1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 314/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Novembru 2007

li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (imfassla mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/779/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Għadd ta’ tibdiliet sostanzjali għandhom isiru fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta’ Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju biex jiffaċilita l-kooperazzjoni rrinfurzata fl-interventi ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili (3) (minn hawn 'il quddiem “il-Mekkaniżmu”) sabiex ir-reazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea f'emerġenza issir aktar konsistenti u effiċjenti. Għall-finijiet taċ-ċarezza, dik id-Deċiżjoni għandha titfassal mill-ġdid.

(2)

F'dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda sinifikanti fl-okkorrenza, is-severità u l-intensità tad-diżastri naturali, bir-riżultat ta’ l-imwiet ta’ nies, it-telf ta’ proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, il-qerda ta’ l-infrastruttura ekonomika u soċjali u l-ħsara lill-ambjent.

(3)

L-azzjoni Komunitarja sabiex timplimenta r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, fit-8 ta’ Lulju 1991 dwar it-titjib ta’ l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri fil-każ ta’ diżastru naturali jew teknoloġiku (4) għenet sabiex tipproteġi n-nies, l-ambjent u l-proprjetà. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa (UN/ECE) dwar l-Effetti li Jaqsmu l-Fruntieri ta’ l-Inċidenti Industrijali, approvata mill-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/685/KE (5), għenet biex tkompli ttejjeb il-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri industrijali.

(4)

L-għan ġenerali tal-Mekkaniżmu huwa li jipprovdi, fuq talba, appoġġ fl-eventwalità ta’ emerġenzi u li jiffaċilita koordinazzjoni mtejba ta’ interventi ta’ assistenza pprovduti mill-Istati Membri u mill-Komunità, b'kont meħud ukoll tal-ħtiġijiet speċjali tar-reġjuni iżolati, l-aktar periferali u oħrajn tal-Komunità. Dawn l-aħħar snin raw żieda konsiderevoli fl-għadd ta’ pajjiżi li talbu l-assistenza mill-Mekkaniżmu għall-għajnuna tal-protezzjoni ċivili. Il-Mekkaniżmu għandu jissaħħaħ biex tiġi żgurata turija aktar effikaċi u viżibbli tas-solidarjetà Ewropea, u biex tippermetti l-iżvilupp ta’ kapaċità Ewropea tar-reazzjoni rapida abbażi tal-moduli tal-protezzjoni ċivili ta’ l-Istati Membri, kif talbu li jsir il-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta’ Ġunju 2005 u l-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2005 dwar id-diżastru tat-tsunami.

(5)

Il-Mekkaniżmu jrid jikkunsidra kif mistħoqq leġislazzjonijiet u obbliġi internazzjonali rilevanti Komunitarji. Għalhekk, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi ta’ l-Istati Membri fit-trattati bilaterali jew multilaterali, li jirreferu għall-materji koperti b’din id-Deċiżjoni.

(6)

Il-Mekkaniżmu għandu jiffaċilita r-reazzjoni tal-protezzjoni ċivili għal kull tip ta’ emerġenza kbira, inklużi d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, atti ta’ terroriżmu u inċidenti teknoloġiċi, radjoloġiċi u ambjentali, inkluż t-tniġġis aċċidentali ta’ l-ibħra li jseħħu ġewwa jew barra l-Komunità. L-għajnuna tal-protezzjoni ċivili tista' tkun meħtieġa f'dawn l-emerġenzi kollha, biex tikkomplementa l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-pajjiż affettwat.

(7)

Il-prevenzjoni hi ta’ importanza sinifikanti għall-protezzjoni kontra d-diżastri naturali, teknoloġiċi u ambjentali u tkun teħtieġ li tiġi kkunsidrata iktar azzjoni. Billi tagħti kontribut għall-issuktar ta’ l-żvilupp ta’ sistemi ta’ individwazzjoni u ta’ twissija bikrija, il-Komunità għandha tgħin lill-Istati jnaqqsu kemm jista' jkun il-ħin meħtieġ biex jirreaġixxu għad-diżastri u jallertaw liċ-ċittadini ta’ l-UE. Dawn is-sistemi għandhom iqisu u jibnu fuq is-sorsi eżistenti ta’ l-informazzjoni.

(8)

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ tħejjija fil-livell ta’ l-Istat Membru u tal-Komunità li jippermettu li jiġu organizzati u miġbura timijiet ta’ l-intervent għall-għajnuna fl-emerġenzi bil-ħeffa u kkoordinati bil-flessibbiltà meħtieġa u li tiġi żgurata, permezz ta’ programm ta’ taħriġ, il-kapaċità għal rispons effettiv u l-kumplimentarjetà tat-timijiet ta’ l-evalwazzjoni u/jew il-koordinament, it-timijiet ta’ l-intervent u riżorsi oħra, kif xieraq.

(9)

Miżuri oħra ta’ tħejjija jinkludu l-ġbir u t-tqegħid flimkien tat-tagħrif li jkollu x'jaqsam mar-riżorsi mediċi meħtieġa u l-istimulu ta’ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Dik l-informazzjoni tikkonċerna r-riżorsi mediċi li l-Istati Membrijistgħu jagħmlu disponibbli, fuq bażi volontarja, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika wara talba għal intervent taħt il-Mekkaniżmu. Skond l-Artikolu 296 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ebda Stat Membru m'għandu jkun obbligat jipprovdi informazzjoni li hu jqis li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

(10)

L-iżvilupp ta’ moduli addizzjonali ta’ l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili, li jkunu magħmulin mir-riżorsi ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, li jimmiraw li jkunu kompletament interoperabbli, għandu jiġi kkunsidrat sabiex jingħata kontribut għall-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-protezzjoni ċivili. Il-moduli jkunu organizzati fil-livell ta’ l-Istati Membri u soġġetti għad-direzzjoni u l-kmand tagħhom.

