10.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 210/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Awwissu 2007

rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/552/KE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3901)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/554/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1) u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2) u b'mod partikulari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ġie ddikjarat li kien hemm tfaqqigħa tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit.

(2)

Il-qagħda tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit tista' tipperikola l-merħliet fl-Istati Membri l-oħra, fid-dawl tat-tqegħid fis-suq u tal-kummerċ ta' annimali bijungulati ħajjin u ċerti prodotti tagħhom.

(3)

Ir-Renju Unit ħa miżuri fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/531/KEE u 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE (3), u introduċa miżuri addizzjonali fiż-żoni milquta.

(4)

Il-qagħda tal-marda fir-Renju Unit tagħmilha meħtieġa li jkunu rinfurzati l-miżuri ta' kontroll li ħa r-Renju Unit għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

(5)

Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2007/552/KE tas-6 ta' Awwissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit (4) issa jixraq li jkunu definiti bħala miżura permanenti ż-żoni b'riskju għoli jew baxx fl-Istati Membri affettwati u biex tkun provduta projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta' annimali suxxettibbli miż-żoni b'riskju għoli u baxx u fuq id-dispaċċ ta' prodotti li ġejjin minn annimali suxxettibbli miż-żona ta' riskju għoli. Id-Deċiżjoni għandha wkoll tistipula r-regoli applikabbli għad-dispaċċ minn dawk iż-żoni ta' prodotti sikuri li jew kienu prodotti qabel ir-restrizzjonijiet, minn materja prima li oriġinat minn barra ż-żoni ristretti jew li għaddew minn trattament li kien ippruvat effettiv f'li jinattiva l-possibilità tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

(6)

Id-daqs taż-żoni definiti ta' riskju huwa funzjoni diretta tar-riżultat minn traċċar ta' kuntatti possibbli ma' stabbiliment infettat u jagħti kas tal-possibilità li jkunu implimentati kontrolli suffiċjenti fuq iċ-ċaqliq ta' annimali u prodotti. F'dan il-waqt u fuq il-bażi ta' l-informazzjoni provduta mir-Renju Unit, il-Gran Brittanja kollha għandha bħalissa tibqa' żona ta' riskju għoli.

(7)

Il-projbizzjoni tad-dispaċċ għandha tkopri biss prodotti li ġejjin minn annimali ta' speċi suxxettibbli li ġejjin minn jew inkisbu minn annimali li joriġinaw fiż-żoni ta' riskju għoli elenkati fl-Anness I u ma għandhiex teffettwa t-tranżitu minn dawn iż-żoni ta' prodotti bħal dawn li jkunu ġejjin minn jew inkisbu minn annimali li joriġinaw f'żoni oħra.

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (5), tirrigwarda problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta' annimali bovini u suwini.

(9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE (6), tirrigwarda kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar is-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (1) tad-Direttiva 90/425/KEE (7), tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kummerċ ta' bijungulati oħra u fis-semen, l-ova u l-embrijuni tan-nagħaġ u l-mogħoż, u ta' l-embrijuni ta' annimali porċini.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (8) jirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet sanitarji għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' laħam frisk, laħam ikkapuljat, laħam separat mekkanikament, preparati tal-laħam, laħam tal-kaċċa minn stabbilimenti agrikoli, inklużi stonkijiet, vexxiki (bżieżaq) u msaren ittrattati, u prodotti tal-ħalib.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (9) jirrigwarda, fost l-oħrajn, l-immarkar sanitarju ta' ikel ta' oriġini mill-annimali.

(13)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (10) tistipula t-trattament speċifiku tal-prodotti tal-laħam li jiżgura l-inattivazzjoni tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(14)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/304/KE tal-11 ta’ April 2001 dwar il-marki u l-użu ta’ ċerti prodotti ta’ l-annimali skond id-Deċiżjoni 2001/172/KE dwar miżuri ta’ ħarsien kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit (11) tirrigwarda marka sanitarja speċifika li għandha tkun applikata għal ċerti prodotti ta' oriġini mill-annimali li għandhom ikunu ristretti għas-suq nazzjonali.

(15)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE (12) tistipula r-rekwiżiti fir-rigward tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti mhux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f'regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, fejn jidħlu l-patoġeni, għad-Direttiva 90/425/KEE.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (13) jipprovdi għal firxa ta' trattamenti ta' prodotti sekondarji mill-annimali li huma tajbin biex jiddiżattivaw il-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

(17)

Id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE (14) tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta’ l-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta’ semen iffriżat ta’ annimali domestiċi ta’ l-ispeċi tal-bovini.

(18)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE (15) tirrigwarda kundizzjonijiet ta' saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' embrijuni ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina.

(19)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE (16) tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi ta’ l-ispeċi porċina.

(20)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE (17) tirrigwarda kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae.

(21)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (18) tipprovdi għal mekkaniżmu biex ikunu ikkumpensati stabbilimenti effettwati għal telf li jkun sar b'riżultat ta' miżuri ta' kontroll tal-marda.

