1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 314/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Awwissu 2007

li tiddikjara li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M.4523 – Travelport/Worldspan)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3938)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/781/KE)

Fil-21 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ amalgamazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament (1). Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni sħiħa tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ u fil-lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni fuq is-sit web tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_mt.html

I.   SOMMARJU

(1)

Travelport LLC, kumpanija sussidjarja tal-Grupp Blackstone (“Blackstone”, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika), topera lil Galileo – sistema globali ta’ distribuzzjoni (“GDS”) u lil Gulliver’s Travel Associates. Barra minn hekk, Travelport topera numru ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar online u ta’ websites dwar il-vjaġġi, li jinkludu lil ebookers, Orbitz, Cheaptickets, Octopus Travel, HotelClub u RatesToGo.

(2)

Worldspan Technologies Inc. (“Worldspan”) tipprovdi servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ l-ivvjaġġar permezz ta’ Worldspan GDS. Il-kumpanija tiffoka fuq l-għoti ta’ servizzi GDS lil aġenziji ta’ l-ivvjaġġar online u dan l-aħħar anki lil aġenziji ta’ l-ivvjaġġar tradizzjonali, primarjament fis-settur tad-divertiment. Barra minn hekk, Worldspan tipprovdi servizzi ta’ l-IT lil-linji ta’ l-ajru (eż. sistemi interni ta’ prenotazzjoni u servizzi ta’ teknoloġija ta’ l-operazzjonijiet tat-titjiriet).

(3)

Skond l-operazzjoni, ibbażata fuq referenza skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) Travelport qed takkwista, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ fuq Worldspan permezz tax-xiri ta’ l-ishma.

(4)

L-investigazzjoni tas-suq li għamlet il-Kummissjoni żvelat li l-konċentrazzjoni proposta mhu se tagħti lok għall-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni li minħabba fiha l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Komuni jew f’parti sostanzjali minnu tkun imfixkla b’mod sinfikanti.

II.   MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

II.1.   Is-Suq tal-Prodotti Rilevanti u d-Definizzjonijiet Possibbli ta’ Suq Alternattiv

(5)

F’każi preċedenti, il-Kummissjoni ddefiniet GDS bħala għodda pprovduta lill-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar (“TAs”) sabiex ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni u jagħmlu prenotazzjonijiet relatati mal-fornituri tas-servizzi ta’ l-ivvjaġġar (“TSPs”), jiġifieri, il-linji ta’ l-ajru, il-lukandi u d-ditti tal-kiri tal-karozzi, li min-naħa tagħhom jipprovdu lill-GDS b’data dwar il-prodotti li jipprovdu.

(6)

Is-suq tal-prodotti li ġie affetwat minn din it-tranżazzjoni ġie definit fid-Deċiżjoni bħala s-suq għas-servizzi elettroniċi tad-distribuzzjoni ta’ l-ivvjaġġar permezz ta’ GDS. Dan is-suq għandu żewġ lati, b’żewġ kategoriji separati ta’ klijenti. Il-fornituri tal-GDSs jagħmluha ta’ intermedjarji, fejn fuq in-naħa l-waħda jħallu lit-TSPs (eqreb tal-punt ta’ produzzjoni mill-fornitur tal-GDSs) iqassmu l-kontenut tal-vjaġġi tagħhom lit-TAs u fl-aħħar mill-aħħar lill-konsumaturi aħħarija u fuq in-naħa l-oħra, it-TAs (eqreb tal-punt ta’ bejgħ mill-fornitur tal-GDSs) li jkollhom aċċess u jipprenotaw il-kontenut tal-vjaġġi għall-konsumaturi aħħarija. L-investigazzjoni approfondita kkonfermat dawn il-karatteristiċi tas-suq tal-prodotti.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk – kif iddikjarat il-parti li għamlet in-notifika – is-suq rilevanti tal-prodotti jikkonsistix mhux biss mill-fornituri tal-GDSs infushom imma anki minn teknoloġiji alternattivi li permezz tagħhom il-fornituri tal-GDSs jistgħu jinqabżu u l-użu tagħhom jiġi evitat. Dawn l-alternattivi huma (i.) magni tar-riċerka dwar magni tar-riċerka (meta search engines), (ii.) links diretti, (iii.) dawk li jissejħu “Operaturi Ġodda tal-GDSs” (“GDS New Entrants” – “GNEs”) u (iv.) s-“supplier.com” (is-siti tal-fornituri).

(8)

L-inklużjoni ta’ l-ewwel tlieta fis-suq rilevanti tal-prodotti mhux qed jiġi diskuss f’din id-Deċiżjoni, peress li l-investigazzjoni approfondita wriet biċ-ċar li dawn jew mhumiex sostituti reali tal-GDSs, jew li l-preżenza u/jew l-impatt tagħhom fiż-ŻEE huma ferm limitati. Sabiex ikun iddeterminat jekk is-servizzi pprovduti permezz tas-“supplier.com” humiex sostitwibbli għas-servizzi tal-GDSs u humiex parti mill-istess suq tal-prodotti, twettqet valutazzjoni kumplessa li tkopri ż-żewġ lati tas-suq.

(9)

Fuq in-naħa eqreb tal-punt ta’ produzzjoni tas-suq, is-“supplier.com” jippermettu li t-TSPs inaqqsu b’mod sinifikanti l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni medji u marġinali tagħhom, peress li fl-aħħar mill-aħħar jiffrankaw il-ħlas tal-prenotazzjoni mitluba mill-GDS kif ukoll il-kummissjoni possibbli fuq il-prenotazzjoni li titħallas mit-TA li tkun qed tagħmel il-prenotazzjoni tal-GDS.

(10)

B’hekk, il-linji ta’ l-ajru konvenzjonali jkunu jistgħu jikkompetu aħjar mat-Trasportaturi Low Cost (“LCCs”), li l-kanal ewlieni tagħhom huwa s-“supplier.com”. Inċentiv addizzjonali għat-TSPs sabiex jippromwovu s-“supplier.com” huwa l-fatt li x-xiri b’paragun bejn it-TSPs mill-utent aħħari isir aktar diffiċli peress li jkollhom jiġu konsultati siti web individwali. Dan jispjega parzjalment it-tkabbir tas-“supplier.com” f’dawn l-aħħar snin. Skond id-data ta’ l-IATA, fl-2005, bejn wieħed u ieħor 25 % tal-prenotazzjonijiet kollha ta’ l-akbar 20 linja ta’ l-ajru fiż-ŻEE kienu prenotazzjonijiet diretti (meta pparagunati ma’ l-20 % ta’ l-2004 u mas-16 % ta’ l-2003).

