5.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 317/76


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Settembru 2007

relatata ma’ proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE

(Każ COMP/E-2/39.140 – DaimlerChrysler)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4275)

(It-Test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2007/788/KE)

(1)

Din id-Deċiżjoni, li ġiet adottata skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, (1) hija indirizzata lil DaimlerChrysler AG (minn issa ‘l quddiem: “DaimlerChrysler”) u tikkonċerna l-provvista ta’ informazzjoni teknika għat-tiswija tal-vetturi tal-marki Mercedes-Benz u Smart.

(2)

L-informazzjoni teknika tikkonsisti f’data, fi proċessi u f’istruzzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiġu kkontrollati, imsewwija u sostitwiti partijiet difettużi/miksura/użati ta’ vettura bil-mutur jew sabiex jissewew ħsarat fi kwalunkwe waħda mis-sistemi tal-vettura. L-informazzjoni teknika tinkludi seba’ kategoriji prinċipali:

il-parametri bażiċi (id-dokumentazzjoni tal-valuri ta’ referenzi u l-punti fissi tal-valuri kollha li jistgħu jitkejlu li jikkonċernaw il-vettura, bħas-settings tat-torque, il-qisien ta’ l-ikklerjar tal-brejkijiet (brake clearance measurements), il-pressjonijiet idrawliċi u pnewmatiċi);

id-dijagrammi u d-deskrizzjonijiet ta’ stadji f’operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni (manwali għas-servizz, dokumenti tekniċi bħala pjanijiet ta’ ħidma, deskrizzjonijiet ta’ għodod li jintużaw biex titwettaq tiswija partikolari, u dijagrammi bħall-iskematiċi tal-wajers jew l-idrawlika);

l-ittestjar u d-dijanjożi (inklużi l-kodiċijiet tal-ħsarat/tat-trouble-shooting, is-softwer u informazzjoni oħra meħtieġa sabiex jiġu dijanjostikati ħsarat fuq il-vettura) – ħafna minn din l-informazzjoni, imma mhux kollha, tinsab f’għodod elettroniċi speċjalizzati;

il-kodiċijiet, is-softwer u informazzjoni oħra meħtieġa għar-ri-programmazzjoni, għar-ri-setting jew għar-ri-inizjalizzazzjoni ta’ l-unitajiet ta’ kontroll elettroniċi (“ECUs”) li jkun hemm fuq vettura. Din il-kategorija hija marbuta ma’ dik preċedenti, billi ta’ spiss l-istess għodod elettroniċi jintużaw sabiex tkun dijanjostikata ħsara, u mbagħad isiru l-aġġustamenti meħtieġa permezz ta’ l-ECUs biex tiġi rranġata;

l-informazzjoni dwar il-partijiet tal-bdil, inklużi l-katalogi tal-parts bil-kodiċijiet u bid-deskrizzjonijiet, u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-vettura (jiġifieri, id-data relatata ma’ vettura speċifika li permezz tagħha s-sewwej ikun jista’ jidentifika l-kodiċijiet individwali għall-parts imwaħħla waqt l-assemblaġġ tal-vettura, u jidentifika l-kodiċijiet korrispondenti għal parts ta’ sostituzzjoni oriġinali u kompatibbli għal dik il-vettura speċifika);

informazzjoni speċjali (avviżi ta’ tfakkira u notifika ta’ ħsarat frekwenti);

materjali ta’ taħriġ.

(3)

F’Diċembru 2006, il-Kummissjoni bdiet proċeduri, u indirizzat valutazzjoni preliminari lil DaimlerChrysler, li kienet tinkludi l-fehma preliminari li l-ftehimiet ta’ DaimlerChrysler ma’ l-imsieħba fis-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħha qajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħhom ma’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE.

(4)

Fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, donnu li DaimlerChrysler naqset milli tirrilaxxa ċerti kategoriji ta’ informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet ferm wara tmiem il-perjodu transitorju pprovdut fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 (2). Barra minn hekk, fiż-żmien meta tnediet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, DaimlerChrysler kienet għadha ma stabbilitx sistema effettiva sabiex is-sewwejja indipendenti jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet b’mod li jkun separat (unbundled). Għalkemm matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, DaimlerChrysler tejbet l-aċċessibilità ta’ l-informazzjoni teknika tagħha, prinċipalment billi f’Ġunju 2005 stabbiliet sit web (“is-sit web TI”) maħluq apposta għal dan l-iskop, l-informazzjoni li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tas-sewwejja indipendenti donnha ma kinitx kompluta.

