7.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 322/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-4 ta’ Diċembru 2007

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, għas-sena 2007, għal studji, valutazzjonijiet u stimi ta’ l-impatt li jkopru l-oqsma tas-sigurtà ta’ l-ikel, is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali u ż-żooteknika

(2007/795/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità għandha twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju.

(2)

L-istudji, il-valutazzjonijiet ta’ l-impatt kif ukoll l-evalwazzjonijiet sistematiċi u f’waqthom tal-programmi ta’ nefqa fl-oqsma tas-sigurtà ta’ l-ikel, is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali u ż-żooteknika huma essenzjali biex jitwettqu dawn il-miżuri u se jappoġġjaw ukoll l-azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006-2010.

(3)

Il-ħidmiet kollha individwali huma suġġetti għal kuntratti speċifiċi taħt il-kuntratt ta’ qafas ta’ evalwazzjoni li għalih tnediet sejħa għall-offerti fl-2004. Dawn il-kuntratti speċifiċi għandhom jiġu ffirmati bejn il-Kummissjoni u l-kuntrattur magħżul kif definit fil-kuntratt ta’ qafas.

(4)

L-istudji, il-valutazzjonijiet u l-istimi ta’ l-impatt li jkopru l-oqsma tas-sigurtà ta’ l-ikel, is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali u ż-żooteknika għandhom jifformaw parti mill-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u mill-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju u se jappoġġjaw ukoll l-azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006-2010.

(5)

Għalhekk huwa xieraq li l-Komunità tiffinanzja għas-sena 2007, l-istudji, il-valutazzjonijiet u l-istimi ta’ l-impatt, li jkopru l-oqsma tas-sigurtà ta’ l-ikel, is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali u ż-żooteknika. L-ammont massimu li għandu jiġi allokat għal dawn l-azzjonijiet irid ikun speċifikat.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu

L-azzjonijiet imsemmija fl-Anness huma approvati u għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2007 sa massimu ta’ EUR 700 000.

Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS

Qasam: Is-sigurtà ta’ l-ikel, is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali u ż-żooteknika.

Bażi legali: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-infiq fil-qasam veterinarju.

L-għanijiet politiċi: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006–2010 (1) identifika bosta oqsma ta’ azzjoni b’mod partikolari t-titjib ta’ l-istandards minimi eżistenti għall-protezzjoni u l-benesseri ta’ l-annimali u l-introduzzjoni ta’ indikaturi standardizzati għall-benesseri ta’ l-annimali. Rigward it-trasport ta’ l-annimali, il-parir minn esperti xjentifiċi jindika li jinħtieġu regoli ġodda u xierqa dwar il-ħinijiet ta’ l-ivvjaġġar u d-densitajiet tat-tagħbija. Il-Kummissarju Kyprianou għalhekk ħabbar bosta drabi bħalma għamel matul il-Kunsill ta’ l-Agrikultura f’Ottubru 2007 li l-Kummissjoni qed tistudja din il-kwistjoni bl-għan li tipproponi reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (2) fl-2009.

Fir-rigward ta’ l-ittikkettjar tal-benesseri ta’ l-annimali, il-Pjan ta’ Azzjoni jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar il-possibbiltà ta’ skema obbligatorja ta’ ttikkettjar għal-laħam tat-tiġieġ u l-prodotti tal-laħam ibbażata fuq il-konformità ma’ l-istandards tal-benesseri ta’ l-annimali u biex tressaq rapport lill-Kunsill u lill-Parlament dwar l-applikazzjoni ulterjuri ta’ indikaturi li jistgħu jitkejlu fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità għall-benesseri ta’ l-annimali. Barra minn hekk, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni f’Mejju 2007 (3) biex tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-ittikkettjar tal-benesseri ta’ l-annimali biex ikun jista’ jsir dibattitu fil-fond dwar dan is-suġġett. Għal dawn ir-raġunijiet jeħtieġ li jiġi ppreżentat studju usa’ dwar l-impatt ta’ l-ittikkettjar tal-benesseri ta’ l-annimali u dwar Ċentru ta’ Referenza għall-Benesseri ta’ l-Annimali li jista’ jservi ta’ entità Ewropea ta’ koordinament għall-inizjattivi differenti marbuta mal-benesseri ta’ l-annimali (standardizzazzjoni/ċertifikazzjoni ta’ l-indikaturi tal-benesseri, skemi ta’ verifika, databases li għandhom x’jaqsmu ma’ tikketti ċċertifikati eżistenti).

Ħidmiet assenjati: Diversi tipi ta’ studji u servizzi oħra li jappoġġjaw it-tfassil u t-tħejjija tal-proposti tal-Kummissjoni.

Studji u servizzi oħra li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006–2010 ġew skedati għall-2007, b’mod partikolari għat-tħejjija ta’ valutazzjonijiet ta’ l-impatt li għandhom x’jaqsmu mat-trasport ta’ l-annimali, it-tbiċċir u t-tħejjija ta’ rapport dwar l-ittikkettjar tal-benesseri ta’ l-annimali kif mitlub mill-Kunsill.

Approprjazzjonijiet 2007: 17 04 02 01 – Miżuri oħra fil-qasam veterinarju, tal-benesseri ta’ l-annimali u s-saħħa pubblika: EUR 700 000.

Għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi mħejjija: bejn wieħed u ieħor erbgħa.

L-azzjonijiet kollha għandhom jiġu rregolati bir-regoli komuni għall-akkwisti pubbliċi u se jitwettqu permezz ta’ kuntratti speċifiċi taħt kuntratt ta’ qafas. Il-kuntratti speċifiċi se jiġu ffirmati matul l-aħħar kwart ta’ l-2007.


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006–2010, COM(2006) 13 finali.

(2)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(3)  Konferenza dwar “Il-Benesseri ta’ l-Annimali” – Titjib permezz ta’ l-Ittikkettjar? - Konklużjonijiet tal-Kunsill, http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/agricult/94008.pdf