7.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 289/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Ottubru 2007

li twaqqaf Grupp Espert dwar il-Fatturazzjoni elettronika (e-Fatturazzjoni)

(2007/717/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3 tat-Trattat jagħti l-inkarigu lill-Komunità li tiżgura l-ħolqien ta’ suq intern ikkaratterizzat mit-tneħħija ta’ ostakoli bejn l-Istati Membri, għall-moviment ħieles ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital.

(2)

L-Artikolu 232 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1) tippermetti l-ħruġ ta’ fatturi elettroniċi minflok fatturi fuq il-karta.

(3)

L-Istrateġija rreveduta ta’ Lisbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi (2) tipprovdi aġenda ta’ riforma ekonomika li tiġbor fiha kollox. Il-pilastru mikroekonomiku tagħha jiffoka fuq il-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi n-negozju. Fi ħdan din il-mira, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet dwar il-fatturazzjoni elettronika interoperabbli (e-Fatturazzjoni) huwa komponent kruċjali.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “i2010 – Soċjetà Ewropea ta’ l-Informatika għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi” (3) ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva i2010 bħala qafas biex tindirizza l-isfidi u l-iżviluppi ewlenin fis-soċjetà ta’ l-informatika u s-settur tal-midja sa l-2010. Din tippromwovi ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva u tenfasizza t-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (l-ICT bħala katalista ta’ l-inklużjoni u l-kwalità ta’ ħajja).

(5)

Il-Kunsill Ewropew tal-Ħlasijiet (EPC), il-korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-koordinazzjoni ta’ l-industrija bankarja Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħlasijiet, impenja ruħu li jistabbilixxi sa l-2010 Żona Unika ta’ Ħlasijiet bl-Ewro (SEPA) b’infrastrutturi ta’ ħlasijiet u prodotti ta’ ħlasijiet integrati.

(6)

L-e-Fatturazzjoni jorbot il-proċessi interni ta’ l-intrapriżi mas-sistemi ta’ ħlasijiet. Għalhekk, l-SEPA flimkien ma’ inizjattiva Ewropea ta’ l-e-Fatturazzjoni li tirnexxi għandhom jikkumplementaw lil xulxin. Dawn iż-żewġ inizjattivi flimkien huma mistennija li jwasslu benefiċċji kbar lill-intrapriżi u lill-fornituri tas-servizzi finanzjarji permezz ta’ effiċjenza mtejba u l-awtomazzjoni ta’ ktajjen ta’ forniment.

(7)

Sabiex jitjieb l-użu ta’ ambjent diġitali u biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ ta’ l-e-Fatturazzjoni fil-Komunità, il-prattika attwali għandha tkun issemplifikata u t-transizzjoni għal mudelli kummerċjali ffaċilitata b'qafas aktar integrat u uniformi. Dan għandu b’mod speċjali jservi l-interessi ta’ l-intrapriżi Ewropej żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

(8)

F’Diċembru 2006, grupp ta’ partijiet interessati iffurmaw Task Force industrijali dwar l-e-Fatturazzjoni, li kienet ippreseduta mis-servizzi tal-Kummissjoni, u kienet tinkludi intrapriżi, rappreżentattivi ta’ banek u fornituri ta’ servizzi oħra, kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ stardardizzazzjoni. L-għan tat-Task Force kien li jħejju t-triq għall-ħidma futura fuq Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew. It-Task Force ifformulat proposti għal struttura potenzjali ta’ governanza u fasslet pjan direzzjonali għal programm ta’ l-e-fatturazzjoni. It-Task Force ressqet ir-rapport finali tagħha f'Ġunju 2007.

(9)

Wara l-esperjenza pożittiva mat-Task Force, u għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet fuq terminu itwal ta’ żmien, għandu jiġi stabbilit Grupp Espert dwar l-e-Fatturazzjoni.