(11)

Fl-eventwalità ta’ emerġenza kbira ġewwa l-Komunità, jew ta’ periklu imminenti ta’ dan, li jikkawżaw, jew ikun kapaċi li jikkawżaw, effetti li jaqsmu l-fruntieri li jistgħu jirriżultaw f’sejħa għall-għajnuna minn Stat Membru jew aktar, ikun hemm il-ħtieġa għal notifika rilevanti li trid issir kif xieraq permezz ta’ sistema stabbilita affidabbli ta’ komunikazzjoni u ta’ tagħrif dwar l-emerġenzi.

(12)

Il-mekkaniżmu għandu jagħmilha possibbli illi jiġi organizzat u miġbur, u ffaċilitat il-koordinament ta’ l-interventi ta’ l-għajnuna sabiex tkun żgurata protezzjoni aħjar primarjament tan-nies iżda wkoll ta’ l-ambjent u tal-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, biex b’hekk jitnaqqsu t-telf tal-ħajja umana, il-korrimenti, il-ħsarat materjali, ekonomiċi u ambjentali, u jagħmel iktar tanġibbli l-kisba tal-miri tal-koeżjoni soċjali u tas-solidarjetà. Il-kooperazzjoni msaħħa fl-interventi ta’ l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili għandha tissejjes fuq struttura Komunitarja tal-protezzjoni ċivili li tkun tikkonsisti f'ċentru tal-monitoraġġ u l-informazzjoni u sistema komuni tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni ta’ l-emerġenza, ġestita mill-Kummissjoni, u punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri. Għandha tipprovdi qafas għall-ġbir ta’ l-informazzjoni vvalidata ta’ l-emerġenza, għat-tixrid ta’ dik l-informazzjoni fost l-Istati Membri, u għall-qsim ta’ lezzjonijiet miksuba mill-interventi.

(13)

Il-punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri għandhom ikunu fil-qagħda li jagħtu informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili mitluba mill-pajjiż milqut, inkluża informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ assi u kapaċitajiet militari.

(14)

Id-disponibbiltà ta’ mezzi adegwati tat-trasport jeħtiġilha li tittejjeb biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ reazzjoni rapida fuq il-livell Komunitarju. Il-Komunità għandha tappoġġa u tikkomplementa l-isforzi ta’ l-Istati Membri billi tiffaċilita t-tqegħid flimkien tar-riżorsi tat-trasport ta’ l-Istati Membri u billi tikkontribwixxi, fejn dan ikun ta’ ħtieġa, għall-finanzjament ta’ mezzi addizzjonali tat-trasport.

(15)

Rigward l-intervent ta’ għajnuna fil-protezzjoni ċivili, il-Mekkaniżmu għandu jiffaċilita u jappoġġa l-azzjonijiet meħuda mill-Komunità u l-Istati Membri. L-interventi ta’ għajnuna barra mill-Komunità jistgħu jsiru jew b’mod awtonomu jew bħala kontribut għal ħidma mmexxija minn organizzazzjoni internazzjonali, għal liema każ il-Komunità għandha tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

(16)

In-Nazzjonijiet Uniti, fejn tkun preżenti, għandha rwol ta’ koordinament komprensiv għall-operazzjonijiet ta’ għajnuna fil-pajjiżi terzi. L-għajnuna tal-protezzjoni ċivili pprovduta taħ til-Mekkaniżmu għandha tiġi kkoordinata man-Nazzjonijiet Uniti u partijiet oħra internazzjonali rilevanti biex kemm jista' jkun tkabbar l-użu tar-riżorsi disponibbli u tevita kwalunkwe duplikazzjoni inutli ta’ l-isforzi. Il-koordinazzjoni mtejba ta’ l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili permezz tal-Mekkaniżmu hija prerekwiżit għall-appoġġ ta’ l-isforz tal-koordinazzjoni globali u l-iżgurar ta’ kontribut Ewropew komprensiv għall-isforz globali ta’ għajnuna. F'emerġenzi kbar fejn l-għajnuna tingħata sew taħt il-Mekkaniżmu kif ukoll taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 ta’ l-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (6), il-Kummissjoni għandha tiżgura l-effikaċja, il-koerenza u l-komplementarjetà tar-reazzjoni komprensiva tal-Komunità.

(17)

Il-Mekkaniżmu jista’ jkun ukoll għodda sabiex jiffaċilita u jappoġġja l-ġestjoni ta’ kriżijiet skond id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u l-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-użu tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili fil-ġestjoni tal-kriżijiet kif riferit fit-Titolu V tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u r-rwol tal-Presidenza fil-ġestjoni ta’ kriżijiet taħt dak it-Titolu V.

(18)

Il-Mekkaniżmu jista' jintuża wkoll għall-assistenza konsulari ta’ appoġġ liċ-ċittadini ta’ l-UE f'emerġenzi kbar f'pajjiżi terzi rigward attivitajiet tal-protezzjoni ċivili jekk mitlub mill-awtoritajiet konsulari ta’ l-Istati Membri.

(19)

Meta l-użu ta’ assi u kapaċitajiet militari jitqies xieraq, il-kooperazzjoni mal-persunal militari għandha ssegwi l-modalitajiet, il-proċeduri u l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill jew il-korpi kompetenti tiegħu biex l-assi u l-kapaċitajiet militari rilevanti għall-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili jkunu disponibbli għall-Mekkaniżmu.

