18.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 243/71


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-4 ta’ April 2007

Rigward l-għajnuna mill-Istat Ċ 14/06 li l-Belġju qed jippjana biex iwettaq favur ta’ General Motors Belgium f’Antwerp

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 435)

(Il-verżjonijiet bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi.)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/612/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 88 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-punt a) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 62 tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skond l-imsemmija Artikoli (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Il-pjan ta’ għajnuna għat-taħriġ favur il-General Motors Belgium f’Antwerp ġie notifikat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra datata t-8 ta’ Diċembru 2005 u rreġistrata fl-14 ta’ Diċembru 2005. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni kumplementari fl-4 ta’ Jannar 2006, talba li għaliha l-Belġju rrisponda permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Frar 2006 u rreġistrata fl-10 ta’ Frar 2006. Fil-15 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni talbet kjarifiki ġodda, li ġew ipprovduti lilha f’ittra datata t-2 ta’ Marzu 2006 u rreġistrata fit-8 ta’ Marzu 2006.

(2)

F’ittra tas-26 ta’ April 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat fir-rigward ta’ l-għajnuna notifikata. Id-deċiżjoni tal-Kumissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea nhar l-1 ta’ Settembru 2006 (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżuri involuti. L-ebda parti terza interessata ma ressqet l-osservazzjonijiet tagħha.

(3)

F’ittra bid-data tal-31 ta’ Mejju 2006 u rreġistrata fis-6 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Belġjani irreaġixxew għad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura. Huma żiedu aktar informazzjoni f’ittri datati t-13 ta’ Diċembru 2006 u l-5 ta’ Frar 2007. Ġiet organizzata laqgħa fit-13 ta’ Frar 2007 bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani. F’ittra datata l-20 ta’ Frar 2007, il-Belġju kkomunika informazzjoni supplementari. Il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni fit-23 ta’ Frar 2007, u l-awtoritajiet Belġjani rrispondew f’ittra nhar it-28 ta’ Frar 2007.

2.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETT

(4)

Il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna ser tkun is-soċjetà General Motors Belgium (“GM Belgium”) f’Antwerp, li hija parti mill-General Motors Corporation (“GMC”). L-attivitajiet ta’ GMC fl-Ewropa (“GM Europe”) huma ġestiti minn tim ta’ diriġenti speċifiku. Is-soċjetà, li ġiet maħluqa fl-1924, tipproduċi komponenti ta’ karozzi għall-użu tagħha stess kif ukoll għall-użu ta’ sussidjarji oħra ta’ GMC, min-naħa waħda, u timmonta l-karozzi, min-naħa l-oħra. Fl-2005, il-kumpanija pproduċiet 253 000 karozza. Il-parti l-kbira tal-produzzjoni tiġi esportata. Il-fabbrika fil-fatt timmonta l-mudell Opel Astra, li tinsab f’settur tas-suq tal-karozzi li fih kompetizzjoni partikolarment qawwija, hekk kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Belġjani. Is-soċjetà timpjega madwar 5 000 persuna.

(5)

General Motors Belgium ħabbret programm ta’ investiment ta’ 127 miljun Ewro għall-perjodu 2005-2007, li jinkludi:

a)

il-produzzjoni ta’ verżjoni ġdida tal-mudell Astra: apparti t-tliet verżjonijiet li diġà tipproduċi, il-fabbrika ser tipproduċi l-Astra b’saqaf iebes li jinġibed ’il ġewwa (retractable) (il-“cabrio” jew “Astra TwinTop”). Sal-lum, il-verżjoni “cabrio” ma kinitx prodotta minn GM Europe, imma subappaltata lis-soċjetà Taljana Bertone;

b)

l-irduppjar tal-kapaċità tal-ħanut tax-xogħol tal-pressa: l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ l-ippressar huma skond il-qafas ta’ l-istrateġija ta’ GM Europe bil-għan li tirrispondi aħjar għall-bżonnijiet lokali. It-titjib fl-awto-provvista ta’ partijiet tal-qafas tal-karozza u ta’ l-effiċjenza tal-loġistika bejn is-sussidjarji tal-grupp differenti jippermetti tnaqqis fit-trasport tal-partijiet bejn il-fabbriki.

(6)

Dawn iż-żewġ attivitajiet supplementari jippermettu li jiġi limitat it-tnaqqis fil-ħaddiema f’Antwerp u li jkun żgurat il-futur tal-fabbrika. Huma jinkludu l-installazzjoni ta’ magni ġodda, ta’ komponenti ġodda, ta’ tekniki tal-muntaġġ ġodda u ta’ metodi ta’ ħidma ġodda. Għal din ir-raġuni, ġie organizzat programm ta’ taħriġ marbut ma’ dawn l-attivitajiet supplementari matul il-perjodu 2005-2007. In-nefqa għal dan il-programm telgħet għal 19.94 miljun Ewro, filwaqt li l-għajnuna notifikata titla’ għal 5 338 500 Ewro. Minħabba li Antwerp jinsab f’reġjun mhux megħjun, l-intensità massima ta’ l-għajnuna hija ta’ 50 % għal taħriġ ġenerali u ta’ 25 % għal taħriġ speċifiku. L-għajnuna trid tingħata taħt il-forma ta’ għajnuna ad hoc mir-reġjun Fjamming (Vlaams Gewest).

(7)

