajjar uriet li fl-2005 il-konċentrazzjoni medja tan-nitrati kienet taħt l-20 mg/l f’99 % tal-punti ta’ kampjunar u fl-ebda stazzjon ta’ monitoraġġ ma nstabu aktar minn 50 mg ta’ nitrati f’kull litru ta’ ilma. L-għadajjar il-kbar kollha kellhom konċentrazzjoni medja ta’ nitrati ta’ inqas minn 10 mg/l.

(7)

Skond it-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati, 72 % tas-siti ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma ta’ taħt l-art urew xejriet stabbli jew li qed jonqsu fil-konċentrazzjoni tan-nitrati matul il-perjodu 1999-2003; matul l-istess perjodu, il-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ kienet stabbli jew kienet qed tonqos f’87 % ta’ l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ.

(8)

F’konformità mal-paragrafu 5 ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, ir-Regolamenti għall-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati (l-Irlanda ta’ Fuq) 2006 japplika madwar it-territorju kollu ta’ l-Irlanda ta’ Fuq.

(9)

Fl-aħħar għaxar snin, għadd ta’ bhejjem u l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi naqsu. Matul il-perjodu 1995-2005 l-għadd ta’ bhejjem ta’ l-ifrat, qżieqeż u nagħaġ naqas b’2 %, 36 % u 22 %, rispettivament. L-użu tal-fertilizzant kimiku tan-nitroġenu naqas b’41 % fil-perjodu 1995-2005 u r-rata ta’ applikazzjoni għall-2005 kienet ta’ 89 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru, l-użu tal-fertilizzant tal-fosfat naqas b’49 % fl-istess perjodu u fl-2005, l-użu tal-fosforu fil-medja kien 7 kg kull ettaru. In-nitroġenu żejjed fuq il-livell nazzjonali naqas minn 159 kg/ha fl-1995 għal 124 kg/ha fl-2005.

(10)

Minħabba l-ħafna xita u l-prevalenza ta’ ħamrija li fiha l-ilma m’għandux fejn imur, fl-Irlanda ta’ Fuq, 93 % ta’ l-art agrikola hija allokata għall-ħaxix, li parti kbira minnha hija kklassifikata bħala art b’potenzjal tajjeb ħafna għat-tkabbir tal-ħaxix. Minħabba tnixxija ta’ l-ilma mxekkla, il-potenzjal tad-denitrifikazzjoni tal-parti l-kbira tal-ħamriji fl-Irlanda ta’ Fuq huwa relattivament għoli, u dan inaqqas il-konċentrazzjoni tan-nitrati fil-ħamrija u għalhekk, l-ammont ta’ nitrat li huwa suxxettibbli għat-tlissija.

(11)

Fl-Irlanda ta’ Fuq, 70 % ta’ l-art hija maħduma estensivament u 45 % ta’ l-erja totali ta’ l-art tinħadem taħt skemi agro-ambjentali.

(12)

Il-klima ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, ikkaratterizzata minn kwantità annwali ta’ xita mqassma ndaqs matul is-sena u skala ta’ temperatura annwali relattivament dejqa, tippromwovi staġun twil ta’ tkabbir tal-ħaxix ta’ bejn 270 jum fis-sena fiż-żona kostali fil-Lvant u 260 jum fis-sena fil-lowlands ċentrali fejn l-art hija ġestita u maħduma attivament.

(13)

Id-dokumenti anċillari li tressqu fin-notifika juru li l-proposta għal ammont ta’ 250 kg għal kull ettaru fis-sena ta’ nitroġenu minn demel ta’ bhejjem li jirgħu f’mergħat tal-ħaxix hija ġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu.

(14)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba, tqis li l-ammont propost ta’ 250 kg għal kull ettaru fis-sena mhux se jippreġudika l-ksib ta’ l-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KE, jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti.

(15)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata flimkien mar-Regolamenti għall-Programm ta’ Azzjoni għan-Nitrati (l-Irlanda ta’ Fuq) 2006, fis-seħħ fl-Irlanda ta’ Fuq għall-perjodu 2007-2010.

(16)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward ta’ l-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Awwissu 2007, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta’ demel tal-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

Farms bil-mergħat” tfisser stabbilimenti fejn 80 % jew aktar taż-żona tar-raba disponibbli għall-għoti tad-demel hija mergħa,

(b)

“Bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem ta’ l-ifrat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel,

(ċ)

“Mergħa” tfisser art permanentement jew temporanjament bil-ħaxix (temporanjament timplika perjodu ta’ erba’ snin jew anqas).

Artikolu 3

Ambitu

Din id-Deċiżjoni tapplika każ b’każ u f’kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6 għall-farms bil-mergħat.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni u impenn annwali

(1)   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.

