28.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 222/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Awwissu 2007

dwar l-introduzzjoni ta’ tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u dispożizzjonijiet relatati għal movimenti fl-Olanda

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3977)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(2007/590/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (1), u partikularment l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta’ l-irziezet u f’għasafar oħra, li tikkawża mwiet u disturbi li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa ta’ l-annimali u f’ċerti ċirkustanzi għas-saħħa tal-bniedem u jnaqqsu l-qliegħ mit-trobbija tat-tjur ta’ l-irziezet.

(2)

L-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tal-virus A tas-sottotip H5N1 ġie iżolat mit-tjur u l-għasafar selvaġġi, f’ċerti partijiet tal-Komunità u f’pajjiżi terzi. Il-probabbiltà tat-tifrix ta’ dak il-virus lill-qatgħat tat-tjur, b’mod partikolari minn għasafar selvaġġi, qiegħda tikber fil-Komunità.

(3)

Fit-territorju kollu ta’ l-Olanda, hemm fis-seħħ sistemi ta’ individwazzjoni bikrija u miżuri fil-qasam tal-bijosigurtà biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni ta’ l-influwenza tat-tjur għall-qatgħat tat-tjur ta’ l-irziezet.

(4)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha dwar l-influwenza tat-tjur b’rispett għas-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali, ir-rwol ta’ l-għasafar selvaġġi fit-tifrix ta’ l-influwenza tat-tjur u dwar l-vaċċinazzjoni tat-tjur, għasafar miżmuma mill-bniedem u għasafar miżmuma fiż-zoos kontra l-influwenza tat-tjur, il-Grupp ta’ Esperti Xjentifiċi fis-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-annimali ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (EFSA) irrakkomandat li tilqim preventiv jista’ jiġi kkunsidrat, jekk jiġi identifikat riskju għoli ta’ introduzzjoni tal-virus, b’mod partikolari f’żoni b’popolazzjoni għolja ta’ tjur.

(5)

Barra minn hekk, l-EFSA tiddikjara li matul epidemija ta’ l-influwenza tat-tjur dejjem hemm riskju sinifikanti li għasafar domestiċi u dawk ta’ delizzju jibqgħu mistoħbija u jikkonsistu f’riskju kontinwu ta’ infezzjoni. Din l-eventwalità għandha titqies, u minflok ma jinqatlu bil-massa, tista’ tkun rakkomandata politika ta’ iktar sorveljanza u bijosigurtà. Il-kwarantina u t-tilqim għandhom jitqiesu bħala alternattiva għal dawk it-tipi ta’ għasafar. Madankollu, din il-prattika m’għandhiex tikkomprometti l-miżuri stretti fil-qasam tal-bijosigurtà u miżuri oħrajn li għandhom ikunu fis-seħħ f’dawk iż-żoni bil-għan li jeqirdu kull introduzzjoni tal-virus. B’mod partikolari, it-tilqim jista’ jiġi applikat f’qatgħat li s-sistemi ġenerali ta’ ġestjoni tagħhom li jintużaw, ma jħallux l-għasafar milli jibqgħu permanentement ġewwa jew biżżejjed protetti kontra l-kuntatti ma’ għasafar selvaġġi.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/147/KE ta’ l-24 ta’ Frar 2006 dwar l-introduzzjoni ta’ tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b’patoġeniċità għolja u dispożizzjonijiet relatati għall-movimenti fl-Olanda (2) approvat il-pjan għal tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b’patoġeniċità għolja, kif ippreżentat mill-Olanda lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Frar 2006 u l-emendi meħtieġa, inkluż l-issoktar ta’ dak il-pjan sal-31 ta’ Lulju 2007 (‘il-pjan ta’ tilqim preventiv’). Ipprovdiet ukoll għal ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fl-Olanda fejn jitwettaq tilqim preventiv f’ċerti stabbilimenti tat-tjur ta’ l-irziezet li jinsabu f’riskju partikolari ta’ infezzjoni minn din il-marda, inklużi restrizzjonijiet tal-moviment fuq tjur imlaqqam ta’ l-irziezet.