Skond informazzjoni pprovduta mill-Belġju, il-programm jinkludi parti ta’ “taħriġ ġenerali”, li n-nefqa għalih titla’ għal 6.22 miljun Ewro. Dan it-taħriġ ġenerali ser ikopri l-attivitajiet marbuta max-xogħolijiet li ġejjin:

taħriġ tekniku (2.63 miljun Ewro) (persuni li jħarrġu: 90 % esterni u 10 % interni): welding, sewwieqa ta’ fork lifters, “roller bridge”, ħaddiema fl-azzar, tekniċi tal-manteniment, Allen Bradley, Controllogix;

taħriġ ta’ bażi (0.79 miljun Ewro) (persuni li jħarrġu: 95 % esterni u 5 % interni): taħriġ fl-informatika (softwer ta’ l-uffiċju: Excel, Access, Word, Power Point, eċċ.), kompetenzi soċjali (preżentazzjoni, komunikazzjoni, ambjent tax-xogħol, eċċ.) u titjib ta’ l-għarfien ta’ bażi (finanzi għall-persuni li ma jaħdmux fil-finanzi, normi ta’ l-ISO, sigurtà);

koordinazzjoni ġenerali (0.89 miljun Ewro) (konsulenti: 100 % interni): tim temporanju li jiġbor impjegati li ġejjin minn oqsma differenti ser ikun responsabbli mill-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-appoġġ għall-azzjonijiet ta’ taħriġ ġenerali inklużi fil-programmi ta’ taħriġ. Dan ma jikkorrispondix għal taħriġ fih innifsu imma jirrapreżenta l-ispiża tas-servizzi ta’ konsulenza meta mqabbla mal-parti ġenerali tal-programm ta’ taħriġ;

ambjent ta’ xogħol simulat (1.89 miljun Ewro) (persuni li jħarrġu: 100 % interni): taħriġ fuq il-prinċipji ta’ produzzjoni dinjija implimentata f’ambjent ta’ xogħol kumpless. F’ambjent ta’ xogħol simulat (“ETS”), spjegazzjoni tal-kunċetti li ġejjin u dimostrazzjoni ta’ l-importanza dejjem tiżdied tagħhom: organizzazzjoni tal-post tax-xogħol, sigurtà, ħidma skond in-normi, ġestjoni viżwali, ekonomija ta’ l-ispejjeż, titjib permanenti, eċċ. Il-5 000 impjegat ta’ General Motors Belgium f’Antwerp ilkoll ser isegwu t-taħriġ ETS fi gruppi ta’ 17-il ruħ. Dan it-taħriġ ser iseħħ f’kamra speċjali għal taħriġ mgħammra b’katina ta’ produzzjoni simulata b’karozzi ta’ l-injam.

(8)

In-nefqa tat-taħriġ speċifiku titla’ għal 13.73 miljun Ewro; din tkopri:

taħriġ matul l-impjieg (4.54 miljun Ewro) (persuni li jħarrġu: 100 % interni): taħriġ prattiku għall-impjegati, fuq bażi individwali, fuq il-post tal-produzzjoni tagħhom;

taħriġ marbut ma’ l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ pressar (4.35 miljun Ewro) (persuni li jħarrġu: 20 % esterni u 80 % interni): GM Belgium ser tipproduċi varjetà akbar u kwantità akbar ta’ pjanċi tal-metall. Sabiex tipprepara għal dan ix-xogħol, il-ħaddiema attwali jridu jiksbu livell ogħla ta’ għarfien tekniku. Għalhekk ser jiġu organizzati attivitajiet ta’ taħriġ sabiex jiżdied l-għarfien tekniku tal-ħaddiema tal-pressa (matriċi tal-perforazzjoni, għodod tal-magni li jaqtgħu, eċċ.);

taħriġ tekniku speċifiku (4.82 miljun Ewro) (persuni li jħarrġu: 20 % esterni u 80 % interni): il-bidu tal-produzzjoni ta’ l-Astra TwinTop ser ikollu impatt fuq il-proċeduri attwali tal-produzzjoni tal-fabbrika, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-pressa, il-karozzerija, il-ħanut tax-xogħol taż-żebgħa, il-muntaġġ, il-kontroll tal-kwalità u l-attivitajiet ta’ loġistika. Fl-istess ħin, il-ħwienet tax-xogħol iridu jiġu organizzati mill-ġdid. Grupp ta’ rappreżentanti mill-inġiniera u tims ta’ ħaddiema ser imexxu lill-kapijiet tas-sezzjonijiet sakemm dawn il-modifiki tal-proċeduri ta’ manifattura jseħħu.

3.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(9)

Fid-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ April 2006 li tinbeda l-proċedura ta’ l-eżami (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tan-neċessità ta’ l-għajnuna u staqsiet jekk l-attivitajiet ta’ taħriġ setgħux jiġu organizzati xorta waħda, anke mingħajr ma tingħata l-għajnuna. Minħabba li l-għajnuna ma kinitx tidher li ser twassal lill-benefiċjarju biex iwettaq l-attivitajiet ta’ taħriġ supplementari, din apparentament ma kellha l-ebda effett pożittiv, kienet biss ser tgħawweġ il-kompetizzjoni. Jekk din l-analiżi kellha tiġi kkonfermata, l-għajnuna ma setgħetx tiġi awtorizzata.

(10)

F’dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ taħriġ marbuta ma’ l-introduzzjoni tal-mudell il-ġdid, il-Kummissjoni nnutat li, fl-industrija tal-karozzi, il-produzzjoni ta’ mudell ġdid hija fattur normali u regolari, neċessarju sabiex tinżamm il-kompetitività. L-ispejjeż tat-taħriġ marbuta ma’ l-introduzzjoni ta’ mudell ġdid huma għalhekk ġeneralment jinġarru mill-kumpaniji tal-kostruzzjoni ta’ karozzi fuq il-bażi biss ta’ l-inċentiva kummerċjali. Huwa mifhum li għall-produzzjoni ta’ mudelli ġodda, il-kumpaniji ta’ kostruzzjoni ta’ karozzi għandhom iħarrġu lill-ħaddiema tagħhom skond it-tekniki l-ġodda li għandhom jiġu adottati. Għalhekk huwa probabbli li GM Europe kienet xorta waħda torganizza l-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija, u partikolarment fin-nuqqas ta’ l-għajnuna. Dan l-aġir jidher li huwa wkoll dak tal-parti l-kbira tal-kompetituri fis-settur.

(11)

Il-Kummissjoni qajjmet mistoqsijiet simili rigward l-effett ta’ inċentiva għall-għajnuna maħsuba biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ l-ippressar: l-ispejjeż ta’ taħriġ marbuta ma’ din l-attività huma neċessarji sabiex (tiżdied) il-produzzjoni tal-komponenti, li hija attività normali fl-industrija tal-karozzi. Il-komponenti jikkostitwixxu mezzi ta’ produzzjoni importanti u indispensabbli għall-fabbrika tal-muntaġġ u jirrapreżentaw parti sinifikanti mill-prezz tal-karozzi. Il-forzi tas-suq għandhom għalhekk ikunu biżżejjed sabiex jinċentivaw lill-intrapriża sabiex iġġorr l-ispejjeż ta’ taħriġ relattivi. Għalhekk huwa probabbli li l-attivitajiet ta’ taħriġ koperti kien jiġu organizzati xorta waħda, u partikolarment mingħajr l-għajnuna.

