26.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 282/41 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-30 ta’ Novembru 2005
dwar provvediment skond l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea fil-konfront ta’ Armando Álvarez SA, Bernay Film Plastique, Bischof + Klein France SAS, Bischof + Klein GmbH & Co. KG, Bonar Technical Fabrics N.V., British Polythene Industries PLC, Cofira-Sac SA, Combipac B.V., Fardem Packaging B.V., FLSmidth & Co. A/S, FLS Plast A/S, Groupe Gascogne, JM Gesellschaft für industrielle Beteiligungen mbH & Co. KGaA, Kendrion N.V., Koninklijke Verpakkingsindustrie Stempher C.V., Low & Bonar PLC, Nordenia International AG, Nordfolien GmbH, Plásticos Españoles S.A., RKW AG Rheinische Kunststoffwerke, Sachsa Verpackung GmbH, Stempher B.V., Trioplast Industrier AB, Trioplast Wittenheim SA, UPM-Kymmene Oyj
(Każ Nru COMP/38354 – Boroż industrijali)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2005) 4634)
(il-verżjonijiet bill-Franċiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)
(2007/686/KE)
Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar provvediment skond l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE. Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut tad-Deċiżjoni, inkluż kull multa imposta, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
1. SOMMARJU TAL-KAŻ
1.1. Destinatarji
(1) |
Id-Deċiżjoni għandha bħala destinatarji l-impriżi li ġejjin talli kisru l-Artikolu 81(1) tat-Trattat tal-KE:
|
(2) |
Id-destinatarji li saret referenza għalihom hawn fuq ħadu sehem fi ksur singolu u kontinwu ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE, li jkopri l-Benelux, Franza, il-Ġermanja u Spanja (2), li permezz tiegħu qablu li jiffissaw il-prezzijiet tal-boroż industrijali, li jistipulaw mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezz, li jallokaw ishma u kwoti tas-suq, li jallokaw klijenti u negozji, li jipproċedu lejn sottomissjonijiet miftiehma għall-offerti u li jagħmlu skambju ta’ informazzjoni individwalizzata. It-tul tal-ksur proprju lil kull destinatarju msemmi fid-Deċiżjoni jvarja bejn 3 u 20 sena. |
1.2. Is-settur tal-boroż industrijali
(3) |
Il-boroż industrijali tal-plastik (3), komunement imsemmija “boroż industrijali” jintużaw għall-ippakkjar ta’ prodotti bażiċi, u b’mod aktar ġenerali materja prima, fertilizzanti, polimeri, materjal tal-bini, prodotti agrikoli u ortikulturali u għalf ta’ l-annimali. |
(4) |
Il-boroż industrijali tal-plastik jistgħu jitqassmu f’erba’ kategoriji:
|
1.3. Il-provvista
(5) |
Sa mill-bidu tas-snin disgħin wieħed seta’ josserva xejra lejn konċentrazzjoni fost il-manifatturi tal-pellikoli u tal-boroż tal-plastik, u saru diversi akkwisti fl-aħħar snin. Madankollu, flimkien ma’ l-atturi Ewropej ibbażati f’għadd ta’ Stati Membri ta’ l-UE, kumpaniji iżgħar li għażlu strateġija ta’ żvilupp lokali huma wkoll preżenti fis-suq. |
1.4. Id-domanda
(6) |
Sas-snin ħamsin, l-industrija użat il-boroż tat-tessuti u tal-karta biex jinġarru l-prodotti. Bl-iżvilupp tat-trasport marittimu bl-ingrossa, l-industrija tal-boroż tat-tessuti majnat. L-introduzzjoni tal-borża tal-politin fis-snin ħamsin wassal għal domanda dejjem tikber għal dan it-tip ta’ borża, li fost l-oħrajn kienet konformi mal-ħtiġijiet ta’ l-industrija għall-ippakkjar li jirreżisti l-ilma. |
(7) |
Sa minn nofs is-snin sebgħin, il-boroż FFS ġew mibdula bil-mod il-mod b’tipi oħra ta’ boroż industrijali. Ir-raġuni tas-suċċess tagħhom huwa l-aktar minħabba l-proċess ta’ mili awtomatiku li jippermetti li jiġu mmaniġġjati volumi kbar, u minħabba ħtieġa limitata ta’ xogħol. |
1.5. Ambitu tal-ksur
(8) |
L-investigazzjoni uriet li l-kartell ikopri s-swieq tal-Benelux, Franza, il-Ġermanja u Spanja. Is-suq ikkonċernat kien stmat madwar 220 miljun Euro fl-1996 u bejn 250 u 300 Euro fl-2001. Il-membri tal-kartell kienu jirrappreżentaw madwar 75 % tas-suq fl-1996. |
1.6. Oriġini u proċedura
(9) |
F’Novembru 2001, il-kumpanija BPI infurmat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ kartell fis-settur tal-boroż industrijali u esprimiet ix-xewqa li tikkoopera mal-Kummissjoni skond l-Avviż ta’ l-1996 dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-multi fil-każijiet tal-kartell (“Avviż ta’ Klemenza”) (4). BPI ipprovdiet lill-Kummissjoni bl-evidenza li ppermettiet li jsiru spezzjonijiet f'Ġunju 2002. |
1.7. It-tħaddim tal-kartell
(10) |
Il-kartell kien bażikament jaħdem fuq żewġ livelli:
|
(11) |
Il-prattiċi antikompetittivi identifikati kienu jkopru b’mod partikolari:
|
2. MULTI
2.1. Ammont Bażiku
(12) |
L-ammont bażiku ta’ multa huwa determinat skond il-gravità u t-tul tal-ksur. |
2.1.1. Gravità
(13) |
Rigward in-natura tal-ksur u l-ambitu ġeografiku tiegħu, il-ksur għandu jiġi kwalifikat bħala wieħed serju ħafna. |
2.1.2. Trattament differenzjat
(14) |
Fi ħdan il-kategorija ta’ ksur serju ħafna, l-iskala ta’ multi li jiġu applikati tagħmilha possibbli li jiġi applikat trattament differenzjat lill-impriżi biex titqies il-kapaċità ekonomika effettiva li tikkawza ħsara sinifikanti lill-kompetizzjoni. Dan huwa xieraq fejn, bħal f’dan il-każ, hemm disparitajiet konsiderevoli f’termini ta’ importanza bejn l-impriżi involuti fil-ksur. |
(15) |
L-impriżi tqassmu f’sitt kategoriji skond l-importanza relattiva tagħhom fis-suq relevanti fl-1996. L-1996 kienet sena ta’ referenza minħabba li kienet l-iktar sena viċina u sħiħa tal-ksur li fih l-impriżi kollha implikati fil-kartell kienu għadhom preżenti fis-suq rilevanti. |
(16) |
Bl-ishma tas-suq stmati 12,5 % u 11,5 %, Wavin/BPI u Bischof + Klein tqiegħdu fl-ewwel kategorija. Nordenia/Nordfolien tqiegħdu fit-tieni kategorija b’sehem tas-suq ta’ 8,9 %. Aspla (7,2 %) u Fardem (6,6 %) tqiegħdu fit-tielet kategorija. UPM-Kymmene (4,8 %), RKW (4,6 %) u Stempher (4,3 %) tqegħdu fir-raba’ kategorija. Bonar Technical Fabrics (3,1 %), Cofira (2,9 %) u Trioplast Wittenheim (2,8 %) tqiegħdu fil-ħames kategorija. Sachsa (2,3 %), Bischof + Klein France (1,9 %) u Bernay Film Plastique (1,6 %) tqiegħdu fis-sitt kategorija. |
(17) |
Għal Stempher (Koninklijke Verpakkingsindustrie Stempher C.V. u Stempher BV), m’hemm ebda evidenza fil-fajl li kienet taf bl-iskema globali tal-kartell. Il-parteċipazzjoni tagħha kienet limitata għal wiehed mis-subgruppi li kien jittratta biss mas-suq Olandiż (u minn żmien għal żmien mal-Belġju). Għalhekk tnaqqis ta’ 25 % jiġi applikat fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Stempher. |
2.1.3. Deterrent Suffiċjenti
(18) |
Fi ħdan il-kategorija ta’ ksur serju ħafna, l-iskala tal-multi li tista’ tkun imposta tagħmilha wkoll possibbli li jiġu ffissati multi f’livell li jassigura li għandhom effett biżżejjed ta’ deterrent, meta jitqies id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li fl-2004, l-aktar sena kummerċjali riċenti qabel din id-Deċiżjoni, id-dħul tal-grupp UPM-Kymmene kien 9 820 miljun Euro. Għalhekk, jitqies xieraq, li jiġi applikat il-fattur ta’ multiplikazzjoni għal 2 tal-multa imposta fuq UPM-Kymmene. |