(22)

Sa fejn prodotti mediċinali definiti fid-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward prodotti medicinali veterinarji (19), id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali għal użu uman (20), u d-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri relatati ma' l-implimentazzjoni ta' prattika klinika tajba fil-mod kif isiru l-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għal użu uman (21) ma għadhomx jaqgħu aktar fl-iskop tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma għandhom ikunu esklużi minn restrizzjonijiet marbuta mas-saħħa ta' l-annimali stabbiliti minn din id-Deċiżjoni.

(23)

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta' April 2007 rigward listi ta' annimali u prodotti soġġetti għal kontrolli f'postijiet ta' spezzjoni fil-fruntiera skond id-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE (22) jistipula deroga mill-iċċekkjar veterinarju għal ċerti prodotti li jkollhom prodotti ta' l-annimali. Huwa xieraq li jitħalla jsir dispaċċ miż-żoni ta' riskju għoli ta' prodotti bħal dawn skond sistema ta' ċertifikazzjoni simplifikata.

(24)

L-Istati Membri barra r-Renju Unit għandhom jappoġġjaw il-miżuri ta' kontroll tal-marda li jsiru fiż-żoni affettwati billi jiżguraw li annimali suxxettibbli ħajjin ma jkunux konsenjati lil dawk iż-żoni.

(25)

Il-qagħda għandha tiġi eżaminata fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali skedata għat-23 ta' Awissu 2007, u fejn ikun meħtieġ, il-miżuri għandhom jiġu adattati.

(26)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Annimali ħajjin

1.   Bla ħsara għall-miżuri li ħa r-Renju Unit fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE, u partikolarment l-implimentazzjoni ta' żona ta' kontroll temporanja skond l-Artikolu 7(1) u projbizzjoni taċ-ċaqliq kif stipulat fl-Artikolu 7(3) ta' dik id-Direttiva, ir-Renju Unit għandu jiżgura li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 sa 7 ta' dan l-Artikolu.

2.   Ebda annimal ħaj ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra ma jiċċaqlaq bejn iż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II.

3.   Ebda annimal ħaj ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra ma jintbagħat minn jew ikun imċaqlaq bejn iż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu dirett u bla interruzzjoni ta' annimali bijungulati bejn iż-żoni elenkati fl-Anness 1 u l-Anness II f'toroq prinċipali u linji tal-ferroviji.

5.   Iċ-ċertifikati tas-saħħa, stipulati fid-Direttiva 64/432/KEE li jakkumpanjaw l-annimali ħajjin bovini u porċini u fid-Direttiva 91/68/KEE li jakkumpanjaw l-annimali ħajjin ovini u kaprini mibgħuta lejn l-Istati Membri l-oħra minn partijiet tat-territorju tar-Renju Unit li mhumiex elenkati fl-Anness I u l-Anness II għandu jkun fihom il-kliem li ġejjin:

“Annimali konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

6.   Iċ-ċertifikati tas-saħħa li jakkumpanjaw il-bijungulati, għajr dawk koperti biċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 5, mibgħuta lejn l-Istati Membri l-oħra minn partijiet tat-territorju tar-Renju Unit li mhumiex elenkati fl-Anness I u l-Anness II għandu jkun fihom il-kliem li ġejjin:

“Annimali bijungulati ħajjin konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

7.   Annimali akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa ta' l-annimali kif imsemmi fil-paragrafi 5 u 6 jistgħu jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħra, iżda l-awtorità veterinarja lokali fir-Renju Unit għandha, tlett ijiem qabel iċ-ċaqliq, tinnotifika lill-awtoritajiet ċentrali u lokali fl-Istati Membri tad-destinazzjoni.

Artikolu 2

Laħmijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “laħmijiet” jinkludu “laħam frisk”, “laħam ikkapuljat”, “laħam separat mekkanikament” u “preparati tal-laħam” kif definiti fil-punti 1.10, 1.13, 1.14 u 1.15 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

2.   Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat laħmijiet ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina jew porċina u bijungulati oħra li ġejjin minn jew li nkisbu minn annimali li joriġinaw fiż-żoni elenkati fl-Anness I.

3.   Laħmijiet li mhumiex eliġibbli biex jintbagħtu mir-Renju Unit skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu mmarkati fi qbil mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1), tad-Direttiva 2002/99/KE jew fi qbil mad-Deċiżjoni 2001/304/KE.

4.   Il-projbizzjoni mniżżla fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal laħmijiet li jkollhom marka tas-saħħa fi qbil mal-Kapitolu III tas-Sezzjoni I ta' l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 854/2004, sakemm:

(a)

il-laħam ikun identifikat b'mod ċar, u li kien trasportat u maħżun mid-data tal-produzzjoni separatament minn laħam mhux eliġibbli, fi qbil ma' din id-Deċiżjoni, għal dispaċċ barra ż-żoni elenkati fl-Anness I.