(7)

Meta tkun meqjusa l-esperjenza miksuba bit-tilqim preventiv taħt kondizzjonijiet attwali waqt l-implimentazzjoni tal-pjan tat-tilqim preventiv, huwa xieraq li jitkompla dan il-proġett bi prova biex jinkiseb aktar tagħrif fl-iżvilupp u l-livelli ta’ immunità ta’ l-għasafar f’ambjent kontrollat.

(8)

Għal din ir-raġuni, nhar id-29 ta’ Ġunju 2007 l-Olanda ppreżentat pjan tat-tilqim preventiv aġġornat li għandu jiġi applikat sal-31 ta’ Lulju 2009. Il-Kummissjoni eżaminat dan il-pjan aġġornat f’kollaborazzjoni ma’ l-Olanda u tikkunsidra li, soġġett għal ċerti adattamenti, jikkonforma mal-leġislazzjoni Komunitarja dwar is-saħħa ta’ l-annimali relevanti. Għalhekk, il-pjan tat-tilqim preventiv aġġornat għandu jiġi approvat.

(9)

Għall-għanjiet ta’ dan it-tilqim preventiv għandhom jintużaw biss vaċċini awtorizzati skond id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (3) jew ir-Regolament Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (4).

(10)

Fejn it-tilqim preventiv jitwettaq fl-Olanda, monitoraġġ ta’ qatgħat ta’ tjur mlaqqma u mhux imlaqqma u restrizzjonijiet ta’ moviment ta’ għasafar imlaqqma għandhom jiġu implimentati biex tiġi evitata ċ-ċirkolazzjoni eventwali tal-virus f’qatgħat imlaqqma, jekk jiġu esposti għall-virus ta’ l-għalqa.

(11)

Barra minn hekk, ċerti restrizzjonijiet għandhom jitpoġġew fuq il-moviment ta’ tjur u prodotti tagħhom li huma kkonċernati minn miżuri ta’ tilqim preventiv li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni. Restrizzjonijiet bħal dawn għandhom jikkunsidraw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru. 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (5), ir-Regolament (KE) Nru. 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistipola regoli speċifiċi dwar l-iġjene għall-ikel ta’ oriġini mill-annimali (6) u r-Regolament (KE) Nru. 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistipola regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta’ prodotti dderivati mill-annimali u maħsuba għall-konsum mill-bniedem (7).

(12)

Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-Komunità, id-Deċiżjoni 94/821/KE għandha titħassar.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fl-Olanda fejn it-tilqim preventiv isir f’ċerti stabbilimenti għat-tjur ta’ l-irziezet f’riskju partikolari li tidħol l-influwenza tat-tjur inklużi r-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ tjur ta’ l-irziezet imlaqqam u ċerti prodotti li ġejjin minnhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE.

Il-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a)

‘tjur domestiku’ ifisser tiġieġ, dundjani u speċi oħra ta’ l-ordni ta’ Galliformes u papri, wiżż u speċi oħra ta’ l-ordni ta’ Anseriformes li jitrabbew mis-sidien tagħhom:

(i)

għall-konsum jew użu għalihom stess; jew

(ii)

bħala annimali domestiċi.

(b)

‘organiku’ u ‘fil-miftuħ’ ifissru:

(i)

tiġieġ li jbidu kif definit fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (8); kif ukoll

(ii)

li għandhom aċċess għal spazji fil-miftuħ.

Artikolu 3

Approvazzjoni tal-programm ta’ tilqim

1.   Il-pjan għal tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, mgħoddi lill-Kummissjoni mill-Olanda fid-29 ta’ Ġunju 2007, li għandu jiġi implimentat sal-31 ta’ Lulju 2009 (‘il-pjan għat-tilqim preventiv’) huwa approvat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan għat-tilqim preventiv.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-pjan tat-tilqim preventiv

1.   L-Olanda għandha tassigura li t-tilqim preventiv ta’ tjur domestiku u tiġieġ li jbid b’mod organiku kif ukoll fil-miftuħ jitwettaq skond il-pjan tat-tilqim preventiv permezz ta’ tilqima eterologa inattivata ta’ l-influwenza tat-tjur tas-subtip H5 jew permezz ta’ tilqima eterologa bivalenti li fiha ż-żewġ subtipi ta’ l-influwenza tat-tjur H5 u H7 awtorizzata minn dak l-Istat Membru jew mill-Komunità skond id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament Nru 726/2004.