(20)

L-użu ta’ l-assi militari għandu wkoll ikun konsistenti mal-prinċipji tal-linji gwida rilevanti tan-NU.

(21)

Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi kandidati u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali għandhom ikunu possibbli.

(22)

Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (7).

(23)

L-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa bejn il-Komunita' u l-Istati Membri fl-intervent ta’ l-assistenza tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ emerġenżi maġġuri u t-theddida imminenti ta’ dawn li ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, u jistgħu għaldaqstant, fid-dawl ta’ l-iskala jew l-effetti ta’ l-azzjoni proposta, u kont meħud tal-benefiċċji ġejjin mill-operazzjoni tal-mekkaniżmu għat-tnaqqis fit-telf tal-ħajja u l-ħsara tal-bniedem, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju.

Jekk il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni ta’ Stat Membru affettwat ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma’ emerġenza kbira, dan l-Istat għandu jkun jista' jagħmel appell għall-Mekkaniżmu Komunitarju biex jissupplimenta r-riżorsi tiegħu tal-protezzjoni ċivili. Il-Komunità tista' għalhekk tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(24)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika ma jagħtux poteri għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għajr dawk ta’ l-Artikoli 308 u 203, rispettivament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

Is-Suġġett u l-Kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

1.   Huwa hawnhekk stabbilit Mekkaniżmu Komunitarju, (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Mekkaniżmu”), sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni rinfurzata bejn il-Komunità u l-Istati Membri rigward l-intervent ta’ għajnuna fil-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ emerġenzi kbar, jew it-theddida imminenti tagħhom.

2.   Il-protezzjoni li għandu jiżguraha il-Mekkaniżmu għandha tkopri primarjament in-nies iżda wkoll l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, fil-każ ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, atti ta’ terroriżmu u aċċidenti teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali inkluż it-tniġġis aċċidentali ta’ l-ibħra, li jseħħu ġewwa jew barra l-Komunità, fil-kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtiġijiet speċjali tar-reġjuni iżolati, l-aktar periferali u oħrajn jew il-gżejjer tal-Komunità.

Il-Mekkaniżmu ma għandu jaffettwa bl-ebda mod l-obbligi taħt il-leġislazzjonijiet rilevanti eżistenti tal-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika jew il-ftehimiet internazzjonali eżistenti.

Artikolu 2

Il-Mekkaniżmu jikkonsisti f'elementi u azzjonijiet inklużi:

1)

l-identifikazzjoni ta’ timijiet ta’ l-intervent u appoġġi oħra ta’ intervent disponibbli fl-Istati Membri għall-interventi ta’ għajnuna fl-eventwalità ta’ emerġenzi;

2)

l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ taħriġ għat-timijiet ta’ l-intervent u appoġġi oħra ta’ intervent, u għal esperti għat-timijiet responsabbli għall-evalwazzjoni u/jew il-koordinament;

3)

laqgħat ta’ ħidma, seminars u proġetti pilota dwar aspetti maġġuri ta’ l-interventi;

4)

li jiġu stabbiliti u mibgħuta t-timijiet responsabbli għall-evalwazzjoni u/jew koordinament;

5)

li jiġi stabbilit u ġestit Ċentru tal-Monitoraġġ u ta’ l-Informazzjoni, (MIC), li jkun aċċessibbli u kapaċi jirreaġixxi immedjatament 24 siegħa kuljum u li jaqdi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-finijiet tal-Mekkaniżmu;

6)

li tiġi stabbilita u ġestita Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u nformazzjoni dwar l-Emerġenzi (CECIS) biex tippermetti l-komunikazzjoni u l-qsim ta’ l-informazzjoni bejn l-MIC u l-punti ta’ kuntatt operattivi ta’ l-Istati Membri;

7)

li jsir kontribut għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ individwazzjoni u ta’ twissija bikrija, għal diżastri, li jistgħu jolqtu t-territorju ta’ l-Istati Membri, sabiex jippermettu reazzjoni rapida min-naħa ta’ l-Istati Membri u l-Komunità, kif ukoll għall-istabbilment tagħhom permezz ta’ studji u evalwazzjonijiet dwar il-ħtieġa u permezz ta’ azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ l-interkonnessjoni tagħhom u l-konnessjoni tagħhom mal-MIC u s-CECIS; dawk is-sistemi għandhom jieħdu kont ta’ u jibnu fuq informazzjoni eżistenti, sorsi ta’ monitoraġġ u individwazzjoni;

8)

li jiġu appoġġati l-Istati Membri fil-kisba ta’ aċċess għat-tagħmir u r-riżorsi tat-trasport billi:

(a)

tiġi pprovduta u kondiviża l-informazzjoni dwar it-tagħmir u r-riżorsi tat-trasport li jistgħu jsiru disponibbli mill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-ġbir flimkien ta’ tali tagħmir jew riżorsi tat-trasport;

(b)

jiġu assistiti l-Istati membri biex jidentifikaw, u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal, riżorsi tat-trasport li jistgħu jkunu disponibbli minn sorsi oħra, inkluż is-suq kummerċjali;

(ċ)

jiġu assistiti l-Istati membri biex jidentifikaw it-tagħmir li jista' jkun disponibbli minn sorsi oħra, inkluż is-suq kummerċjali;

9)

jiġi kkomplementat it-trasport pprovdut mill-Istati Membri billi jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali tat-trasport meħtieġa biex tiġi żgurata reazzjoni rapida għal emerġenzi kbar;

10)

tiġi appoġġata l-assistenza konsulari liċ-ċittadini ta’ l-UE f'emerġenzi kbar f'pajjiżi terzi rigward attivitajiet tal-protezzjoni ċivili jekk mitlub mill-awtoritajiet konsulari ta’ l-Istati Membri;

11)

azzjonijiet oħra ta’ appoġġ u komplementarji li jkunu meħtieġa fil-qafas tal-Mekkaniżmu kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (8).