(b)

il-laħam ikun konformi ma' waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ikun inkiseb qabel il-15 ta' Lulju 2007, jew

(ii)

ikun ġej minn annimali mrobbija għal mill-inqas 90 jum qabel il-qatla u mbiċċra barra ż-żoni elenkati fl-Anness II jew, fil-każ ta' laħam miksub minn kaċċa ta' speċijiet suxxettibbli għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, maqtula lil hinn miż-żoni elenkati fl-Anness II.

5.   Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet mniżżla fil-paragrafi 3 u 4 għandha tkun iċċekkjata mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali.

6.   Il-projbizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għal-laħam frisk minn annimali mrobbija barra ż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II u ttrasportati għal qatla immedjata, b'deroga mill-Artikolu 1(2) u (3), direttament u taħt kontroll uffiċjali, f'mezzi ssiġillati tat-trasport, lejn biċċerija li tinsab fiż-żoni elenkati fl-Anness I barra ż-żona ta' protezzjoni.

Laħam bħal dan jista' jitqiegħed fis-suq fiż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II biss jekk ikun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kull laħam ikun immarkat fi qbil mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/99/KE jew fi qbil mad-Deċiżjoni 2001/304/KE;

(b)

il-biċċerija tkun imħaddma taħt kontroll veterinarju strett;

(c)

il-laħam frisk ikun identifikat ċar, u jkun ittrasportat u maħżun separatament minn laħam li mhuwiex eliġibbli biex jintbagħat barra mir-Renju Unit.

Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet mniżżla fl-ewwel subparagrafu għandu jkun iċċekkjat mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali.

L-awtoritajiet veterinarji ċentrali għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni lista ta' l-istabbilimenti li huma jkunu approvaw għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

7.   Bil-kundizzjonjiet li ġejjin, il-projbizzjoni pprovduta bil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal-laħam frisk minn impjanti tat-tqattigħ li jinsabu barra miż-żona elenkata fl-Anness I:

(a)

fl-istess ġurnata, f'dak l-impjant tat-tqattigħ jiġi pproċessat laħam frisk biss kif deskritt fil-paragrafu (4). Wara l-ipproċessar ta' kwalunkwe laħam li ma jissodisfax dan ir-rekwiżit, isiru t-tindif u d-diżinfezzjoni;

(b)

kull laħam jeħtieġlu jkollu fuqu l-marka sanitarja fi qbil mal-Kapitolu III tas-Sezzjoni I ta' l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004/KE;

(c)

l-impjant tat-tqattigħ ikun imħaddem taħt kontroll veterinarju strett;

(d)

il-laħam frisk ikun identifikat ċar, u jkun ittrasportat u maħżun separatament minn laħam li mhuwiex eliġibbli biex jintbagħat barra miż-żoni elenkati fl-Anness I.

Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet imniżżla fl-ewwel subparagrafu għandu jkun iċċekkjat mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali.

L-awtoritajiet veterinarji ċentrali għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni lista ta' l-istabbilimenti li huma jkunu approvaw għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

8.   Laħam mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun akkumpanjat b'ċertifikat uffiċjali, li jkollu l-kliem li ġejjin:

“Laħam konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

Artikolu 3

Prodotti tal-laħam

1.   Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat prodotti tal-laħam, inklużi stonkijiet, vexxiki u msaren trattati, ta' annimali ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina jew porċina u bijungulati oħra (“prodotti tal-laħam”) li jkunu ġejjin miż-żoni elenkati fl-Anness I jew ippreparati bl-użu ta' laħam miksub minn annimali li joriġinaw f'dawk iż-żoni.

2.   Il-projbizzjoni mniżżla fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal prodotti tal-laħam li jkollhom marka tas-saħħa fi qbil mal-Kapitolu III tas-Sezzjoni I ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, sakemm il-prodotti tal-laħam:

(a)

ikunu identifikati b'mod ċar u li kienu trasportati u maħżuna mid-data tal-produzzjoni separatament minn prodotti tal-laħam mhumiex eliġibbli, fi qbil ma' din id-Deċiżjoni, għal dispaċċ barra ż-żoni elenkati fl-Anness I;

(b)

ikunu konformi ma' waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

jew ikunu magħmula minn laħmijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4);

(ii)

ikunu għaddew minn talanqas wieħed mit-trattamenti rilevanti stipulati għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fil-Parti 1 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2002/99/KE.

Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet imniżżla fl-ewwel subparagrafu għandu jkun iċċekkjat mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali.

L-awtoritajiet veterinarji ċentrali għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni lista ta' l-istabbilimenti li huma jkunu approvaw għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

3.   Prodotti tal-laħam mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali, li jkollu l-kliem li ġejjin:

“Prodotti tal-laħam, inklużi stonkijiet, vexxiki (bżieżaq) u msaren, konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti tal-laħam, konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 u li jkunu ġew ipproċessati fi stabbiliment li jopera l-Hazard Analysis and Critical Control Points (HACCP) u proċedura standard verifikabbli li tiżgura li l-istandards ta' l-ipproċessar jintlaħqu u jiġu rreġistrati, għandu jkun biżżejjed li l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti għat-trattament stabbiliti fil-punt (b)(ii) ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 titniżżel fid-dokument kummerċjali li jakkumpanja l-kunsinna, approvat fi qbil ma' l-Artikolu 9(1).

5.   B'deroga mid-dispożizzjoni fil-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti tal-laħam li jkunu għaddew minn trattament bis-sħana skond il-punt (b)(ii) ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 f'kontenituri ssiġillati ermetikament biex jiġi żgurat li jżommu stabbli fit-tul, għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara t-trattament bis-sħana li jkun ġie applikat.

Artikolu 4

Ħalib

1.   Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat miż-żoni elenkati fl-Anness I ħalib, sew jekk maħsub għall-konsum uman sew jekk mhuwiex.

2.   Il-projbizzjoni mniżżla fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal ħalib prodott minn annimali miżmuma f'żoni elenkati fl-Anness I li jkun ġie soġġett għal trattament fi qbil ma':

(a)

Il-Parti A ta' l-Anness IX tad-Direttiva 2003/85/KE, jekk il-ħalib ikun maħsub għall-konsum uman; jew inkella

(b)

Il-Parti B ta' l-Anness IX tad-Direttiva 2003/85/KE, jekk il-ħalib ma jkunx maħsub għall-konsum uman jew inkella jkun maħsub għall-għalf ta' l-annimali ta' speċijiet suxxettibbli għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

3.   Bil-kundizzjonjiet li ġejjin, il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-ħalib ippreparat fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness I.

(a)

il-ħalib kollu użat fl-istabbiliment jeħtieġlu jew ikun konformi mal-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2 jew inkella jinkiseb minn annimali mrobbija u maħluba barra ż-żoni elenkati fl-Anness I;

(b)

l-istabbiliment ikun imħaddem taħt kontroll veterinarju strett;

(c)

il-ħalib ikun identifikat ċar, u jkun ittrasportat u maħżun separatament minn ħalib u prodotti tal-ħalib li mhuwiex/mhumiex eliġibbli biex jintbagħat/jintbagħtu barra miż-żoni elenkati fl-Anness I;

(d)

it-trasport ta' ħalib mhux ipproċessat minn stabbilimenti agrikoli barra miż-żoni elenkati fl-Anness I lejn l-istabbilimenti li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness I isir f'vetturi li jkunu tnaddfu u ġew diżinfettati qabel l-operazzjoni u li ma jkun kellhom l-ebda kuntatt sussegwenti ma' stabbilimenti fiż-żoni elenkati fl-Anness I li jżommu annimali ta' speċijiet suxxettibbli għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet imniżżla fl-ewwel subparagrafu għandu jkun iċċekkjat mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali.

L-awtoritajiet veterinarji ċentrali għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni lista ta' l-istabbilimenti li huma jkunu approvaw għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

4.   Ħalib mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun akkumpanjat b'ċertifikat uffiċjali, li jkollu l-kliem li ġejjin:

“Ħalib konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

5.   B'deroga mill-paragrafu 4, fil-każ ta' ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 u li jkun ġie pproċessat fi stabbiliment li jopera l-HACCP u proċedura standard verifikabbli li tiżgura li l-istandards ta' l-ipproċessar jintlaħqu u jiġu rreġistrati, għandu jkun biżżejjed li l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti titniżżel fid-dokument kummerċjali li jakkumpanja l-kunsinna, approvat fi qbil ma' l-Artikolu 9(1).

6.   B'deroga mill-paragrafu 4, fil-każ ta’ ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2(a) jew (b) u li jkun għadda minn trattament bis-sħana f'kontenituri ssiġillati ermetikament biex jiġi żgurat li jżomm stabbli fit-tul, għandu jkun biżżejjed li jkun akkumpanjat b'dokument kummerċjali li jiddikjara t-trattament bis-sħana li jkun ġie applikat.

Artikolu 5

Prodotti tal-ħalib

1.   Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat miż-żoni elenkati fl-Anness I ħalib, sew jekk maħsub għall-konsum uman sew jekk mhuwiex.

2.   Il-projbizzjoni deskritta fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal prodotti tal-ħalib:

(a)

prodotti qabel il-15 ta' Lulju 2007; jew inkella

(b)

ppreparati minn ħalib konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) jew (3), jew

(c)

għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz fejn il-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni jippermettu li prodotti bħal dawn jgħaddu minn trattament differenti minn dak stipulat fl-Artikolu 4(2) li jiżgura l-inattivazzjoni tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

3.   Bla ħsara għall-Kapitolu II tas-Sezzjoni IX ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, il-projbizzjoni deskritta fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika għal prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman li jkunu:

(a)

prodotti minn ħalib ta' pH ikkontrollat ta' anqas minn 7.0 u li jkun għadda minn trattament tas-sħana b'temperatura talanqas ta' 72 °C u għal talanqas 15-il sekonda, bil-kundizzjoni li dan it-trattament ma jkunx meħtieġ għal prodotti finali li l-ingredjenti tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa ta' l-annimali stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta' din id-Deċiżjoni;

(b)

prodotti minn ħalib mhux ipproċessat ta' annimali bovini, ovini jew kaprini li għal talanqas 30 jum, kienu residenti fi stabbiliment li jinsab f'żona elenkata fl-Anness I, fiċ-ċentru ta' ċirku ta' radjus ta' mhux anqas minn 10 km li fih ma tkun seħħet l-ebda tfaqqigħa tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fit-30 jum immedjatament qabel il-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat, u li jeħtiġilhom jgħaddu minn proċess ta' maturazzjoni ta' mhux anqas minn 90 jum, li matulu l-pH titniżżel taħt 6.0 fis-sustanza kollha, u li l-qoxra tagħhom tkun ġiet trattata b'0.2 % aċidu ċitriku immedjatament qabel it-tgeżwir jew il-pakkeġġar.

4.   Bil-kundizzjonijiet li ġejjin, il-projbizzjoni stabbilita bil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-ħalib ippreparat fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żoni elenkata fl-Anness I:

(a)

il-ħalib kollu użat fl-istabbiliment jeħtieġlu jew ikun konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) jew inkella jkun minn annimali barra miż-żoni elenkati fl-Anness I;

(b)

il-prodotti kollha tal-ħalib użati fil-prodott finali jew ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2(a) u (b) jew il-paragrafu 3 jew inkella jkunu magħmulin minn ħalib minn annimali barra ż-żoni elenkati fl-Anness I;

(c)

l-istabbiliment ikun imħaddem taħt kontroll veterinarju strett;

(d)

il-prodotti tal-ħalib ikunu identifikati ċar, u jkunu ttrasportati u maħżuna separatament minn ħalib u prodotti tal-ħalib li mhuwiex/mhumiex eliġibbli biex jintbagħat/jintbagħtu barra miż-żoni elenkati fl-Anness I.

Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet imniżżla fl-ewwel subparagrafu għandu jkun iċċekkjat mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali.

L-awtoritajiet veterinarji ċentrali għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni lista ta' l-istabbilimenti li huma jkunu approvaw għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

5.   Il-projbizzjoni mniżżla fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal prodotti tal-ħalib ippreparati fi stabbiliment li jkun barra ż-żoni elenkati fl-Anness I li juża ħalib miksub qabel il-15 ta' Lulju 2007, sakemm il-prodotti tal-ħalib ikunu identifikati b'mod ċar u trasportati u maħżuna separatament minn prodotti tal-ħalib li ma jkunux eliġibbli għal dispaċċ barra dawk iż-żoni.

6.   Prodotti tal-ħalib mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali, li jkollu l-kliem li ġejjin:

“Prodotti tal-ħalib konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit.”

7.   B'deroga mill-paragrafu 6, fil-każ ta' ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2(a) u (b) u l-paragrafi 3 u 4 u li jkun ġie pproċessat fi stabbiliment li jopera l-HACCP u proċedura standard verifikabbli li tiżgura li l-istandards ta' l-ipproċessar jintlaħqu u jiġu rreġistrati, għandu jkun biżżejjed li l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti titniżżel fid-dokument kummerċjali li jakkumpanja l-kunsinna, approvat fi qbil ma' l-Artikolu 9(1).

8.   B'deroga mill-paragrafu 6, fil-każ ta' prodotti tal-ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2(a) u (b), l-paragrafi 3 u 4 u li jkunu għaddew minn trattament bis-sħana f'kontenituri ssiġillati ermetikament biex jiġi żgurat li jżommu stabbli fit-tul, għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara t-trattament bis-sħana li jkun ġie applikat.

Artikolu 6

Semen, ova u embrijuni

1.   Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat semen, ova u embrijuni ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra (“semen, ova u embrijuni”) miż-żoni elenkati fl-Anness I u fl-Anness II.

2.   Il-projbizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

semen, ova u embrijuni prodotti qabel il-15 ta' Lulju 2007;

(b)

semen iffriżat ta' l-ispeċi bovina u porċina u embrijuni ta' l-ispeċi bovina importati fir-Renju Unit skond il-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttivi 88/407/KEE, 90/429/KEE u 89/556/KEE rispettivament, u li mindu ddaħħlu fir-Renju Unit kienu maħżuna u ttrasportati separatament minn semen u embrijuni li mhumiex eliġibbli biex jintbagħtu skond il-paragrafu 1.