(2)   Flimkien ma’ l-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6.

(3)   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 juri li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikoli 5 u 6 mhumiex sodisfatti, l-applikant għandu jkun infurmat minnufih. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

Artikolu 5

Applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

(1)   L-ammont ta’ demel li ġej minn bhejjem li jirgħu li jingħata fis-sena f’art ta’ farms bil-mergħat, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg nitroġenu għal kull ettaru, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8.

(2)   L-ammonti totali tan-nitroġenu ma għandhomx jaqbżu d-domanda prevista għan-nutrienti ta’ l-għalla u jqisu l-provvista mill-ħamrija.

(3)   Għal kull farm, għandu jinżamm pjan ta’ fertilizzazzjoni b’deskrizzjoni tar-rotazzjoni ta’ l-uċuħ tar-raba’ miżrugħa u l-għoti ppjanat ta’ demel u fertilizzanti tan-nitroġenu u tal-fosfati. Dan għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu.

Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ bhejjem ħajjin, deskrizzjoni tas-sistema ta’ kif jinżammu u jinħażnu, inkluż il-volum disponibbli għall-ħżin tad-demel;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas kwalunkwe telf fiż-żamma u l-ħażna) u l-fosfru mid-demel li jiġi prodott fil-farm;

(ċ)

it-tinwib u r-raba’ li jintuża għal kull għalla, flimkien ma’ tpinġija ta’ mappa fejn huma indikati l-għelieqi u fejn jinsabu;

(d)

ir-rekwiżiti prevedibbli li jkollhom l-għelejjel f’termini ta’ nitroġenu u ta’ fosfru;

(e)

l-ammont u t-tip ta’ demel li jingħata barra l-artijiet tal-farm u fil-farm;

(f)

ir-riżultati ta’ l-analiżi tal-ħamrija relatati ma’ l-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu, jekk ikunu disponibbli;

(g)

l-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru mid-demel fuq kull għalqa (taqsimiet tal-farm li huma omoġenji f’dak li jirrigwarda ż-żrigħ u t-tip ta’ ħamrija);

(h)

l-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru b’fertilizzanti kimiċi kif ukoll fertilizzanti oħrajn fuq kull għalqa.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli attwali.

(4)   Kull farm għandha tħejji kontijiet tal-fertilizzazzjoni, fosthom informazzjoni relatata mal-ġestjoni ta’ l-ilma maħmuġ u l-inputs tal-fosforu. Dawn għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.

(5)   Kull farm bil-mergħat li tibbenefika minn deroga individwali għandha taċċetta li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 4, il-pjan ta’ fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal kontroll.

(6)   Għandha titwettaq analiżi tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-ħamrija għal kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għallinqas kull erba’ snin għal kull żona omoġenja tal-farm, fir-rigward tat-tinwib u l-karatteristiċi tal-ħamrija. Tkun meħtieġ, mill-anqas, analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art.

(7)   Ma jistax jingħata d-demel fil-ħarifa qabel il-koltivazzjoni tal-mergħa.

(8)   Kull farm bil-mergħat li tibbenefika minn deroga individwali għandha tiżgura li l-bilanċ tal-fosforu, ikkalkulat skond il-metodoloġija stabbilita mill-awtorità kompetenti f’konformità ma’ l-Artikolu 7(2) ta’ din id-Deċiżjoni, ma jaqbiżx eċċess ta’ 10 kg ta’ fosforu għal kull ettaru fis-sena.

Artikolu 6

Ġestjoni ta’ l-artijiet

80 % jew aktar ta’ l-art disponibbli għall-għoti tad-demel fuq farms għandha tkun ikkoltivata bil-ħaxix. Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

mergħa temporanja għandha tinħarat fir-rebbiegħa.

(b)

il-mergħa li tinħarat fit-tipi kollha ta’ ħamrija għandha tiġi segwita minnufih b’għalla b’domanda ta’ nitroġenu għolja;

(ċ)

it-tinwib ma għandux jinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jassimilaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan mhux se japplika għas-silla f’mergħa b’inqas minn 50 % ta’ silla u għaċ-ċereali u l-piżelli li jinżergħu flimkien fil-mergħa.

Artikolu 7

Miżuri oħra

(1)   Din id-deroga għandha tapplika bla preġudizzju għall-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja oħra.

(2)   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jippreżentaw lill-Kummissjoni l-proċedura ddettaljata għall-kalkolu tal-bilanċ tal-fosforu fil-farms tad-deroga, filwaqt li jitqies l-input ta’ fosfat bil-konċentrat, għalf u fertilizzanti u l-output fil-prodotti (prodotti ta’ l-annimali ħajjin, laħam u prodotti oħra ta’ l-annimali), għalf u għelejjel.

Artikolu 8

Sorveljanza

(1)   L-awtorità kompetenti għandha tħejji u taġġorna kull sena l-mapep li juru l-perċentwal ta’ farms bil-mergħat, il-perċentwal ta’ bhejjem u l-perċentwal ta’ raba’ kopert minn deroga individwali f’kull Distrett.

Kull sena, dawk il-mapep għandhom jitressqu lill-Kummissjoni u, għall-ewwel darba, sa l-1 ta’ Mejju 2008.

(2)   Il-monitoraġġ tal-farms, li huma koperti mill-programm ta’ azzjoni għandu jsir fuq l-iskala ta’ għelieqi tal-farm u f’ilqugħ agrikoli għall-monitoraġġ. L-ilqugħ ta’ monitoraġġ ta’ referenza għandhom jirrappreżentaw id-diversi it-tipi differenti ta’ ħamrija, il-livelli ta’ intensità u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni.

(3)   Stħarriġ u analiżi tan-nutrienti għandhom jipprovdu d-data dwar l-użu lokali tar-raba’, it-tinwib u l-prattiki agrikoli fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali. Dik id-data tista’ tintuża għal kalkoli bbażati fuq mudelli tal-kobor tal-lissija tan-nitrati u tat-telf tal-fosfru minn għelieqi fejn jiġi applikat sa 250 kg nitroġenu għall kull ettaru fis-sena f’demel minn bhejjem li jirgħu.

(4)   Il-monitoraġġ ta’ l-ilma tal-pjan tal-wiċċ, l-ilma tal-ħamrija, l-ilma tad-dranaġġ u nixxiegħat f’farms li huma fil-punti ta’ lqugħ agrikoli ta’ monitoraġġ għandhom jipprovdu d-data dwar il-konċentrazzjoni ta’ nitrati u fosfru fl-ilma li jħalli ż-żona ta’ l-għeruq u jidħol fl-ilma tal-pjan u fl-ilma tal-wied.

(5)   Monitoraġġ ta’ l-ilma aktar bir-reqqa għandu jitwettaq għall-ilqugħ agrikoli li jinsabu qrib lagi l-aktar vulnerabbli.

(6)   Għandu jsir studju sabiex, sa tmiem il-perjodu tad-deroga, tinġabar l-informazzjoni xjentifika dettaljata dwar is-sistemi ta’ mergħat għal użu intensiv fl-Irlanda u b’hekk tkun tista’ tittejjeb il-ġestjoni tan-nutrijenti. Dan l-istudju se jiffoka fuq it-telf tan-nutrijenti, inkluż it-tlissija tan-nitrati, it-telf minn denitrifikazzjoni u t-telf tal-fosfati, f’sistemi ta’ produzzjoni intensiva tal-ħalib f’żoni rappreżentattivi.

Artikolu 9

Kontrolli

(1)   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-farms kollha li jibbenefikaw minn deroga individwali għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kwantità massima ta’ 250 kg nitroġenu mid-demel tal-bhejjem, għal kull ettaru fis-sena, mar-rati tal-fertilizazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru, u mal-kundizzjonijiet ta’ l-użu ta’ l-art.

(2)   Għandu jkun stabbilit programm ta’ spezzjonijiet ta’ l-għelieqi bbażat fuq l-analiżi tar-riskju, riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u riżultati ta’ kontrolli każwali ġenerali tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet ta’ l-għelieqi għandhom ikopru talanqas 3 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 10

Rappurtar

(1)   L-awtorità kompetenti għandha tressaq ir-riżultati tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni kull sena, b’rapport konċiż dwar l-evoluzzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma u l-prattika ta’ valutazzjoni. Ir-rapport għandu jagħti informazzjoni dwar kif titwettaq l-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga permezz ta’ kontrolli fuq livell ta’ farms u għandu jinkludi informazzjoni dwar farms mhux konformi fuq il-bażi ta’ riżultati ta’ spezzjonijiet amministrattivi u fuq il-post.

L-ewwel rapport għandu jitressaq sa Novembru 2008 u wara, kull sena sax-xahar ta’ Ġunju.

(2)   Ir-riżultati miksuba b’dan il-mod se jitqiesu mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ talba ġdida eventwali għal deroga.

Artikolu 11

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntess tar-Regolamenti għall-Programm ta’ Azzjoni għan-Nitrati (l-Irlanda ta’ Fuq) 2006 (Regolamenti 2006 Nru. 489) ta’ l-1 ta’ Diċembru 2006. Tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Id-Direttiva bir-Regolament (KE) tal-parlament u l-Kunsill Ewropew Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).