Artikolu 3

Għall-iskop ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“emerġenza kbira” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni li għandha jew jista' jkollha impatt negattiv fuq il-persuni, l-ambjent jew il-proprjetà u li tista' tirriżulta f'sejħa għall-assistenza taħt dan il-Mekkaniżmu;

2)

“rispons” tfisser kwalunkwe azzjoni meħuda taħt il-Mekkaniżmu waqt jew wara emerġenza maġġuri sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi immedjati tagħha;

3)

“tħejjija” tfisser stat ta’ tħejjija u kapaċità ta’ mezzi umani u materjali li tippermettilhom jiżguraw reazzjoni rapida u effettiva għal emerġenza, bħala riżultat ta’ l-azzjoni meħuda minn qabel;

4)

“twissija bikrija” tfisser il-provvista ta’ informazzjoni fil-ħin u effettiva li tippermetti li tittieħed azzjoni biex tevita jew tirriduċi riskji u tiżgura preparatezza għal rispons effettiv;

5)

“modulu” tfisser aranġament awto-suffiċjenti u awtonomu tal-kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri mmexxi mill-ħidma u l-ħtiġijiet jew tim mobbli operattiv ta’ l-Istati Membri li jirrappreżenta kombinazzjoni ta’ mezzi umani u materjali, li jista' jkun deskritt f'termini tal-kapaċità għal intervent jew permezz ta’ ħidma(iet) li huwa kapaċi jwettaq.

KAPITOLU II

L-istat ta’ preparament

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw bil-quddiem timijiet jew moduli ta’ l-intervent fi ħdan servizzi kompetenti tagħhom, b'mod partikolari s-servizzi tagħhom tal-protezzjoni ċivili jew servizzi oħra ta’ emerġenza, li jistgħu jkunu disponibbli għall-intervent jew li jistgħu jkunu stabbiliti f'qasir żmien u jintbagħtu, ġeneralment fi żmien 12-il siegħa wara t-talba għall-għajnuna. Għandhom iqisu li l-kompożizzjoni tat-tim jew tal-modulu tiddependi fuq it-tip ta’ l-emerġenza kbira u fuq il-ħtiġijiet partikolari ta’ dik l-emerġenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu esperti li jistgħu jiġu msejħa sabiex iservu fuq il-post ta’ l-emerġenza tim responsabbli għall-evalwazzjoni u/jew koordinament.

3.   L-Istati Membri għandhom jaħdmu fuq bażi volontarja biex jiżviluppaw moduli, b'mod partikolari biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ intervent jew ta’ appoġġ taħt il-Mekkaniżmu, li:

(a)

huma magħmula mir-riżorsi ta’ Stat wieħed jew aktar li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu;

(b)

huma kapaċi jwettqu ħidmiet fl-oqsma ta’ rispons;

(ċ)

huma kapaċi jwettqu l-ħidma tagħhom skond il-linji gwida internazzjonali rikonoxxuti u, għaldaqstant kapaċi:

(i)

jintbagħtu b'avviż ferm qasir wara talba għal assistenza,

(ii)

jaħdmu b'mod awto-suffiċjenti u awtonomu għal perijodu determinat ta’ żmien jekk iċ-ċirostanzi fil-post hekk jeħtieġu;

d)

huma interoperabbli ma’ moduli oħra;

e)

ikunu ħadu taħriġ u eżerċizzji biex jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ interoperabilita' taħt a) u d);

f)

tqiegħdu taħt l-awtorità ta’ persuna li hija responsabbli għall-funzjonament tagħhom;

g)

huma kapaċi jipprovdu assistenza lil korpi oħra ta’ l-UE u/jew istituzzjonijiet internazzjonali, speċjalment in-NU.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li jipprovdu, skond ma jkun meħtieġ, appoġġ ieħor ta’ l-intervent li jista' jkun disponibbli mingħand is-servizzi kompetenti, bħalma huma staff speċjalizzat u tagħmir biex jittrattaw emerġenza partikolari, u li jsejħu għall-użu ta’ riżorsi li jistgħu jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u entitajiet rilevanti oħra.

5.   L-Istati Membri li jixtiequ, jistgu, soett gar-restrizzjonijiet tas-sigurta' xierqa, jipprovdu l-informazzjoni dwar l-assi u l-kapaitajiet militari relevanti li jistgu jintu¿aw bala l-aar ga¿la bala parti minn assistenza tal-protezzjoni ivili permezz tal-Mekkani¿mu, bal appo ta' trasport jew loistiku jew mediku.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tagħrif ġenerali rilevanti dwar it-timijiet, l-esperti, il-moduli u appoġġ ieħor ta’ l-intervent li jissemmew fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u minnufih jaġġornaw dan it-tagħrif meta meħtieġ, kif ukoll dwar ir-riżorsi mediċi msemmija f' punt (6) ta’ l-Artikolu 5.

7.   L-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni jekk jitolbu dan, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw it-trasport f'waqtu ta’ l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili offerta.