Qabel id-dispaċċ tas-semen lill-awtoritajiet veterinarji ċentrali għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni lista ta' ċentri u timijiet li huma jkunu approvaw għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

3.   Iċ-ċertifikat sanitarju pprovdut bid-Direttiva 88/407/KEE u li jakkumpanja s-semen bovin iffriżat mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun fih il-kliem li ġej:

“Annimali konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

4.   Iċ-ċertifikat sanitarju pprovdut bid-Direttiva 90/429/KEE u li jakkumpanja s-semen porċina ffriżat mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun fih il-kliem li ġej:

“Semen porċina ffrizżat konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

5.   Iċ-ċertifikat sanitarju pprovdut bid-Direttiva 89/556/KEE u li jakkumpanja l-embrijuni bovini ffriżati mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun fih il-kliem li ġej:

“Embrijuni bovini konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

Artikolu 7

Ġlud

1.   Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat ġlud ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra (“ġlud”) miż-żoni elenkati fl-Anness I.

2.   Il-projbizzjoni deskritta fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal ġlud li:

(a)

jkunu prodotti fir-Renju Unit qabel il-15 ta' Lulju 2007, jew

(b)

ikunu konformi mar-rekwiżiti skond il-punt (2)(c) jew (d) tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002; jew inkella

(c)

kienu prodotti barra ż-żoni elenkati fl-Anness I fi qbil mal-kundizzjonijiet imniżżla fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, u minn mindu ddaħħlu fir-Renju Unit kienu maħżuna u trasporatati separatament minn ġlud mhux eliġibbli għal dispaċċ fi qbil mal-paragrafu 1.

Ġlud ittrattati għandhom ikunu sseparati minn ġlud mhux ittrattati.

3.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-ġlud li jkunu jridu jintbagħtu lejn Stati Membri oħra għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali li jkun fih il-kliem li ġej:

“Ġlud konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' ġlud li jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-punti (1)(b) sa (e) tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, ikun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara konformità ma' dawk ir-rekwiżiti.

5.   B'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' ġlud li jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-punt (2)(c) jew (d) tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, ikun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara konformità ma' dawk ir-rekwiżiti fi qbil ma' l-Artikolu 9(1).

Artikolu 8

Prodotti oħra ta' l-annimali

1.   Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat prodotti ta' l-annimali ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u bijungulati oħra mhux imsemmija fl-Artikoli 2 sa 7 prodotti wara l-15 ta' Lulju 2007 li jkunu ġejjin miż-żoni elenkati fl-Anness I, jew inkisbu minn annimali li joriġinaw fiż-żoni elenkati fl-Anness I.

Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat demel ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra miż-żoni elenkati fl-Anness I.

2.   Il-projbizzjoni deskritta fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal:

(a)

prodotti ta' l-annimali li:

(i)

kienu soġġetti għal trattament tas-sħana

trattament bis-sħana f'kontenitur ermetikament issiġillat b'valur Fo ta' 3,00 jew aktar, jew

trattament bis-sħana li fih it-temperatura ċentrali titla' sa talanqas 70 °C; jew inkella

(ii)

kienu prodotti barra ż-żoni elenkati fl-Anness I fi qbil mal-kundizzjonijiet imniżżla fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, u minn mindu ddaħħlu fir-Renju Unit kienu maħżuna u trasporatati separatament minn ġlud mhux eliġibbli għal dispaċċ fi qbil mal-paragrafu 1;

(b)

demm u prodotti tad-demm kif definiti fil-punti 4 u 5 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 li jkunu għaddew minn talanqas wieħed mit-trattamenti pprovduti bil-punti 3(a)(ii) tal-Parti A tal-Kapitolu IV ta' l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, segwiti b'eżami ta' l-effikaċja;

(c)

xaħam u xaħmijiet maħlula li jkunu għaddew mit-trattament bis-sħana stipulat bil-punt 2(d)(iv) tal-Parti B tal-Kapitolu IV ta' l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(d)

Imsaren konformi mal-kundizzjonijiet fil-Parti A tal-Kapitolu 2 ta' l-Anness I tad-Direttiva 92/118/KEE u li jkunu tnaddfu, inbarxu, u mbagħad jew tmellħu, ġew ibbliċjati jew tnixxfu, u li wara jkunu tteħdulhom passi effikaċi biex ma jħallux li l-imsaren jerġgħu jiġu kkontaminati;

(e)

suf tan-nagħaġ, xagħar ir-ruminanti u lanżit tal-majjal li jkunu għaddew minn tindif fil-fabbrika jew li jkunu nkisbu mill-ikkunzar tal-ġlud u suf tan-nagħaġ mhux ipproċessat, xagħar ir-ruminanti u lanżit tal-majjal li jkunu magħluqin għal kollox fil-pakkeġġar u nexfin;

(f)

ikel ta' l-annimali domestiċi li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 2, 3 jew 4 tal-Parti B tal-Kapitolu II ta' l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(g)

prodotti komposti li mhumiex suġġetti għal aktar ipproċessar u li fihom prodotti ta' oriġini mill-annimali, fil-fehma li t-trattament mhuwiex meħtieġ għall-prodotti finali li l-ingredjenti tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa ta' l-annimali stipulati b'din id-Deċiżjoni;

(h)

trofej tal-kaċċa skond il-punti 1, 3 jew 4 tal-Parti A tal-Kapitolu VII ta' l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(i)

prodotti ta' l-annimali ppakkjati maħsuba għall-użu bħala reaġenti dijanjostiċi in-vitro jew tal-laboratorju;

(j)

prodotti mediċinali kif deskritti fid-Direttiva 2001/83/KE, prodotti mediċinali veterinarji kif deskritti fid-Direttiva 2001/82/KE u prodotti mediċinali investigattivi kif deskritti fid-Direttiva 2001/20/KE.

