29.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 224/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-24 ta’ Awwissu 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2006/656/KE dwar il-lista ta' territorji li minnhom hija awtorizzata importazzjoni ta' ħut ornamentali tropikali

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3960)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/592/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 li tikkonċerna l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw it-tqegħid fuq is-suq ta’ annimali u prodotti ta’ l-akwakultura (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti II ta' l-Anness I mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/656/KE ta' l-20 ta' Settembru 2006 li tistabbilixxi kondizzjonijiet għas-saħħa ta' l-annimali u rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni għal importazzjoni ta' ħut għal fini ornamentali (2) telenka lista ta' territorji li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni ta' ħut ornamentali tropikali fil-Komunità. Dik il-lista tinkludi l-pajjiżi membri kollha ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (OIE).

(2)

Il-ħut ornamentali tropikali mhuwiex suxxettibbli għal mard elenkat fl-Anness A tad-Direttiva 91/67/KEE u huma ta' riskju relattivament baxx għall-qagħda tas-saħħa ta' l-annimali fil-Komunità. Is-sħubija fl-OIE kienet meqjusa bħala li tissodisfa l-kriterji, kif hemm referenza fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/67/KEE, li magħhom pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw biex ikunu jistgħu jesportaw ħut ornamentali tropikali lejn il-Komunità, billi hija tassigura notifika ta' kull eventwalità dwar saħħa ta' annimali ta' l-ilma lil membri oħra ta' l-OIE.

(3)

Il-Maldivi kienet esportatur importanti ta' ħut ornamentali tropikali lejn xi Stati Membri imma għadha mhijiex membru ta' l-OIE. Iżda, b'ittra bid-data 9 ta' Mejju 2007, il-Maldivi ikkommettiet ruħha li tissieħeb fl-OIE u li tissodisfa l-obbligi ta' sħubija bħal din fil-perjodu temporanju qabel ma ssir uffiċjalment membru ta' l-OIE.

(4)

Il-Maldivi għandha tkun inkluża fil-Parti II ta' l-Anness I mad-Deċiżjoni 2006/656/KE qabel ma tissieħeb uffiċjalment fl-OIE. Iżda, jekk il-Maldivi ma tisseħibx fl-OIE sal-31 ta' Diċembru 2007 l-aktar tard, importazzjoni ta' ħut ornamentali tropikali minn dak il-pajjiż fil-Komunità ma għandhiex tibqa' tkun awtorizzata wara dik id-data.

(5)

Id-Deċiżjoni 2006/656/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2006/656/KE hu emendat skond l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 271, 30.9.2006, p. 71.


ANNESS

Fil-Parti II ta' l-Anness I għad-Deċiżjoni 2006/656/KE, għandu jiġi miżjud it-test li ġej:

“Il-Maldivi, sakemm tissieħeb fl-OIE. F'każ li l-Maldivi ma tkunx saret pajjiż membru ta' l-OIE sal-31 ta' Diċembru 2007, importazzjoni ta' ħut ornamentali tropikali minn dak il-pajjiż ma għandhiex tibqa' awtorizzata wara dik id-data.”