(11)

L-investigazzjoni approfondita wriet li l-firxa sakemm it-TSPs ikunu jistgħu jċaqilqu l-prenotazzjonijiet ‘il bogħod mill-fornituri tal-GDSs lejn is-“supplier.com” tagħhom tvarja b’mod konsiderevoli, skond il-mudell kummerċjali magħżul mit-TSP. Hija wkoll dipendenti mid-daqs u mill-profil ta’ mġiba tal-bażi tal-konsumatur aħħari, li sa ċertu punt hija “dipendenti” (captive) mid-distribuzzjoni tal-kontenut tal-vjaġġi permezz ta’ GDS.

(12)

Fuq in-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ, meta jipprenotaw permezz ta’ GDS, it-TAs jirċievu pagamenti ta’ inċentiv sostanzjali mill-fornituri tal-GDSs imma anki kummissjonijiet fuq il-prenotazzjonijiet possibbli mħallsa mit-TSPs. Dan id-dħul se jintilef jekk it-TAs jipprenotaw permezz ta’ “supplier.com”. Sabiex ikun hemm kumpens għal dan it-telf ta’ dħul, ikun meħtieġ li t-TAs jitolbu l-ħlas ta’ servizz mingħand l-utent aħħari (li min-naħa tiegħu jagħti lill-utent aħħari l-inċentiv li jipprenota l-biljetti tiegħu permezz ta’ “supplier.com” minflok permezz tat-TA, biex b’hekk jitnaqqas aktar id-dħul tat-TA). Għalhekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-TAs għandhom inċentivi qawwija sabiex ikomplu jużaw GDS u ma jissostitwux il-prenotazzjonijiet permezz ta’ GDS bi prenotazzjonijiet permezz tas-“supplier.coms”. L-investigazzjoni approfondita tal-Kummissjoni kkonfermat ukoll li t-TAs iqisu li l-użu tas-“supplier.com” huwa diffiċli u m’għandux il-versatilità ta’ paragunabbiltà ta’ l-inventarji u tal-prezzijiet li joffru l-GDSs.

(13)

Meta jitqies li s-sostituzzjoni eqreb tal-punt ta’ produzzjoni hija biss waħda parzjali, fejn tħalli volumi sostanzjali ta’ prenotazzjonijiet ta’ TSPs “dipendenti” fuq il-fornituri tal-GDSs u l-fatt li s-sostituzzjoni eqreb tal-punt ta’ bejgħ hija ferm limitata, id-Deċiżjoni tikkonkludi li s-“supplier.com” m’għandhomx ikunu inklużi fis-suq rilevanti tal-prodotti fejn il-fornituri tal-GDSs ikunu attivi.

(14)

Id-Deċiżjoni madankollu tirrikonoxxi li l-assorbiment rapidu tas-“supplier.com” għandu impatt fuq il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq għas-servizzi tal-GDSs u tillimita l-imġiba fis-suq tad-ditti amalgamati.

II.2.   Is-Swieq Ġeografiċi Rilevanti

(15)

Id-Deċiżjoni tiddefinixxi d-delineazzjoni tas-swieq ġeografiċi tan-naħa eqreb tal-punt ta’ produzzjoni bħala li hija mifruxa maż-ŻEE kollha. Il-ftehimiet globali bejn it-TSPs u l-GDSs normalment jinkludu skemi separati ta’ pprezzar reġjonali għaż-ŻEE, għall-Istati Uniti u għal partijiet oħra tad-dinja. Il-ħlasijiet ta’ prenotazzjoni li joħorġu t-TSPs għal prenotazzjoni magħmula f’GDS huma sostanzjalment ogħla fiż-ŻEE milli fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, is-suq taż-ŻEE huwa regolat mill-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE, filwaqt li s-suq ta’ l-Istati Uniti kien deregolat fl-2006. Fl-aħħarnett, l-ishma tas-suq tal-fornituri tal-GDSs ivarjaw sostanzjalment skond ir-reġjun u l-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet kompetittivi fiż-ŻEE u fl-Istati Uniti huma ferm differenti.

(16)

Id-Deċiżjoni tiddefinixxi n-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq bħala ta’ ambitu nazzjonali, peress li l-ishma tas-suq tal-fornituri tal-GDSs ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Dan huwa skond id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u jiġi kkonfermat mill-investigazzjoni tas-suq. Kważi t-TAs kollha – ħafna drabi anki t-TAs online – għadhom attivi f’pajjiż wieħed biss, bl-eċċezzjoni ta’ ftit TAs li għandhom attivitajiet pan-Ewropej (jew dinjija). Il-ħlasijiet ta’ abbonament li jħallsu t-TAs sabiex jużaw GDS u l-ħlasijiet ta’ inċentiv li jirċievu jvarjaw ukoll minn pajjiż għall-ieħor fiż-ŻEE. Barra minn hekk, Amadeus u Galileo stabbilew punti nazzjonali ta’ bejgħ u ta’ servizz fi kważi l-Istati Membri taż-ŻEE kollha, sabiex is-swieq speċifiċi nazzjonali jinqdew aħjar.

II.3.   Il-Valutazzjoni Kompetittiva tat-teoriji ta’ dannu

II.3.1.   It-teoriji ta’ dannu

(17)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni sabet li l-konċentrazzjoni notifikata qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(18)

Fid-Deċiżjoni ta’ l-Artikolu 6(1)(c) tressaq l-argument li l-amalgamazzjoni, teoretikament, setgħet twassal għal effetti mhux ikkoordinati kif ukoll għal effetti ikkoordinati. Rigward l-effetti mhux ikkoordinati, il-Kummissjoni identifikat tliet teoriji ta’ dannu li qieset bħala prima facie plawsibbli. Barra milli ġie vvalutat ir-riskju għall-effetti koordinati, il-Kummissjoni ffokat l-investigazzjoni approfondita tagħha ta’ l-effetti mhux ikkoordinati fuq il-valutazzjoni ta’ jekk:

(i)

l-amalgamazzjoni tħallix li l-partijiet jużaw il-pożizzjoni qawwija tagħhom fis-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ fil-konfront tat-TAs sabiex iżidu l-prezzijiet meta pparagunati mat-TSPs li jinsabu eqreb tal-punt ta’ produzzjoni (“effetti vertikali minn suq għall-ieħor”);

(ii)

l-amalgamazzjoni teliminax lil Worldspan bħala l-allegat “pricing Maverick” u għalhekk twassal għal żjidiet fil-prezzijiet wara l-amalgamazzjoni;

(iii)

l-amalgamazzjoni tħallix lill-partijiet jesplojtjaw is-setgħa tas-suq ta’ wara l-amalgamazzjoni tagħhom fil-konfront tat-TAs fl-Istati Membri fejn Galileo/Worldspan għandhom ħafna ishma tas-suq.

II.3.2.   L-effetti vertikali minn suq għall-ieħor (“multi-homing” vs “single-homing”)

(19)

Matul l-istadju inizjali ta’ l-investigazzjoni, kien hemm tħassib li Galileo/Worldspan tkun tista’ tagħmel lieva fuq is-setgħa tas-suq ta’ wara l-amalgamazzjoni tagħha fil-konfront tat-TAs f’numru ta’ swieq nazzjonali eqreb tal-punt ta’ bejgħ sabiex issaħħaħ is-setgħa ta’ negozjar tagħha b’relazzjoni għat-TSPs li joperaw fis-suq taż-ŻEE eqreb tal-punt ta’ produzzjoni. Din il-possibbiltà li ssir lieva fuq is-setgħa tas-suq tista’ tissejjaħ “effett vertikali minn suq għall-ieħor”. Effett ta’ din ix-xorta jista’ jiġi deskritt kif ġej.

(20)

Wara l-amalgamazzjoni, Galileo/Worldspan għandha tikseb ishma kbar tas-suq b’żjidiet sinfikanti fuq in-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq fl-Irlanda, fir-Renju Unit, fl-Italja, fl-Olanda u fil-Belġju (ara t-taqsima dwar in-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq t’aktar ‘l isfel).

(21)

Jekk TSP ikollu interess partikolari biex ikollu netwerk ta’ distribuzzjoni estensiv fi Stat Membru fejn id-ditta amalgamata jkollha netwerk wiesa’ ta’ TAs, Galileo/Worldspan possibbilment jistgħu jagħmlu lieva fuq is-sehem tas-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ f’dak l-Istat Membru sabiex jinkisbu konċessjonijiet mingħand it-TSP meta jinnegozjaw ftehim dinji. Fi kliem ieħor, il-pożizzjoni ta’ negozjar tad-ditta amalgamata fil-konfornt tat-TSPs tista’ tirriżulta f’setgħa tas-suq akbar milli s-sehem tas-suq eqreb tal-punt ta’ produzzjoni ta’ Galileo/Worldspan [20-30 %] fiż-ŻEE jissuġġerixxi. Din is-setgħa ta’ negozjar possibbilment tista’ tħalli li l-entità kombinata żżid il-prezzijiet b’mod unilaterali wara l-amalgamazzjoni.

(22)

Is-suq għas-servizzi tal-GDSs huwa karatterizzat minn pjattaforma li tiffaċċja l-“multi-homing” fuq in-naħa l-waħda u s-“single-homing” fuq in-naħa l-oħra. It-TSPs ġeneralment jużaw il-“multi-homing”, peress li jkollhom iqassmu l-kontenut tagħhom permezz ta’ l-erba’ GDSs kollha sabiex jiksbu l-kopertura mixtieqa tas-suq, billi l-parti l-kbira tat-TAs jużaw is-“single-homing”, peress li GDS wieħed huwa biżżejjed fil-parti l-kbira tal-każi biex jipprovdihom bil-kontenut tat-TSPs meħtieġ.

(23)

Sakemm it-TAs jużaw is-“single-homing”, il-fornituri tal-GDSs ikollhom aċċess esklussiv għat-TAs li jappartjenu lin-netwerks tat-TAs rispettivi tagħhom. Kull fornitur tal-GDSs għalhekk għandu ċertu grad ta’ setgħa ta’ monopolju b’relazzjoni għat-TSPs li jeħtieġ li jilħqu t-TAs esklussivament konnessi ma’ GDS waħda. Din is-setgħa ta’ monopolju tippermetti li l-fornitur tal-GDSs jitlob prezzijiet ogħla mingħand it-TSPs. Dawn il-“kirjiet ta’ monopolju” estratti mit-TSPs sa ċertu punt jintużaw sabiex ikunu koperti l-inċentivi finanzjarji mogħtija lit-TAs.

(24)

Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-interazzjoni ta’ negozjar bejn il-fornituri u l-klijenti tal-GDSs fuq iż-żewġ naħat tas-suq bdiet tinbidel. Dan l-aħħar, it-TSPs u t-TAs żiedu s-saħħa ta’ negozjar relattivament għall-fornituri tal-GDSs. Dawn il-bidliet fis-setgħa relattiva ta’ negozjar jirriżultaw minn (i.) konsolidament fost it-TAs, (ii.) l-introduzzjoni ta’ prenotazzjonijiet diretti permezz tas-“supplier.com”, u (iii.) ħlasijiet żejda imposti mit-TSPs.

(25)

Minbarra t-theddida sabiex jinżamm lura l-kontenut ta’ l-ivvjaġġar permezz tas-“supplier.com”, it-TSPs żvilppaw għodda addizzjonali sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-GDSs. Billi japplikaw, jew jheddu li japplikaw, ħlasijiet żejda fuq it-TAs, it-TSPs jistgħu jinfluwenzaw l-użu ta’ GDS speċifika u jġiegħluha titlef volumi favur jew is-“supplier.com” jew GDS oħra.

L-impatt ta’ l-amalgamazzjoni

(26)

It-tnaqqis fin-numru ta’ fornituri tal-GDSs mhux probbabli li se jwassal għal żjidiet fil-prezzijiet minħabba l-“effetti vertikali minn suq għall-ieħor” tas-suq għar-raġunijiet li ġejjin.