2.   L-Olanda għandha tassigura li jsiru monitoraġġ u sorveljanza intensivi, kif stipulat fil-‘pjan għat-tilqim preventiv’, fuq tjur domestiku u fil-qatgħat ta’ tiġieġ li jbid b’mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ fejn it-tilqim preventiv qed isir.

3.   L-Olanda għandha tassigura li l-pjan tat-tilqim preventiv għandu jiġi implimentat b’mod effiċjenti.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet għal movimenti u bgħit ta’ tjur domestiku u flieles ta’ ġurnata u bajd għat-tfaqqis li ġej minn dawn it-tjur.

1.   L-awtorità kompetenti għandha tassigura li ebda tjur, inklużi flieles ta’ ġurnata u bajd għat-tfaqqis li ġej minn dawn it-tjur u li joriġinaw minn stabbilimenti ta’ tjur domestiku fejn jitwettaq it-tilqim, ma jistgħu jittieħdu f’oqsma ta’ tjur oħra fl-Olanda jew mibgħuta lejn Stat Membru ieħor.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, u sakemm dawn ikunu identifikati individwalment, tjur domestiku jistgħu jiċċaqilqu lejn stabbilimenti oħra ta’ tjur domestiku jew temporanjament jinġabru għal wirjiet u esibizzjonijiet

(a)

fl-Olanda

(b)

fi Stati Membri oħra skond il-ftehim ma’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Movimenti u laqgħat ta’ dan it-tip iridu jkunu skond il-pjan ta’ tilqim preventiv, inkluż iż-żamma tar-reġistrazzjonijiet ta’ movimenti u laqgħat ta’ dan it-tip.

Artikolu 6

Restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ tiġieġ li jbid b’mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ

L-awtorità kompetenti għandha tassigura li tiġieġ li jbid b’mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ minn stabbilimenti fejn isir tilqim preventiv jiċċaqilqu biss:

(a)

lejn stabbilimenti oħra fejn isir tilqim preventiv fl-Olanda;

(b)

lejn biċċerija għal qatla immedjata fl-Olanda; jew

(ċ)

lejn biċċerija fi Stat Membru ieħor għal qatla immedjata skond il-ftehim ma’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Artikolu 7

Ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ intra-Komunitarju fi tjur ta’ l-irżiezet, flieles ta’ ġurnata u l-bajd tat-tfaqqis

1.   L-Olanda għandha tiżgura li ċertifikati tas-saħħa għal kummerċ intra-Kommunitarju fi tjur ta’ l-irżiezet, flieles ta’ ġurnata u l-bajd tat-tfaqqis mill-Olanda msemmija fl-Artikoli 5 (2) u 6 (c) jinkludu l-kliem:

“Tjur ta’ l-irżiezet/flieles ta’ ġurnata/l-bajd tat-tfaqqis (*) konformi mar-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/590/KE, u mlaqqma/dderivati minn tjur mlaqqma (*) kontra l-influwenza tat-tjur f … (data) bit-tilqima … (isem)

2.   L-Olanda għandha tiżgura li ċertifikati tas-saħħa għal kummerċ intra-Kommunitarju fi tjur ta’ l-irżiezet, flieles ta’ ġurnata u l-bajd tat-tfaqqis barra dawk imsemmija fil-paragrafu (1) mill-Olanda jinkludu l-kliem:

“Il-konsenja tikkonsisti minn tjur ta’ l-irziezet/tjur ta’ l-irziezet ta’ ġurnata/bajd tat-tfaqqis (**) li joriġina minn stabbilimenti fejn ebda tilqima ma saret kontra l-influwenza tat-tjur.

Artikolu 8

Restrizzjonijiet fuq il-bgħit ta’ bajd għall-ikel

L-awtorità kompetenti għandha tassigura li l-bajd għall-ikel li ġej u/jew li joriġina minn stabbilimenti fejn jinżammu tiġieġ li jbidu b’mod organiku u dawk li jinżammu fil-miftuħ u li fihom qed isir it-tilqim preventiv jintbagħat biss lill-Istati Membri oħra soġġetti għal konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-bajd għall-ikel jiġi minn tjur ta’ l-irziezet li joriġina minn stabbilimenti li ġew spezzjonati u ttestjati regolarment b’riżultati negattivi għall-influwenza tat-tjur H5N1 b’patoġeniċità għolja skond il-pjan għat-tilqim preventiv b’attenzjoni partikolari għall-għasafar sentinella; kif ukoll

(b)

il-bajd għall-ikel jkunu trasportati direttament:

(i)

lejn ċentru ta’ l-ippakkjar indikat mill-awtorità kompetenti u li jiġu ppakkjati f’pakketti li jistgħu jintremew jew kontenituri, trays u apparat ieħor li ma jintremiex, li jridu jiġu maħsula u ddiżinfettati qabel u wara kull darba li jiġu użati skond l-istruzzjonijiet u l-miżuri meħtieġa fil-qasam tal-bijosigurtà meħtieġ mill-awtorità kompetenti jew

(ii)

lejn stabbiliment għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-bajd hekk kif inhu stabbilit fil-Kapitolu II tat-Taqsima X ta’ l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 biex ikun immaniġġjat u ttrattat skond il-Kapitolu XI ta’ l-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

Artikolu 9

Restrizzjonijiet fuq il-bgħit ta’ laħam, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li ġejjin minn tiġieġ imlaqqam li jbid b’mod organiku kif ukoll dawk li jinżammu fil-miftuħ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li laħam, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li ġejjin minn tiġieġ imlaqqam li jbid b’mod organiku kif ukoll dawk li jinżammu fil-miftuħ jiġi mibgħut biss lil Stati Membri oħra soġġetti għal konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jkun dderivat minn tjur li:

(i)

joriġina minn qatgħat li ġew spezzjonati u ttestjati regolarment b’riżultati negattivi għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja skond il-pjan għat-tilqim preventiv b’attenzjoni partikolari għall-għasafar sentinella;

(ii)

joriġina minn qatgħat li ġew spezzjonati klinikament minn veterinarju uffiċjali fi żmien 48 siegħa qabel il-ħin li fih għandu jitgħabba, b’attenzjoni partikolari għall-għasafar sentinella;

(iii)

jinżamm separat minn qatgħat oħra li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ (i) u (ii) msemmija hawn fuq; u

(b)

li ġie prodott skond l-Anness II u t-Taqsimiet II u III ta’ l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u kkontrollat skond it-Taqsimiet I, II, III, u l-Kapitoli V u VII tat-Taqsima IV ta’ l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tassigura li laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li fihom laħam li ġej minn qatgħat imlaqqma li jbidu b’mod organiku u qatgħat li jbidu u li jinżammu fil-miftuħ jintbagħtu biss lil Stati Membri oħra jekk il-laħam, preparazzjonijiet jew prodotti jikkonformaw mal-paragrafu (1) u huma prodotti skond it-Taqsimiet V u VI ta’ l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 10

Rapporti

L-Olanda għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li fih informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ tilqim preventiv fi żmien xahar mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u tressaq rapport kull xahar lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

Artikolu 11

Revoka

Id-Deċiżjoni 2006/147/KE hija mħassra.

Artikolu 12

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Olanda.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  ĠU L 55, 25.2.2006, p. 47. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/528/KE (ĠU L 208, 29.7.2006, p. 39).

(3)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/28/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58).

(4)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1).

(5)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006.

(8)  ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53.