|
5.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 317/79 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-4 ta’ Diċembru 2007
li tissospendi d-dazju definittiv ta’ antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007 fuq importazzjonijiet tas-silikomanganiż li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Każakistan
(2007/789/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
|
(1) |
Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007 (2), impona dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet tas-silikomanganiż (inkluż il-ferrosilikomanganiż) (“SiMn”) li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u l-Każakistan, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 7202 30 00 u l-ex 8111 00 11 (kodiċi TARIC 8111 00 11 10) (“il-prodott ikkonċernat”). Ir-rata ta’ dazju ta’ antidumping hija ta’ 8,2 % u 6,5 % għall-prodott li joriġina fir-RPĊ u l-Każakistan rispettivament. |
|
(2) |
Tagħrif dwar bidla fil-kondizzjonijiet tas-suq, li seħħet wara l-perjodu ta’ l-investigazzjoni oriġinali, indikat fir-Regolament (KE) Nru 1420/2007, u li tista’ tiġġustifika s-sospensjoni tal-miżuri imposti, skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, ingħata lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni eżaminat jekk din is-sospensjoni kinitx mistħoqqa. |
B. RAĠUNIJIET
|
(3) |
L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jistipula li, fl-interess Komunitarju, il-miżuri ta’ antidumping jistgħu jiġu sospiżi minħabba li l-kondizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sal-punt li l-ħsara li ssir x’aktarx li ma tkunx tista’ tiġi rranġata minħabba din is-sospensjoni, sakemm l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u li dawn il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li dawn il-miżuri ta’ antidumping jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fi kwalunkwe ħin jekk ir-raġuni ta’ sospensjoni ma tibqax applikabbli. |
|
(4) |
Mill-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni, ġiet osservata żieda fil-prezzijiet dinjija għall-SiMn, u dan juri bidla fil-qagħda u l-kondizzjonijiet tas-suq. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni oħra biex tevalwa l-evoluzzjoni reċenti ta’ volumi u prezzijiet tal-prodott ikkonċernat għall-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007 u l-impatt tagħhom fuq il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kif ukoll l-interess ġenerali tal-Komunità. |
|
(5) |
Fuq il-bażi ta’ dan it-tagħrif miġbur, ġie stabbilit li l-prezzijiet tas-suq ta’ l-SiMn fis-suq tal-Komunità żdiedu wara l-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni sat-tielet kwart tas-sena 2007 b’madwar 69 %, jiġifieri minn medja ta’ 622 EUR/MT fit-tielet kwart tas-sena 2006 għal medja ta’ 1 051 EUR/MT fit-tielet kwart tas-sena 2007. B’mod patikolari, żieda sinifikanti ta’ madwar 42 % ġiet osservata bejn it-tieni u t-tielet kwart tas-sena 2007. Dawn it-tendenzi jistgħu jinsabu wkoll fi swieq ewlenin oħrajn madwar id-dinja kif ukoll għal importazzjonijiet tas-SiMn fil-Komunità. |
|
(6) |
L-SiMn hija materja prima ewlenija fil-produzzjoni ta’ l-azzar. Iż-żieda fil-prezz deskritta hawn fuq tista’ tkun ġejja min-nuqqas temporanju ta’ provvisti u t-talba ogħla għall-SiMn minħabba t-talba għall-azzar li żdiedet mad-dinja kollha. L-evidenza minn żidiet f’daqqa fil-prezz li seħħew qabel dik tas-sena 2004 turi li dan l-iżbilanċ bejn it-talba u l-provvista f’dan is-suq huwa ta’ natura temporanja. Il-prezzijiet għandhom tendenza li jaqgħu lura lejn il-livelli normali tagħhom ġaladarba l-kapaċitajiet għall-SiMn jiġu utilizzati bis-sħiħ. |
|
(7) |
Bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 is-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-SiMn li joriġinaw fir-RPĊ u l-Każakistan naqas b’0,6 punti perċentwali għal 9,8 % tal-konsum ġenerali tal-Komunità. Il-konsum tal-KE żdied b’20 %. |
|
(8) |