(27)

Fuq in-naħa tat-TSPs, l-investigazzjoni approfondita tikkonferma li t-TSPs kapaċi jġiegħlu lill-fornituri tal-GDSs ibaxxu l-prezzijiet tagħhom jekk dawn jagħtuhom il-kontenut sħiħ, jew alternattivament, sabiex jevitaw il-ħlasijiet żejda li jiġu applikati fuq it-TAs b’kuntratt magħhom. B’mod partikolari l-linji ta’ l-ajru żviluppaw numru ta’ għodod ta’ negozjar (speċjalment, imma mhux biss, is-“supplier.com”) fejn dawn ikunu jistgħu jżommu parti miż-żejjed tagħhom fin-negozjati mal-fornituri tal-GDSs. Anki f’sitwazzjoni fejn ikun hemm biss tliet fornituri tal-GDSs, l-ebda wieħed minnhom mhu se jkun jista’ jżid il-prezzijiet għaliex it-TSPs se jżommu setgħa ta’ negozjar b’saħħitha biżżejjed, ibbażata fuq (i.) il-kapaċità li jidderieġu l-prenotazzjonijiet lejn is-siti web tas-“supplier.com”, (ii.) il-ħlasijiet żejda imposti fuq it-TAs, (iii.) ir-rikonoxximent tal-marka fis-suq/swieq domestiku/domestiċi, u (iv.) il-possibbiltà li jkunu żviluppati għodod ġodda ta’ negozjar fil-ġejjieni. Għalhekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li tnaqqis fin-numru ta’ fornituri tal-GDSs minn erbgħa għal tlieta ma jżidx il-probbabiltà ta’ żjidiet unilaterali fil-prezzijiet minħabba “effetti vertikali minn suq għall-ieħor”.

(28)

Din il-konklużjoni tapplika wkoll għat-TSPs l-oħra, bħall kumpaniji tal-kiri tal-karozzi u d-ditti tal-lukandi.

(29)

Fuq in-naħa tat-TAs, numru biżżejjed ta’ pjattaformi tal-GDSs se jibqgħu għad-dispożizzjoni tat-TAs u l-ispejjeż tal-bidla mhumiex ostaklu insormontabbli sabiex jintgħażel fornitur tal-GDSs ieħor. Il-fatt li l-fornituri tal-GDSs jeħtieġ li joħolqu u jżommu netwerk biżżejjed wiesa’ ta’ TAs sabiex jiġġeneraw domanda fuq in-naħa tat-TSPs, tħalli lit-TAs f’pożizzjoni ta’ negozjar favorevoli fil-konfront tal-fornituri tal-GDS anki wara l-eliminazzjoni ta’ wieħed minnhom.

(30)

Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn l-elementi (is-setgħa effettiva ta’ negozjar tat-TSPs u l-iżvilupp li għaddej jew possibbli ta’ għodod addizzjonali ta’ negozjar) huma biżżejjed sabiex jopponu l-effett potenzjalment detrimentali ta’ l-amalgamazzjoni f’termini tat-tnaqqis minn erbgħa għal tliet fornituri tal-GDSs kif ukoll l-okkorrenza potenzjali ta’ l-effetti vertikali minn suq għall-ieħor.

II.3.3.   It-telf ta’ Worldspan bħala “entità indipendenti ta’ l-ipprezzar”

(31)

Teorija oħra ta’ dannu li ġiet investigata mill-Kummissjoni għandha x’taqsam ma’ Worldspan li tagħmilha ta’ “entità indipendenti ta’ l-ipprezzar” fiż-ŻEE, billi titlob prezzijiet aktar baxxi mill-kompetituri tagħha (Galileo, Sabre u Amadeus). Matul l-investigazzjoni tas-suq, intwera tħassib li, wara t-telf ta’ kompetizzjoni bejn id-ditti li qed jamalgamaw, il-prezzijiet ta’ Worldspan għandhom jiżdiedu u jiġu allinjati ma’ dawk mitluba minn Galileo.

(32)

L-investigazzjoni approfondita tal-Kummissjoni, madankollu, turi li din it-teorija ta’ dannu ma tistax tiġi sostnuta. Sabiex ikun konkluż li l-amalgamazzjoni probabbilment twassal għal żjidiet sinifikanti fil-prezzijiet ta’ wara l-amalgamazzjoni min-naħa ta’ Worldspan, ikollu jintwera li l-prezzijiet ta’ Worldspan qabel l-amalgamazzjoni huma ferm aktar baxxi minn dawk tal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari Galileo, u li l-partijiet li qed jamalgawmaw ikollhom l-inċentivi u l-ħila li jżidu l-prezzijiet ta’ Worldspan ta’ wara l-amalgamazzjoni.

II.3.3.1.   Worldspan mhix qed titlob prezzijiet aktar baxxi

(33)

Il-parti li għamlet in-notifika ressqet paragun tat-tipi l-aktar bażiċi ta’ prenotazzjoni għall-2006 tal-partijiet li qed jamalgamaw: l-“Active Net Segment” ta’ Galileo mal-“Full Service” ta’ Worldspan. Dan juri li l-prezz elenkat ta’ Worldspan huwa effettivament […] mill-prezz elenkat ta’ Galileo għal […] tipi ta’ alternattivi ta’ prenotazzjoni għall-“Full Service”. Barra minn hekk, jekk il-prezzijiet ta’ Worldspan għal kull kategorija ta’ prenotazzjoni jiġu mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) bħala medja tul il-prenotazzjonijiet kollha skond il-piż relattiv ta’ kull waħda mill-erba’ kateogriji ta’ pprezzar ta’ Worldspan taħt il-livell ta’ funzjonalità tal-“Full Service” tagħha, bir-riżultat ikun ta’ USD […], filwaqt li l-prezz ta’ l-Active Net Segment ta’ Galileo għall-2006 huwa ta’ USD […].

(34)

Għalhekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li fil-parti l-kbira tal-każi Worldspan mhix il-GDS bl-inqas prezzijiet għat-TSPs. Ġeneralment, dejjem hemm alternattiva orħos minn Worldspan preżenti fis-suq.