(5)

Dik il-valutazzjoni preliminari sabet li s-swieq preliminari affetwati mill-prattika in kwistjoni kienu s-suq għall-provvista tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni għall-karozzi tal-passiġġieri, u s-suq għall-provvista ta’ informazzjoni teknika lis-sewwejja. In-netwerks awtorizzati tal-Mercedes-Benz u ta’ Smart kellhom numru ferm kbir ta’ ishma mis-suq fl-ewwel wieħed minn dawn is-swieq, filwaqt li fit-tieni, DaimlerChrysler kienet l-unika fornitriċi li setgħet toffri l-informazzjoni teknika kollha meħtieġa mis-sewwejja għall-vetturi tagħha.

(6)

Essenzjalment, il-ftehimiet ta’ servizz u ta’ distribuzzjoni tal-parts ta’ DaimlerChrysler jeħtieġu li l-membri tan-netwerks awtorizzati tagħha jwettqu firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ tiswija speċifiċi għall-marka, u jagħmluha ta’ bejjiegħa bl-ingrossa ta’ partijiet tal-bdil. Il-Kummissjoni hija mħassba li effetti negattivi possibbli li ġejjin minn tali ftehimiet jistgħu jissaħħu min-nuqqas ta’ DaimlerChrysler li tipprovdi lil sewwejja indipendenti b’aċċess xieraq għall-informazzjoni teknika biex b’hekk teskludi d-ditti li jkunu lesti u disponibbli joffru servizzi ta’ tiswija permezz ta’ mudell kummerċjali differenti.

(7)

Il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li l-arranġamenti ta’ DaimlerChrysler sabiex tipprovdi l-informazzjoni teknika tagħha lis-sewwejja indipendenti ma kinux jikkorrispondu għall-ħtiġiet ta’ dawn ta’ l-aħħar la rigward l-ambitu ta’ l-informazzjoni disponibbli u lanqas rigward l-aċċessibbiltà għaliha, u li tali prattika, flimkien ma’ prattiki simili minn manifatturi oħra tal-karozzi, setgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-pożizzjoni tas-suq tas-sewwejja indipendenti. Imbagħad, dan seta’ jikkawża dannu konsiderevoli għall-konsumaturi f’termini ta’ tnaqqis sinifikanti fl-għażla ta’ partijiet tal-bdil, prezzijiet ogħla għal servizzi ta’ tiswija, tnaqqis fl-għażla ta’ fejn titwettaq din it-tiswija, kwistjonijiet ta’ sikurezza potenzjali, u nuqqas ta’ aċċess għal ħwienet tat-tiswija innovattivi.

(8)

Barra minn hekk, in-nuqqas apparenti min-naħa ta’ DaimlerChrysler li tipprovdi lil sewwejja indipendenti b’aċċess xieraq għall-informazzjoni teknika jista’ jipprevjeni li l-ftehimiet ma’ l-imsieħba fis-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħha jibbenefikaw mill-eżenzjoni mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1400/2002, peress li skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament, l-eżenzjoni mogħtija hemmhekk ma tapplikax fejn il-fornitur tal-vetturi bil-mutur jirrifjuta li jagħti aċċess lil operaturi indipendenti għal kwalunkwe informazzjoni teknika, tagħmir dijanjostiku u ta’ xort’oħra, għodod, inkluż kwalunkwe softwer rilevanti, jew taħriġ meħtieġ għat-tiswija u għall-manutenzjoni ta’ dawn il-vetturi bil-mutur. Kif ġie ċċarat fil-premessa 26 tar-Regolament, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess ma jridux jiddiskriminaw bejn operaturi awtorizzati u dawk indipendenti.

(9)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni waslet għall-fehma preliminari li fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ aċċess għal informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet, ma kienx probabbli li l-ftehimiet bejn DaimlerChrysler u s-sewwejja awtorizzati tagħha se jibbenefikaw mid-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 81(3).

(10)

Fl-14 ta’ Frar 2007, DaimlerChrysler offriet impenji lill-Kummissjoni sabiex tissodisfa t-tħassib rigward il-kompetizzjoni li kien indirizzat fil-valutazzjoni preliminari.

(11)

Skond dawn l-impenji, il-prinċipju li jiddetermina l-ambitu ta’ l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta huwa dak tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn is-sewwejja indipendenti u dawk awtorizzati. F’dan id-dawl, DaimlerChrysler se tiżgura li l-informazzjoni teknika, l-għodod, it-tagħmir, is-softwer u t-taħriġ kollu meħtieġ għat-tiswija u għall-manutenzjoni tal-vetturi tagħha li jiġu pprovduti lis-sewwejja awtorizzati u/jew lill-importaturi indipendenti tal-marki tal-Mercedes-Benz u ta’ Smart fi kwalunkwe Stat Membru ta’ l-UE minn jew f’isem DaimlerChrysler jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tas-sewwejja indipendenti.