(12)

Il-Kummissjoni għalhekk talbet lill-Belġju sabiex jispjega għaliex f’dan il-każ, u kuntrarjament għal dak li wieħed jista’ josserva fil-parti l-kbira tal-kumpaniji tal-kostrutturi tal-karozzi fil-Komunità, dan il-pajjiż jaħseb li l-benefiċjarju m’għandux il-kapaċità (jew il-volontà) li jkopri l-ispejjeż mistennija minħabba l-attivitajiet ta’ taħriġ mill-benefiċċji li dan jkun jista’ jieħu minnhom (partikolarment, il-kapaċità tal-produzzjoni ta’ prodott ġdid u/jew it-tkabbir tal-produttività tal-ħaddiema mħarrġa). Il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-Belġju ma pprovdiex, f’dan l-istadju tal-proċedura, provi li l-forzi tas-suq waħedhom ma kienux ser iwasslu lill-intrapriża sabiex torganizza l-programm ta’ taħriġ maħsub.

(13)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Settembru 2006 (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri msemmija. L-ebda parti terza interessata ma resqet xi osservazzjoni.

4.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-BELĠJU

(14)

Il-Belġju kkuntesta l-evalwazzjoni inizjali tal-Kummissjoni għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett, dan jikkunsidra li ġew vjolati l-prinċipji tas-sigurtà ġuridika, ta’ l-ugwaljanza fit-trattament u ta’ l-amministrazzjoni tajba. Għalhekk, il-Belġju jirrimarka li, fil-passat, il-Kummissjoni sistematikament approvat għajnuna simili għat-taħriġ, partikolarment favur ta’ GM Belgium. L-awtoritajiet Belġjani jsostnu wkoll li l-Kummissjoni qed timmodifika b’mod profond l-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament (KE) Nru 68/2001 tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2001 rigward l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna għat-taħriġ (4), sitt xhur biss qabel ma’ dan skada. Fl-opinjoni tagħhom, ir-Regolament (KE) Nru 68/2001 ġie applikat b’mod uniformi għal erba’ snin u nofs. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni kellha tistenna li dan jiskadi u li timmodifikah f’dak il-mument skond l-istrateġija l-ġdida.

(15)

B’mod sussidjarju, il-Belġju jsostni li l-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija għandhom effetti pożittivi importanti għall-ekonomija. Dan jiżgura wkoll li dan il-programm ta’ taħriġ imur lil hinn mill-bżonnijiet sempliċi ta’ l-intrapriża. Madankollu, din l-affirmazzjoni kienet sostnuta biss għal ċerti partijiet mill-programm ta’ taħriġ.

(16)

Il-Belġju jsostni wkoll li l-Astra TwinTop setgħet ġiet prodotta minn Bertone, bħal verżjonijiet preċedenti tal-vettura.

(17)

Fl-aħħarnett, qabel il-ftuħ tal-proċedura (5), l-awtoritajiet Belġjani kienu diġà ddikjaraw li GM Europe kienet għamlet studji komparattivi sabiex tiddetermina liema kien l-aħjar stabbiliment għall-produzzjoni ta’ l-Astra TwinTop, u li l-għajnuna għat-taħriġ kellha piż fid-deċiżjoni li jingħata l-proġett lil GM Belgium. Il-Belġju hu tal-fehma li, f’dawn il-kundizzjonijiet, l-għajnuna hija neċessarja.

5.   EVALWAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA

5.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna

(18)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 87, tat-Trattat: din fil-fatt hija attribwita taħt il-forma ta’ għajnuna mill-gvern Fjamming u għalhekk hija ffinanzjata mir-riżorsi ta’ l-Istat. Il-miżura hija selettiva minħabba li din tikkonċerna biss lil General Motors Belgium. Din l-għajnuna selettiva hija suxxettibbli li tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn il-fabbriki ta’ produzzjoni ta’ GM Europe billi tagħti vantaġġ lil General Motors Belgium fuq il-fabbriki l-oħra tal-grupp. Minbarra dan, din tista’ wkoll tgħawweġ il-kompetizzjoni ma’ produtturi oħra ta’ karozzi. Ukoll, is-suq tal-karozzi għandu l-karatteristika ta’ skambji importanti bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-fabbriki ta’ GM Europe jinstabu fi Stati Membri differenti. L-għajnuna tista’ għalhekk tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri. Meqjus dan kollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Belġju ma jikkuntestax din il-konklużjoni.

5.2.   Il-bażi ġuridika ta’ l-evalwazzjoni

(19)

Il-Belġju jitlob li l-għajnuna tiġi approvata fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 68/2001. Fil-fatt, l-għajnuna hija marbuta ma’ programm ta’ taħriġ.

(20)

Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001, jekk l-ammont totali ta’ l-għajnuna mogħtija lill-istess intrapriża għal proġett individwali ta’ taħriġ huwa superjuri għal miljun Ewro, l-għajnuna m’hix eżenti mill-obbligu tan-notifika previst fil-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat. Il-Kummissjoni tinnota li f’dan il-każ, l-għajnuna prevista titla’ għal 5.338 miljun Ewro, trid tingħata lil intrapriża waħda u li l-proġett ta’ taħriġ huwa proġett individwali. Din tikkunsidra għalhekk li l-obbligu ta’ notifika japplika għall-għajnuna msemmija, u li din ġiet irrispettata mill-Belġju kif suppost.

(21)

Il-premessa 16 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001 jispjega li din it-tip ta’ għajnuna ma tistax tiġi eżentata awtomatikament: “Hu xieraq li ammonti kbar ta’ għajnuna jibqgħu suġġetti għal stima individwali mill-Kummissjoni qabel dawn jitpoġġew fis-seħħ”.