(10)

Il-ħidmiet tiegħu għandu jkun li jidentifika r-rekwiżiti (4) u r-responsabbilitajiet kummerċjali għall-eżekuzzjoni ta’ ħidma speċifika, kif ukoll biex jidderieġi l-ħolqien – sa tmiem l-2009 – ta’ Qafas ta’ e-Fatturazzjoni Ewropew biex jistabbilixxi struttura kunċettwali komuni għall-appoġġ tal-provvediment tas-servizzi ta’ e-Fatturazzjoni b’mod miftuħ u interoperabbli madwar l-Ewropa kollha.

(11)

Il-Grupp Espert għandu jkun magħmul minn persuni li għandhom għarfien espert dirett u rilevanti fir-rigward ta’ attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-e-Fatturazzjoni, inklużi l-partijiet interessati ewlenin mis-settur pubbliku, l-intrapriżi kbar u żgħar kif ukoll il-fornituri tas-servizzi, l-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni u r-rappreżentanti tal-konsumaturi. Flimkien ma’ dan, għandu jkun hemm l-opportunità li jieħdu sehem l-osservaturi. Kwalunkwe rapport jew riżultat tal-Grupp Espert għandu jkun ġej mill-ħidma tal-membri tal-grupp u m’għandux jinftiehem li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni.

(12)

Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta’ tagħrif minn membri tal-Grupp Espert, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà stipulati fl-Anness mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (5).

(13)

Id-data kollha tat-tip personali relatata mal-membri tal-Grupp Espert għandha tkun pproċessata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta’ dik id-data  (6).

(14)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rakkomandabilità ta’ estensjoni,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp Espert dwar l-e-Fatturazzjoni

Il-Grupp Espert dwar l-e-Fatturazzjoni, minn issa 'l quddiem “il-Grupp”, huwa stabbilit. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 2

Ħidmiet

1.   Il-Grupp għandu jgħin b'mod ġenerali lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u s-sorveljanza tal-progress lejn strateġija miftiehma għall-ħolqien ta’ Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew.

2.   Il-ħidmiet tal-Grupp għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2009.

3.   Il-Grupp għandu jissodisfa l-ħidmiet partikolari li ġejjin:

(a)

jidentifika n-nuqqasijiet fil-qafas regolatorju għall e-Fatturazzjoni f'livell Komunitarju u ta’ Stat Membru, li jfixklu lill-ekonomija Komunitarja fl-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tagħha;

(b)

jidentifika l-ħtiġijiet kummerċjali ta’ l-e-Fatturazzjoni għal Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew u jiżgura l-validazzjoni tagħhom mill-partijiet interessati ewlenin (7);

(c)

jidentifika l-elementi rilevanti tad-data ta’ l-e-Fatturazzjoni, speċjalment fir-rabta bejn il-fattura u għall-inqas, il-proċess ta’ akkwist u ħlasijiet, kwistjonijiet relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud, l-awtentiċità u l-integrazzjoni, id-domanda ta’ l-arkivjar u l-ħażna, kif ukoll il-ħtieġa li tkun żgurata l-validazzjoni ta’ dawk l-elementi mill-partijiet interessati ewlenin;

(d)

jipproponi r-responsabilitajiet li għandhom jiġu assenjati lill-korpi ta’ standardizzazzjoni u skeda ta’ ħin għall-iżvilupp ta’ standard(s) komuni imsejjes/imsejsa fuq il-ħtiġijiet kummerċjali u ħtiġijiet ta’ data tal-partijiet interessati għall-appoġġ ta’ Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew;

(e)

jipproponi l-Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew. Il-Qafas ta’ e-Fatturazzjoni Ewropew għandu jistabbilixxi struttura kunċettwali komuni, inklużi ħtiġijiet kummerċjali u standard(s), u jipproponi soluzzjonijiet li jappoġġjaw il-provvediment ta’ servizzi ta’ l-e-Fatturazzjoni b'mod miftuħ u interoperabbli madwar l-Ewropa.

4.   Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Grupp għandu jqis ħidma u soluzzjonijiet li diġà teżisti/jeżistu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ħtiġijiet kummerċjali u standards tekniċi, fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni fis-settur pubbliku u privat.