3.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-prodotti ta' l-annimali msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu jridu jintbagħtu lejn Stati Membri oħra għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali li jkun fih il-kliem li ġej:

“Prodotti ta' l-annimali konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(b), (c) u (d), għandu jkun biżżejjed li jkun hemm approvazzjoni skond l-Artikolu 9(1) tal-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti skond il-leġiżlazzjoni rispettiva tal-Komunità.

5.   B'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(e), għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara jew it-tindif fil-fabbrika jew l-oriġini mill-ikkonzar, jew inkella l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 1 u 4 tal-Parti A tal-Kapitolu VIII ta' l-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

6.   B'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(f) u (g) u li jkunu saru fi stabbiliment li jopera l-HACCP u proċedura standard verifikabbli ta' l-operat li tiżgura li l-ingredjenti pproċessati minn qabel jikkonformaw mal-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa ta' l-annimali stipulati b'din id-Deċiżjoni, għandu jkun biżżejjed li dan jitniżżel fid-dokument li jakkumpanja l-kunsinna, approvat skond l-Artikolu 9(1).

7.   B'deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(i) u (j), għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara li l-prodotti jkunu għall-użu bħala reaġenti dijanjostiċi in-vitro jew tal-laboratorju, bil-kundizzjoni li l-prodotti jkollhom tikketta li tgħid ċar “biss għall-użu dijanjostiku in-vitro” jew “biss għall-użu fil-laboratorju” jew bħala “prodotti mediċinali”.

8.   B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti komposti li jissodifaw il-kundizzjonijiet mniżżla fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE, ikun biżżejjed li jkunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali, li jkollu l-kliem li ġej:

“Dawn il-prodotti komposti għandhom ħajja fit-tul f'temperatura tal-post jew li fil-manifattura tagħhom ikunu għaddew b'mod ċar minn proċess komplut ta' tisjir jew trattament bis-sħana mas-sustanza kollha tagħhom, biex kull materjal nej ikun ġie żnaturat”.

Artikolu 9

Ċerifikazzjoni

1.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jassiguraw li d-dokument kummerċjali rekwiżit mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità għal kummerċ intra-Komunitarju jkun approvat permezz ta' hemża ta' kopja ta' ċertifikat uffiċjali li jiddikjara li:

(a)

il-prodotti kkonċernati saru

(i)

fi proċess ta' produzzjoni li kien ivverifikat u li nstab konformi mar-rekwiżiti xierqa fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar saħħet l-annimali u tajjeb biex jeqred il-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, jew

(ii)

minn materjali proċessati minn qabel li jkunu ġew iċċertifikati skond dan; u

(b)

dispożiżżjonijiet ikunu fis-seħħ biex tkun evitata l-possibilità ta' kontaminazzjoni mill-ġdid bil-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer wara t-trattament.

It-tali ċertifikazzjoni ta' verifika tal-proċess tal-produzzjoni għandu jkun fiha referenza għal din id-Deċiżjoni, tkun valida għal 30 jum, tiddikjara d-data ta' l-iskandenza u tkun tista' tiġġedded wara spezzjoni ta' l-istabbiliment.

2.   Fil-każ ta' prodotti għal bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jistgħu jawtorizzaw kunsinni konsolidati ta' prodotti ta' l-annimali barra laħam frisk, laħam ikkapuljat, laħam separat mekkanikament u preparati tal-laħam, kull wieħed minnhom ikun eliġġibbli għal dispaċċ fi qbil ma' din id-Deċiżjoni, ikunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jkun approvat bl-hemża ta' kopja ta' ċertifikat veterinarju uffiċjali li jikkonferma li:

(a)

il-post tad-dispaċċ kellu fis-seħħ sistema li tassigura li l-prodotti jistgħu jintbagħtu biss jekk ikunu traċċabbli għal evidenza dokumentarja ta' konformità ma' din id-Deċiżjoni, u

(b)

is-sistema li għaliha hemm referenza f'(a) kienet ivverifikata u misjuba sodisfaċenti.

It-tali ċertifikazzjoni ta' verifika tas-sistema ta' traċċabbiltà għandu jkun fiha referenza għal din id-Deċiżjoni, tkun valida għal 30 jum, tiddikjara d-data ta' l-iskadenza u tkun tista' tiġġedded biss wara li l-istabbiliment ikun għadda minn verifika b'riżultati sodisfaċenti.

L-awtoritajiet veterinarji ċentrali għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni lista ta' l-istabbilimenti li huma jkunu approvaw għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 10

Tindif u diżinfezzjoni

1.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-vetturi li jkunu ntużaw għat-trasport ta' l-annimali ħajjin fiż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara kull operazzjoni, u għandhom jipprovdu l-provi ta' din id-diżinfezzjoni, fi qbil ma' l-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 64/432/KEE.

2.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-operaturi ta' portijiet ta' ħruġ mir-Renju Unit jiżguraw li t-tajers tal-vetturi tat-triq li jkunu ħerġin mir-Renju Unit jkunu esposti għad-diżinifettant.

Artikolu 11

Ċerti prodotti eżentati

Ir-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3, 4, 5 u 8 ma għandhomx japplikaw għal meta jintbagħtu miż-żoni elenkati fl-Anness I prodotti ta' l-annimali msemmija f'dawk l-Artikoli, kemm-il darba t-tali prodotti kienu:

(a)

jew ma ġewx prodotti fir-Renju Unit u baqgħu fil-pakkeġġar oriġinali tagħhom bl-indikazzjoni tal-pajjiż ta' l-oriġini tal-prodotti, jew

(b)

prodotti fi stabbiliment approvat li jinsab fiż-żoni elenkati fl-Anness I minn prodotti proċessati minn qabel li ma joriġinawx minn dawk iż-żoni, li:

(i)

mindu ddaħħlu fit-territorju tar-Renju Unit, kienu trasportati, maħżuna jew proċessati separatament minn prodotti li ma jkunux eliġibbli għal dispaċċ barra ż-żoni elenkati fl-Anness I,

(ii)

ikunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali jew ċertifikat uffiċjali kif mitlub minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Equidae

1.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-equidae mibgħuta miż-żoni elenkati fl-Anness I lejn partijiet oħra tat-territorju tiegħu jew lejn Stat Membru ieħor ikunu akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa skond il-Mudell fl-Anness C tad-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE.

2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa ta' l-annimali li jakkumpanja l-equidae mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fih il-kliem li ġej:

Equidae konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/554/KE tad-9 ta’ Awwissu 2007 dwar ċerti miżuri proviżorji ta' protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit”.

Artikolu 13

Miżuri li għandhom jieħdu l-Istati Membri barra r-Renju Unit

1.   L-Istati Membri barra r-Renju Unit għandhom jassiguraw li annimali ħajjin ta' speċi suxxettibbli ma jinbagħtux lejn iż-żoni elenkati fl-Anness I.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u l-miżuri li diġà ttieħdu mill-Istati Membri, Stati Membri barra r-Renju Unit għandhom jieħdu miżuri xierqa ta' prekawzjoni relatata ma' annimali suxxettibbli mibgħuta mir-Renju Unit bejn il-15 ta' Lulju u s-6 ta' Awissu 2007, inklużi iżolament u spezzjoni klinika, flimkien fejn meħtieġ, ma' ttestjar fil-laboratorju biex tinqabad jew tkun eskluża infezzjoni bil-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, u fejn ikun meħtieġ dawk fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/85/KE.

Artikolu 14

Kooperazzoni bejn l-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jissorveljaw il-bagalji persunali ta' passiġġieri li jivvjaġġaw minn dawk il-partijiet tat-territorju tar-Renju Unit elenkati fl-Anness I, kif ukoll f'kampanji ta' tagħrif biex ma jħallux li jiddaħħlu prodotti ta' oriġini mill-annimali fit-territorji ta' Stati Membri għajr ir-Renju Unit.

Artikolu 15

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ biex iġibuhom konformi ma' din id-Deċiżjoni. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Artikolu 16

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/552/KE hija mħassra.

Artikolu 17

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-25 ta' Awissu 2007.

Artikolu 18

Għal min hija indirizzata

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33; verżjoni kkoreġuta ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(3)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

(4)  ĠU L 206, 7.8.2007, p. 10.

(5)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE.

(6)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE.

(7)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/265/KE (ĠU L 114, 1.5.2007, p. 17).

(8)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, verżjoni kkoreġuta ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(9)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206, verżjoni kkoreġuta ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006.

(10)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(11)  ĠU L 104, 13.4.2001, p. 6. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2002/49/KE (ĠU L 21, 24.1.2002, p. 30).

(12)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 49. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2004 (ĠU L 72, 11.3.2004, p. 60).

(13)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 829/2007 (ĠU L 191, 21.7.2007, p. 1).

(14)  ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/16/KE (ĠU L 11, 17.1.2006, p. 21).

(15)  ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/60/KE (ĠU L 31, 3.2.2006, p. 24).

(16)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(17)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE.

(18)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(19)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58).

(20)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1).

(21)  ĠU L 121, 1.5.2001, p. 34. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(22)  ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9.


ANNESS I

Iż-żoni li ġejjin fir-Renju Unit:

Il-Gran Brittanja


ANNESS II

Iż-żoni li ġejjin fir-Renju Unit:

Il-Gran Brittanja