(22)

Kif diġà indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tikkonkludi li minħabba li l-miżura mhix eżenti skond ir-Regolament (KE) Nru 68/2001, din trid tiġi stmata direttament fuq il-bażi tal-punt ċ) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat, li jistipula li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. Meta tevalwa għajnuna individwali għal taħriġ li, minħabba l-ammont totali tagħha, ma tibbenefikax mill-eżenzjoni prevista mir-Regolament (KE) Nru 68/2001, u li għalhekk trid tiġi evalwata direttament fuq il-bażi tal-punt ċ) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat, il-Kummissjoni xorta waħda tirrikorri, bl-istess mod, għall-istess linji gwida bħal dawk li jidhru fir-Regolament (KE) Nru 68/2001. Dan jittraduċi ruħu partikolarment fil-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni l-oħra kollha previsti fir-Regolament (KE) Nru 68/2001. Il-Kummissjoni madankollu ma tikkuntentax li tivverifika l-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet, imma trid tipproċedi għal analiżi aktar fil-fond tal-kompatibbiltà tal-miżura. L-għan tan-notifika individwali huwa preċiżament l-evalwazzjoni fid-dettall ta’ l-għajnuna fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ konċernat.

5.3.   Kompatibbiltà mas-suq komuni

(23)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proġett notifikat jissodisfa l-kundizzjonijiet formali ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001. L-ewwelnett, l-ispejjeż aċċettabbli notifikati huma konformi mal-paragrafu 7 ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001. B’mod partikolari, l-ispejjeż tal-persunal tal-parteċipanti fil-proġett ta’ taħriġ li huma koperti mill-għajnuna jidhru li ġew limitati għat-total ta’ spejjeż oħra eliġibbli (6). It-tieninett, skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ l-imsemmi Artikolu 4, l-intensità ta’ l-għajnuna ġiet limitata għal 25 % għat-taħriġ speċifiku u għal 50 % għat-taħriġ ġenerali. GM Belgium hija fil-fatt intrapriża kbira li tinstab f’reġjun li ma jingħatax għajnuna u t-taħriġ mhux maħsub għal ħaddiema żvantaġġati.

(24)

Il-Kummissjoni tagħmel ukoll l-osservazzjoni li miżura ta’ għajnuna ma tistax tiġi ġudikata kompatibbli mas-suq komuni skond il-punt ċ) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat ħlief meta din hija neċessarja sabiex tippermetti lill-benefiċjarju li jibda l-attività msemmija. Hi tinnota li n-neċessità ta’ l-għajnuna huwa kriterju ta’ kompatibbiltà ġenerali. Meta l-għajnuna ma tittraduċix ruħha fi twettiq ta’ attivitajiet supplementari mill-benefiċjarju li ma kinux jitwettqu biss bil-forzi tas-suq, l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata li jkollha l-effetti favorevoli suxxettibbli li jikkumpensaw it-tgħawwiġ fil-kummerċ, u għalhekk ma tistax tiġi awtorizzata. Fir-rigward tal-kompatibbiltà skond il-punt ċ) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat, l-għajnuna ma “tiffaċilitax” l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi jekk l-intrapriża kienet xorta waħda tibda l-attivitajiet sussidjati, u partikolarment fin-nuqqas ta’ għajnuna.

(25)

Fil-kuntest ta’ l-għajnuna għal taħriġ, il-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001 jistipula li “It-taħriġ normalment ikollu effetti esterni pożittivi għas-soċjetà in ġenerali peress li dan ikabbar in-numru ta’ ħaddiema mħarrġa li minnhom jistgħu jagħżlu intrapriżi oħra, itejjeb il-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità u jilgħab parti importanti fl-istrateġija biex jitkattar l-impjieg. In vista tal-fatt li l-intrapriżi fil-Komunità normalment ma jinvestux biżżejjed fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħhom, l-għajnuna Statali tista’ tgħin biex tkun korretta din l-imperfezzjoni fis-suq u għalhekk tista’ tkun ikkunsidrata taħt ċerti kundizzjonijiet li tkun kompatibbli mas-suq komuni, u għalhekk eżentata minn notifika minn qabel.”Il-premessa 11 iżżid li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li“l-għajnuna Statali tkun illimitata għal dak li hu meħtieġ minimament biex jintlaħaq l-objettiv tal-Komunità li l-forzi tas-suq biss ma jagħmlux possibbli li jintlaħaq […]”.

(26)

Għalhekk, in-nuqqas tas-suq identifikat fir-Regolament (KE) Nru 68/2001 jistrieħ fuq il-fatt li l-intrapriżi “ma jinvestux biżżejjed fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħhom”. Fil-fatt, meta tkun qed tippjana attivitajiet ta’ taħriġ ġodda, intrapriża tqabbel ġeneralment l-ispiża ta’ dawn l-attivitajiet mal-benefiċċji li din tista’ tieħu minnhom (bħalma huma żjieda fil-produttività jew fil-kapaċità li jipproduċu prodotti ġodda). Normalment, din ma tikkunsidrax il-benefiċċji għall-ekonomija tal-Komunità fit-totalità tagħha, sakemm dawn ma tkunx ser tiksibhom hi stess. Hija teżamina wkoll soluzzjonijiet alternattivi (orħos) għat-taħriġ, bħalma hu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema diġà kwalifikati (għad-detriment eventwalment, tas-salarji li jingħataw). Huwa għalhekk li l-għajnuna għat-taħriġ tirrimedja b’mod utli, f’ċerti każijiet, għal nuqqas speċifiku tas-suq. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-għajnuna hija “neċessarja biex jintlaħaq l-objettiv tal-Komunità li l-forzi tas-suq biss ma jagħmlux possibbli li jintlaħaq”.