8.   L-Istati Membri għandhom jiddenominaw il-punti ta’ kuntatt u jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan kollu.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tagħmel dan li ġej:

1)

tistabbilixxi u tmexxi l-MIC;

2)

tistabbilixxi u tmexxi s-CECIS;

3)

tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ individwazzjoni u ta’ twissija bikrija għad-diżastri kif previst fil-punt (7) ta’ l-Artikolu 2;

4)

tistabbilixxi l-kapaċità li torganizza u tiġbor u tibgħat kemm jista' jkun malajr, timijiet żgħar ta’ esperti li jkunu responsabbli:

(a)

mill-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni ċivili ta’ l-Istat li jkun qed jitlob l-assistenza bil-ħsieb ta’ l-għajnuna disponibbli min-naħa ta’ l-Istati Membri u tal-Mekkaniżmu;

(b)

li jiffaċilitaw, meta jkun meħtieġ, il-koordinament tal-ħidmiet ta’ l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili fuq il-post u jikkoordinaw, meta jkun meħtieġ u xieraq, ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat li jitlob l-għajnuna;

5)

tistabilixxi programm ta’ taħriġ, bil-għan li jitjieb il-kordinament ta’ l-assistenza permezz ta’ intervent fil-protezzjoni ċivili billi jiġu żgurati l-kompatibbiltà u l-kumplimenarjetà bejn it-timijiet ta’ l-intervent u moduli msemmija fl-Artikolu 4(1) jew, kif xieraq, appoġġi oħra ta’ intervent kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), u billi jtejbu l-kompetenza ta’ l-esperti li jagħmlu l-istima msemmija fl-Artikolu 4(2). Il-programm għandu jinkludi korsijiet u eżerċizzi konġunti u sistema ta’ skambju li biha individwi jistgħu jiġu ssekondati mat-timijiet fi Stati Membri oħra;

6)

tiġbor flimkien u tikkompila fl-eventwalità ta’ emerġenza kbira, it-tagħrif dwar il-kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri li jissoktaw il-produzzjoni tas-sera u tat-tilqim jew ta’ riżorsi oħra mediċi meħtieġa u jżommu ħażniet ta’ dawn li jistgħu jsiru disponibbli għall-intervent;

7)

tistabbilixxi programm ta’ tagħlimiet meħuda mill-interventi li jkunu saru fil-qafas tal-Mekkaniżmu u xxerred dawn it-tagħlimiet permezz tas-sistema ta’ l-informazzjoni;

8)

tistimula u tinkoraġġixxi l-introduzzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-fini tal-Mekkaniżmu;

9)

tieħu l-miżuri elenkati fil-punti (8) u (9) ta’ l-Artikolu 2;

10)

tistabbilixxi l-kapaċità li tipprovdi l-appoġġ loġistiku tal-bażi għall-evalwazzjoni u/jew il-koordinament ta’ l-esperti;

11)

tieħu kwalunkwe azzjoni ta’ appoġġ u komplementari li tkun meħtieġa fil-qafas tal-Mekkaniżmu kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom.

KAPITOLU III

Ir-Reazzjoni

Artikolu 6

1.   Fl-eventwalità ta’ emerġenza kbira ġewwa l-Komunità, jew it-theddida imminenti tagħha, li tikkawża jew tkun kapaċi tikkawża effetti li jaqsmu l-fruntieri, l-Istat Membru li fih tkun ġrat l-emerġenza għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika b'dan lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li għandhom mnejn jiġu affettwati mill-emerġenza.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-obbligu tan-notifika jkun diġà ġie indirizzat taħt il-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità Ewropea jew tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika jew ftehim internazzjonali eżistenti.

2.   Fl-eventwalità ta’ emerġenza kbira ġewwa l-Komunità, jew it-theddida imminenti tagħha, li jista' jkollha l-konsegwenza li wieħed jew aktar mill-Istati Membri jsejjaħ/jsejħu għall-għajnuna, l-Istat Membru li fih tkun ġrat l-emerġenza għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika b'dan lill-Kummissjoni, meta tkun tista' tiġi antiċipata talba għall-għajnuna permezz ta’ l-MIC, biex il-Kummissjoni, kif ikun f'loku, tkun tista' tinforma lill-Istati Membri l-oħra u tħaddem is-servizzi kompetenti tagħha.

3.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 u 2 għandhom isiru permezz tas-CECIS, kif ikun f'loku.

Artikolu 7

1.   Meta tinqala’ emerġenza kbira ġewwa l-Komunità, l-Istat Membru jista’ jitlob l-għajnuna permezz ta’ l-MIC jew inkella direttament mill-Istati Membri l-oħra. It-talba għandha tkun speċifika kemm jista’ jkun.

2.   Fil-każ ta’ talba għall-għajnuna permezz ta’ l-MIC, il-Kummissjoni għandha, mal-wasla ta’ talba bħal din, kif xieraq u mingħajr dewmien:

(a)

tibgħat it-talba lill-punti tal-kuntatt ta’ l-Istati Membri l-oħra,

(b)

tiffaċilita l-mobilizzazzjoni tat-timijiet, ta’ l-esperti, tal-moduli u ta’ l-appoġġi l-oħra għall-intervent,

(ċ)

tiġbor it-tagħrif ivvalidat dwar l-emerġenza u xxerrdu ma’ l-Istati Membri.

3.   Kull Stat Membru li lilu tkun indirizzata talba għall-għajnuna għandu minnufih jistabbilixxi jekk ikunx f’pożizzjoni li jagħti l-għajnuna mitluba, u jgħarraf lill-Istat Membru li jkun qiegħed jitlobha b’dan, jew permezz tal-MIC jew direttament, filwaqt li jindika l-ambitu u l-kondizzjonijiet dwar kull għajnuna li jkun jista’ jagħti. Jekk Stat Membru jinforma direttament lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, għandu jgħarraf ukoll lill-MIC b'dan kollu. Il-MIC għandu jżomm lill-Istati Membri infurmati.

