24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 219/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-24 ta’ April 2007

dwar għajnuna mill-istat C 26/2006 (ex N 110/2006) Mekkaniżmu Difensiv Temporanju għall-Bini ta’ Bastimenti – Il-Portugall

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1756)

(Il-verżjoni Portugiża biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/581/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li qieset il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

B'ittra datata s-7 ta’ Frar 2006 (reġistrata fl-10 ta’ Frar 2006), il-Portugall innotifika lill-Kummissjoni bil-ħsieb tiegħu li jagħti għajnuna għall-operazzjoni lil Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A (“ENVC”). B'ittra datata t-13 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni talbet kjarifiki ulterjuri, li l-Portugall ipprovda b'e-mail datata t-28 ta’ April 2006.

(2)

B'ittra datata t-23 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni informat lill-Portugall li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna.

(3)

B'ittra datata l-25 ta’ Lulju 2006 (reġistrata fis-26 ta’ Lulju 2006), l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura hawn fuq imsemmija.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Ma kienx hemm kummenti minn partijiet terzi.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA TA’ L-GĦAJNUNA

(5)

L-għajnuna hija maħsuba għal Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A. (“ENVC”), tarzna Portugiża li fil-preżent timpjega madwar 1 000 persuna.

(6)

Fl-14 ta’ Novembru 2003, ENVC iffirmat kuntratt ma’ sid ta’ bastiment Franċiż, Fouquet Sacops S.A., għall-forniment ta’ tanker taż-żejt u tal-kimika (buq Nru 227), għall-prezz kuntrattwali ta’ €22 900 000. Il-bastiment ġie kkonsenjat fis-26 ta’ April 2005.

(7)

Il-Portugall ippropona li jagħti għajnuna lil ENVC għal dan il-kuntratt fil-forma ta’ għotja ta’ €1 461 702 fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002 dwar mekkaniżmu difensiv temporanju għall-bini ta’ bastimenti (3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004 (4) (ir-“Regolament MDT”). Ir-Regolament MDT daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 2002 u skada fil-31 ta’ Marzu 2005; għalhekk, ma kienx għadu fis-seħħ meta l-Portugall innotifika l-għajnuna.

(8)

Il-Portugall huwa tal-fehma li l-kuntratt huwa xorta waħda eliġibbli għal għajnuna taħt ir-Regolament MDT, għar-raġunijiet li ġejjin.

(9)

L-Artikolu 4 tar-Regolament MDT jipprovdi li “Dan ir-Regolament għandu jkun applikat għall-kuntratti finali ffirmati mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa l-iskadenza tiegħu …”. Il-Portugall jiddikjara f'dan ir-rigward li l-kuntratt in kwistjoni ġie ffirmat fl-14 ta’ Novembru 2003, jiġifieri meta r-Regolament MDT kien għadu fis-seħħ, u għalhekk jibqa' eliġibbli għall-għajnuna.

(10)

Il-Portugall jargumenta wkoll li l-kuntratt in kwistjoni kien is-suġġett ta’ offerti ta’ prezzijiet irħas minn tarzni Koreani, biex b'hekk huma ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament MDT u li għalhekk l-għajnuna hija ġustifikata sabiex tagħmel tajjeb għall-kompetizzjoni inġusta mit-tarzni Koreani.

III.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(11)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ preżenti, iddikjarat li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni fuq il-bażi tar-Regolament MDT għar-raġunijiet li ġejjin.