2.1.4. Tul ta’ żmien
(19) |
Żidiet perċentwali individwalizzati jiġu applikati skond it-tul tal-ksur proprju għal kull kumpanija. Bischof + Klein Co. KG, Cofira-Sac SA, Fardem Packaging, Nordenia International AG, Trioplast Wittenheim, RKW u JM Gesellschaft für industrielle Beteiligungen kellhom sehem fil-ksur matul perjodu ta’ aktar minn 20 sena li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 200 %. Combipac kellha sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 19-il sena u 10 xhur li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 195 %. Bischof + Klein France SAS kellha sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 18-il sena u 11-il xahar li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 185 %. Sachsa kellha sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 14-il sena u 4 xhur li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 140 %. Aspla u Armando Álvarez SA kellhom sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 11-il sena u 3 xhur li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 110 %. Groupe Gascogne, FLS Plast u FLSmidth & Co kellhom sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 8 snin (u 5 xhur għal Groupe Gascogne) li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 80 %. Kendrion NV kellha sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 7 snin li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 70 %. Nordfolien kellha sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 9 snin u 7 xhur li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 95 %. Bonar Technical Fabrics u Low & Bonar kellhom sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 6 snin u xahrejn li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 60 %. UPM-Kymmene u British Polythene Industries PLC kellhom sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 4 snin u 6 xhur li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 45 %. K.V. Stempher C.V. u Stempher BV kellhom sehem fil-ksur matul perjodu ta’ 4 snin li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 40 %. Fl-aħħarnett, Trioplast Industrier AB u Bernay Film Plastique kellhom sehem fil-ksur matul perjodu ta’ aktar minn 3 snin li wassal għal żieda perċentwali ta’ l-ammont inizjali ta’ 30 %. |
2.2. Ċirkostanzi aggravanti
2.2.1. Ksur ripetut
(20) |
Meta sar il-ksur, UPM-Kymmene kienet diġà suġġetta għad-deċiżjonijiet preċedenti ta’ projbizzjoni tal-Kummissjoni għall-attivitajiet ta’ kartell fid-Deċiżjoni 94/601/KE fil-każ Cartonboard case (IV/C/33.833). Din iċ-ċirkostanza aggravanti tiġġustifika żieda ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq UPM-Kymmene. |
2.2.2. Xkiel fl-investigazzjoni
(21) |
Matul l-ispezzjoni, maniġer ta’ Bischof + Klein qered dokument magħżul mill-uffiċjali tal-Kummissjoni. Jitqies li irrispettivament mill-effett tagħha, imġiba bħal din bilfors fixklet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u xekklet lill-ispetturi tagħha fl-eżerċizzju tal-poteri investigattivi tagħhom. Dan ix-xkiel deliberat jikkostitwixxi ċirkostanza aggravanti, kif ipprovdut fil-Linji Gwida dwar Multi, li għandu jiġi penalizzat b’żieda ta’ 10 % fuq l-ammont bażiku tal-multa. |
2.3. Ċirkostanzi attenwanti
(22) |