4.   L-Istat Membru li jkun qiegħed jagħmel it-talba għandu jkun responsabbli li jidderieġi l-interventi ta’ għajnuna. L-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba għandhom jistabbilixxu linji ta’ gwida u, jekk meħtieġ, jiddefinixxu l-limiti tal-kompiti fdati f'idejn it-timijiet ta’ l-intervent jew moduli. Id-dettalji tat-twettiq ta’ dawk il-ħidmiet għandhom jitħallew għall-persuna inkarigata maħtura mill-Istat Membru li jkun qiegħed jagħti l-għajnuna.

5.   Meta l-Istat Membru li jagħmel it-talba jitlob lit-timijiet ta’ l-intervent sabiex jidderieġu l-intervent f'ismu, it-timijiet ipprovvduti mill-Istati Membri u mill-Komunità għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkoordinaw l-operazzjonijiet tagħhom.

6.   Meta jintbagħtu timijiet responsabbli għall-evalwazzjoni u/jew il-koordinament, għandhom jiffaċilitaw il-koordinament bejn it-timijiet ta’ l-intervent u jikkoordinaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba.

Artikolu 8

1.   Fl-eventwalità tas-seħħ ta’ emerġenza kbira barra l-Komunità, l-Artikolu 7 jista’ wkoll, fuq talba, jiġi applikat rigward interventi tal-protezzjoni ċivili barra mill-Komunità.

Dawn l-interventi jistgħu jew jiġu kondotti bħala intervent awtonomu ta’ għajnuna jew bħala kontribut għall-intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali.

L-ambitu ta’ l-arranġamenti ta’ koordinament li jinsabu f'dan l-Artikolu għandu jinkludi biss assistenza li tgħaddi mill-Mekkaniżmu.

Il-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-miżuri adottati taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2.   Meta l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili kif imsemmi fil-paragrafu 1 tingħata b'reazzjoni għal talba mqassma permezz ta’ l-MIC, l-Istat Membru li jkollu f'idejh il-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea (il-Presidenza) għandu jiżgura l-koordinament ġenerali ta’ l-interventi ta’ l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili filwaqt li jirrispetta r-rwol ta’ koordinament operattiv tal-Kummissjoni kif imniżżel fil-paragrafu 4.

3.   Rigward il-koordinament politiku u strateġiku, il-Presidenza għandha b'mod partikolari:

(a)

tevalwa l-adegwatezza ta’ l-użu possibbli tal-Mekkaniżmu bħala għodda biex jiffaċilita u jappoġġa l-ġestjoni ta’ kriżi;

(b)

fejn iqis dan meħtieġ, jistabbilixxi relazzjonijiet mal-pajjiż terz milqut fil-livell politiku u jikkoordina ma’ dak il-pajjiż fl-istadji kollha ta’ l-emerġenza rigward il-qafas politiku u strateġiku ġenerali ta’ l-intervent ta’ għajnuna.

Fejn dan ikun f'loku, il-Presidenza tista' titlob lil Stat Membru ieħor biex jieħu f'idejh ir-responsabbiltà, għal kollox jew parzjalment, għall-koordinament politiku u strateġiku, jew jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa dak il-koordinament.

4.   Il-koordinament operattiv għandu jitwettaq mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza fil-qafas tal-koordinament politiku u strateġiku msemmi fil-paragrafu 3. Il-koordinament operattiv għandu jkun magħmul mill-attivitajiet li ġejjin kif xieraq:

(a)

iż-żamma ta’ djalogu kontinwu mal-punti ta’ kuntatt ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat kontribut Ewropew għall-protezzjoni ċivili effettiv u koerenti permezz tal-Mekkaniżmu għall-isforz globali ta’ għajnuna, b'mod partikolari:

(i)

li l-Istati Membri jiġu infurmati mingħajr dewmien bit-talbiet intieri għall-għajnuna,

(ii)

li jintbagħtu fil-post timijiet ta’ evalwazzjoni u/jew koordinament biex iwettqu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet u/jew jiffaċilitaw il-koordinament operattiv fil-post ta’ l-għajnuna li tgħaddi mill-Mekkaniżmu,

(iii)

li jiġu stabbiliti evalwazzjonijiet tal-ħtiġijiet f'kooperazzjoni ma’ timijiet ta’ evalwazzjoni u/jew koordinament u atturi oħra, inklużi servizzi oħra ta’ l-UE,

(iv)

li jiġu kondiviżi evalwazzjonijiet u analiżi rilevanti ma’ l-atturi kollha rilevanti,

(v)

li tiġi pprovduta deskrizzjoni ġenerali ta’ l-għajnuna li qed tiġi offruta mill-Istati Membri u permezz ta’ sorsi oħra,

(vi)

li jingħata parir dwar it-tip ta’ għajnuna meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili pprovduta tkun konsistenti ma’ l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet,

(vii)

li tingħata għajnuna biex tingħeleb kull diffikultà prattika fl-għoti ta’ għajnuna f'żoni bħat-transitu u d-dwana;

(b)

il-koordinament mal-pajjiż terz milqut dwar dettalji tekniċi bħall-ħtiġijiet preċiżi għall-għajnuna, l-aċċettazzjoni ta’ offerti u l-arranġamenti prattiċi biex tiġi rċevuta u distribwita lokalment l-għajnuna;

(ċ)

il-koordinament u l-kooperazzjoni ma’ l-Uffiċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament ta’ l-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA) meta din tkun preżenti u ma’ atturi rilevanti oħra li jikkontribwixxu għall-isforz globali ta’ għajnuna sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji, jitfittxu l-komplementarjetajiet u jiġu evitati duplikazzjoni u vojt;

(d)

il-koordinament ma’ l-atturi rilevanti kollha, b'mod partikolari fil-fażi ta’ għeluq ta’ l-intervent ta’ għajnuna taħt il-Mekkaniżmu, biex tiġi ffaċilitata konsenja bla xkiel.