II.3.3.2.   Worldspan tilfet sehem tas-suq

(35)

Raġuni oħra, għaliex, skond il-parti li għamlet in-notifika, Worldspan ma tikkwalifikax bħala entità indipendenti ta’ l-ipprezzar, hija minħabba li l-politika ta’ pprezzar allegatament baxx tagħha ma ppermettietx li Worldspan tespandi b’mod aggressiv il-preżenza tagħha fis-suq. Il-parti li għamlet in-notifika qed targumenta li, anzi, bħala l-iżgħar GDS fiż-ŻEE għal aktar minn ħames snin, is-sehem tas-suq ta’ Worldspan fiż-ŻEE ma wera l-ebda sinjal ta’ tkabbir.

(36)

L-evoluzzjoni tas-sehem tas-suq ta’ Worldspan bejn l-2003 u l-2006 turi tnaqqis b’[0-5 %] fis-suq eqreb tal-punt ta’ produzzjoni (iż-ŻEE). B’relazzjoni għas-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ, l-ishma tas-suq ta’ Worldspan baqgħu relattivmanet stabbli, b’żjidiet/tnaqqis medji annwali ta’ bejn wieħed u ieħor [0-5 %] jew inqas, bl-eċċezzjoni ta’ l-Ungerija, fejn it-tkabbir sar bejn l-2004 u l-2005. Bil-kontra ta’ dak li wieħed jistenna minn kumpanija li qed jiġi allegat li hija entità indipendenti, l-ishma tas-suq ta’ Worldspan ma jurux sinjali ġenerali ta’ tkabbir.

(37)

Fl-aħħarnett, skond il-parti li għamlet in-notifika, Worldspan ma tistax titqies bħala entità indipendenti ta’ l-ipprezzar fiż-ŻEE, peress li hija tieħu l-prezzijiet u mhux tiffissa l-prezzijiet. Il-parti li għamlet in-notifika tirreferi, fost l-oħrajn, għall-fatt li l-GDSs l-oħra kienu l-ewwel fiż-ŻEE li kkonkludew ftehimiet ta’ kontenut sħiħ ma’ ħamsa mill-linji ta’ l-ajru ewlenin taż-ŻEE. Dan ġie kkonfermat mill-investigazzjoni approfondita.

II.3.3.3.   Galileo/Worldspan mhumiex l-eqreb kompetituri ta’ xulxin

(38)

Il-parti li għamlet in-notifika tqis li l-ambitu għal żjidiet fil-prezzijiet mill-prezzijiet ta’ Worldspan ta’ wara l-amalgamazzjoni tnaqqas aktar mill-fatt li Galileo u Worldspan mhumiex l-eqreb kompetituri ta’ xulxin fis-suq taż-ŻEE.

(39)

L-investigazzjoni approfondita kkonfermat li Galileo ġeneralment titqies mit-TSPs bħala aktar b’saħħitha fil-vjaġġi korporattivi, filwaqt li Worldspan titqies li hija aktar b’saħħitha fil-vjaġġi ta’ divertimenti u fit-TAs online. Eqreb tal-punt ta’ bejgħ, il-maġġoranza kbira tat-TAs iqisu lil Amadeus bħala l-eqreb kompetitriċi kemm ta’ Galileo kif ukoll ta’ Worldspan.

II.3.3.4.   Mhemm l-ebda inċentiv biex Worldspan iżżid il-prezzijiet tagħha wara l-amalgamazzjoni u tallinjahom mal-prezzijiet ta’ Galileo

(40)

Il-fatt li l-partijiet li qed jamalgamaw mhumiex l-eqreb kompetituri ta’ xulxin inaqqas l-inċentivi biex il-partijiet iżidu l-prezzijiet ta’ Worldspan ta’ wara l-amalgamazzjoni. Barra minn hekk, il-marġnijiet li qed jonqsu ta’ qabel l-amalgamazzjoni tal-partijiet jindikaw li l-ambitu għal prezzijiet ogħla ta’ wara l-amalgamazzjoni huwa limitat.

(41)

Il-probabbiltà ta’ prezzijiet ogħla ta’ wara l-amalgamazzjoni eqreb tal-punt ta’ produzzjoni hija mnaqqsa ulterjorment mill-fatt li żjieda fil-prezzijiet ta’ din ix-xorta iġġiegħel lit-TSPs biex potenzjalment jirtiraw il-kontenut mill-GDS ta’ Worldspan jew it-TSPs jimponu ħlasijiet żejda fuq it-TAs li jużaw lil Worldspan.

(42)

Fil-qosor, l-investigazzjoni approfondita tal-Kummissjoni turi li mhemmx biżżejjed evidenza sabiex jiġi konkluż li Worldspan titlob prezzijiet aktar baxxi mill-kompetituri tagħha u li tagħmilha ta’ entità indipendenti ta’ l-ipprezzar (“price Maverick”). Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tikkonkludi li mhux probabbli li t-tranżazzjoni twassal għal żjieda fil-prezzijiet ta’ Worldspan.

II.3.4.   Ishma tas-suq ferm kbar tal-partijiet fuq in-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq

(43)

Rigward in-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq, it-tranżazzjoni għandha twassal għal livell għoli ta’ sehem fis-suq (aktar minn 40 %) f’sitt Stati Membri, b’żjidiet sinifikanti. F’dawn is-sitt Stati Membri, s-sehem fis-suq fl-2006 ivarja minn [40-50 %] sa [70-80 %].

Stat Membru

Galileo

Worldspan

Sehem ikkombinat fis-suq ikkombinat

Il-Belġju

[20-30]

[10-20]

[40-50]

L-Ungerija

[20-30]

[20-30]

[50-60]

L-Irlanda

[50-60]

[10-20]

[70-80]

L-Italja

[40-50]

[0-10]

[40-50]

L-Olanda

[30-40]

[20-30]

[50-60]

Ir-Renju Unit

[40-50]

[10-20]

[50-60]

(44)

Id-daqs tal-livell għoli ta’ ishma tas-suq ikkombinati f’dawn is-sitt Stati Membri potenzjalment jista’ jippermetti li l-partijiet iġibu rwieħhom b’mod indipendenti mill-kompetituri u mill-klijenti tagħhom wara l-amalgamazzjoni u jesplojtjaw ir-relazzjoni kummerċjali li għandhom mat-TAs.

(45)

Madankollu, l-investigazzjoni approfondita turi li l-amalgamazzjoni mhux se tippermetti li d-ditti amalgamati jeżerċitaw setgħa tas-suq fuq it-TAs f’dawk is-swieq nazzjonali fejn it-tranżazzjoni se twassal għal livell għoli ta’ ishma tas-suq konġunti.