Fir-rigward ta’ l-industrija Komunitarja, ta’ min jinnota li mill-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni, il-qagħda ta’ l-industrija Komunitarja tjiebet. Bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007, il-volumi ta’ bejgħ u produzzjoni żdiedu bi 15 % u 19 % rispettivament. Madankollu, is-sehem tas-suq ta’ l-industrija tal-Komunità naqas b’punt perċentwali ta’ 1,1 għal 23,8 %. Il-qagħda tal-profitti tjiebet b’mod sinifikanti u l-profitabilità ta’ l-industrija tal-Komunità laħqet 42 % fit-tielet kwart tas-sena 2007, b’hekk qabzet b’mod sostanzjali l-livell ta’ profitt ta’ 5 % stabbilit bħala xieraq mill-investigazzjoni oriġinali. |
|
(9) |
Kif jidher fil-premessi 157 sa 163 tar-Regolament (KE) Nru 1420/2007, l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati kienet mistennija li jkollha xi effetti negattivi, għalkemm limitati, għall-utenti fil-forma ta’ żidiet fl-ispejjeż li ġejjin mill-ħtieġa possibbli ta’ arranġamenti għal provvisti ġodda jew alternattivi. Meta titqies il-bidla temporanja fil-kondizzjonijiet tas-suq u li bħala konsegwenza l-industrija tal-Komunità mhiex qiegħda bħalissa ġġarrab ħsara, kull effett negattiv fuq l-utenti jista’ jitneħħa bis-sospensjoni tal-miżuri. Għaldaqstant, wieħed jista’ jikkonkludi li s-sospensjoni hija fl-interess ġenerali tal-Komunità. |
|
(10) |
Meta titqies il-bidla temporanja fil-kondizzjonijiet tas-suq, u partikolarment il-livell għoli ta’ prezzijiet ta’ l-SiMn li hemm fis-suq Komunitarju, li huwa wisq ogħla mil-livell ta’ prezz offensiv li nstab fl-investigazzjoni oriġinali, flimkien ma’ l-allegazzjoni ta’ żbilanċ fid-domanda u l-provvista tal-prodott ikkonċernat, jitqies li l-ħsara marbuta ma’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ u l-Każalistan mhijiex probabbli li terġa’ tibda b’riżultat tas-sospensjoni. Għalhekk qiegħed jiġi propost li l-miżuri fis-seħħ jiġu sospiżi għal disa’ xhur bi qbil ma’ l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. |
C. KONSULTAZZJONI MA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ
|
(11) |
Skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni informat lill-industrija tal-Komunità bl-intenzjoni tagħha li tissospendi l-miżuri kkonċernati ta’ antidumping. L-industrija tal-Komunità ngħatat opportunità li tikkummenta u ma opponitx is-sospensjoni tal-miżuri ta’ antidumping. |
D. KONKLUŻJONI
|
(12) |
Il-Kummissjoni għalhekk tqis li r-rekwiżiti kollha għas-sospensjoni tad-dazju ta’ l-antidumping impost fuq il-prodott ikkonċernat intlaħqu, bi qbil ma’ l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, id-dazju ta’ l-antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007 għandu jiġi sospiż għal perjodu ta’ disa’ xhur. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżvilupp ta’ l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Jekk f’xi ħin tinħoloq sitwazzjoni fejn jerġa’ jkun hemm żieda ta’ volumi bi prezzijiet iddampjati tal-prodott ikkonċernat mill-PRC u l-Każakistan u konsegwentement jikkawżaw ħsara fl-industrija tal-Komunità, il-Kummissjoni terġa’ tieħu l-passi meħtieġa biex ddaħħal mill-ġdid id-dazju ta’ antidumping, filwaqt li tqis ir-regoli sostantivi li jirregolaw stima tad-danni. Jista’ jingħata bidu għal reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, jekk ikun xieraq, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Id-dazju definittiv ta’ antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007 fuq l-importazzjonijiet tas-silikomanganiż (inkluż il-ferrosilikomanganiż), li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Każakistan, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 7202 30 00 u l-ex 8111 00 11 (kodiċi TARIC 8111 00 11 10) huwa b’dan sospiż għal perjodu ta’ disa’ xhur.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Peter MANDELSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).
(2) Ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.