(27)

Rigward il-verifika tan-neċessità ta’ għajnuna għal taħriġ fl-industrija tal-karozzi, il-Kummissjoni tikkonstata li hi akkumulat provi, matul 18-il xahar, li ċerti kumpaniji ta’ kostruzzjoni ta’ karozzi joħolqu kompetizzjoni bejn il-fabbriki tal-produzzjoni tagħhom, li jinstabu fi Stati Membri differenti, għall-produzzjoni tal-mudelli ġodda tagħhom. Waqt l-ippjanar ta’ l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid, huma jqabblu diversi siti, imbagħad jiddeċiedu dwar is-sit li ser jiġi inkarigat mill-produzzjoni fuq il-bażi tat-total ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni, jiġifieri t-tipi kollha ta’ spejjeż, inkluż l-għajnuna mill-gvern tkun xi tkun, partikolarment l-għajnuna għal taħriġ. Din l-evoluzzjoni jidher li ġejja mill-fatt li l-kumpaniji tal-kostruzzjoni tal-karozzi l-kbar fil-fatt għandhom kapaċità ta’ produzzjoni superjuri għat-talba u li katini tal-produzzjoni tagħhom saru aktar flessibbli. B’hekk, fabbrika jista’ faċilment ikollha l-kapaċità li tipproduċi mudelli supplementari. Quddiem din ir-realtà ekonomika ta’ kompetizzjoni aktar intensa bejn il-fabbriki tal-produzzjoni, u b’kunsiderazzjoni għar-riskju li jirriżulta li ċerta għajnuna għal taħriġ ma tikkontribwix għall-objettiv ta’ l-interess komuni ffissat fil-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 68/2001, imma jikkostitwixxu biss għajnuna operattiva li tgħawweġ il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni trid teżamina b’aktar attenzjoni il-karattru neċessarju ta’ l-għajnuna “sabiex ikun assigurat li l-għajnuna Statali tkun illimitata għal dak li hu meħtieġ minimament biex jintlaħaq l-objettiv tal-Komunità li l-forzi tas-suq biss ma jagħmlux possibbli li jintlaħaq” (il-punt 11 ta’ l-imsemmi Regolament) (7). Din l-evalwazzjoni hija aktar ġustifikata, fil-fatt, minħabba li s-settur tal-karozzi jikkaratterizza ruħu b’kapaċità żejda importanti fil-Komunità, li tippersisti minħabba progress dgħajjef fid-domanda u qligħ ta’ produttività importanti li normalment jiġu realizzati (8).

(28)

Meta, bħal f’dan il-każ, diversi fabbriki jitqiegħdu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, u minħabba li l-għajnuna għalhekk setgħet ingħatat għal għanijiet oħra għajr biex jinkoraġġixxi lill-intrapriża li tibda attivitajiet ta’ taħriġ supplementari, il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li ssir verifika tan-neċessità ta’ l-għajnuna. Kuntrarjament għal dak li jiddikjara l-Belġju b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni hi tal-fehma li hija legalment awtorizzata li tikkonduċi tali verifika. Hekk kif enfasizza l-Belġju, il-Kummissjoni ma analizzatx fid-dettall in-neċessità ta’ għajnuna speċifika għal taħriġ għall-ispejjeż tal-bidu, fl-affarijiet anterjuri. Madankollu, din tista’ tasal biex tagħmlu jekk din tqis li l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu evolvew fuq is-swieq in kwistjoni (9).

(29)

Il-Kummissjoni tinnota li l-programm ta’ taħriġ f’dan il-każ huwa marbut ma’ żewġ attivitajiet ġodda fil-fabbrika, il-produzzjoni ta’ l-Astra TwinTop u l-iżvilupp ta’ l-attività ta’ ppressar.

In-neċessità ta’ l-għajnuna marbuta mal-produzzjoni ta’ l-Astra TwinTop il-ġdida

(30)

L-awtoritajiet Belġjani jiddikjaraw fin-notifika tagħhom (10) li l-muntaġġ ta’ l-Astra TwinTop jimplika xogħol manwali supplementari, bħalma hu l-welding. Dawn jaffirmaw li l-produzzjoni ta’ din it-tip ta’ vettura għandha influwenza fuq it-totalità ta’ l-attivitajiet tas-soċjetà (karozzerija, ħwienet tax-xogħol taż-żebgħa, tal-pressa, loġistika u muntaġġ), li l-introduzzjoni ta’ mudelli ġodda ġġib magħha kull darba:

il-muntaġġ ta’ partijiet ġodda;

l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ ħidma moderni;

tekniki ġodda għall-muntaġġ.

(31)

Huma jiddikjaraw li mudell ġdid jikkorrispondi għalhekk mhux biss għall-introduzzjoni ta’ prodott ġdid, imma li dan jobbliga wkoll lil diversi ħaddiema biex ikollhom jidraw magni ġodda, komponenti, tekniki ta’ muntaġġ u metodi ta’ ħidma.

(32)

Din id-deskrizzjoni tikkonferma li, bħal f’każi oħra simili, sabiex tirnexxi l-introduzzjoni ta’ mudell ġdid fuq katina tal-produzzjoni, irid iseħħ taħriġ preċedenti importanti għall-ħaddiema b’mod ġenerali. F’termini oħra, attivitajiet ta’ taħriġ importanti huma neċessarji għall-produzzjoni tal-mudell il-ġdid.

(33)

Ladarba GM Europe iddeċidiet li tipproduċi dan il-mudell, għalhekk isir neċessarju li jintnefqu spejjeż għal taħriġ sabiex tiġi implimentata din id-deċiżjoni kummerċjali.

(34)

Hekk kif diġà semmiet fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tinnota li fl-industrija tal-karozzi, l-introduzzjoni ta’ mudell ġdid hija fattur normali u regolari, indispensabbli biex jinżammu partijiet mis-suq u l-profittabbiltà. Minħabba li mudell ġdid jinħtieġ taħriġ għall-ħaddiema minħabba tekniki tal-produzzjoni ġodda, l-ispejjeż tat-taħriġ marbuta ma’ l-introduzzjoni ta’ dan il-mudell ġdid jinġarru mill-kumpaniji tal-kostruzzjoni tal-karozzi biss fuq il-bażi ta’ l-inċentiv kummerċjali.

(35)

L-awtoritajiet Belġjani ma ppreżentawx elementi ġodda biex jikkontradixxu din l-evalwazzjoni. Għalkemm huma ġew mistiedna fid-deċiżjoni tal-ftuħ, huma ma ġabu l-ebda argument biex jippruvaw jiġġustifikaw li GM ma kinitx ser torganizza l-attivitajiet ta’ taħriġ mingħajr l-għajnuna.

(36)

F’dan ir-rigward, il-Belġju sostna biss li l-għajnuna għal taħriġ kienet neċessarja sabiex GM Belgium tingħażel mid-direzzjoni ta’ GM Europe bħala l-fabbrika fejn ser issir il-produzzjoni ta’ l-Astra TwinTop. Ġew ippreżentati provi li jsostnu din l-affirmazzjoni. Barra minn dan, l-awtoritajiet Belġjani sostnew li l-produzzjoni tal-mudell il-ġdid setgħet ingħatat lill-fabbrika ta’ Bertone, li hija aktar imdorrija fil-produzzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ vetturi.