5.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista', fuq bażi ta’ każ b'każ, twettaq kompiti operattivi addizzjonali bil-qbil tal-Presidenza.

6.   Il-Kummissjoni tista', f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, taħtar it-timijiet ta’ evalwazzjoni u/jew ta’ koordinament msemmija fil-paragrafu 4 (a) (ii). It-timijiet għandhom ikunu magħmula minn esperti u mexxej tat-tim pprovdut mill-Istati Membri fuq bażi ta’ każ b'każ. Il-Kummissjoni għandha tagħżel l-esperti u l-mexxej għal dan it-tim abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, inkluż il-livell tat-taħriġ dwar il-Mekkaniżmu mwettaq, l-esperjenza preċedenti ta’ missjonijiet taħt il-Mekkaniżmu u ħidma oħra ta’ għajnuna internazzjonali. L-għażla għandha tkun ibbażata wkoll fuq kriterji oħra, inklużi l-kapaċitajiet lingwistiċi, sabiex tiżgura li t-tim fl-intier tiegħu jkollu disponibbli l-kapaċitajiet meħtieġa għas-sitwazzjoni speċifika.

Il-MIC għandu jżomm kuntatt mill-qrib mat-timijiet ta’ evalwazzjoni u/jew ta’ koordinament u jipprovdilhom appoġġ u gwida.

7.   Il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib u jżommu djalogu kontinwu fl-istadji kollha ta’ l-emerġenza dwar l-intervent.

Il-koordinament operattiv għandu jkun integrat bis-sħiħ mal-koordinament globali pprovdut mill-UNOCHA, meta dawn ikunu preżenti, u għandu jirrispetta r-rwol ta’ mexxej tagħhom.

Il-koordinament permezz tal-Mekkaniżmu ma jaffettwax la l-kuntatti bilaterali bejn l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiż milqut, u lanqas il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u n-Nazzjonijiet Uniti. Tali kuntatti bilaterali jistgħu wkoll jintużaw biex isir kontribut għall-koordinament permezz tal-Mekkaniżmu.

Għandhom jitfittxu sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ strumenti oħra ta’ l-Unjoni jew tal-Komunità. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u l-koerenza ta’ l-azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu u l-azzjonijiet iffinanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/96.

Fl-eventwalità ta’ emerġenza kbira barra mill-Komunità, l-użu possibbli ta’ assi u kapaċitajiet militari disponibbli biex jappoġġaw il-protezzjoni ċivili għandu jkun konsistenti mal-prinċipji tal-Linji Gwida rilevanti tan-NU.

8.   Ir-rwoli ta’ koordinament tal-Presidenza u tal-Kummissjoni msemmija f'dan l-Artikolu m'għandhomx jaffettwaw il-kompetenzi u r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għat-timijiet, il-moduli u appoġġ ieħor tagħhom, inklużi assi u kapaċitajiet militari. B'mod partikolari, il-koordinament mill-Presidenza u l-Kummissjoni m'għandhomx jinvolvu l-għoti ta’ ordnijiet lit-timijiet, il-moduli u assi u kapaċitajiet oħra ta’ l-Istati Membri, li għandhom jiġu insedjati fuq bażi volontarja skond il-koordinament fil-livell ta’ kwartieri ġenerali u fil-post.

9.   Sabiex ikun jista' jseħħ il-koordinament imsemmi hawn fuq u biex jiġi żgurat kontribut komprensiv għall-isforz globali ta’ għajnuna:

(a)

l-Istati Membri kollha li jipprovdu l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili kif imsemmi fil-paragrafu 1 b'reazzjoni għal talba mqassma permezz ta’ l-MIC għandhom iżommu lill-MIC infurmat bis-sħiħ bl-attivitajiet tagħhom, u

(b)

it-timijiet u l-moduli ta’ Istati Membri fil-post li qed jipparteċipaw fl-intervent permezz tal-Mekkaniżmu għandhom jikkoordinaw mill-qrib mat-timijiet ta’ koordinament u/jew ta’ evalwazzjoni tal-MIC fil-post.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni tista' tappoġġa u tikkomplementa l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili mogħtija mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Mekkaniżmu billi jieħdu l-miżuri elenkati fl-punti (8) u (9) ta’ l-Artikolu 2.

KAPITOLU IV

Id-Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 10

Il-parteċipazzjoni fil-Mekkaniżmu għandha tkun miftuħa għall-pajjiżi kandidati.

Pajjiżi terzi oħra, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali jistgħu jikkooperaw f'attivitajiet taħt dan il-Mekkaniżmu, meta l-ftehim bejn dawn il-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjonijiet u l-Komunità jkunu jippermettu dan.