II.3.4.1.   It-tendenza ‘l isfel tas-sehem tas-suq ta’ Galileo

(46)

Il-parti li għamlet in-notifika qed targumenta li Galileo tilfet sehem sinfikanti tas-suq f’kull wieħed mill-Istati Membri fejn tradizzjonalment kellha sehem importanti, minħabba rabtiet storiċi mat-trasportaturi nazzjonali.

(47)

It-tnaqqis fl-ishma tas-suq ta’ Galileo, skond il-parti li għamlet in-notifika, turi li s-sehem tas-suq ‘il fuq mill-medja ta’ Galileo ma jirriflettix is-setgħa fis-suq. Mhux probabbli li t-tranżazzjoni se ddawwar it-tendenza ‘l isfel fis-sehem tas-suq ta’ Galileo, speċjalment meta jitqies ir-rwol marġinali ta’ Worldspan fuq il-livell taż-ŻEE u n-nuqqas ta’ ħila dokumentata tagħha biex, matul is-snin, ittejjeb il-pożizzjoni tas-suq tagħha fuq is-suq taż-ŻEE.

(48)

It-tendenza fl-ishma tas-suq ta’ Galileo kif ukoll ir-rwol marġinali li għandha Worldspan fuq il-livell taż-ŻEE ġew ikkonfermati mill-investigazzjoni approfondita.

(49)

Ġeneralment, it-TAs huma riċeventi netti peress li jirċievu aktar inċentivi finanzjarji mill-GDSs milli jħallsu fi ħlasijiet ta’ abbonament lill-GDSs. Il-ħlasijiet ta’ inċentiv żdiedu b’mod konsistenti tul l-aħħar ħames snin, inkluż f’dawk l-Istati Membri fejn il-partijiet għandhom livell għoli ta’ ishma tas-suq (aktar minn 40 %). L-investigazzjoni approfondita wriet li matul il-perjodu 2003/2006, id-dħul tat-TAs ġeneralment żdied filwaqt li l-evoluzzjoni tal-marġnijiet grossi tagħhom kienet pożittiva.

(50)

Dan l-iżvilupp juri l-importanza tat-TAs għall-GDSs u jirrifletti l-fehma ġenerali fost il-parteċipanti fl-investigazzjoni approfondita li l-kompetizzjoni bejn il-GDSs fis-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ hija b’saħħitha.

II.3.4.2.   L-ispejjeż tal-bidla

(51)

Raġuni addizzjonali għaliex mhux probabbli li t-tranżazzjoni tirriżulta f’żjidiet fil-prezzijiet fis-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ hija relatata mal-fatt, kif ġie kkonfermat mill-investigazzjoni approfondita, li l-ispejjeż tal-bidla mhumiex ostakli insormontabbli għall-bidla.

(52)

Għalkemm il-kwantifikazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-bidla hi diffiċli, kemm f’termini ta’ żmien kif ukoll ta’ taħriġ meħtieġa, kif ukoll f’termini finanzjarji, mill-investigazzjoni approfondita wieħed jista’ jasal għal xi konklużjonijiet ġenerali. It-TAs żgħar jeħtieġu ġimgħa waħda jew diversi ġimgħat biex jaqilbu minn GDS għal oħra; il-ħtiġiet tat-taħriġ mhumiex sinifikanti u l-produttività tagħhom ma tiġix affetwata negattivament mill-bidla. Madankollu, it-TAs il-kbar jikkalkulaw li ż-żmien meħtieġ sabiex jagħmlu l-bidla huwa bejn wieħed u ieħor ta’ 12-il xahar bi spiża finanzjarja sinfikanti (aktar minn EUR 1 miljun). Barra minn hekk, il-ħtiġiet f’termini ta’ taħriġ huma akbar. F’każi partikolari (eż. minħabba l-aspetti tekniċi tal-bidla), l-ispiża finanzjarja kif ukoll iż-żmien meħtieġa jistgħu jkunu saħansitra akbar.

(53)

Filwaqt l-investigazzjoni approfondita kkonfermat li jeżistu fil-fatt spejjeż minħabba l-bidla, uriet ukoll li, fl-imgħoddi, dawn ma tellfux milli jkun hemm bidla sinifikanti. Fil-perjodu bejn l-2003 u l-2006, diversi TAs qalbu minn Galileo għal Amadeus. Minbarra dan, Worldspan tilfet tnejn mill-klijenti ewlenin tagħha f’dan il-perjodu, […] u […].

(54)

Anki jekk hemm spiża tal-bidla, jidher li mhux probabbli li t-tranżazzjoni għandha twassal għal preokkupazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni minħabba l-livell għoli ta’ sehem kombinat tas-suq, eqreb tal-punt ta’ bejgħ tal-partijiet. Dan huwa minħabba (i.) l-evoluzzjoni negattiva ta’ l-ishma konġunti tas-suq tal-partijiet, (ii.) il-kompetizzjoni qawwija bejn il-GDSs, anki fuq is-swieq nazzjonali fejn għandhom livell għoli ta’ ishma tas-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ, kif intwera miż-żjieda tul iż-żmien f’inċentivi mħallsa lit-TAs fi swieq nazzjonali ta’ din ix-xorta, u (iii.) il-fehmiet ġeneralment pożittivi tat-TAs dwar l-amalgamazzjoni li huma bbażati fuq il-konvinzjoni tagħhom li l-amalgamazzjoni se toħloq alternattiva b’saħħitha għal Amadeus.

(55)

Għalhekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhux probabbli li jinħolqu effetti mhux ikkoordinati minħabba l-amalgamazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu s-swieq eqreb tal-punt ta’ bejgħ.

II.3.5.   L-effetti ikkoordinati

(56)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni approfondita analizzat ulterjorment il-possibbiltà ta’ effetti ikkoordinati kemm fuq in-naħa eqreb tal-punt ta’ produzzjoni kif ukoll fuq in-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq tal-GDSs.