(12)

L-impenji jispeċifikaw li “l-informazzjoni teknika”, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002, tinkludi l-informazzjoni kollha pprovduta lis-sewwejja awtorizzati għat-tiswija jew għall-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur Mercedes-Benz u Smart. Eżempji partikolari jinkludu softwer, kodiċijiet ta’ ħsarat u parametri kollha, flimkien ma’ aġġornamenti, li huma meħtieġa sabiex issir ħidma fuq l-unitajiet ta’ kontroll elettroniċi (ECUs) ħalli jiġu introdotti jew jerġgħu jiġu stabbiliti s-settings rakkomandati minn DaimlerChrysler, metodi ta’ identifikazzjoni tal-vetturi, katalogi tal-parts, soluzzjonijiet ta’ ħidma li jirriżultaw minn esperjenza prattika u li jkunu relatati ma’ problemi li tipikament jaffetwaw mudell jew lott partikolari, u avviżi ta’ tfakkira kif ukoll avviżi oħra li jidentifikaw tiswijiet li jistgħu jitwettqu mingħajr ħlas fin-netwerk tat-tiswija awtorizzata.

(13)

L-aċċess għal għodod jinkludi aċċess għal għodod dijanjostiċi elettroniċi u għodod oħra ta’ tiswija, flimkien ma’ softwer relatat, inklużi l-aġġornamenti perjodiċi tiegħu, u servizzi ta’ wara l-bejgħ għal tali għodod.

(14)

L-impenji għandhom jorbtu lil DaimlerChrysler u lill-intrapriżi konnessi magħha imma m’għandhomx ikunu direttament vinkolanti fuq l-importaturi indipendenti tal-marki tal-vetturi Mercedes-Benz u Smart. DaimlerChrysler għalhekk qablet li f’dawk l-Istati Membri fejn DaimlerChrysler tqassam il-vetturi Mercedes-Benz u/jew Smart permezz ta’ importaturi indipendenti, se tagħmel mill-aħjar biex tobbliga kuntrattwalment lil dawn l-intrapriżi biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-sewwejja indipendenti bla ħlas u b’mod mhux diskriminatorju permezz tas-siti web kummerċjali nazzjonali tagħhom kwalunkwe biċċa informazzjoni teknika jew verżjoni lingwistika ta’ tali informazzjoni li l-importatur in kwistjoni jkun ipprovda lil sewwejja awtorizzati fl-Istat Membru li għalih inħatar u li ma tkunx disponibbli għas-sewwejja indipendenti fuq is-sit web TI.

(15)

Skond il-premessa 26 tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002, DaimlerChrysler mhix obbligata li tipprovdi lis-sewwejja indipendenti b’informazzjoni teknika li permezz tagħha parti terza tkun tista’ tevita jew iżżarma apparati kontra s-serq abbord il-vettura u/jew tirrikalibra (3) apparati elettroniċi, jew tbagħbas apparati li jillimitaw ir-rendiment ta’ vettura. L-impenji jinnotaw li hekk kif jiġri għal kwalunkwe eċċezzjoni fil-liġi ta’ l-UE, il-premessa 26 għandha tiġi interpretata b’mod dejjaq, u jekk DaimlerChrysler kellha tinvoka din l-eċċezzjoni bħala raġuni sabiex tirrifjuta li tagħti kwalunkwe informazzjoni teknika lis-sewwejja indipendenti, tkun impenjat ruħha li tiżgura li l-informazzjoni li ġiet irrifjutata tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex tkun pprovduta l-protezzjoni deskritta fil-premessa 26, u li n-nuqqas ta’ l-informazzjoni in kwistjoni ma jipprevjenix lis-sewwejja indipendenti milli jwettqu operazzjonijiet għajr dawk elenkati fil-premessa 26, inkluża ħidma fuq apparati bħall-ECUs tal-ġestjoni tal-magna, l-airbags, il-pre-tensioners (it-tagħmir ta’ qabel ma tiġi miżjuda t-tensjoni) taċ-ċinturin tas-sit, jew elementi ta’ sokor ċentrali.

(16)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 jipprovdi li l-informazzjoni teknika trid tkun disponibbli b’mod li jkun proporzjonat għall-ħtiġiet tas-sewwejja indipendenti. Dan jimplika kemm li l-informazzjoni trid tkun isseparata (unbundled) kif ukoll ipprezzar li jqis sakemm is-sewwejja indipendenti jużaw l-informazzjoni.