Artikolu 11

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti u jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 12

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 13 (2), tistabbilixxi regoli ta’ l-implimentazzjoni b'mod partikolari rigward il-materji li ġejjin:

1)

ir-riżorsi disponibbli għall-intervent ta’ għajnuna, kif jipprovdi l-Artikolu 3;

2)

l-MIC, kif jipprovdi l-punt (5) ta’ l-Artikolu 2;

3)

is-CECIS, kif previst fil-punt (6) ta’ l-Artikolu 2;

4)

it-timijiet responsabbli għall-evalwazzjoni u/jew il-koordinament, kif previst fil-punt (4) ta’ l-Artikolu 2 inklużi l-kriterji għall-għażla ta’ l-esperti;

5)

il-programm tat-taħriġ, kif jipprovdi l-punt (2) ta’ l-Artikolu 2;

6)

il-moduli kif previst fl-Artikolu 4 (3),

7)

is-sistemi ta’ individwazzjoni u ta’ twissija bikrija kif previst fil-punt (3) ta’ l-Artikolu 5,

8)

it-tagħrif dwar ir-riżorsi mediċi, kif jipprovdi il-punt (6) ta’ l-Artikolu 5;

9)

l-interventi ġewwa l-Komunità, kif jipprovdi l-Artikolu 7 kif ukoll l-interventi barra mill-Komunità jipprovdi l-Artikolu 8.

Artikolu 13

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

Artikolu 14

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni kull tliet snin mid-data tan-notifika tagħha u tibgħat il-konklużjonijiet ta’ din il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Mal-konklużjonjiet għandhom jintbagħtu, jekk dan ikun f'loku, proposti għal emendi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

Id-Deċiżjoni 2001/792/KE, Euratom għandha tkun imħassra.

Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 16

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

R. PEREIRA


(1)  Opinjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).

(2)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 40.

(3)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(4)  ĠU C 198, 27.7.1991, p. 1.

(5)  ĠU L 326, 3.12.1998, p. 1.

(6)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p.23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(8)  ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1 (1)

Artikolu 1 (1)

Artikolu 1.2, l-ewwel sentenza

Artikolu 1 (2), l-ewwel u t-tieni subparagrafu

Artikolu 1 (2), it-tielet subparagrafu

Premessa 4, it-tieni sentenza

Artikolu 1 (3), is-sentenza introduttorja

Artikolu 2, is-sentenza introduttorja

Artikolu 1 (3), l-ewwel inċiż

Artikolu 2 punt (1)

Artikolu 1 (3), it-tieni inċiż

Artikolu 2 punt (2)

Artikolu 1 (3), it-tielet inċiż

Artikolu 2 punt (3)

Artikolu 1 (3), ir-raba' inċiż

Artikolu 2 punt (4)

Artikolu 1 (3), il-ħames inċiż

Artikolu 2 punt (5)

Artikolu 1 (3), is-sitt inċiż

Artikolu 2 punt (6)

Artikolu 2 punt (7)

Artikolu 2 punt (8)

Artikolu 2 punt (9)

Artikolu 2 punt (10)

Artikolu 1 (3), is-seba' inċiż

Artikolu 2 punt (11)

Artikolu 3

Artikolu 2 (1)

Artikolu 6 (1) u (2)

Artikolu 2 (2)

Artikolu 6 (3)

Artikolu 3, frażi introduttorja

Artikolu 3, punt (a)

Artikolu 4 (1)

Artikolu 3 punt (b)

Artikolu 4 (2)

Artikolu 4 (3)

Artikolu 3 punt (c)

Artikolu 4 (4)

Artikolu 3 punt (d)

Artikolu 4 (5)

Artikolu 4 (6)

Artikolu 4 (7)

Artikolu 3 punt (e)

Artikolu 4 (8) u Artikolu 11

Artikolu 4 punt (a)

Artikolu 5 punt (1)

Artikolu 4 punt (b)

Artikolu 5 punt (2)

Artikolu 5 punt (3)

Artikolu 4 punt (c)

Artikolu 5 punt (4)

Artikolu 4 punt (d)

Artikolu 5 punt (5)

Artikolu 4 punt (e)

Artikolu 5 punt (6)

Artikolu 4 punt (f)

Artikolu 5 punt (7)

Artikolu 4 punt (g)

Artikolu 5 punt (8)

Artikolu 4 punt (h)

Artikolu 5 punt (9)

Artikolu 5 punt (10)

Artikolu 5 punt (11)

Artikolu 5 (1)

Artikolu 7 (1) u (2)

Artikolu 5 (2)

Artikolu 7.1

Artikolu 5 (3)

Artikolu 7.2

Artikolu 5 (4)

Artikolu 7.3

Artikolu 5 (5)

Artikolu 7.4

Artikolu 6, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8.1

Artikolu 6, it-tieni subparagrafu

Artikoli 8.2, sa 8.9

Artikolu 9

Artikolu 7

Artikolu 10, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10, it-tieni subparagrafu

Artikolu 8 (1)

Artikolu 8 (2), sentenza tal-bidu

Artikolu 12, sentenza tal-bidu

Artikolu 8 (2)(a)

Artikolu 12 punt (1)

Artikolu 8 (2)(b)

Artikolu 12 punt (2)

Artikolu 8 (2)(c)

Artikolu 12 punt (3)

Artikolu 8 (2)(d)

Artikolu 12 punt (4)

Artikolu 8 (2)(e)

Artikolu 12 punt (5)

Artikolu 12 punt (6)

Artikolu 12 punt (7)

Artikolu 8 (2)(f)

Artikolu 12 punt (8)

Artikolu 8 (2)(g)

Artikolu 12 punt (9)

Artikolu 9 (1)

Artikolu 13 (1)

Artikolu 9 (2)

Artikolu 9 (3)

Artikolu 13 (2)

Artikolu 9 (4)

 

Artikolu 10

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 16