II.3.5.1.   Eqreb tal-punt ta’ produzzjoni

Jintlaħqu t-termini ta’ koordinazzjoni

(57)

Ġeneralment, anqas ma l-ambjent ekonomiku ikun kumpless, u aktar ma jkun stabbli, aktar ikun faċli biex il-kumpaniji jilħqu fehim komuni dwar it-termini ta’ koordinazzjoni. F’dan il-kuntest, domanda volatili, tkabbir intern sostanzjali minn uħud mid-ditti fis-suq jew dħul frekwenti minn ditti ġodda jista’ jindika li s-sitwazzjoni mhix biżżejjed stabbli biex ikun hemm probabbiltà ta’ koordinazzjoni.

(58)

Għalkemm matul l-aħħar ħames snin ma kien hemm l-ebda dħul sinfikanti fis-suq tal-GDSs, l-evoluzzjoni fl-ishma tas-suq ta’ l-aħħar ħames snin tikkonferma li l-ambjent ekonomiku fejn jikkompetu l-GDSs fiż-ŻEE kien suġġett għal bidla konsiderevoli.

(59)

Barra minn hekk, it-tkabbir tas-“supplier.coms” matul l-aħħar ħames snin għandha titqies bħala fattur destabilizzanti sabiex jintlaħqu termini ta’ koordinazzjoni fis-suq tal-GDSs. L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat ukoll li l-parti l-kbira tal-linji ta’ l-ajru jipprevedu aktar tkabbir fil-bejgħ dirett tagħhom permezz tas-“supplier.com”. Għall-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi u għal-lukandi, id-distribuzzjoni tal-kontenut ta’ l-ivvjaġġar permezz ta’ GDS jirrappreżenta parti relattivament żgħira mill-prenotazzjonijiet tagħhom.

(60)

Anki jekk iċ-ċirkostanzi msemmija aktar ‘il fuq ma jeskludux għal kollox il-possibbiltà li jintlaħqu termini ta’ koordinazzjoni bejn it-tliet GDSs li jifdal fis-suq eqreb tal-punt ta’ produzzjoni, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jagħmlu koordinazzjoni ta’ din ix-xorta aktar diffiċli u b’hekk improbabbli.

Il-monitoraġġ tad-devjazzjonijiet

(61)

L-unika theddida kredibbli ta’ ritaljazzjoni f’waqtha u biżżejjed iżżomm lill-kumpaniji lura milli jiddevjaw mit-termini ta’ koordinazzjoni. Dan jeħtieġ li s-swieq ikunu biżżejjed trasparenti sabiex il-kumpaniji li jkunu qed jikkoordinaw jkunu jistgħu jimmonitorjaw biżżejjed biex jaraw jekk il-kumpaniji jkunux qed jiddevjaw.

(62)

Għalkemm is-servizzi offruti minn GDS huma ta’ natura pjuttost omoġenea, l-istruttura ta’ l-ipprezzar u l-offerti tal-prodotti tal-GDSs kollha huma kumplessi. Bħalissa, fiż-ŻEE, il-GDSs japplikaw tipi differenti ta’ ftehimiet b’mod parallel, jiġifieri Ftehmiet Parteċipattivi tat-Trasportaturi (“PCAs”) standard u ftehimiet ta’ kontenut sħiħ, xi drabi komplementati minn ftehimiet “opt-in” (ta’ għażla). Id-differenzi fi u l-varjetà kemm ta’ l-istrutturi ta’ l-ipprezzar kif ukoll ta’ l-offerti tal-prodotti f’dawn il-ftehimiet jagħmlu koordinazzjoni sostnuta imprattikabbli. It-trasparenza fis-suq li fadal titnaqqas aktar mill-fatt li l-GDSs jimmodifikaw l-offerti tal-prodotti u l-istrutturi tal-prezzijiet fuq bażi regolari.

(63)

Għalkemm mill-investigazzjoni tas-suq jidher li l-kuntratti bejn il-GDSs u l-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi u l-lukandi jidhru li għandhom struttura inqas kumplessa, xorta ma jipprovdux il-livell ta’ trasparenza li jagħmel il-koordinazzjoni fattibbli.

(64)

Numru ta’ parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq ġibdu l-attenzjoni għall-eżistenza ta’ dawk li jissejħu l-klawżoli ta’ “In-Nazzjon l-Aktar Iffavorit” (“MFN”) fil-ftehimiet tagħhom mal-GDSs. L-użu ta’ dawn il-klawsoli jista’ jżid it-trasparenza fil-prezzijiet. Madankollu, kien ikkonfermat mill-investigazzjoni tas-suq, li fil-parti l-kbira tal-każi, il-klawsoli ta’ MFN ikunu relatati ma’ l-obbligu fuq it-TSPs li jipprovdu l-ugwaljanza fil-kontenut tal-GDSs, u għalhekk huma sempliċement rilfess ta’ l-obbligi stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta.

(65)

Meta jitqiesu l-karatteristiċi tas-swieq rilevanti, u b’mod partikolari, il-grad limitat ta’ trasparenza, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li jkun diffiċli biex it-tliet GDSs li fadal jimmonitorjaw b’mod effettiv id-devjazzjonijiet mill-imġiba kkoordinata.

Il-mekkaniżmi ta’ deterrent

(66)

Il-koordinazzjoni mhix sostenibbli sakemm il-konsegwenzi tad-devjazzjoni ma jkunux biżżejjed gravi li jikkonvinċu lill-kumpaniji ta’ koordinazzjoni li huwa fl-aħjar interess tagħhom li jaderixxu mat-termini tal-koordinazzjoni.

(67)

Ir-ritaljazzjoni immedjata permezz tat-tnaqqis mill-GDSs ta’ koordinazzjoni tal-ħlasijiet mitluba mingħand it-TSPs tkun ineffettiva bħala ritaljazzjoni kontra l-GDS li qed tiddevja, peress li ma tipprovokax lit-TSPs biex ibiddlu imġibithom, meta jitqies li dawn jeħtieġu s-servizzi ta’ l-erba’ GDSs kollha.

(68)

Miżura ta’ ritaljazzjoni aktar realistika tkun dik li GDS toffri lil ċerti TAs importanti li jużaw is-servizzi tal-GDS li tkun iddevjat inċentivi akbar jew pagamenti diretti f’somom f’daqqa sabiex tipprovoka bidla mill-GDS li ddevjat għal GDS differenti. Għalkemm miżuri ta’ din ix-xorta jkunu possibbli, tkun strateġija li ġġib magħha spejjeż għolja peress li l-pagamenti ta’ inċentiv offruti lit-TAs iridu jkunu biżżejjed kbar biex jipprovokaw lit-TAs ħalli jbiddlu l-GDSs.