(37)

Il-Kummissjoni tirrimarka madankollu li l-għan tar-Regolament (KE) Nru 68/2001, kuntrarjament għall-għajnuna reġjonali għall-investiment, m’huwiex li jinfluwenza l-għażla ta’ sit għal attivitajiet ekonomiċi, imma li jikkumpensa n-nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ fil-Komunità, kif imsemmi aktar ’il fuq. Barra minn dan, il-Belġju ma spjegax għalfejn is-sussidjarja ta’ GM Europe, li kienet it-tieni għażla ipotetika li setgħet ingħatat il-produzzjoni tal-mudell, ma kinitx ser torganizza attivitajiet ta’ taħriġ simili hija stess (11). Għall-kuntrarju, l-informazzjoni pprovduta mill-Belġju turi li huwa probabbli li l-fabbriki kollha l-oħra ta’ GM Europe kien ikollhom bil-fors, f’dawn iċ-ċirkostanzi, jorganizzaw programm ta’ taħriġ simili. Huwa għalhekk impossibbli li wieħed jikkonkludi li l-għajnuna inkoraġġiet lil GM Europe sabiex torganizza aktar attivitajiet ta’ taħriġ fil-Komunità.

(38)

Il-Kummissjoni ma tarax b’mod ċar liema konklużjonijiet għandha tislet mill-argument imressaq mill-awtoritajiet Belġjani meta jgħidu li l-produzzjoni tal-mudell il-ġdid setgħet ġiet mogħtija lill-fabbrika ta’ Bertone. B’mod partikolari, il-Belġju ma ppreżentax provi konkreti li l-produzzjoni li tkun saret għand Bertone kienet tinħtieġ sforz anqas ta’ taħriġ milli fil-każ ta’ GM Europe (12). Barra minn dan, il-Belġju ma ppruvax li l-għajnuna kellha rwol kwalunkwe fid-deċiżjoni ta’ GM Europe li twaqqaf is-subappalt tal-produzzjoni ta’ dan il-mudell. Kuntrarju għal dan, huwa probabbli li din id-deċiżjoni strateġika importanti kienet diġà ttieħdet qabel ma l-awtoritajiet Belġjani wiegħdu l-għajnuna kkunsidrata. Biex nikkonkludu, il-fatt li l-produzzjoni ta’ l-Astra TwinTop seta’ ġie subappaltat lill-fabbrika ta’ Bertone, bħal fil-każ tal-verżjonijiet preċedenti, ma jfissirx li l-għajnuna għal taħriġ hija neċessarja u kompatibbli.

In-neċessità ta’ l-għajnuna marbuta ma’ l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’pressa

(39)

L-awtoritajiet Belġjani jsostnu li l-estensjoni tal-ħanut tax-xogħol tal-pressa jidħol fil-qafas ta’ l-istrateġija ta’ GM fl-Ewropa li tipprevedi li jkun hemm rispons aħjar għall-bżonnijiet lokali, sabiex jitnaqqas it-trasport ta’ komponenti bejn is-sussidjarji. Għas-sit ta’ Antwerp, il-proġett jipprevedi:

żewġ pressi supplementari;

il-produzzjoni ta’ partijiet ta’ karozzerija supplementari;

l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda.

(40)

Il-Belġju jsostni li l-estensjoni tinkludi wkoll il-fatt li diversi ħaddiema jridu jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ makkinarju, partijiet, tekniki ta’ ppressar u metodi ta’ xogħol ġodda. Il-programm ta’ taħriġ jaħseb li jkopri dan l-objettiv.

(41)

Id-deskrizzjoni t’hawn fuq tikkonferma li b’mod ġenerali, bħal f’kull każ ieħor bħal dan, żvilupp ta’ l-attività ta’ l-ippressar ma jistax iseħħ sakemm dan ma jkunx akkompanjat b’taħriġ importanti għall-ħaddiema. F’termini oħrajn, it-taħriġ huwa neċessarju għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ l-ippressar.

(42)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni staqsiet lilha nnifisha dwar l-effett ta’ inċentiv ta’ l-għajnuna marbuta ma’ l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ l-ippressar (13). L-awtoritajiet tal-Belġju ma ppreżentawx elementi ġodda biex jikkontradixxu din l-evalwazzjoni. Dawn ma spjegawx, partikolarment, għalfejn, fin-nuqqas ta’ għajnuna, GM ma kinitx ser torganizza l-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija.

Konklużjoni intermedjarja

(43)

Fuq il-bażi ta’ dan t’hawn fuq, huwa leċitu li wieħed jikkonkludi li l-attivitajiet kollha ta’ taħriġ li jwasslu l-kompetenzi neċessarji għall-implimentazzjoni b’suċċess taż-żewġ proġetti lill-ħaddiema kollha (il-produzzjoni tal-mudell il-ġdid u l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ l-ippressar) xorta waħda kienu ser ikunu organizzati, anke jekk ma tingħatax għajnuna. Għalhekk, l-għajnuna korrispondenti ma tidhirx li hija għal taħriġ supplementari, imma tkopri spejjeż ta’ ffunzjonar normali ta’ l-intrapriża, biex b’hekk tnaqqas l-ispejjeż normali tagħha. Il-Kummissjoni tikkunsidra għahekk li l-għajnuna ser tgħawweġ il-kompetizzjoni u ser tbiddel il-kundizzjonijiet ta’ l-iskambju f’miżura kontra għall-interess komuni (14). F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-għajnuna ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-punt ċ) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat. Minħabba li l-ebda deroga oħra prevista mill-paragrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 87 ma tista’ tiġi applikata f’każ bħal dan, l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(44)

Din il-konklużjoni tapplika kemm jekk it-taħriġ msemmi jkollu karattru ġenerali u kemm jekk ikun speċifiku. Il-Kummissjoni tinnota b’mod partikolari li l-azzjoni ta’ taħriġ ġenerali kkwalifikata bħala “taħriġ tekniku” (15) tikkonċerna kompetenzi li huma neċessarji għaż-żewġ attivitajiet ġodda li qed jiġu kkunsidrati, u b’mod aktar ġenerali għall-attività ta’ fabbrika tal-karozzi kompetittiva (16). L-awtoritajiet Belġjani madankollu taw prova li parti mit-“taħriġ tekniku”ġenerali tikkonċerna kwalifiki li jirrikjedu perjodu twil ta’ taħriġ, u li proporzjon mhux negliġibbli ta’ ħaddiema involuti kull sena jitilqu mil-intrapriża. Dan huwa marbut man-nuqqas importanti ta’ dan it-tip ta’ kwalifiki fuq is-suq ta’ l-impjieg Belġjan (dik li tissejjaħ “impjiegi kritiċi” jew “bottleneck jobs”). Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Belġju sostna b’mod suffiċejnti l-argumenti tiegħu f’dak li jikkonċerna tlieta mill-attivitajiet ta’ “taħriġ tekniku”ġenerali.