Għadd ta’ impriżi talbu li jiġu applikati ċirkostanzi attenwanti u indikaw numru ta’ fatturi bħar-rwol passiv tagħhom, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni effettiva tal-prattiċi, it-terminazzjoni bikrija tal-ksur, l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ konformità u s-sitwazzjoni ta’ kriżi fis-settur tal-boroż industrijali. Dawn it-talbiet huma kollha miċħuda għaliex bla bażi. |
2.4. L-applikazzjoni ta’ limitu ta’ 10 % fid-dħul
(23) |
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprovdu li l-multa imposta fuq kull impriża m’għandhiex taqbeż 10 % tad-dħul tagħha. Dwar il-limitu ta’ 10 %, jekk “għadd ta’ destinatarji jikkostitwixxu‘l-impriża’, jiġifieri l-entità ekonomika responsabbli għal ksur penalizzat, (…) fid-data meta ġiet adottata d-Deċiżjoni, (…) il-limitu jista’ jiġi kklalkulat fuq il-bażi tad-dħul totali ta’ dik l-impriża, jiġifieri tal-partijiet kollha kostitwenti tagħha flimkien. B’kuntrast, jekk dik l-unità ekonomika minn dak iż-żmien falliet, kull parti destinatarja tad-Deċiżjoni hija intitolata li jkollha l-limitu in kwistjoni applikat individwalment għaliha” (5). |
(24) |
Il-limitu ta’ 10 % jiġi applikat meta xieraq, jiġifieri fil-konfront ta’ Stempher, Bernay Film Plastique, Nordenia International AG, Nordefolien GmbH, Cofira-Sac, Fardem, Combipac BV, Bischof + Klein GmbH & Co. KG u Bischof + Klein France. |
2.5. L-applikazzjoni ta’ l-Avviż ta’ Klemenza ta’ l-1996
(25) |
Meta jitqies li BPI applikat għall-klemenza qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-Avviż ta’ Klemenza ta’ l-2002, id-dispożizzjonijiet ta’ l-avviż ta’ l-1996 japplikaw għal dan il-każ. |
2.5.1. Sezzjoni B (tnaqqis minn 75 % għal 100 %)
(26) |
F’Novembru 2001, BPI kienet l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni bl-elementi deċiżivi ta’ prova tal-ksur li ppermetta lill-Kummissjoni li tagħmel spezzjonijiet b’suċċess. BPI tat il-kooperazzjoni tagħha matul l-investigazzjoni u għalhekk issodisfat l-obbligi imposti mill-avviż ta’ klemenza. |
(27) |
Tliet partijiet iddikjaraw fir-risposta tagħhom għall-Istqarrija ta’ Oġġezzjonijiet li BPI kienet ħadet sehem wara Novembru 2001 f’arranġament ta’ kollużjoni dwar offerta. Wara investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet u minħabba li ebda materjal ta’ prova deċiżiv ma ġie prodott, il-Kummissjoni tikkunsidra li BPI għandha tinżamm taħt Sezzjoni B ta’ l-avviż. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li BPI (inkluż il-kumpanija sussidjarja tagħha Compipac BV) hija intitolata li tibbenefika minn tnaqqis ta’ 100 % fl-ammont tal-multa li suppost kellu jiġi impost. |
2.5.2. Sezzjoni D (tnaqqis minn 10 % għal 50 %)
(28) |
Trioplast-Wittenheim applikat għal klemenza wara li rċeviet it-talba għall-informazzjoni li l-Kummissjoni bagħtitilha skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. L-ispjegazzjonijiet li tat dwar it-tħaddim tal-kartell u dwar xi dokumenti għenu biex tkun konfermata l-eżistenza tal-ksur. Minħabba din il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tikkonsidra li Trioplast Wittenheim u Trioplast Industrier huma intotali li jibbenefikaw minn 30 % tnaqqis fl-ammont tal-multa li suppost kellha tiġi imposta, skond Sezzjoni D ta’ l-Avviż ta’ Klemenza ta’ l-1996. |
(29) |
Bischof+Klein u Cofira pprovdew xi informazzjoni jew dokumenti li kienu akbar fin-numru mir-risposti għall-ittra ta’ Artikolu 11 u ma kkontestawx il-fatti. Minħabba l-kooperazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tqis li Bischof + Klein GmbH & Co. KG, Bischof u Klein France SAS u Cofira-Sac SA huma intitolati li jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 25 % fl-ammont tal-multa li suppost kellha tiġi imposta. |