5.   Fejn xieraq u meħtieġ, il-Grupp jista’ jidentifika responsabilitajiet għat-twettiq ta’ ħidma speċifika lil sottogruppi jew korpi u organizzazzjonijiet esterni li huma kompetenti fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni.

6.   Il-Grupp għandu jistabbilixxi u jikkomunika lill-Kummissjoni rapport ta’ nofs il-perjodu li jiġbor fil-qosor il-progress fil-ħidmiet u kwalunkwe rakkomandazzjoni bħala input għar-riflessjoni u d-diskussjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-partijiet interessati, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet industrijali. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

7.   Il-Grupp għandu jistabbilixxi u jikkomunika lill-Kummissjoni rapport finali li jiddeskrivi l-Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Grupp dwar kull suġġett relatat ma’ l-e-Fatturazzjoni.

2.   Il-President tal-Grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni li jkun mixtieq li jiġi kkonsultat il-Grupp dwar kwistjoni speċifika.

Artikolu 4

Sħubija - Ħatra

1.   Il-Grupp se jkun magħmul minn massimu ta’ 30 membru.

2.   Il-membri għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn speċjalisti b’kompetenza fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni fuq il-bażi ta’ l-applikazzjonijiet mill-assoċjazzjonijiet industrijali, mill-korpi tas-settur pubbliku u individwi li jirrappreżentaw l-interessi tas-settur pubbliku jew parti minnu, mill-intrapriżi u l-ICT, minn konsumaturi, fornituri tas-servizz finanzjarju u organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni.

L-applikanti meqjusa bħala xierqa għas-sħubija iżda li ma nħatrux jistgħu jitniżżlu fuq lista ta’ riżerva, li l-Kummissjoni tista’ tuża għall-ħatra ta’ sostituzzjonijiet.

3.   Il-membri għandhom jinħatru bħala rappreżentanti ta’ l-awtorità pubblika u s-soċjetà ċivili.

4.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjonijiet skond il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-membri għandhom jirrappreżentaw il-partijiet interessati ewlenin (eż. il-fornituri tas-servizz, il-fornituri tas-soluzzjonijiet, is-settur pubbliku, l-intrapriżi, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kif ukoll il-konsumaturi), u l-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni;

(b)

il-membri għandu jkollhom għarfien espert prattiku jew operattiv reċenti jew esperjenza fl-isfidi legali, amministrattivi, sfidi relatati mat-taxxa, standardizzazzjoni, kummerċjali jew sfidi tekniċi ta’ l-e-Fatturazzjoni fuq bażi transkonfinali. B’mod partikolari, il-membri għandu jkollhom esperjenza diretta rilevanti fi proġetti jew kwistjonijiet kummerċjali li jgħammruhom bl-għarfien kummerċjali jew tekniku meħtieġ għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet kif stipulat f’din id-Deċiżjoni;

(c)

il-membri jridu jkunu f’qagħda li jikkontribwixxu għad-definizzjoni jew għall-formazzjoni tal-fehmiet ta’ l-amministrazzjoni tagħhom, ta’ l-organizzazzjoni ewlenija, l-assoċjazzjoni industrijali jew l-industrija, jew ta’ grupp ieħor ta’ partijiet interessati fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mill-mandat;

(d)

il-membri għandhom ikunu profiċjenti fl-Ingliż f'livell li jippermettilhom jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet u t-tħejjija ta’ rapporti.

L-applikazzjonijiet li jaslu mill-partijiet interessati għandhom ikunu akkumpanjati minn materjal li juri li l-membru propost jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq.

5.   Meta taħtar il-membri, il-Kummissjoni għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-għarfien espert legali, kummerċjali u tekniku meħtieġ fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti mill-mandat għall-Grupp;

(b)

l-għarfien espert li jkopri l-funzjonijiet rilevanti kollha min-naħa tal-provvista u tad-domanda ta’ l-e-Fatturazzjoni.

Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni għandha timmira li tiżgura rappreżentazzjoni ġeografika wiesgħa u kompożizzjoni bilanċjata bejn is-sessi fuq il-bażi ta’ l-applikazzjonijiet li jaslu.

6.   Il-membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta’ interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

7.   L-ismijiet tal-membri maħtura individwalment huma ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet tad-DĠ jew fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, sensiela C, jew fit-tnejn. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

8.   Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta’ tnax-il xahar li jiġġedded u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti jew sakemm il-perjodu tal-ħatra tagħhom jintemm.

9.   Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ li ġej:

(a)

meta l-membru jirreżenja;

(b)

meta il-membru mhux kapaċi aktar li jikkontribwixxi b'mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp;

(c)

meta l-membru ma josservax l-Artikolu 287 tat-Trattat;

(d)

meta, kuntrarju għal paragrafu 6, il-membru naqas milli javża lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar kunflitt ta’ interessi.

Artikolu 5

President- Ħatra

1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar President tal-Grupp Espert, filwaqt li tqis il-limitu safejn il-persuna magħżula tirrappreżenta l-interessi tal-partijiet interessati, tikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-fehmiet ta’ l-industrija fir-rigward ta’ kwistijonijiet koperti mill-mandat u tippossjedi l-għarfien espert legali, kummerċjali u tekniku meħtieġ.

2.   Il-Kummissjoni għandha taħtar President għal perjodu ta’ tnax-il xahar li jiġġedded.

Artikolu 6

Operat

1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza l-laqgħat tal-Grupp, li għandhom jitmexxew mill-President.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-Grupp; kif jitwettqu l-ħidmiet tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom ixolju.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fil-deliberazzjonijiet tal-Grupp jew tas-sottogruppi tiegħu.

4.   It-tagħrif miksub mis-sehem fid-deliberazzjonijiet jew fil-ħidma tal-Grupp jew ta’ sottogrupp irid jinżamm mistur, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dak it-tagħrif jittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.

5.   Il-Grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali.

Uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp jew tas-sottogruppi.

6.   Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika jew tpoġġi fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe taqsira, konklużjoni, jew dokument ta’ ħidma tal-Grupp.

Artikolu 7

Rimborż ta’ l-ispejjeż

1.   L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, tas-sussistenza għall-President, għall-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-Grupp għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni b’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ spejjeż għal esperti esterni.

2.   Il-President, il-membri, l-esperti u l-osservaturi m'għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

3.   L-ispejjeż għal-laqgħat jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-Grupp mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Skadenza

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2009.

Magħmula fi Brussell, 31 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).

(2)  COM(2005) 24.

(3)  COM(2005) 229 finali.

(4)  Ir-rekwiżiti kummerċjali ta’ l-e-Fatturazzjoni jirrappreżentaw il-karatterisitiċi li għandhom jilħqu s-servizzi ta’ l-e-fatturi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-miri kummerċjali tal-partijiet interessati, li jippermettu l-proċessi tal-ktajjen kollha finanzjarji u dawk ta’ forniment. Huma espressi f’termini ta’ flussi ta’ proċessi ta’ livell għoli, ta’ informazzjoni dwar l-e-fatturi, u ta’ struttura standard ta’ messaġġi.

(5)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  Notevolment is-settur pubbliku, l-intrapriżi u l-ICT u l-fornituri tas-servizz finanzjarju.


ANNESS

MANDAT

GRUPP ESPERT DWAR IL-FATTURAZZJONI ELETTRONIKA

1.   SFOND

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) wieġbet għall-isfidi tal-globalizzazzjoni ekonomika. Fl-“Istrateġija Wiesgħa għall-Innovazzjoni” tagħha, mnedija f’Settembru 2006, il-KE osservat li, “F’din l-ordni l-ġdida ekonomika, l-Ewropa ma tistax tikkompeti sakemm ma ssirx aktar inventiva, sakemm ma tirreaġixxix aħjar għall-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-konsumaturi u sakemm ma tkunx aktar innovattiva.”

