24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 219/37


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Awwissu 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2004/558/KE li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward ta’ garanziji addizzjonali għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali bovini li jirrelataw ma’ rhinotracheitis bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ qerda ppreżentati minn ċerti Stati Membri

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3905)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/584/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi ta’ saħħa ta’ annimali li jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali bovini u majjali (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 10(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE jipprevedi li Stat Membru, li għandu programm ta’ kontroll obbligatorju għal xi mard li jittieħed li huwa elenkat fl-Anness E (II) ta’ dik id-Direttiva, jista’ jressaq il-programm tiegħu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. L-Artikolu jipprevedi wkoll għal definizzjoni ta’ garanziji addizzjonali li jistgħu jkunu rikjesti fil-kummerċ intra-Komunitarju.

(2)

Aktar minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE jipprevedi li fejn Stat Membru jikkunsidra li t-territorju tiegħu jew parti minnu jkun ħieles minn xi mard elenkat fl-Anness E (II) ta’ dik id-Direttiva, dan għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni xierqa b’appoġġ lill-Kummissjoni. L-Artikolu jipprevedi wkoll għal definizzjoni ta’ garanziji addizzjonali li jistgħu jkunu rikjesti fil-kummerċ intra-Komunitarju.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE tal-15 ta’ Lulju 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward tal-garanziji addizzjonali tal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali bovini relatati mar-rhinotracheitis bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ qerda minn ċertu Stati Membri (2) tapprova l-programmi għall-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ l-infezzjoni tal-herpesvirus bovin type 1 (‘BHV1’) ippreżentati mill-Istati Membri elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni għar-reġjuni elenkati f’dak l-Anness, u li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali għall-BHV1 bi qbil ma’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE.

(4)

Aktar minn hekk, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jelenka reġjuni ta’ l-Istati Membri li huma kkunsidrati bħala ħielsa mill-infezzjoni tal-BHV1 u li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali bi qbil ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE. L-Anness III tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jiddefinixxi l-impriżi li huma ħielsa mill-BHV1.

(5)

Fil-preżent, ir-reġjuni kollha tal-Ġermanja huma elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE. Il-Ġermanja ressqet dokumentazzjoni b’appoġġ għall-applikazzjoni tagħha sabiex tiddikjara parti mit-territorju tagħha bħala ħieles mill-infezzjoni tal-BHV1 u pprovdiet regoli għall-moviment nazzjonali ta’ l-annimali bovini fi ħdan u lejn din il-parti mit-territorju tagħha. B’hekk, il-Ġermanja talbet l-applikazzjoni ta’ garanziji addizzjonali bi qbil ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE, għall-unitajiet amministrattivi ta’ Regierungsbezirke Oberpfalz u ta’ Oberfranken fl-istat federali tal-Bavaria.

(6)

Wara valutazzjoni ta’ l-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja, jixraq li dawk iż-żewġ unitajiet amministrattivi li huma ħielsa mill-BHV1 ġewwa l-Ġermanja jiġu elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE u jestendu l-applikazzjoni ta’ garanziji addizzjonali stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE magħhom. L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan.

(7)

L-Italja ressqet programmi għall-qirda ta’ l-infezzjoni tal-BHV1 fir-Reġjun Awtonomu ta’ Friuli Venezia Giulia u fil-Provinċja Awtonoma ta’ Trento. Dawk il-programmi jikkonformaw mal-kriterji stipolati fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/432/KEE. Dawk il-programmi jipprovdu wkoll għal regoli għall-moviment nazzjonali ta’ l-annimali bovini fi ħdan u ġewwa dawk ir-reġjuni li huma ekwivalenti għal dawk implimentati preċedentement fil-Provinċja ta’ Bolzano fl-Italja, li kellhom suċċess fl-eradikazzjoni ġewwa l-Provinċja.