(30) |
Il-Kummissjoni tqis li Nordfolien (6) u Bonar Technical Fabrics (7) huma intitolati li jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 10 % fl-ammont tal-multa li suppost kellha tiġi imposta talli ma kkontestawx il-fatti. |
(31) |
Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni mogħtija b’mod volontarju minn Sachsa ma kkontribwietx sostanzjalament biex jitwaqqaf il-ksur u għalhekk ma tikkwalifikax għalnaqqis fil-multa. |
(32) |
It-talbiet ta’ FLS-Plast u FLSmidth għal tnaqqis tal-multa talli ma kkontestawx il-fatt qed jiġu miċħuda. |
3. DEĊIŻJONI
(33) |
L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81 tat-Trattat billi ħadu sehem, matul il-perjodi indikati, f’kumpless ta’ ftehimiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda, li jikkonsisti fl-iffissar ta’ prezzijiet u t-twaqqif ta’ mudelli ta’ kalkolu ta’ prezz komuni, it-tqassim tas-swieq u l-allokazzjoni tal-kwoti tal-bejgħ, l-assenjar tal-klijenti, in-negozji u l-ordnijiet, is-sottomissjoni ta’ offerti miftiehma bi tweġiba għal ċerti inviti għall-offerti u skambju ta’ informazzjoni individwalizzata:
|
(34) |
Stempher BV u Koninklijke Verpakkingsindustrie Stempher C.V. kisru l-Artikolu 81 tat-Trattat billi ħadu sehem, mill-25 ta’ Ottubru 1993 sal-31 ta’ Ottubru 1997, f’kumpless ta’ ftehimiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-boroż ta’ plastik industrijali fl-Olanda u, kultant, fil-Belġju li jikkonsisti fl-iffissar ta’ prezzijiet u t-waqqif ta’ mudelli ta’ kalkolu ta’ prezz komuni, it-tqassim tas-swieq, l-assenjar tal-klijenti, in-negozji u l-ordnijiet, u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata. |
(35) |
Għal dan il-ksur qed jiġu imposti l-multi li ġejjin:
|
(36) |
L-impriżi elenkati hawn fuq għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur li hemm referenza għalih fil-paragrafi 33 u 34 hawn fuq, jekk għadhom m’għamlux dan. M’għandhomx jirrepetu xi att jew kondotta deskritta fil-paragrafi 33 u 34 u xi att jew kondotta li għandhom l-għan li huwa l-istess jew li huwa simili. |
(37) |
Verżjoni mhux kunfidenzjali tat-test sħiħ tad-Deċiżjoni ser tiġi ppubblikata fil-lingwi awtentiċi tal-każ fil-websajt tad-DG Competition f’dan l-indirizz http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html |
(1) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).
(2) Il-parteċipazzjoni ta’ Stempher fil-ksur kien limitat għall-Olanda u f’xi okkażjonijiet għall-Belġju.
(3) Hemm ukoll boroż industrijali magħmula mill-karta, imma dawn ma jaqgħux taħt l-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.
(4) ĠU C 207, 18.7.1996, p. 4.
(5) Ara s-sentenza tal-Qorti ta’ Prim’Istanza fil-Każijiet T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, Tokai Carbon and Co Ltd and others v Commission, ikkwotati hawn fuq, paragrafu 390.
(6) Billi Nordfolien u Nordenia International AG kienu proprjetà ta’ żewġ impriżi differenti mill-2003, il-kooperazzjoni li fuqha qed tfittex li tibbaża ruħha Nordfolien għandha titqies li taqa’ biss fuq dik il-kumpanija, u għalhekk m’hemmx raġuni biex Nordenia International AG titħalla tibbenefika mit-tnaqqis fil-multa mogħtija lil Nordfolien.
(7) Billi Low & Bonar PLC tifforma impriża komuni ma’ Bonar Technical Fabrics, hija wkoll intitolata li tibbenefika minn dan it-tnaqqis.