Żewġ aspetti, l-effiċjenza u ċ-ċertezza, jispikkaw bħala s-sisien għat-titjib tal-kompetittività Ewropea f’ekonomija globali. L-effiċjenza fil-ktajjen ta’ valuri tnaqqas l-ispiża; it-titjib taċ-ċertezza ta’ l-ambjent li fihom dawn joperaw jagħmilhom aktar kompetittivi. Għalhekk, il-kisba ta’ effiċjenza u ċ-ċertezza fil-katina ta’ valuri hija bażi għall-innovazzjoni.

Is-simplifikar fil-fluss ta’ tagħrif fi kwalunkwe katina ta’ valuri għandu jnaqqas l-ineffiċjenzi, jtejjeb iċ-ċertezza u jnaqqas l-ispiża. Waqt li l-Ewropa qiegħda tersaq lejn l-adozzjoni taż-Żona Unika ta’ Ħlasijiet bl-Euro (SEPA), għandhom ukoll jiġu indirizzati l-proċessi kummerċjali li jeħtieġu maġġoranza assoluta ta’ ħlasijiet minn Negozju għal Negozju u minn Negozju għall-Gvern. Is-SEPA hija mistennija tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-Aġenda ta’ Liżbona.

L-ambitu u l-għan ta’ Qafas ta’ Fatturazzjoni Elettronika Ewropea (FEE) huma li jipprovdu l-bażi għall-kisba ta’ l-interoperabilità ta’ soluzzjonijiet ta’ l-e-Fatturazzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat. Dawn għandhom jiksbu bażi għall-interoperabilità permezz ta’ regoli kummerċjali komuni u standards tekniċi. Filwaqt li jgħin fit-tisħiħ ta’ l-inċentivi kummerċjali pożittivi għall-kummerċ elettroniku bħala sostituzzjoni għall-proċessi manwali msejsa fuq il-karti, il-Qafas għandu jikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ l-ostakoli attwali lejn l-adozzjoni u l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet ta’ l-e-Fatturazzjoni ġewwa l-Komunità (transkonfinali).

2.   IL-MANDAT TAL-GRUPP ESPERT FIR-RIGWARD TA’ L-E-FATTURAZZJONI

Il-Grupp Espert (“il-Grupp”) se jgħin lill-Kummissjoni fil-progress ta’ l-iżvilupp u s-sorveljanza lejn strateġija miftiehma għall-ħolqien ta’ Qafas Ewropew għall-e-Fatturazzjoni.

Il-ħidmiet tal-Grupp għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2009.

Il-Grupp għandu jissodisfa l-ħidmiet partikolari li ġejjin:

(a)

jidentifika n-nuqqasijiet fil-qafas regolatorju għall-e-Fatturazzjoni f’livell Komunitarju u ta’ Stat Membru, li jxekklu l-ekonomija Komunitarja milli tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħha;

(b)

jidentifika r-rekwiżiti kummerċjali ta’ l-e-Fatturazzjoni għal Qafas Ewropew ta’ l-e-Fatturazzjoni u jassigura l-validità tagħhom min-naħa tal-partijiet interessati ewlenin.

(ċ)

jidentifika l-elementi rilevanti ta’ data ta’ l-e-Fatturazzjoni, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mar-rabta bejn il-fattura u, għall-inqas, il-proċess ta’ xiri u ta’ ħlasijiet, il-kwistjonijiet relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud, l-awtentikazzjoni u l-integrità, id-domanda għall-arkivjar u għall-ħażna, kif ukoll il-ħtieġa li tkun żgurata l-validazzjoni ta’ dawk l-elementi mill-partijiet interessati ewlenin;

(d)

jipproponi r-responsabilitajiet li għandhom jingħataw lill-korpi ta’ standardizzazzjoni u skeda ta’ ħin għall-iżvilupp ta’ standard(s) komuni msejjes/msejsa fuq ir-rekwiżiti kummerċjali u ta’ data tal-partijiet interessati għall-appoġġ tal-Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew;

(e)

jipproponi l-Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew. Il-Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew għandu jistabbilixxi struttura kunċettwali komuni, inklużi rekwiżiti kummerċjali u standard(s), u jipproponi soluzzjonijiet li jappoġġjaw il-provvediment ta’ servizzi ta’ l-e-Fatturazzjoni b’mod miftuħ u interoperabbli madwar l-Ewropa.

Fit-twettiq ta’ ħidmietu, il-Grupp għandu jqis xogħol u soluzzjonijiet li diġà jeżistu, b'mod partikolari f' dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti kummerċjali u l-istandards tekniċi, fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni fis-settur pubbliku u privat.

Fejn xieraq u meħtieġ, il-Grupp jista’ jidentifika responsabbiltajiet għat-twettiq ta’ ħidma speċifika lis-sottogruppi jew lill-korpi esterni u lill-organizzazzjonijiet kompetenti fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni.

Il-Grupp għandu jssawwar u jikkomunika lill-Kummissjoni rapport ta’ nofs il-perjodu li jiġbor fil-qosor il-progress dwar il-ħidmiet u kwalunkwe rakkomandazzjoni bħala input tar-riflessjoni u d-diskussjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-partijiet interessati, b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet industrijali. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

Il-Grupp għandu jsawwar u jkkomunika lill-Kummissjoni rapport finali li jiddeskrivi l-Qafas ta’ l-e-Fatturazzjoni Ewropew. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku. Ir-rapporti mhumiex se jitqiesu bħala li jirriflettu l-fehmiet tas-servizzi tal-Kummissjoni.

3.   KOMPOŻIZZJONI U OPERAZZJONI

3.1.   Kompożizzjoni

Il-Grupp għandu jkun magħmul sa mhux aktar minn 30 membru.

Il-membri għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn speċjalisti b’kompetenza fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni fuq il-bażi ta’ l-applikazzjonijiet mill-assoċjazzjonijiet ta’ l-industrija, minn korpi tas-settur pubbliku u individwi li jirrappreżentaw l-interessi tas-settur pubbliku kollu jew ta’ parti minnu, mill-intrapriżi u l-ICT, mill-konsumaturi, l-fornituri tas-servizzi finanzjarji u mill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni.

3.2.   Sejħa għall-applikazzjonijiet

Ma’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Grupp, il-Kummissjoni se tippubblika sejħa għall-applikazzjonijiet minn għand l-assoċjazzjonijiet ta’ l-industrija, il-korpi tas-settur pubbliku u l-individwi li jirrappreżentaw l-interessi tas-settur pubbliku kollu jew parti minnu, mill-intrapriżi u l-IT, mill-konsumaturi, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji u mill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni fil-qasam ta’ l-e-Fatturazzjoni.

L-assoċjazzjonijiet industrijali, il-korpi tas-settur pubbliku u l-individwi li jixtiequ jieħdu sehem fil-Grupp huma mitluba japplikaw permezz ta’ korrispondenza bil-miktub, li għandha tasal għand il-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2007.

L-applikazzjonijiet għandhom juru interess motivat kif xieraq, fejn jiġu speċifikati r-raġunijiet għas-sehem mixtieq fil-Grupp.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-membri għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet interessati ewlenin (eż. lill-fornituri tas-servizzi, il-fornituri tas-soluzzjonijiet, l-intrapriżi tas-settur pubbliku, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kif ukoll lill-konsumaturi), u lill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni;

(b)

il-membri għandu jkollhom għarfien espert prattiku jew operattiv reċenti jew esperjenza fl-isfidi legali, amministrattivi, relatati mat-taxxa, sfidi ta’ standardizzazzjoni, kummerċjali u/jew tekniċi ta’ l-e-Fatturazzjoni fuq bażi transkonfinali. B’mod partikolari, il-membri għandu jkollhom esperjenza diretta rilevanti fil-proġetti jew fi kwistjonijiet kummerċjali li jgħammruhom bl-għarfien kummerċjali jew tekniku meħtieġ għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kif stipulat f'din id-Deċiżjoni.