Kontenut tat-taħriġ

Żmien totali tat-taħriġ

Bidla tal-persunal: % annwali tal-ħaddiema li jitilqu mill-intrapriża

Spejjeż li jistgħu jiġu aċċettati: parteċipanti

Spejjeż li jistgħu jiġu aċċettati: spejjeż oħra

Sewwieqa ta’ forklifters

40

58 %

132 000

42 500

Ħaddiema ta’ l-azzar

2 000

13 %

660 000

355 000

Tekniki tal- manteniment

400

20 %

198 000

197 500

NB: F’dak li jirrigwarda il-“welding”, il-Belġju ddikjara li t-tul ta’ żmien għat-taħriġ huwa ta’ 60 siegħa, u bidla tal-persunal tal-fabbrika ta’ 4 %. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn iċ-ċifri huma kemmxejn baxxi u li dawn ma jtellfux lill-intrapriża milli tibbenefika mill-benefiċċji ta’ l-ispejjeż tat-taħriġ. Il-bidla tal-persunal għalhekk mhijiex biżżejjed sabiex tiskoraġġixxi lill-intrapriża milli tagħmel tali spejjeż.

Huwa għalhekk evidenti li ir-rata għolja ta’ bidla fil-persunal qed effettivament ittellef lill-intrapriża milli tikseb profitt suffiċjenti minn dan it-tip ta’ taħriġ sabiex tikkunpensa għan-nefqa. Għalhekk huwa probabbli li l-intrapriża ma tidħolx għal dawn l-ispejjeż jekk ma tingħatax l-għajnuna.

(45)

Meta tqis dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna hija neċessarja għat-tliet attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija (kuntrarjament għall-bqija tat-“taħriġ tekniku”ġenerali).

Attivitajiet ta’ taħriġ li mhumiex direttament marbuta maż-żewġ proġetti

(46)

Fin-notifika tagħhom, l-awtoritajiet tal-Belġju ppreżentaw il-programm ta’ taħriġ kollu bħallikieku kien maħsub biex isostni ż-żewġ proġetti msemmija (17). L-informazzjoni supplementari mgħoddija mill-Belġju wara d-deċiżjoni tal-ftuħ turi madankollu li parti mill-attivitajiet ta’ taħriġ tirrigwarda kompetenzi li fil-verità mhumiex indispensabbli għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti. Dan jittratta l-postijiet li ġejjin (ara d-deskrizzjoni tagħhom aktar ’il fuq):

taħriġ bażiku;

ambjent ta’ xogħol simulat (ETS).

(47)

Il-Kummissjoni tinnota li, kuntrarjament għall-bqija tal-programm ta’ taħriġ, it-taħriġ bażiku u l-ETS jirrelataw għal kwalifiki li mhumiex neċessarji għall-eżekuzzjoni taż-żewġ proġetti msemmija: il-proġetti jistgħu xorta waħda jitwettqu u l-produzzjoni tista’ tibda mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi organizzat dan it-tip ta’ taħriġ. Dawn l-anqas ma jikkonċernaw xi kompetenzi li huma neċessarji immedjatament għall-produzzjoni tal-karozzi. L-argument li ġie żviluppat hawn fuq rigward il-karattru neċessarju għat-taħriġ għalhekk mhux applikabbli għalihom. Minħabba li jidher li dan it-taħriġ huwa aktar mill-bżonnijiet ta’ l-intrapriża, huwa impossibbli li wieħed jikkonkludi li din kienet ser tiġi organizzata mingħajr għajnuna. Minħabba elementi oħra li jippruvaw il-kontra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna mill-Istati tidher neċessarja sabiex it-taħriġ imsemmi jkun jista’ jiġi organizzat.

(48)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tosserva li l-ammont allokat għan-nefqa ta’ “koordinazzjoni ġenerali” ma tikkonċernax attività ta’ taħriġ fiha nnifisha, imma servizzi ta’ konsulenza maħsuba għat-taħriġ ġenerali. Għalhekk parti minn din tista’ tiġi inkluża fl-ispejjeż aċċettabbli safejn dawn ikopru it-“taħriġ bażiku”, l-“ETS” u parti taħt it-“taħriġ tekniku”ġenerali li għal din diġà ġie deċiż li l-għajnuna hija neċessarja (18).

(49)

Meta titqies ir-regola prevista mir-Regolament (KE) Nru 68/2001 li jillimita l-ispejjeż tal-parteċipanti fil-proġett ta’ taħriġ għall-ammont totali ta’ l-ispejjeż l-oħra, l-ispejjeż eliġibbli, li jiġu mill-partijiet tal-programm ta’ taħriġ li għalihom hija neċessarja l-għajnuna, jitilgħu għal 4.362 miljun Ewro, u l-għajnuna stess għal 2.181 miljun Ewro. Peress li l-kundizzjonijiet formali l-oħra iffissati mir-Regolament (KE) Nru 68/2001 ġew ukoll irrispettati, hekk kif indikat fil-premessa 23 aktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li din il-parti ta’ l-għajnuna notifikata hija kompatibbli mas-suq komuni.

6.   KONKLUŻJONI

(50)

Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-parti tal-miżuri notifikati mill-Belġju, li jirrappreżentaw 4.362 miljun Ewro mill-ispejjeż ammissibbli, li tikkorrispondi għal għajnuna totali ta’ 2.181 miljun Ewro, tirrispetta l-kriterji tal-kompatibbiltà mas-suq komuni skond il-punt ċ) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat.

(51)

Il-Kummissjoni tqis li l-bqija ta’ l-għajnuna mhix neċessarja għat-twettiq ta’ l-attivitajiet ta’ taħriġ korrispondenti. Din l-għajnuna mhix kompatibbli mas-suq komuni taħt xi deroga prevista mit-Trattat u għalhekk hija pprojbita. Skond l-awtoritajiet Belġjani, l-għajnuna s’issa ma ġietx mogħtija; għalhekk ma jistgħux jipproċedu biex jirkuprawha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li l-Belġju qiegħed jippjana li jeżegwixxi għal pjan ta’ taħriġ għand General Motors Belgium f’Antwerp huwa inkompatibbli mas-suq komuni sa 3 157 338,40 Ewro.

Din il-parti ta’ l-għajnuna għalhekk ma tistax titwettaq.

Il-bqija ta’ l-għajnuna mill-Istat, sa 2 181 161,60 Ewro, hija kompatibbli mas-suq komuni skond il-punt ċ) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat.

Artikolu 2

Il-Belġju għandu jinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li jkunu ttieħdu sabiex tikkonforma magħha.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, 4 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 210 ta’ l-1.9.2006, p. 6.

(2)  Ara n-nota tal-qiegħ Nru 1.

(3)  Ara n-nota tal-qiegħ Nru 1.

(4)  ĠU L 10 tat-13.1.2001, p. 20. Il-perjodu tal-validità tiegħu ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2008 permezz tar-Regolament (KE) Nru 1976/2006 tal-Kummissjoni (ĠU L 368 tat-23.12.2006, p. 85).

(5)  Ittra tas-7 ta’ Frar 2006.

(6)  Dwar il-fatt ta’ din il-limitazzjoni ta’ l-ispejjeż aċċettabbli tal-parteċipanti għat-taħriġ, l-ispejjeż aċċettabbli tat-taħriġ ġenerali jitnaqqsu għal 5 438 000 Ewro, u dawk tat-taħriġ speċifiku jitnaqqsu għal 10 478 000 Ewro.

(7)  Il-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet simili fil-punt 33 tad-deċiżjoni tagħha ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 rigward Ford Genk (ĠU L 366 tal-21.12.2006, p. 32).

(8)  Minħabba avvanz dgħajjef tat-talba, qliegħ ta’ produttività u prezzijiet li qed jonqsu, diversi kumpaniji ta’ kostruzzjoni kbar ta’ karozzi għalqu xi fabbriki jew naqqsu l-ħaddiema tagħhom fil-Komunità f’dawn l-aħħar snin. GM Europe għalhekk, fit-tmiem ta’ l-2004, ħabbret pjan ta’ ristrutturazzjoni maġġuri li kien jinkludi tnaqqis tal-persunal bi 12 000 persuna. http://www.gmeurope.com/news/archive_0410.html

(9)  Fil-punt 52 tal-ġudizzju tat-30 ta’ Settembru 2003 fil-kawżi konġunti C-57/00 P u C-61/00 P, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej indikat li “tkun xi tkun l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għall-punt c) tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 92, [li sar il-punt c) tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 87], tat-Trattat fil-passat, dan ma jistax jaffettwa l-korrettezza ta’ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni għall-istess dispożizzjoni fid-deċiżjoni kuntestata u għalhekk il-validità tagħha.” Bl-istess mod, it-Tribunal tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej indika, fil-punt 177 tas-sentenza tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2005 fil-kawża T-171/02: “huwa biss fil-kuntest ta’ l-Artikolu 87 (3) (c) KE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li skema ta’ għajnua ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, fl-ipoteżi li din tkun ġiet stabbilita”.

(10)  Anness 2 tan-notifika.

(11)  Il-kandidati l-aktar probabbli kienu l-fabbriki li kienu diġà jipproduċu verżjonijiet oħra ta’ l-Astra, partikolarment Bochum (fil-Ġermanja).

(12)  Fuq is-sit web tiegħu, Bertone jikteb li “il-Carrozzeria Bertone dejjem poġġiet importanza strateġika fuq il-fattur uman. […] Huwa għalhekk li l-Carrozzeria Bertone dejjem tat attenzjoni speċjali għat-taħriġ kontinwu u għar-rinovament tat-tim tal-ħaddiema tagħha. B’mod aktar konkret, din l-istrateġija tfisser li din iddedikat, matul l-aħħar sentejn, 240 siegħa ta’ taħriġ [għal kull persuna], jiġifieri investiment ta’ 3 miljun Ewro”. http://www.bertone.it/carrozzeria3.htm

(13)  Ara l-punt 11 aktar ’il fuq.

(14)  Il-kawża T-459/93, Siemens SA v Commission, ECR 1995, p. II-1675, punt 48.

(15)  Ara l-punt 7 aktar ’il fuq.

(16)  Pereżempju, il-produzzjoni ta’ mudell ġdid tinħtieġ welding ta’ numru akbar ta’ partijiet, u għalhekk il-bżonn għall-intrapriża ta’ numru akbar ta’ welders.

(17)  Anness 2 tan-notifika.

(18)  Fuq il-bażi ta’ sigħat ta’ taħriġ, il-Kummissjoni tikkonkludi li 80.71 % ta’ l-ispejjeż tal-“koordinazzjoni ġenerali”, jiġifieri total ta’ 0.723 miljun Ewro, jistgħu jiġu attribwiti għal taħriġ bażiku, għall-ETS u għall-parti ta’ taħriġ tekniku ġenerali li għaliha hija neċessarja l-għajnuna. Dawn is-sigħat huma: (i) Taħriġ tekniku (l-ittra mill-Belġju datata t-28 ta’ Frar 2007): 50 800 siegħa, li minnhom 30 000 jirrigwardaw it-tliet azzjonijiet li għalihom l-għajnuna titqies bħala neċessarja; (ii) Taħriġ bażiku (l-ittra mill-Belġju datata s-7 ta’ Frar 2006; in-numru ta’ partiċipanti multiplikat min-numru medju ta’ sigħat ta’ taħriġ għal kull parteċipant fuq perjodu ta’ tliet snin): 17 000 siegħa; (iii) ETS (idem): 40 000 siegħa.