|
18.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 274/11 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Ġunju 2007
dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi pari għal sħubija ad interim mill-Komunità Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana
(2007/668/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu flimkien mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu;
Billi:
|
(1) |
Il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta’ Marzu 2001 li jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja f’isem il-Komunità Ewropea, l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (1). |
|
(2) |
Il-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali hija mistennija li tiġi emendata mill-Kunsill ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana fil-109/110 sessjoni tiegħu ta’ Ġunju 2007 sabiex tippermetti unjonijiet tad-dwana u ekonomiċi fosthom il-Komunità Ewropea li jissieħbu ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana. |
|
(3) |
L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jappoġġjaw l-abbozz ta’ emenda li, wara l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, tkun tippermetti l-adeżjoni tal-Komunità għall-Konvenzjoni emendata. |
|
(4) |
Wara taħdidiet esploratorji ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, il-Komunità Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana eżaminaw il-possibiltà għall-Komunità Ewropea li teżerċita d-drittijiet u l-obbligi li jixbhu lil dawk tal-Membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana sakemm tiġi ratifikata l-Konvenzjoni emendata li twaqqaf Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali mill-Membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana. |
|
(5) |
Il-Komunità Ewropea mistennija li tkun f’pożizzjoni li tassumi dawn id-drittijiet u l-obbligi fil-qafas tal-Konvenzjoni li twaqqaf Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali fi kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-komunità. |
|
(6) |
L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom iżommu l-istatus tagħhom fl-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana. |
|
(7) |
Kemm il-Komunità Ewropea kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom il-kompetenza fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali. |
|
(8) |
Għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità Ewropea trid tittieħed pożizzjoni tal-Komunità Ewropea. Għal kwistjonijiet li jaqgħu parzjalment taħt il-kompetenza Komunitarja, l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jagħmlu ħilithom kollha sabiex jadottaw pożizzjoni komuni sabiex jiżguraw l-għaqda fir-rappreżentanza esterna tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha. |
|
(9) |
In vista tas-segwenti il-Kunsill għandu jipprovdi għall-eżerċizzju ta’ drittijiet u obbligi pari għal sħubija ad interim mill-Komunità Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, inkluż il-pagament tal-kontribuzzjoni annwali, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu Waħdieni
1. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jivvutaw favur id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana skond liema l-Komunità Ewropea għandha, bħala miżura ad interim, tingħata drittijiet pari għal dawk tal-Membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, suġġetta għall-kundizzjonijiet tagħhom.
2. Il-Komunità Ewropea taċċetta d-drittijiet u l-obbligi pari għal dawk tal-Membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, kif imniżżla fid-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali.
3. Il-Kummissjoni Ewropea hija awtorizzata tikkomunika lill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana li l-Komunità Ewropea taċċetta d-drittijiet u l-obbligi pari għal dawk tal-Membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u tippreżenta lill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana id-dikjarazzjoni meħtieġa kif speċifikat fl-Anness.
4. Il-Komunità Ewropea għandha tħallas kontribuzzjoni annwali lill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana sabiex issaħħaħ ix-xogħol ta’ l-Organizzazzjoni u sabiex tkopri spejjeż amministrattivi oħra, sa mill-1 ta’ Lulju 2007.
Magħmul fil-Luxemburgu, 25 ta’ Ġunju 2007.
Ghall-Kunsill
Il-President
A. SCHAVAN
(1) L-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana twaqqfet b’Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali (iffirmat fil-15 ta' Diċembru 1950). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1952. Fl-1994 il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali adotta l-isem ta’ “Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana”, sabiex jirrifletti l-għan tiegħu b’aktar mod ċar. Bħalissa l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana tikkonsisti f’171 membru.
ANNESS
Dikjarazzjoni ta’ kompetenza mill-Komunitajiet Ewropej fi kwistjonijiet koperti mill-Konvenzjoni li twaqqaf Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali
Skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kif emendat, din id-dikjarazzjoni tistipula l-kompetenza li l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea ttrasferew lejn il-Komunità Ewropea f’materji ġestiti mill-Konvenzjoni li twaqqaf Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali.
