10.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 293/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2007

dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-istat għall emerġenzi mill-awtoritajiet tar-Rumanija sabiex jiġu mitigati l-konsegwenzi tan-nixfa fl-2006/2007 fis-settur agrikolu

(2007/722/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 88(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba mill-Gvern tar-Rumanija fil-25 ta’ Lulju 2007,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Lulju 2007, ir-Rumanija ppreżentat lill-Kunsill talba għal deċiżjoni skond it-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, li tiddikjara li l-pjan tar-Rumanija li tagħti għajnuna nazzjonali lill-bdiewa Rumeni milqutin min-nixfa estrema sabiex tippermettilhom jerġgħu jibdew iċ-ċiklu ta’ produzzjoni kompatibbli mas-suq komuni;

(2)

Ir-Rumanija ffaċċjat in-nixfa l-aktar severa u l-aktar twila f’dawn l-aħħar sittin sena, minħabba nuqqas ta’ xita fix-xitwa ta’ l-2006/2007 u r-rebbiegħa ta’ l-2007 (anqas minn 350 mm/m2 mill-1 ta’ Settembru 2006 sa l-31 ta’ Mejju 2007) u t-temeperaturi estramement għoljin fis-sajf ta’ l-2007;

(3)

Qabel iż-żmien twil ħafna ta’ temp xott fis-sajf ta’ l-2007, ir-riżervi ta’ l-ilma fil-ħamrija diġà kienu naqsu f’partijiet kbar tar-Rumanija, minħabba evaporazzjoni aċċelerata ta’ l-ilma kkawżata minn temperaturi ogħla mill-medja matul ix-xitwa 2006-2007 u r-rebbiegħa ta’ l-2007;

(4)

Skond il-valutazzjoni ta’ l-impatt fuq l-għelejjel tar-rebbiegħa u tal-ħarifa, in-nixfa naqqset dramatikament kemm il-produzzjoni taċ-ċereali kif ukoll dik ta’ l-għalf, bil-produzzjoni medja taċ-ċereali stmata li fl-2007 ma tilħaqx lanqas il-45 % tal-medja tas-snin preċedenti;

(5)

Il-bdiewa Rumeni f’34 kontea minn total ta’ 42 diġà ntlaqtu severement minn żmien twil ħafna ta’ temp xott, li rriżulta fi ħsarat maġġuri għas-setturi tat-tkabbir tal-ħxejjex u t-trobbija ta’ l-annimali, b’valur stmat li jammonta għal approssimament EUR 1 200 miljun (RON 3 878 miljun), mhux inkluż il-profitt li seta’ rriżulta mill-bejgħ taċ-ċereali;

(6)

Minħabba li d-dħul tal-bdiewa Rumeni milquta min-nixfa tnaqqas drastikament, huma jiffaċċjaw ir-riskju serju li ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji sabiex jiżirgħu l-għelejjel tal-ħarifa u sabiex jippreparaw kampanja taż-żriegħ fir-rebbiegħa 2008;

(7)

L-għajnuna mill-istat mogħtija tammonta għal approssimament EUR 400 miljun (RON 1 320 miljun) u sejra tibbenefika minn madwar 250 000 sa 300 000 bidwi, li jkopru approssimament 3 miljun ettaru. L-ammonti rispettivi ta’ għajnuna sejrin ikunu approssimament 150 EUR/ettaru għall-qamħ tal-ħarifa, 120 EUR/ettaru għaż-żerriegħ tal-kolza, 130 EUR/ettaru għax-xgħir u għal ħxejjex oħra tal-ħarifa;

(8)

L-għajnuna tingħata fuq l-applikazzjoni biss min-naħa tal-bidwi, għall-iskop speċifiku li jinbeda mill-ġdid iċ-ċiklu ta’ produzzjoni (ix-xiri ta’ żerriegħa, karburant, fertilizzant u pestiċidji). L-Aġenzija Rumena ta’ Pagament sejra tissorvelja u tikkontrolla l-għajnuna, inter alia permezz ta’ verifiki fuq il-post;

(9)

Sabiex tkun effettiva, l-għajnuna mill-istat għandha tingħata lill-bdiewa u tiġi aċċessata minnhom mill-aktar fis possibbli;

(10)

Il-Kummissjoni f’dan l-istadju ma tatx opinjoni dwar in-natura u l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna;

(11)

Għalhekk jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li minħabba fihom huwa possibbli li tali għajnuna tiġi kkunsidrata, permezz ta’ deroga u safejn ikun strettament meħtieġ li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li qamet, bħala kompatibbli mas-suq komuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna addizzjonali eċċezzjonali mill-awtoritajiet Rumeni lis-settur agrikolu, li tammonta għal massimu ta’ EUR 400 miljun, għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmula fil Lussemburgu, 22 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA