1.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 287/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Ottubru 2007

li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-elettriku fl-Iżvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5197)

(It-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/706/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba sottomessa mir-Renju ta’ l-Iżvezja permezz tal-posta elettronika fid-29 ta’ Ġunju 2007,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

I.   Il-fatti

(1)

Fid-29 ta’ Ġunju 2007, l-Iżvezja bagħtet talba skond l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni bil-posta elettronika. Fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet, permezz tal-posta elettronika, għal informazzjoni addizzjonali li, wara proroga ta’ l-iskadenza inizjali, intbagħtet bil-posta elettronika mill-awtoritajiet Żvediżi fis-17 ta’ Awwissu 2007.

(2)

It-talba ppreżentata mir-Renju ta’ l-Iżvezja tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ l-elettriku.

(3)

It-talba hija akkumpanjata mill-konklużjonijiet ta’ l-awtorità nazzjonali indipendenti, Konkurrensverket (l-Awtorità Żvediża għall-Kompetizzjoni), li l-kundizzjonijiet għall-applikabilità ta’ l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE se jiġu rispettati.

II.   Qafas ġuridiku

(4)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq li għalihom l-aċċess m’huwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, waqt li jitqiesu l-karatterisitiċi speċifiċi tas-settur konċernat. L-aċċess jitqies li jkun mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, fil-qasam ta’ l-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (3), li tirrikjedi grad saħansitra ogħla ta’ ftuħ tas-suq.

(5)

L-Iżvezja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttiva 2003/53/KE u għażlet is-separazzjoni totali tal-proprjetà għan-netwerks ta’ trażmissjoni u s-separazzjoni ġuridika u funzjonali tan-netwerks tad-distribuzzjoni għajr għall-iżgħar kumpaniji, li huma eżenti mir-rekwiżiti tas-separazzjoni funzjonali. Konsegwentement, u f’konformità ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 30(3), għandu jiġi kkunsidrat li l-aċċess għas-suq mhux ristrett.

(6)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv fih innifsu. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li għandu jitqies. Kriterju ieħor huwa l-livell tal-konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jitqiesu kriterji ulterjuri bħalma huma l-livell ta’ likwidità, il-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ, il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet u l-grad ta’ bdil tal-fornitur.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   Valutazzjoni

(8)

It-talba ppreżentata mill-Iżvezja tikkonċerna l-produzzjoni kif ukoll il-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ l-elettriku.

(9)

Is-suq ta’ l-elettriku bl-ingrossa fl-Iżvezja huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu integrat fis-suq Nordiku ta’ l-enerġija li jikkonsisti mid-Danimarka, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Finlandja. Dan jikkonsisti f’suq kummerċjali bilaterali bejn il-produtturi fuq naħa u l-fornituri u l-kumpaniji industrijali fuq in-naħa l-oħra, u borża volontarja ta’ l-enerġija tal-pajjiżi Nordiċi, imsejħa “Nord Pool” li għandha suq immedjat u suq fuq terminu ta’ żmien twil. Dan u l-istruttura tas-suq integrata tan-“Nord Pool” (4) juru li jeżisti żvilupp ċar lejn il-ħolqien ta’ suq reġjonali Nordiku bl-ingrossa. Madankollu, jeżistu ostakli fit-trażmissjoni (konġestjoni) li xi kultant jaqsmu ż-żona Nordika f’sitt żoni tariffarji ġeografikament distinti, l-Iżvezja hi waħda minnhom. L-Iżvezja għandha ħames kollegamenti prinċipali bejn in-netwerks tagħha u dawk f’postijiet oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (Danimarka tal-Punent – Żvezja, Danimarka tal-Lvant – Żvezja, Żvezja – Norveġja tan-Nofsinhar, Żvezja – Norveġja tat-Tramuntana u Żvezja – Finlandja). Fl-2005, l-aktar kollegament konġestjonat minn fost dawn il-ħamsa dam ikkonġestjonat għal 52 % tal-ħin u l-anqas ikkonġestjonat għal 8 % tal-ħin (5). Madankollu, huwa rari li dan iseħħ simultanjament fil-ħames kollegamenti kollha. Għalhekk, skond l-awtoritajiet Żvediżi, l-Iżveżja kkostitwiet żona tariffarja totalment separata, li jfisser li ma kellha ebda kollegament ma’ ebda żona tariffarja oħra, matul 0.5 % tal-ħin fl-2005. Barra minn hekk, wara ħarsa ġenerali ta’ l-għadd ta’ żoni kollegati ma’ l-Iżvezja mill-2001, jirriżulta li l-Iżvezja kienet kollegata ma’ talanqas 4 mis-6 żoni tariffarji l-oħra ta’ dak iż-żmien – in-Norveġja kienet maqsuma fi tliet żoni u mhux fi tnejn kif inhu attwalment – fi 82.4 % tal-ħin (6). Konsegwentement, u skond il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni (7), il-kwistjoni dwar jekk is-suq jikkostitwixxix wieħed nazzjonali jew reġjonali se titħalla miftuħa billi r-riżultat ta’ l-analiżi jibqa’ l-istess sew jekk huwa bbażat fuq definizzjoni dejqa jew fuq waħda usa’.

(10)

Essenzjalment għall-istess raġunijiet, għall-każ tal-produzzjoni ta’ l-elettriku, jeżisti żvilupp ċar lejn suq reġjonali Nordiku, għalkemm ostakli ta’ trażmissjoni u limiti għall-kapaċitajiet – madwar 24 % tal-kapaċità produttiva installata fl-Iżvezja – tal-kollegamenti bejn in-netwerks Żvediżi u dawk ta’ żoni oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jkollhom l-effett li jirrestrinġu temporanjament is-suq għat-territorju ta’ l-Iżvezja. F’dan il-każ ukoll, il-kwistjoni dwar jekk is-suq jikkostitwixxix wieħed nazzjonali jew reġjonali se titħalla miftuħa billi r-riżultat ta’ l-analiżi jibqa’ l-istess sew jekk huwa bbażat fuq definizzjoni dejqa nkella fuq waħda usa’.

(11)

Kif ikkonfermaw l-awtoritajiet Żvediżi, is-suq bl-imnut jikkorrispondi għat-territorju ta’ l-Iżvezja, minħabba, fost affarijiet oħra, differenzi fit-tassazzjoni u r-regoli għal responsabilità bbilanċjata bejn il-pajjiżi Nordiċi. Barra minn hekk, il-Konkurrensverket tistqarr b’mod espliċitu li s-suq bl-imnut “huwa nazzjonali, primarjament minħabba li bosta ostakli tekniċi u regolatorji jipprevjenu lill-utent finali milli jixtri l-elettriku minn intermedjarji tas-settur enerġetiku f’pajjiżi oħra”.

(12)

Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku (8), minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ir-“Rapport ta’ l-2005”, il-Kummissjoni stqarret li “ħafna swieq nazzjonali juru grad għoli ta’ konċentrazzjoni ta’ l-industrija, li jtellef l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva” (9). Minħabba dan, huwa kkunsidrat li, fir-rigward tal-produzzjoni ta’ l-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali tas-suq ta’ l-ikbar tliet produtturi (10)” Skond l-“Anness Tekniku” (11), is-sehem tas-suq aggregat tat-tliet produtturi l-kbar tal-produzzjoni totali fiż-żona Nordika hi ta’ 40 % (12), %, li hu livell baxx b’mod sodisfaċenti. Jekk ikkalkolati fil-konfront tat-territorju Żvediż, l-ishma tas-suq aggregati tat-tliet l-akbar produtturi huma, naturalment, ogħla b’86.7 % (13) fl-2004. Madankollu, il-perjodi li fihom is-suq Żvediż huwa iżolat huma limitati għal 0.5 % tal-ħin fl-2005 (14). Għalhekk, matul parti sinifikanti tas-sena teżisti pressjoni kompetittiva fuq is-suq Żvediż imnissla mill-potenzjal li l-elettriku jiġi impurtat minn barra t-territorju Żvediż, aktar u aktar peress li l-ebda ħlas ta’ trażmissjoni ma hu mħallas bejn il-pajjiżi Nordiċi. Il-kollegamenti bejn l-Iżvezja u żoni tariffarji oħra li sikwit ma jkunux konġestjoni jiggarantixxu li l-investiment fis-settur ta’ l-elettriku fit-territorju Żvediż ma jistax isir mingħajr ma jitqiesu produtturi oħra fis-suq Nordiku. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-fatturi, għandu jiġu konkluż li s-suq tal-produzzjoni huwa direttament espost għall-kompetizzjoni, sew jekk jitqies is-suq nazzjonali Żvediż sew jekk jitqies is-suq reġjonali li qed jinbet.

(13)

Il-livelli ta’ konċentrazzjoni u ta’ likwidità huma wkoll indikaturi tajba tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta’ l-elettriku. Fuq livell reġjonali, 42.82 % tal-konsum ta’ l-elettriku fil-pajjiżi Nordiċi nbiegħ permezz tan-Nord Pool Spot AS – il-borża volontarja ta’ l-enerġija tal-pajjiżi Nordiċi deskritta fil-premessa 9 – fl-2004 - 2005 (15) Skond ir-Rapport Finali, dwar dak it-tip ta’ borża ta’ l-enerġija “il-konċentrazzjoni fil-produzzjoni ssib […] espressjoni diretta f’konċentrazzjoni pjuttost stabbli u ekwivalenti  (16) fil-boroż ta’ l-enerġija.” (17) Għat-tliet l-akbar produtturi taż-żona Nordika, dan jammonta għal 40 % (18), għal suq reġjonali, dan huwa livell sodisfaċenti. Jekk ikkalkolati fil-konfront tas-suq Żvediż waħdu, l-ishma tas-suq aggregati tat-tliet l-akbar operaturi fis-suq bl-ingrossa huma, naturalment, ogħla b’86 % (19) fl-2006. Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li teżisti kompetizzjoni bejn it-tliet l-akbar operaturi bl-ingrossa fis-suq Żvediż u bosta oħrajn iżgħar. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kollegament maż-żona Nordika, għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid li l-ostakli msemmija hawn fuq (konġestjoni) mhumiex kostanti, iżda biss temporanji. Għalhekk, teżisti pressjoni kompetittiva esterna frekwenti, flimkien ma’ dik interna, fis-suq Żvediż imnissla mill-potenzjal li l-elettriku jinkiseb minn barra t-territorju Żvediż. Aktar u aktar peress li l-Iżvezja hija t-tielet l-akbar importatur nett ta’ elettriku fl-UE f’termini ta’ perċentwal tal-konsum nazzjonali tagħha (20) u l-ebda ħlas ta’ trażmissjoni mhu mħallas bejn il-pajjiżi Nordiċi. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ l-elettriku huma wkoll influwenzati b’mod qawwi mill-kummerċ finanzjarju marbut ma’ l-elettriku fiż-żona tas-suq ikkonċernata, li, f’termini ta’ volum innegozjati permezz tan-Nord Pool, jirrappreżentaw madwar id-doppju tal-kwantità kkonsmata fil-pajjiżi Nordiċi fl-2005 (21) (’il fuq minn ħames darbiet ta’ din il-kwantità jekk jitqiesu wkoll tranżazzjonijiet oħra, bħat-tranżazzjonijiet barra mill-borża (OTC) jew l-bejgħ dirett) (22). Fl-Anness Tekniku (23), dan il-livell ta’ likwidità ġie kkunsidrat bħala sodisfaċenti, jiġifieri bħala indikatur ta’ suq kompetittiv u li jaħdem sew. Minħabba r-rabta qawwija li teżisti bejn is-suq bl-ingrossa Żvediża u s-suq Nordiku, dan il-livell ta’ likwidità għandu jitqies ukoll bħala wieħed li jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq is-suq Żvediż. Ir-Rapport Finali jikklassifika n-Nord Pool fost is-“swieq bl-ingrossa ta’ l-elettriku l-aktar likwidi u effiċjenti” (24). Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-fatturi, għandu jiġu konkluż li s-suq bl-ingrossa huwa direttament espost għall-kompetizzjoni, sew jekk jitqies is-suq nazzjonali Żvediż sew jekk jitqies is-suq reġjonali li qed jinbet.

(14)

Fid-dawl tad-daqs tal-pajjiż, huwa kemmxejn għoli kemm l-għadd ta’ operaturi ekonomiċi preżenti fis-suq bl-imnut (25) (madwar 130, skond l-awtoritajiet Żvediżi, ħafna minnhom joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali kollu tagħhom) kif ukoll l-għadd ta’ kumpaniji b’sehem tas-suq ogħla minn 5 %. Fl-aħħar ta’ l-2004, is-sehem tas-suq aggregat ta’ l-akbar tliet kumpaniji f’termini ta’ provvista lill-kategoriji kollha ta’ utenti (utenti industrijali kbar, impriżi żgħar u ta’ daqs medju u klijenti kummerċjali żgħar ħafna u utenti domestiċi) huwa ta’ 50 %, livell sodisfaċentement baxx (26). Skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Żvediżi, l-ishma aggregati tat-tliet l-akbar kumpaniji fis-suq bl-imnut Żvediż ammontaw għal 43 % f’termini ta’ numru ta’ klijenti fl-2006. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għandu jiġi konkluż li s-suq huwa direttament espost għall-kompetizzjoni.