(17)

Skond dan il-prinċipju, l-impenji jispeċifikaw li DaimlerChrysler se tinkludi fuq is-sit web TI l-informazzjoni teknika kollha relatata ma’ mudelli li ġew imnedija wara l-1996, u se tiżgura li l-informazzjoni teknika aġġornata kollha tkun fuq is-sit web TI jew fuq kwalunkwe sit suċċessur il-ħin kollu. Madankollu, jekk ċerti elementi ta’ informazzjoni teknika relatata ma’ mudelli li ġew imnedija wara l-1996 jew verżjonijiet lingwistiċi tagħhom li DaimlerChrysler jew l-intrapriżi konnessi magħha tipprovdi lis-sewwejja awtorizzati fi Stat Membru partikolari ma jkunux disponibbli fuq is-sit web TI, għandu jitqies li DaimlerChrysler tkun ikkonformat ma’ l-impenji f’dan ir-rigward jekk tkun qiegħdet l-elementi in kwistjoni għad-dispożizzjoni tas-sewwejja indipendenti fuq is-sit web kummerċjali tagħha fl-Istat Membru in kwistjoni mingħajr dewmien mhux xieraq u bla ħlas.

(18)

DaimlerChrysler se tiżgura li s-sit web TI jista’ jinstab faċilment il-ħin kollu u li dan jipprovdi livell ekwivalenti ta’ rendiment għall-metodi li jintużaw biex tkun pprovduta informazzjoni teknika lill-membri tan-netwerks awtorizzati tagħha. Meta DaimlerChrysler jew intrapriża oħra li qed taġixxi f’isem DaimlerChrysler tagħmel biċċa informazzjoni teknika disponibbli lis-sewwejja awtorizzati f’lingwa partikolari ta’ l-UE, DaimlerChrysler se tiżgura li din il-verżjoni lingwistika ta’ l-informazzjoni titqiegħed mingħajr dewmien fuq is-sit web TI.

(19)

DaimlerChrysler iffissat il-ħlasijiet ta’ aċċess annwali għas-sit web TI għal EUR 1 254 (EUR 1 239 għal aċċess għat-taqsima ewlenija magħrufa bħala n-net tal-WIS; in-net tal-katalogu tal-parts elettroniċi huwa bla ħlas ħlief għal kontribuzzjoni annwali għall-ispejjeż amministrattivi ta’ EUR 15). Madankollu, sabiex ikun irrispettat ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fir-Regolament, DaimlerChrysler taqbel li tipprovdi diviżjoni pro rata għal aċċess għan-net tal-WIS f’perjodi ta’ żmien ta’ kull xahar, kull ġimgħa, kuljum u kull siegħa għal prezz ta’ EUR 180, EUR 70, EUR 20, u EUR 4, rispettivament. DaimlerChrysler taqbel li, kemm idumu validi l-impenji, iżżomm din l-istruttura tal-ħlasijiet ta’ aċċess, u mhux se żżid il-livelli tal-ħlasijiet ‘il fuq mir-rata medja ta’ l-inflazzjoni fl-UE.

(20)

L-impenji ta’ DaimlerChrysler huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit kurrenti jew futur stabbilit mill-Komunità jew mid-dritt nazzjonali li jista’ jestendi l-ambitu ta’ l-informazzjoni teknika li DaimlerChrysler għandha tipprovdi lill-operaturi indipendenti u/jew jista’ jistabbilixxi modi aktar favorevoli biex tali informazzjoni tkun ipprovduta.

(21)

Jekk sewwej indipendenti jew assoċjazzjoni ta’ tali sewwejja jitlob dan, DaimlerChrysler impenjat ruħha li taċċetta arbitraġġ sabiex jintlaħaq ftehim rigward tilwim relatat mal-provvista ta’ informazzjoni teknika. Dan l-arbitraġġ għandu jkun irregolat mir-regoli nazzjonli ta’ arbitraġġ u mil-liġi sostantiva li DaimlerChrysler qablet dwarhom kuntrattwalment mas-sewwejja awtorizzati tagħha fl-Istati Membri fejn tinsab il-parti li qed tagħmel it-talba. DaimlerChrysler timpenja ruħha li tipprovdi informazzjoni dwar dawn ir-regoli meta tintalab tagħmel dan. It-tribunal ta’ arbitraġġ għandu jikkonsisti minn tliet arbitri maħtura skond dawn ir-regoli. L-arbitraġġ mhu se jippreġudika l-ebda dritt li tkun ippreżentata applikazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

(22)

Id-deċiżjoni ssib li, minħabba l-impenji, m’għadx hemm aktar raġunijiet biex tittieħed azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. L-impenji se jkunu vinkolanti sal-31 ta’ Mejju 2010.

(23)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiki Restrittivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fid-9 ta’ Lulju 2007.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1419/2006, (ĠU L 269, 28.9.2006, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30). Ir-Regolament kif emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(3)  Jiġifieri timmodifika s-settings oriġinali ta’ ECU b’mod mhux irrakkomandat minn DaimlerChrysler.