(12)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar l-effett ta’ l-inċentiv ta’ l-għajnuna. Il-Kummissjoni nnotat, f'dan ir-rigward, li l-Portugall ma kienx ipprovda provi li, fiż-żmien meta l-ENVC iffirmat il-kuntratt, kien hemm assigurazzjonijiet pubbliċi li t-tarzna kienet se tieħu l-għajnuna. Għall-kuntrarju, il-Portugall ma kellux skema ta’ MDT imwaqqfa. Barra minn hekk, skond l-informazzjoni disponibbli, id-deċiżjoni mill-awtoritajiet Portugiżi li tingħata għajnuna lil ENVC (soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni) ittieħdet biss fit-28 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri ħafna wara l-iffirmar tal-kuntratt u l-konsenja tal-bastiment. Għalhekk kien jidher li l-ENVC ma kinetx motivata mill-għajnuna mill-Istat sabiex tiffirma l-kuntratt, ġaladarba l-għajnuna ma kinetx disponibbli fiż-żmien meta' l-proġett ġie konkluż.

(13)

It-tieninett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-bażi legali għall-approvazzjoni ta’ l-għajnuna. Il-Kummissjoni rrimarkat li r-Regolament MDT skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u għalhekk ma kienx għadu fis-seħħ fiż-żmien meta l-Portugall innotifika l-għajnuna. Għalkemm ir-Regolament MDT kien japplika għal kuntratti ffirmati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kellha dubju dwar jekk kinetx għadha tista' tevalwa l-miżura notifikata fuq il-bażi ta’ strument li ma kienx għadu jifforma parti mil-liġi ta’ l-UE.

(14)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-Korea kienet ikkontestat il-kompatibbiltà tar-Regolament MDT mar-regoli tad-WTO. Fit-22 ta’ April 2005, Panel tad-WTO ħareġ ir-rapport tiegħu li kkonkluda li r-Regolament MDT u diversi skemi nazzjonali MDT eżistenti fiż-żmien meta l-Korea tat bidu għat-tilwima tad-WTO kienu qed jiksru l-Artikolu 23.1 tal-Ftehim dwar regoli u proċeduri li jirregolaw ir-riżolviment ta’ tilwim (DSU -Dispute Settlement Understanding) (5). Fl-20 ta’ Ġunju 2005, il-Korp għar-Riżolviment tat-Tilwim tad-WTO (DSB - Dispute Settlement Body) adotta ir-rapport tal-Panel inkluż ir-rakkomandazzjoni li l-Komunità kellha tikkonforma ir-Regolament MDT u l-iskemi nazzjonali MDT ma’ l-obbligi tagħha taħt il-Ftehimiet tad-WTO (6). Fl-20 ta’ Lulju 2005, il-Komunità informat lid-DSB li kienet diġà kkonformat mad-deċiżjoni u r-rakkomandazzjonijiet tad-DSB peress li r-Regolament MDT skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna għall-operazzjoni taħtha.

(15)

L-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna proposta tkun tfisser tkomplija ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament MDT bi ksur ta’ l-obligazzjoni tal-Komunità li tikkonforma mad-deċiżjoni tad-DSB. Il-Kummissjoni, għalhekk, ma kkunsidratx f'dak l-istadju li dik l-għajnuna setgħet tkun konformi ma’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità.

(16)

It-tieletnett, dwar l-intensità ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni nnotat li l-ammont ta’ għajnuna kien jidher ogħla minn 6% tal-valur tal-kuntratt u għalhekk ma kienx jikkonforma ma’ l-intensità massima ta’ għajnuna permessa mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament MDT.

IV.   KUMMENTI SOTTOMESSI MILL-PORTUGALL

(17)

Il-Portugall innota li l-ammont ta’ għajnuna li għalih tirreferi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali (€1 401 702) (7) ma kienx jikkorrispondi għall-ammont ta’ għajnuna notifikat (€1 461 702).

(18)

Dwar l-intensità ta’ l-għajnuna, il-Portugall innota li, skond ir-Regolament MDT, l-intensità massima ta’ l-għajnuna kienet 6% tal-valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna (għall-kuntrarju tas-6% tal-valur tal-kuntratt imsemmija fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali (8) u li fuq din il-bażi l-intensità ta’ l-għajnuna kkonformat mar-Regolament MDT.