(8)

Il-programmi ppreżenatati mill-Italja għal dawk iż-żewġ Reġjuni, u l-garanziji addizjonali ppreżentati bi qbil ma’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE, għandhom jiġu approvati. L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandu għalhekk jiġi emendat.

(9)

L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel wasslet opinjoni dwar “Definizzjoni ta’ impriża u ta’ annimali li huma ħielsa mill-BoHV-1, u l-proċeduri għaż-żamma u l-verifika ta’ dan l-istat” (3). Jixraq li jittieħdu in konsiderazzjoni ċertu rakkomandazzjonijiet dwar dik l-opinjoni. L-Anness III għad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandu, għalhekk, jiġi emendat kif jixraq.

(10)

Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-Annessi I, II u III tad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandhom jiġu sostitwiti bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u III għad-Deċiżjoni 2004/558/KE huma mibdula bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

(2)  ĠU L 249, 23.7.2004, p. 20.

(3)  http://www.efsa.europa.eu/en/science/ahaw/ahaw_opinions/1348.html


ANNESS

ANNESS I

Stati Membri

Reġjuni ta’ l-Istati Membri li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali għar-rhinotracheitis infettiva bovina bi qbil ma’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE

Il-Ġermanja

Ir-reġjuni kollha ħlief Regierungsbezirke Oberpfalz u ta’ Oberfranken fl-istat federali tal-Bavaria

L-Italja

Ir-Reġjun Awtonomu tal-Friuli Venezia Giulia

Il-Provinċja Awtonoma ta’ Trento

ANNESS II

Stati Membri

Reġjuni ta’ l-Istati Membri li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali għar-rhinotracheitis infettiva bovina bi qbil ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE

Id-Danimarka

Ir-reġjuni kollha

Il-Ġermanja

Regierungsbezirke Oberpfalz u Oberfranken fl-istat federali tal-Bavaria

L-Italja

Il-Provinċja ta’ Bolzano

L-Awstrija

Ir-reġjuni kollha

Il-Finlandja

Ir-reġjuni kollha

L-Iżvezja

Ir-reġjuni kollha

ANNESS III

Impriżi ħielsa mill-BHV1

1.   Impriża li żżomm l-annimali bovini għandha tiġi kkunsidrata bħala ħielsa mill-infezzjoni tal-BHV1 jekk din tikkonforma mal-kondizzjonijiet stipolati f’dan l-Anness.

1.1.   Ma ġie rreġistrat l-ebda suspett ta’ infezzjoni tal-BHV1 għall-impriża matul l-aħħar sitt xhur u l-annimali bovini kollha fl-impriża huma ħielsa mis-sintomi kliniċi li huma indikattivi ta’ l-infezzjoni tal-BHV1.

L-impriża u kull mergħa jew post fil-qrib, indipendentament minn min hu s-sid, li jifformaw parti ta’ impriża jew entità epidemjoloġika, għandhom ikunu separati effettivament minn kull mergħa jew post ta’ stat inferjuri ta’ BHV1, permezz ta’ konfini naturali jew fiżiċi li jipprevjenu effettivament il-kuntatt dirett bejn l-annimali ta’ stat sanitarju differenti.

1.2.   L-annimali bovini biss minn impriżi li jinsabu ġewwa Stati Membri jew ġewwa reġjuni tagħhom li huma elenkati fl-Anness II jew minn impriżi li huma ħielsa minn BHV1 ġew introdotti u l-ebda wieħed mill-annimali bovini fl-impriża ma jkunu ġew f’kuntatt ma’ l-impriżi li jinsabu fl-Istati Membri jew fir-reġjuni tagħhom elenkati fl-Anness II jew minn impriżi li huma ħielsa mill-BHV1.

1.3.   L-annimali bovini femminili huma inseminati biss bl-isperma bovina prodotta bi qbil mad-Direttiva 88/407/KEE, jew li kellhom kuntatt ma’ barrin minn impriżi li jinsabu fl-Istati Membri jew fir-reġjuni tagħhom fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni jew minn impriżi li huma ħielsa minn BHV1.

1.4.   Jiġu applikati ta’ l-anqas wieħed mir-reġimi ta’ kontroll li ġejjin fuq l-impriża:

1.4.1.

investigazzjoni seroloġika għall-ankorpi kontra l-BHV1 tkun saret b’riżultati negattivi f’kull każ fuq mhux inqas minn żewġ kampjuni wieħed ta’ demm, li jittieħed b’intervall ta’ ħames sa seba’ xhur mill-annimali bovini femminili kollha li huma ta’ età ogħla minn disa’ xhur, u minn kull annimali bovin maskili li huma ta’ età ogħla minn disa’ xhur li jintużaw jew li huma intenzjonati għal skop ta’ riproduzzjoni;

1.4.2.

investigazzjoni seroloġika għall-antikorpi kontra l-BHV1 tkun saret b’riżultati negattivi f’kull każ fuq mhux inqas minn:

żewġ kampjuni ta’ ħalib li jittieħdu b’interval ta’ ħames sa seba’ xhur minn kull animal bovin femminili li jkun qed jipproduċi l-ħalib, individwalment jew permezz ta’ ġabra ta’ kampjuni ta’ ħalib li jittieħdu minn mhux aktar minn ħames annimali; kif ukoll

żewġ kampjuni ta’ demm, li jittieħdu b’intervall ta’ ħames sa seba’ xhur mill-annimali bovini femminili kollha li mhux qed jipproduċu l-ħalib ta’ età ogħla minn disa’ xhur, u minn kull animal bovin maskili ta’ età ogħla minn disa’ xhur li jintużaw jew li huma maħsuba għal raġunijiet ta’ riproduzzjoni;

1.4.3.

fil-każ ta’ farms tal-ħalib li fihom mhux inqas minn 30 % ta’ l-annimali bovini huma annimali bovini femminili li qed jipproduċu l-ħalib , investigazzjoni seroloġika għall-antikorpi kontra l-BHV1 tkun saret b’riżultati negattivi f’kull każ fuq mhux inqas minn:

tliet kampjuni ta’ ħalib miġbura b’intervall ta’ mhux inqas minn tliet xhur minn ammont kbir ta’ ħalib ta’ mhux iktar minn 50 annimal bovin femminili li jipproduċu l-ħalib, skond l-ispeċifikazzjoni tat-test użat, kif ukoll

kampjun wieħed individwali ta’ demm, li jittieħed mill-annimali bovini femminili kollha li mhux jipproduċu l-ħalib ta’ età ogħla minn disa’ xhur, u minn kull animal bovin maskili ta’ età ogħla minn disa’ xhur li jintużaw jew li huma maħsuba għal raġunijiet ta’ riproduzzjoni;

1.4.4.

l-annimali bovini kollha li jinsabu fl-impriża li joriġinaw minn impriżi li jinsabu fl-Istati Membri jew f’reġjuni tagħhom li huma elenkati fl-Anness II jew minn impriżi li huma ħielsa mill-BHV1.

2.   L-istat ta’ ħelsien mill-BHV1 ta’ impriża li żżomm annimali bovini għandu jinżamm hekk jekk:

2.1.

il-kondizzjonijiet tal-punti 1.1 sa 1.4 jibqgħu japplikaw, kif ukoll

2.2.

jiġu applikati ta’ l-anqas wieħed mir-reġimi ta’ kontroll li ġejjin fuq l-impriża fi żmien perijodu ta’ 12-il xahar:

2.2.1.

investigazzjoni seroloġika għall-antikorpi kontra l-BHV1 tkun saret b’riżultati negattivi f’kull każ fuq mhux inqas minn kampjun individwali wieħed ta’ demm meħud mill-annimali bovini kollha ta’ età ogħla minn 24 xahar;

2.2.2.

investigazzjoni seroloġika għall-antikorpi kontra l-BHV1 tkun saret b’riżultati negattivi f’kull każ fuq mhux inqas minn:

kampjun individwali wieħed ta’ ħalib meħud mill-annimali bovini femminili kollha le qed jipproduċu l-ħalib , individwalment jew minn ġabra ta’ kampjuni ta’ ħalib li jittieħdu minn mhux iktar minn ħames annimali; kif ukoll

kampjun wieħed individwali ta’ demm, li jittieħed mill-annimali bovini femminili kollha li mhux jipproduċu l-ħalib ta’ età ogħla minn 24 xahar, u minn kull annimal bovin maskili ta’ età ogħla minn 24 xahar;

2.2.3.

fil-każ ta’ farms tal-ħalib li fihom mhux inqas minn 30 % ta’ l-annimali bovini huma annimali bovini femminili li qed ireddgħu, investigazzjoni seroloġika għall-antikorpi kontra l-BHV1 tkun saret b’riżultati negattivi f’kull każ fuq mhux inqas minn:

żewġ kampjuni ta’ ħalib miġbura b’intervall ta’ tlieta sa 12-il xahar minn ammont kbir ta’ ħalib ta’ mhux iktar minn 50 annimal bovin femminili li qed jipproduċi l-ħalib, skond l-ispeċifikazzjoni tat-test użat; kif ukoll

kampjun wieħed individwali ta’ demm, li jittieħed mill-annimali bovini femminili kollha li mhux qed jipproduċu l-ħalib ta’ età ogħla minn 24 xahar, u minn kull annimal bovin maskili ta’ età ogħla minn 24 xahar.

3.   L-istat ta’ ħelsien mill-BHV1 ta’ impriża li jkollha l-annimali bovini għandu jiġi sospiż fil-każ li matul l-investigazzjonijiet li jissemmew fil-punti 2.2.1 sa 2.2.3 annimal ikun irreaġġixxa b’riżultat pożittiv fit-test għall-antikorpi kontra l-BHV1.

4.   L-istat ta’ ħelsien mill-BHV1 ta’ impriża li ġiet sospiża skond il-punt 3, għandu jingħata lura biss wara investigazzjoni seroloġika għall-antikorpi kontra l-BHV1, li tingħata bidu mhux iktar kmieni minn 30 jum wara t-tneħħija ta’ l-annimali seropożittivi, tkun saret flimkien b’riżultati negattivi f’kull każ għal mhux inqas minn:

żewġ kampjuni ta’ ħalib li jittieħdu b’interval ta’ mhux inqas minn xahrejn minn kull annimal bovin femminili li jkun qed jipproduċi l-ħalib, individwalment jew permezz ta’ ġabra ta’ kampjuni ta’ ħalib li jittieħdu minn mhux iktar minn ħames annimali; kif ukoll

żewġ kampjuni ta’ demm, li jittieħdu b’intervall ta’ mhux inqas minn tliet xhur minn kull animal bovin femminili li mhux qed jipproduċi l-ħalib, u minn kull animal bovin maskili.

Nota:

(a)

Fejn issir referenza f’dan l-Anness għat-test seroloġiku għall-osservanza ta’ l-antikorpi kontra l-BHV1, il-prinċipji stipolati fl-Artikolu 2(1)(c) li huma relatati ma’ l-istat tal-vaċċinazzjoni ta’ l-annimali ttestjati għandhom japplikaw.

(b)

Id-daqs tal-ġabra tal-kampjuni tal-ħalib li tissemma fl-Anness, jista’ jiġi adattat skond l-evidenza dokumentata li t-test ikun taħt iċ-ċirkostanzi kollha ta’ xogħol tal-laboratorju ta’ kuljum sensittiv biżżejjed li josserva reazzjoni dgħajfa pożittiva waħda tad-daqs li jkun ġie adattat.