Il-Komunità Ewropea tiddikjara li hija għandha, skond l-Artikoli 131-134 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kompetenza esklussiva fuq il-politika Kummerċjali Komuni.
Il-Komunità Ewropea tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali kull meta l-kompetenza interna tkun ġa intużat sabiex jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ politika komuni jew jekk ikun meħtieġ ftehim internazzjonali sabiex jinkiseb wieħed mill-għanijiet tal-Komunità Ewropea. Il-Kompetenza esterna tal-Komunità Ewropea hija esklussiva sal-punt sa fejn ftehim internazzjonali jaffetwa regoli interni tal-Komunità Ewropea jew fejn dan ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Fejn dan ikun il-każ, ikun jappartjeni għall-Komunità u mhux għall-Istati Membri li tidħol f’ impenji esterni ma’ stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Lista tal-Miżuri dwar il-materji doganali adottati mill-Komunità hija prevista fil-lista ta’ strumenti legali fl-Anness għal din id-Dikjarazzjoni.
L-eżerċizzju ta’ kompetenza li Stati Membri tal-Komunità Ewropea ttrasferew lill-Komunitajiet Ewropej skond it-Trattati hu, min-natura tiegħu, suġġett għal bdil kontinwu. Il-Komunitajiet Ewropej għalhekk jirriżervaw id-dritt li jaġġustaw id-dikjarazzjoni.
Anness
IL-LEĠISLAZZJONI TAL-KE
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Marzu 2003 li tikkonċerna l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll dwar l-Emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali (Konvenzjoni Kjoto)
Id-Direttiva 2002/6/KE tat-18 ta' Frar 2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għall-bastimenti li jkunu waslu u/jew li jkunu qed jitilqu minn portijiet ta’ l-Istati Membri tal-Komunità
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/271/KEE ta’ l-10 ta’ Diċembru 1979 li tikkonċerna il-konklużjoni tal-Ftehim Multilaterali li jirriżulta min-negozjati kummerċjali ta’ bejn l-1973 u l-1979 (ĠU L 71, 17.3.1980, p. 1)
Diversi deċiżjonijiet tal-kumitat konġunt ma’ pajjiżi terzi, eż. 2006/343/KE: Id-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat Konġunt tal-KE-Islanda tat-22 ta’ Diċembru 2005 li temenda l-Protokoll 3 tal-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li joriġinaw
87/369/KEE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li jemendaha
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta’ l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 tas-17 ta’ Ottubru 2006 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta’ l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana
L-Artikoli 26 u 133 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2505/96 tal-20 ta’ Diċembru 1996 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi tal-Komunità għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali u jemenda Regolament (KE) Nru 3059/95 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi tal-Komunità għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali (l-ewwel serje 1996)
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea kif emendat
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea kif emendat
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3285/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar ir-regoli komuni ta’ l-importazzjonijiet u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 518/94 kif emendat
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat-13 ta’ Diċembru 1990 li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiskoraġġixxu d-diverżjoni ta’ ċerti sustanzi lejn il-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3769/92 tal-21 ta’ Diċembru 1992 li jimplimenta u jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiskoraġġixxu d-diverżjoni ta’ ċerti sustanzi lejn il-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabblixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ ta’ prekursuri tad-droga bejn il-Komunità u pajjiżi terzi
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinstab li tkun kisret dawk id-drittijiet
Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-kontrolli ta’ flus kontanti deħlin jew ħerġin mill-Komunità
Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tad-Dwana tal-Komunità
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità
Il-Konvenzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika ta’ l-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar proċedura komuni ta’ transitu ta’ l-20 ta’ Mejju 1987
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 93/329/KEE tal-15 ta’ Marzu 1993 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Ammissjoni Temporanja u l-aċċettazzjoni ta’ l-annessi tagħha