(19)

B'mod aktar ġenerali, il-Portugall innota li l-għan tar-Regolament MDT kien li jagħmel tajjeb għall-kompetizzjoni inġusta mill-Korea u sabiex it-tarzni kollha fl-UE jkunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet sabiex jiksbu għajnuna taħt ir-Regolament. Fil-fehma tal-Portugall, l-għajnuna għalhekk ma effettwatx il-kummerċ fis-suq komuni u għal din ir-raġuni kien dubjuż jekk kinetx tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(20)

Dwar l-effett ta’ l-inċentiv, il-Portugall ipprovda provi ġodda li juru li t-tarzna kienet talbet l-għajnuna fil-25 ta’ Settembru 2003, jiġifieri qabel l-iffirmar tal-kuntratt. F'dan il-kuntest, il-Portugall issottometta kopja ta’ l-ittra mill-awtoritajiet Portugiżi lit-tarzna datata s-26 ta’ Settembru 2003, li fiha l-awtoritajiet Portugiżi rrikonoxxew li rċevew it-talba għall-għajnuna u fakkru lit-tarzna li l-għajnuna kienet soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Skond il-Portugall, din l-ittra tindika l-ħeġġa li l-awtoritajiet Portugiżi kellhom sabiex jagħtu l-għajnuna, kemm-il darba l-kundizzjonijiet legali kollha jiġu ssodisfati.

(21)

Il-Portugall argumenta wkoll li, fuq il-bażi ta’ prattika preċedenti, kien hemm stennija li talbiet għal għajnuna mill-industrija tal-bini ta’ bastimenti jkunu appoġġati mill-Portugall sakemm ikun hemm bażi legali għal dan (f'dan il-każ, ir-Regolament MDT). Il-fatt li l-għajnuna kienet formalment approvata mill-Portugall biss f'Diċembru 2005 kien minħabba dewmien amministrattiv intern. Madankollu, dan ma kienx inaqqas il-fatt li t-tarzna kellha aspettattivi li tirċievi l-għajnuna, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq (ara l-premessa 20) u fuq il-politika ġenerali ta’ l-awtoritajiet Portugiżi f'dan ir-rigward. It-tarzna kellha provi li ġew offruti prezzijiet aktar baxxi minn tarzni Koreani fir-rigward tal-kuntratt u aċċettat il-kuntratt fuq is-suppożizzjoni li kienet se tirċievi l-għajnuna mill-awtoritajiet Portugiżi.

(22)

Dwar il-bażi legali għall-approvazzjoni ta’ l-għajnuna, il-Portugall tenna l-kummenti tiegħu fin-notifika fis-sens li r-Regolament MDT kien il-bażi xierqa sabiex l-għajnuna tiġi approvata minħabba li l-kuntratt ġie ffirmat meta r-Regolament MDT kien għadu fis-seħħ u, fil-fatt, qabel ma r-Regolament MDT ġie kkundannat mid-DSB. Il-Portugall innota li s-sitwazzjoni ma kinetx għalhekk differenti minn dik ta’ miżuri ta’ għajnuna meħuda minn Stati Membri oħra (taħt skemi MDT) għal kuntratti ffirmati meta r-Regolament MDT kien għadu fis-seħħ. Huwa ż-żmien meta ġew iffirmati l-kuntratti li jiddetermina l-eliġibbiltà tal-kuntratti għal għajnuna, u mhux iż-żmien meta l-għajnuna ġiet notifikata jew mogħtija. Il-Portugall innota wkoll li ebda waħda mit-tarzni benefiċjarji ma ġiet mitluba tħallas lura l-għajnuna wara r-rapport tal-panel tad-WTO. Għalhekk in-nuqqas ta’ approvazzjoni ta’ l-għajnuna lill-ENVC imur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

V.   EVALWAZZJONI

(23)

Skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew minn riżorsi ta’ l-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

(24)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura proposta tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE: din tieħu l-forma ta’ għotja ffinanzjata minn riżorsi ta’ l-Istat; anke jekk ir-Regolament MDT huwa applikabbli fl-Istati Membri kollha, kif jargumenta l-Portugall, il-miżura hija selettiva peress li hija limitata għall-ENVC; din l-għotja selettiva x'aktarx twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tipprovdi lill-ENVC b'vantaġġ fuq kompetituri oħra li ma jirċevux għajnuna. Finalment, il-bini ta’ bastimenti huwa attività ekonomika li tinvolvi kummerċ estensiv bejn l-Istati Membri. Bħala tali, il-miżura tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(25)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonferma li l-miżura ta’ għajnuna notifikata taqa' fl-ambitu ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Kompatibbiltà mas-suq komuni

L-ammont ta’ għajnuna u l-intensità ta’ l-għajnuna

(26)

Wara l-kummenti sottomessi mill-Portugall, il-Kummissjoni tikkonferma li l-għajnuna notifikata tammonta għal €1 461 702. Fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament MDT, l-intensità massima ta’ l-għajnuna permessa hija 6% tal-valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna (9). Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna notifikata tikkonforma ma’ l-intensità massima ta’ l-għajnuna permessa mir-Regolament MDT.

L-effett ta’ l-inċentiv

(27)

Bħala prinċipju ġenerali, l-għajnuna mill-Istat tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni biss jekk tkun meħteġa sabiex timmotiva lid-ditta destinatarja sabiex taġixxi b'mod li jgħin il-ksib ta’ l-għanijiet maħsuba fid-deroga rilevanti (10).

(28)

Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-għan tar-Regolament MDT kien li “effettivament jgħin lit-tarznari tal-Komunità li jegħlbu l-kompetizzjoni mhux ġusta mill-Korea” (ara premessa 6). Għalhekk għajnuna diretta sa 6% tal-valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna setgħet tiġi awtorizzata kemm-il darba kien hemm kompetizzjoni għall-istess kuntratt minn tarzna fil-Korea li toffri prezz aktar baxx (l-Artikolu 2).

(29)

Il-provi ġodda mressqa mill-Portugall juru li l-għajnuna ġiet mitluba mit-tarzna qabel l-iffirmar tal-kuntratt. Barra minn hekk, il-Portugall ipprovda kopja ta’ ittra mill-awtoritajiet rilevanti Portugiżi (Direttorat Ġenerali għall-Industrija) lill-ENVC, datata s-26 ta’ Settembru 2003, li tirrikonoxxi l-wasla tat-talba għal għajnuna, titlob provi dwar il-konformità ma’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament MDT (jiġifieri provi li kien hemm kompetizzjoni għall-kuntratt minn tarzna Koerana li offriet prezz aktar baxx – dawn il-provi ġew sussegwentement imressqa mit-tarzna) u tfakkar lit-tarzna li l-għotja ta’ l-għajnuna kienet soġġetta għal notifika minn qabel lill-Kummissjoni u għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatti t'hawn fuq kienu indikattivi tal-ħeġġa ta’ l-awtoritajiet Portugiżi li jagħtu l-għajnuna, kemm-il darba kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha. Peress li l-kundizzjonijiet ta’ l-eliġibbiltà dehru li kienu ssodisfati f'dan il-każ, dawn il-fatti kienu mistennija li joħolqu aspettativi min-naħa tat-tarzna li kienet se tirċievi l-għajnuna (11). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni neħħiet id-dubji tagħha fir-rigward ta’ l-effett ta’ l-inċentiv ta’ l-għajnuna.

Il-bażi legali

(30)

Fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni nnotat li r-Regolament MDT skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u għalhekk ma kienx għadu fis-seħħ fiż-żmien meta l-Portugall innotifika l-għajnuna. Għalkemm ir-Regolament MDT kien japplika għal kuntratti ffirmati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu, kien dubjuż jekk il-Kummissjoni kinetx għadha tista’ tevalwa l-miżura notifikata fuq il-bażi ta’ strument li ma kienx għadu jifforma parti mil-liġi ta’ l-UE.

(31)

Il-kummenti sottomessi mill-Portugall wara d-deċizjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma naqqsux id-dubji tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni.

(32)

Il-Kummissjoni tinnota li, fir-rigward l-għajnuna nnotifikata, il-prattika tagħha hija li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-liġijiet fis-seħħ fiż-żmien meta ssir l-evalwazzjoni (12), sakemm il-liġi fis-seħħ infisha ma tispeċifikax mod ieħor. Il-Portugall approva internament l-għajnuna (soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni) u nnotifkaha lill-Kummissjoni ħafna wara l-iskadenza tar-Regolament MDT.

(33)

Il-Portugall itenni, f'dan ir-rigward, li r-Regolament MDT huwa applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament, li jipprovdi li “Dan ir-Regolament għandu jkun applikat għall-kuntratti finali ffirmati mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa l-iskadenza tiegħu …”. Il-Portugall jargumenta li l-kuntratt ġie ffirmat fl-14 ta’ Novembru 2003, jiġifieri meta ir-Regolament MDT kien għadu fis-seħħ, u għalhekk jibqa' eliġibbli għal għajnuna.

(34)

Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 4 kif ikkwotat hawn fuq ma jagħtix definizzjoni ta’ l-applikazzjoni fiż-żmien tar-Regolament MDT. Minflok, l-applikazzjoni temporali tar-Regolament hija definita fl-Artikolu 5 (13), li jipprovdi li dan “għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2005”.

(35)

B'kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 4 jistabbilixxi kundizzjonijiet addizzjonali għall-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna. Dan huwa wkoll konfermat mit-tieni parti ta’ l-Artikolu 4, li jipprovdi li r-Regolament MDT m'għandux japplika għal “kuntratti finali ffirmati qabel ma l-Komunità tkun ippubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li hija tkun tat bidu għall-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet kontra l-Korea (…) u l-kuntratti finali ffirmati xahar wieħed jew aktar wara li l-Kummissjoni tkun ippubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li dawn il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ikunu ġew riżolti jew sospiżi”.

(36)

Minn dan kollu, huwa ċar li r-Regolament MDT kellu biss jiġi applikat sakemm kien hemm tilwima pendenti mal-Korea (14) u fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2005.

(37)

Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan proprju tar-Regolament MDT. kien imfassal “bħala miżura eċċezzjonali u temporanja, u sabiex ikunu megħjuna t-tarznari tal-Komunità f'dawk is-segmenti li jkunu sofrew effetti ħżiena fl-għamla ta’ danni materjali u ta’ preġudizzju serju kkawżata mill-kompetizzjoni mhux ġusta tal-Korea, … [u kellu japplika] għal segmenti limitati tas-suq u għal perjodu qasir biss (15) (premessa 3).

(38)

Il-fatt li l-Kunsill ma ġeddidx dan ir-Regolament wara l-iskadenza tiegħu huwa indikazzjoni ċara li ma kellux ħsieb li jkompli jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tapprova għajnuna taħt ir-Regolament MDT. Dan huwa kompatibbli mal-fatt li l-Kummissjoni informat lid-DSB li l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna għall-operazzjoni taħt ir-Regolament.

(39)

F'dan il-kuntest il-Kummissjoni tinnota li l-interpretazzjoni tar-Regolament MDT għandha wkoll issir fid-dawl ta’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità. Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni tal-Komunità għandha safejn possibbli tiġi interpretata b'mod li jkun konsistenti mad-dritt internazzjonali, inkluż l-obbligi tal-KE fir-rigward tad-WTO (16).

(40)

Ir-rapport taal-Panel u d-deċiżjoni tad-DSB li adottat ir-rapport ikkundannaw r-Regolament MDT per se peress li kien jikser ir-regoli tad-WTO u rrikjedew li l-Komunità twaqqaf l-applikazzjoni tar-Regolament MDT. L-obbligu tal-Komunità li timplimenta d-deċiżjoni tad-DSB ikopri wkoll deċiżjonijiet futuri ta’ l-għoti ta’ għajnuna ġdida fl-applikazzjoni tar-Regolament MDT (17). Meta l-Komunità informat lid-DSB li kienet diġà kkonformat mad-deċiżjoni u r-rakkomandazzjonijiet tad-DSB peress li r-Regolament MDT skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna għall-operazzjoni taħtha, hija kienet qed timpenja ruħha li ma tawtorizzax għajnuna ġdida taħt ir-Regolament. Għalhekk, l-approvazzjoni ta’ l-għajnuna preżenti twassal għal ksur ta’ l-impenji internazzjonali tal-Komunità.

(41)

Finalment, għandu jiġi nnotat ukoll li l-Portugall ma ssottomettiex in-notifika tiegħu fi żmien raġonevoli. Il-Portugall innotifika l-miżura biss fis-7 ta’ Jannar 2006, jiġifieri madwar 27 xahar wara li t-tarzna kienet ippreżentat it-talba għal għajnuna, 10 xhur wara l-iskadenza tar-Regolament MDT u 6 xhur wara li l-Komunità informat lid-DSB li l-Istati Membri ma setgħux aktar jagħtu għajnuna għall-operazzjoni taħt it-Regolament MDT. Minħabba n-natura eċċezzjonali u temporanja tar-Regolament, kif ukoll l-impenji tal-KE fir-rigward tad-WTO, li dwarhom il-Portugall kellu għarfien, il-Portugall ma setax jistenna li l-mekkaniżmu jibqa' applikabbli lilhinn mid-data ta’ l-iskadenza tiegħu.

(42)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li anke jekk ENVC kellha aspettattivi li tirċievi l-għajnuna, dan ma kienx jintitola lit-tarzna tirċievi l-għajnuna, liema għajnuna kienet dipendenti mhux biss fuq l-approvazzjoni tal-Portugall iżda wkoll fuq in-notifika lill-Kummissjoni u l-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

(43)

Bl-istess mod, u b'mod kuntrarju għall-argument tal-Portugall, il-prinċipju ta’ trattament ugwali m'huwiex in kwistjoni fil-każ preżenti. It-tarzni fl-Istati Membri li kellhom imwaqqfa skema ta’ l-MDT kienu intitolati jirċievu għajnuna fuq il-bażi ta’ skemi li kienu approvati mill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ Marzu 2005, iżda minn dik id-data 'l hawn il-Kummissjoni ma ħadet ebda deċiżjonijiet ulterjuri li japprovaw għajnuna ġdida taħt ir-Regolament MDT. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li skond id-deċiżjoni tad-DSB, l-obbligu li ma tingħatax aktar għajnuna ġdida taħt ir-Regolament MDT japplika kemm għall-għajnuna taħt l-iskemi approvati kif ukoll għall-għajnuna ad hoc, biex b'hekk ma tkun qed issir ebda distinzjoni bejn għajnuna għat-tarzni koperta minn skema jew, bħal fil-każ preżenti, għajnuna ad hoc barra minn skema (ara l-paragrafu 14 hawn fuq: id-deċiżjoni tad-DSB irrakkomandat li l-Komunità tikkonforma mhux biss ir-Regolament MDT iżda wkoll l-iskemi nazzjonali ta’ l-MDT ma’ l-obbligi tagħha taħt il-Ftehimiet tad-WTO).

(44)

Fuq il-bażi ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna notifikata ma tistax tiġi approvata taħt ir-Regolament MDT. Peress li ma tapplika ebda klawsola ta’ eżenzjoni oħra taħt l-Artikolu 87(2) jew (3) tat-Trattat tal-KE, l-għajnuna hija għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna notifikata ta’ €1 461 702 li l-Portugall jippjana li jagħti lil Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A. fir-rigward ta’ kuntratt iffirmat minn din ta’ l-aħħar ma jistax jiġi awtorizzat taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002 dwar mekkaniżmu difensiv temporanju għall-bini ta’ bastimenti, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill 9KE) Nru 502/2004, u hija għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni. L-għajnuna m'għandhiex tiġi implimentata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Portugall.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ April 2007

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 223, 16.9.2006, p. 4.

(2)  Ara n-nota tal-qiegħ Nru. 1 hawn fuq.

(3)  ĠU L 172, 2.7.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 6.

(5)  Ara KE – Miżuri li jeffettwaw il-kummerċ ta’ bastimenti kummerċjali, WT/DS301/R, paragrafi 7.184 – 7.222 u 8.1(d).

(6)  Ara d-dokument WTO WT/DS301/6.

(7)  Paragrafi 4 u 21 ta’ dik id-deċiżjoni – ara n-nota tal-qiegħ Nru. 1 hawn fuq.

(8)  Paragrafi 10 u 21 ta’ dik id-deċiżjoni – ara n-nota tal-qiegħ Nru. 1 hawn fuq.

(9)  L-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 1540/98 (ĠU L 202, 18.7.1998, p. 3), li għalih jirreferi l-Artikolu 2(6) tar-Regolament MDT, jipprovdi li “il-valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna għandu jfisser il-prezz stipulat fil-kuntratt flimkien ma’ kwalunkwe għajnuna mogħtija direttament lit-tarzna”. Fuq din il-bażi, l-ammont ta’ għajnuna (€1 461 702) jikkorrispondi għal 6% tal-“valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna” (€22 900 000 + €1 461 702) u jikkonforma ma’ l-intensità massima permessa.

(10)  Ara s-sentenza fil-Kawża 730/79 Philip Morris vs Il-Kummissjoni [1980] Ġabra 2671, paragrafi 16 u 17.

(11)  Ara, bħala analoġija, l-Artikolu 38 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Nazzjonali b'għanijiet Reġjonali għall-2007-13: “l-għajnuna tingħata biss … jekk il-benefiċjarju ssottometta talba għal għajnuna u l-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ l-iskema tkun sussegwentement ikkonfermat bil-miktub li soġġett għal verifika dettaljata, fil-prinċipju l-proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-eliġibbiltà (…) qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-proġett”. Fil-każ ta’ għajnuna soġġetta għal notifika individwali lill-Kummissjoni u approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-konferma ta’ l-eliġibbiltà għandha ssir bil-kundizzjoni li jkun hemm deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Kummissjoni (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(12)  Ara l-Każ N 122/2005 “Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-Kummissjoni tapplika għall-proġetti notifikati r-regoli fis-seħħ fiż-żmien meta ssir l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom”.

(13)  Kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004, ara n-nota tal-qiegħ Nru. 4 t'hawn fuq.

(14)  Il-premessa Nru. 7 tikkonferma din l-evalwazzjoni: “il-mekkaniżmu difensiv temporanju għandu jkun awtorizzat biss wara li l-Komunità tibda proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet kontra l-Korea (…) u ma jistax ikun awtorizzat aktar jekk dawn il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ikunu riżolti jew sospiżi (…)”.

(15)  Sottolinjar tagħna.

(16)  Kawża C-53/96 Hermès International vs FHT Marketing Choice BV [1998] Ġabra I-3603, paragrafu 28; Kawża C-76/00 P, Petrotub SA u Republica SA vs Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea [2003] Ġabra I-79, paragrafu 57.

(17)  Ara KE – Miżuri li jeffettwaw il-kummerċ ta’ bastimenti kummerċjali, WT/DS301/R, paragrafu 7.21.