(15)

Barra minn dan, il-funzjonament tas-swieq ta’ bilanċ għandu wkoll ikun kkunsidrat bħala indikatur, mhux biss fir-rigward tal-produzzjoni iżda wkoll għas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut. Fil-fatt, “kull parteċipant tas-suq li ma jsibhiex faċli li jadatta l-produzzjoni tiegħu mal-karatteristiċi tal-klijenti tiegħu jissogra li jsib ruħu penalizzat mid-differenza bejn il-prezz li bih l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni [minn hawn ’il quddiem TSO – transmission system operator] ibigħ l-enerġija żbilanċjata, u l-prezz li bih jixtri lura l-produzzjoni żejda. Dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu jew imposti direttament mir-regolatur fuq it-TSO; jew inkella, iffissati permezz ta’ mekkaniżmu bbażat fuq is-suq, li fih il-prezz jiġi ddeterminat mill-offerti ta’ produtturi oħrajn li jirregolaw il-produzzjoni tagħhom ’il fuq jew ’l isfel […]. Il-parteċipanti ż-żgħar jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari f’każ ta’ riskju li l-differenza bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u il-prezz tal-bejgħ tkun għolja. Dan jiġri f’għadd ta’ Stati Membri u x’aktarx ikun ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Differenza kbira tista’ tindika livell insuffiċjenti ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ li jista’ jkun iddominat minn produttur wieħed jew tnejn biss. Diffikultajiet ta’ din ix-xorta jaggravaw ruħhom meta l-utenti tan-netwerk mhumiex kapaċi jadattaw il-pożizzjoni tagħhom fi żmien kważi reali. (27)” Fiż-żona tal-pajjiżi Nordiċi jeżisti suq ta’ bilanċ integrat għall-provvista ta’ enerġija ta’ bilanċ u l-karatteristiċi ewlenin ta’ dan is-suq – prezzijiet ibbażati fuq is-suq, għeluq kull siegħa, jiġifieri l-possibilità għall-utenti tan-netwerk li jadattaw il-pożizzjonijiet tagħhom kull siegħa u differenza baxxa bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u l-prezz tal-bejgħ – huma tali li għandu jitqies bħala indikatur ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

(16)

Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat (l-elettriku) u l-iskarsezza jew l-indisponibilità ta’ prodotti jew servizzi sostituttivi adegwati, il-kompetizzjoni f’termini ta’ prezzijiet u l-formazzjoni tal-prezzijiet jassumu importanza akbar fil-valutazzjoni tal-grad ta’ kompetizzjoni tas-swieq ta’ l-elettriku. In-numru ta’ klijenti li jibdlu l-fornitur huwa indikatur ta’ kompetizzjoni ġenwina fil-prezz u, b’hekk, indirettament, “indikatur naturali għall-effikaċja tal-kompetizzjoni. Jekk dan in-numru huwa baxx, x’aktarx li hemm problema ta’ funzjonament tas-suq, anki jekk ma għandhomx jiġu injorati l-vantaġġi implikati mill-possibilità ta’ negozjar mill-ġdid mal-fornitur storiku (28)”. Barra minn hekk, “l-eżistenza ta’ prezzijiet regolati għall-utenti finali hija bla ebda dubju fattur determinanti ta’ l-imġiba ta’ l-klijentela […]. Minkejja li ż-żamma tal-kontrolli tista’ tiġi ġġustifikata f’perjodu ta’ tranżizzjoni, din l-għażla se tkompli tikkawża aktar distorsjonijiet hekk kif joqrob il-bżonn ta’ investimenti” (29).

(17)

Dokument tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ dan l-aħħar jistqarr li (30)“Il-bdil tal-fornitur hija prassi komuni fis-suq ta’ l-elettriku bl-imnut Żvediż. Mir-riforma tas-suq ta’ l-1996, total ta’ 54 % tal-klijenti ta’ l-elettriku nnegozjaw mill-ġdid il-kuntratti tagħhom jew biddlu l-fornitur tagħhom. Fuq livell ġenerali, il-kompetizzjoni fuq il-klijenti finali titqies li qiegħda taħdem.” (31) Barra minn dan, fl-Iżvezja ma jeżistix kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali (32), fi kliem ieħor, il-prezzijiet huma stabbiliti mill-operaturi ekonomiċi nfushom u mhux meħtieġ li jiġu approvati minn ebda awtorità qabel ma jiġu applikati. Is-sitwazzjoni fl-Iżvezja hi għalhekk sodisfaċenti fejn jidħlu l-bdil tal-fornitur u l-kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali u għandha titqies bħala indikatur ta’ l-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

IV.   Konklużjonijiet

(18)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (8) sa (17), il-kundizzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li ntlaħqet fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ l-elettriku fl-Iżvezja.

(19)

Minbarra dan, ġaladarba l-kundizzjoni ta’ aċċess għas-suq mingħajr restrizzjonijiet titqies li ntlaħqet, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta entitajiet aġġudikanti jagħtu kuntratti maħsuba li jippermettu l-produzzjoni jew il-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta’ enerġija elettrika fl-Iżvezja, u lanqas meta jorganizzaw konkorsi għall-eżeċizzju ta’ din l-attività fl-Iżvezja.

(20)

Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni tad-dritt u tal-fatt ta’ Novembru 2007 kif tidher mill-informazzjoni sottomessa mir-Renju ta’ l-Iżvezja, mir-Rapport ta’ l-2005 u l-Anness Tekniku tiegħu, il-Komunikazzjoni ta’ l-2007 u d-Dokument tal-Persunal ta’ l-2007 kif ukoll mir-Rapport Finali. Din tista’ tiġi riveduta jekk, wara tibdiliet sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-dritt jew tal-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ applikabilità ta’ l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhumiex rispettati aktar.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet aġġudikanti u maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ enerġija elettrika fl-Iżvezja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Iżvezja.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni (KE) Nru 2006/97/KE tal-Kunsill (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).

(2)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(3)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(4)  Ara p. 334, paragrafu A.2 5) ta’ COM(2006) 851 finali ta’ l-10.1.2007. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Inkjesta skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u ta’ l-elettriku, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Rapport Finali”.

(5)  Ara p. 333, paragrafu A.1, tabella ċ, tar-Rapport Finali.

(6)  Punt 28 tal-kawża COMP/M.3867 Vettenfall/Elsam u E2 Assets tat-22.12.2005.

(7)  Ara il-kawża diġà msemmija COMP/M.3867, punti 22-23, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/422/KE tad-19 ta’ Ġunju 2006 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u dak postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-elettriku fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33. Ara wkoll f’dan is-sens ir-Rapport Finali, p. 334, paragrafu A.2.5.

(8)  COM(2005) 568 finali, 15.11.2005.

(9)  Ir-Rapport ta’ l-2005, p. 2.

(10)  Ara r-Rapport ta’ l-2005, p. 7.

(11)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Anness Tekniku għar-Rapport ta’ l-2005, SEC(2005) 1448.

(12)  P. 44, tabella 4.1, ta’ l-Anness Tekniku.

(13)  Skond ir-Rapport Finali, Anness C, p. 338.

(14)  Ara l-premessa 9.

(15)  Ir-Rapport Finali, p. 126, paragrafu 380, tabella 16.

(16)  L-enfasi nżdiedet għal finijiet ta’ qari mexxej.

(17)  P. 141, paragrafu 424.

(18)  P. 44, tabella 4.1, ta’ l-Anness Tekniku.

(19)  Skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Żvediżi.

(20)  Ir-Rapport Finali, p. 112, paragrafu 319.

(21)  Ir-Rapport Finali, p. 127, paragrafu 383, tabella 17.

(22)  Ir-Rapport Finali, p. 127, paragrafu 383, tabella 17.

(23)  P. 44-45.

(24)  P. 193, paragrafu 581.

(25)  Meta mqabbel mal-fatt li fir-Renju Unit hemm sitt fornituri ewlenin attivi fis-suq ta’ l-utenti domestiċi kif ukoll kumpaniji oħra li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-settur ta’ l-utenti kbar, ara id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/141/KE tas-26 ta’ Frar 2007 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali tapplika għall-provvista ta’ l-elettriku u ta’ gass fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales, (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23) filwaqt li l-għadd ta’ operaturi ekonomiċi fis-suq bl-imnut fil-Finlandja huwa ogħla minn 60, (ara d-Deċiżjoni 2006/422/KE msemmija hawn fuq).

(26)  L-Anness Tekniku, p. 45.

(27)  L-Anness Tekniku, p. 67-68.

(28)  Ir-Rapport 2005, p. 9.

(29)  L-Anness Tekniku, p. 17.

(30)  SEC(2006) 1709, 10.1.2007“Dokument ta’ akkumpanjament mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Prospettivi tas-suq intern tal-gass u ta’ l-elettriku – Rapport ta’ implimentazzjoni, COM(2006) 841 finali”. Minn hawn ’il quddiem, se ssir referenza għal dawn id-dokumenti bħala d-Dokument tal-Persunal ta’ l-2007 u l-Komunikazzjoni ta’ l-2007.

(31)  Id-Dokument tal-Persunal ta’ l-2007, p. 158.

(32)  L-Anness Tekniku, p. 124.