17.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 300/71


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2007

li tawtorizza lir-Renju ta’ l-Olanda biex japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(il-verżjoni Olandiża biss hija awtentika)

(2007/740/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2006, ir-Renju ta’ l-Olanda talab awtorizzazzjoni biex japplika miżuri fiskali speċjali fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti kif awtorizzata qabel għal perjodu limitat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1998/20/KE (2).

(2)

Skond l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Lulju 2007 bit-talba magħmula mir-Renju ta’ l-Olanda. B’ittra datata s-17 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ l-Olanda li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat li hija meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(3)

L-arranġament għandu jawtorizza lir-Renju ta’ l-Olanda biex japplika skema fl-industrija ta’ ħwejjeġ lesti, biex taqleb l-obbligu tal-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet fiskali mis-sottokuntrattur għal fuq l-intrapriża tal-ħwejjeġ (il-kuntrattur).

(4)

Dawn l-arranġamenti wrew fil-passat li huma miżura effettiva ta’ prevenzjoni f’settur li fih il-ġbir tal-VAT huwa diffiċli minħabba l-problemi ta’ identifikar jew sorveljanza ta’ l-attivitajiet tas-sottokuntratturi. Il-miżura mitluba għalhekk għandha titqies bħala miżura biex twaqqaf ċerti tipi ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti.

(5)

Madankollu, billi l-lokalizzazzjoni għall-manifattura ta’ ħwejjeġ lesti hija influwenzata minn spejjeż baxxi ta’ xogħol u s-sottokuntratturi jirrilokaw malajr minn pajjiż għal ieħor, ir-Renju ta’ l-Olanda għandu jissorvelja u jevalwa l-impatt ta’ dawn il-fatturi fuq l-effettività tad-deroga u jinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

(6)

Huwa xieraq li l-miżura tkun limitata fiż-żmien sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tevalwaha abbażi tar-rapport mibgħut mir-Renju ta’ l-Olanda.

(7)

Id-deroga ma għandhiex effett ħażin fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet li jiġu mit-taxxa tal-valur miżjud u lanqas ma teffettwa l-ammont tal-VAT impost fl-aħħar stadju tal-konsum,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju ta’ l-Olanda huwa hawnhekk awtorizzat li japplika skema sal-31 ta’ Diċembru 2009 fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti, biex taqleb l-obbligi tas-sottokuntratturi tal-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet fiskali, mis-sottokuntrattur għal fuq d-ditta tal-ħwejjeġ (il-kuntrattur).

Artikolu 2

Sal-31 ta’ Lulju 2009 ir-Renju ta’ l-Olanda għandu jissottometti rapport lill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ġenerali ta’ l-operat tal-miżura kkonċernata, partikolarment dwar l-effettività tal-miżura u kwalunkwe prova oħra ta’ rilokalizzazzjonijiet ta’ sottokuntratturi fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti għal pajjiżi oħra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Olanda.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92)

(2)  ĠU L 8, 14.1.1998, p. 16. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/516/KE (ĠU L 221, 22.6.2004, p. 17)