(69)

Għalhekk fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-ritaljazzjoni permezz ta’ żjieda fil-pagamenti ta’ inċentiv lit-TAs waħidha ma tistax tiġi eskluża.

Ir-reazzjonijiet tal-barranin

(70)

Biex il-koordinazzjoni tirnexxi, l-azzjonijiet tal-kumpaniji li ma jkunux qed jikkoordinaw u tal-kompetituri potenzjali, kif ukoll tal-klijenti, m’għandhomx ikunu jistgħu jipperikolaw ir-riżultat mistenni mill-koordinazzjoni.

(71)

F’dan il-każ, jidher li hemm limiti kompetittivi sinifikanti fis-suq li għandhom jiddestabilizzaw kwalunkwe tentattiv għal koordinazzjoni. Dawn il-limiti, b’mod partikolari, ġejjin mill-possibbiltà li t-TSPs iżommu lura xi kontenut u jagħmlu dan il-kontenut disponibbli biss permezz ta’ kanal ta’ distribuzzjoni diretta bħas-“supplier.com”. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni li twassal għal żjidiet fil-prezzijiet tista’ tipprovoka lit-TSPs fiż-ŻEE biex jinvestu aktar fl-iżvilupp ta’ alternattivi għall-GDSs bħal GNEs u links diretti.

(72)

Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi li ġew deskritti aktar ‘il fuq u l-fatt li l-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jintwerew effetti kkoordinati huma kumulattivi, mhux probabbli li l-amalgamazzjoni tirriżulta f’effetti kkoordinati fis-suq ta’ l-UE għall-provvista tas-servizzi tal-GDSs lit-TSPs.

II.3.5.2.   Eqreb tal-punt ta’ bejgħ

Jintlaħqu t-termini ta’ koordinazzjoni

(73)

Fil-prinċipju, il-kwistjoni tal-koordinazzjoni tista’ tinqala’ fis-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ li jkopri r-relazzjoni bejn il-GDSs u t-TAs. Is-swieq eqreb tal-punt ta’ bejgħ fiż-ŻEE huma kkaratterizzati minn differenzi sinfikanti fl-ishma tas-suq bejn l-erba’ GDSs fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż.

(74)

Il-kompetizzjoni bejn il-GDSs fis-suq eqreb tal-punt ta’ bejgħ hija b’saħħtiha u ma turix sinjali ta’ mġiba kkoordinata. Matul l-aħħar […] snin, Galileo u Worldspan tilfu […] ishma tas-suq lil Amadeus. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-kompetizzjoni bejn il-GDSs għal kuntratti mat-TAs bħalissa hija qawwija, fatt li huwa rifless miż-żjieda fil-pagamenti ta’ inċentiv mill-GDSs lit-TAs tul l-aħħar ħames snin.

(75)

Dak li ntqal aktar ‘il fuq jindika li l-pożizzjonijiet fis-suq tad-ditti li qed jamalgamaw fil-parti l-kbira tas-swieq eqreb tal-punt ta’ bejgħ huma relattivament instabbli, ċirkostanza li għandha tikkumplika s-sitwazzjoni biex jintlaħaq ftehim skond termini ta’ koordinazzjoni.

Il-monitoraġġ tad-devjazzjonijiet

(76)

It-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tat-TAs ġeneralment mhumiex trasparenti peress li jiġu nnegozjati individwalment bejn it-TAs u l-GDSs. Il-GDSs m’għandhom l-ebda viżibbiltà fit-termini u fil-kundizzjonijiet kumplessi offruti minn GDSs li qed jikkompetu ma’ xulxin. Għalkemm jista’ jkun hemm xi trasparenza fil-prezzijiet minħabba skambju possibbli ta’ informazzjoni bejn it-TAs u l-GDSs fil-kuntest tan-negozjati tal-kuntratti, il-fatt li l-parti l-kbira tal-kuntratti jiġu nnegozjati individwalment jillimita b’mod sinifikanti l-grad ta’ trasparenza li jista’ jirriżulta minn dan. Għalhekk, il-possibbiltajiet li l-imġiba kkoordinata tkun immonitorjata b’suċċess jidhru ferm limitati, minħabba li jkun meħtieġ monitoraġġ tal-livell ta’ kontenut, tal-funzjonalitajiet, tas-servizzi, ta’ l-għajnuna finanzjarja, tal-bonuses u ta’ termini u kundizzjonijiet oħra li kull GDS toffri lill-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar individwali.

(77)

Meta jitqies il-grad limitat ta’ trasparenza fuq in-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li jkun diffiċli biex it-tliet GDSs li fadal jimmonitorjaw id-devjazjonijiet mill-imġiba kkoordinata.

Il-mekkaniżmi ta’ deterrent

(78)

Il-mekkaniżmi ta’ deterrenti li jistgħu jiġu applikati huma essenzjalment l-istess bħal dawk li ġew diskussi b’relazzjoni għas-suq eqreb tal-punt ta’ produzzjoni.

Ir-reazzjonijiet tal-barranin

(79)

Fil-każ ta’ mġiba kkoordinata, mhemmx wisq alternattivi immedjatament disponibbli li t-TAs jistgħu jduru għalihom. L-użu ta’ “supplier.com” huwa wisq problematiku għat-TAs u l-alternattivi l-oħra għall-GDSs bħalissa mhumiex żviluppati biżżejjed fiż-ŻEE biex jikkostitwixxu alternattivi adegwati.

(80)

Meta jitqies il-fatt li l-kriterji li jridu jiġu sodisfatti sabiex jintwerew effetti kkoordinati huma kumulattivi, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li anki fin-naħa eqreb tal-punt ta’ bejgħ tas-suq mhux probabbli li l-amalgamazzjoni tirriżulta f’effetti kkoordinati.

III.   KONKLUŻJONI

(81)

Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhu se tagħti lok għall-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni li minħabba fih il-kompetizzjoni effettiva tkun imfixkla b’mod sinifikanti fis-Suq Komuni jew f’parti sostanzjali minnu. Konsegwentement, il-Kummissjoni biħsiebha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-Suq Komuni u mal-Ftehim taż-ŻEE, skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.