(ċ)

il-membri għandhom ikunu f’qagħda li jikkontribwixxu għad-definizzjoni jew għall-formazzjoni tal-fehmiet ta’ l-amministrazzjoni tagħhom, l-organizzazzjoni prinċipali, l-assoċjazzjoni ta’ l-industrija jew l-industrija, jew ta’ grupp ieħor ta’ partijiet interessanti fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mill-mandat;

(d)

il-membri għandhom ikunu profiċjenti fl-Ingliż f'livell li jippermettilhom jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet u t-tħejjija tar-rapporti.

L-applikazzjonijiet li jaslu mingħand il-partijiet interessati għandhom ikunu akkumpanjati minn materjal li juri li l-membru propost jilħaq il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq.

3.3.   Id-determinazzjoni finali tal-kompożizzjoni tal-Grupp

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tal-Grupp fuq il-bażi tal-proposti mressqa bħala tweġiba għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Meta taħtar il-membri, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-għarfien espert legali, kummerċjali u tekniku meħtieġ fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mill-mandat għall-Grupp;

(b)

l-għarfien espert li jkopri l-funzjonijiet rilevanti min-naħa tal-provvista u tad-domanda ta’ l-e-Fatturazzjoni;

Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni għandha timmira li tiżgura rappreżentazzjoni ġeografika wiesgħa u kompożizzjoni bbilanċjata bejn is-sessi fuq il-bażi ta’ l-applikazzjonijiet li jaslu.

Il-membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta’ interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

L-ismijiet ta’ membri maħtura individwalment huma ppubblikati fuq is-sit ta’ l-internet tad-DĠ jew fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, serje Ċ, jew fuq it-tnejn. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta’ tnax-il xahar li jiġġedded u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti jew sakemm jintemm il-perjodu ta’ ħatra tagħhom.

Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ li ġej:

(a)

meta l-membru jirreżenja;

(b)

meta l-membru mhux kapaċi aktar jikkontribwixxi b'mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp;

(ċ)

meta l-membru ma josservax l-Artikolu 287 tat-Trattat;

(d)

meta l-membru jonqos milli javża lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar kunflitt ta’ interessi.

3.4.   President

Il-Kummissjoni għandha taħtar lill-President tal-Grupp Espert, filwaqt li tikkunsidra l-limitu safejn il-persuna magħżula tirrappreżenta l-interessi tal-parti interessata ewlenija, tikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-fehmiet ta’ l-industrija fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti mill-mandat u safejn tippossjedi l-għarfien espert legali, kummerċjali u tekniku meħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha taħtar lill-President għall-mandat ta’ tnax-il xahar li jiġġedded.

3.5.   Operat

Il-Kummissjoni għandha torganizza l-laqgħat tal-Grupp, li għandhom ikunu ppreseduti mill-President.

Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw il-mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-Grupp; dawn għandhom ixolju hekk kif ix-xogħol tagħhom ikun twettaq.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp jew tas-sottogruppi tiegħu.

It-tagħrif miksub mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijet tal-Grupp jew tas-sottogrupp irid jinżamm mistur jekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni dan it-tagħrif ikollu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

Il-Grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp jew tas-sottogruppi.

Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tippubblika, jew tpoġġi fuq l-internet tal-Kummissjoni, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe taqsira, konklużjoni, jew dokument ta’ ħidma tal-Grupp.

3.6.   Ħlas lura ta’ l-ispejjeż

L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, tas-sussistenza għall-President, għall-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-Grupp għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni b’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura ta’ spejjeż għal esperti esterni.

Il-President, il-membri, l-esperti u l-osservaturi m'għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

L-ispejjeż għal-laqgħat jitħallsu lura fi ħdan il-limiti tal-baġit annwali allokat għall-Grupp mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni.