31.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 198/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-4 ta’ Lulju 2007

li twaqqaf il-proċeduri ta’ l-antidumping fir-rigward ta’ ċerti sistemi tal-kamera li joriġinaw mill-Ġappun

(2007/539/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċcembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

(1)

Fl-4 ta’ April 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment rigward l-allegazzjoni ta’ dumping inġurjuż minn importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi tal-kamera li joriġinaw mill-Ġappun.

(2)

L-ilment tressaq minn Grass Valley Nederland BV f’isem il-produtturi tal-Komunità li jirrappreżentaw parti kbira mill-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ ċerti sistemi tal-kamera skond l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

(3)

L-ilment prima facie kien fih evidenza ta' l-eżistenza ta' dumping u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment ta’ antidumping.

(4)

Permezz ta’ avviż (“l-avviż tal-bidu”) ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2), il-Kummissjoni fetħet proċediment ta’ antidumping rigward l-importazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ ċerti sistemi tal-kamera, li attwalment huma kklassifikati bil-Kodiċijiet NM ex 8525 80 19 , ex 8528 49 35 , ex 8528 49 91 , ex 8528 59 90 , ex 8529 90 92 , ex 8529 90 97 , ex 8537 10 91 , ex 8537 10 99 u 8543 70 90 (kodiċijiet tan-NM mill-1 ta’ Jannar 2007) u li joriġinaw mill-Ġappun.

(5)

L-avviż tal-bidu ddefinixxa l-prodott ‘ċerti sistemi tal-kamera’ li joriġinaw fil-Ġappun li jikkonsistu minn:

(a)

ras tal-kamera (camera head):

(i)

bi viewfinder integrat, kollegament jew kapaċità ta’ viewfinder,

(ii)

bi blokka ottika integrata, modulu fuq quddiem jew tagħmir simili (ara d-deskrizzjoni ta’ hawn taħt), kollegament jew kapaċità

(iii)

jew f’biċċa waħda bir-ras tal-kamera u l-adaptor tal-kamera f’kisi protettiv (housing) wieħed, inkella separati;

(b)

adaptor tal-kamera. Dan jista’ jkun jew jista’ ma jkunx integrat fir-ras tal-kamera;

(c)

blokka ottika, modulu ta’ quddiem jew tagħmir simili b’senser ta’ l-immaġini wieħed jew aktar, fejn id-daqs djagonali effettiv ta’ l-iskening erja sensittiva għad-dawl huwa ekwivalenti għal 6 mm jew aktar. Dan jista' jkun jew jista' ma jkunx integrat fir-ras tal-kamera;

(d)

viewfinder tal-kamera. Din tista’ tkun jew tista’ ma tkunx integrata fir-ras tal-kamera;

(e)

stazzjoni ta’ bażi jew unità tal-kontroll tal-kamera (Camera Control Unit - “CCU”) kollegata mal-kamera permezz ta’ kejbil jew b’mezz ieħor bħalma huwa kollegament wajerless;

(f)

pannell tal-kontroll operazzjonali (Operational Control Panel - OCP) jew tagħmir ekwivalenti għall-kontroll tal-kamera (jiġifieri għal-aġġustament tal-kulur, ftuħ tal-lenti jew l-iris) ta’ kameras uniċi;

(g)

pannell tal-kontroll ewlieni (Master Control Panel - “MCP”) jew unità ewlenija għas-set-up (Master set-up unit - “MSU”) għas-superviżjoni u għall-aġġustament ta’ bosta kameras mill-bogħod;

(h)

unità ta’ l-adattament tal-lenti tal-kaxxa bħala Adapter Kbir tal-Lenti jew SuperXpander li tippermetti sabiex sistemi portable tal-kameras jintużaw ma’ lentijiet tat-tip tal-kaxxa.

impurtati flimkien, jew separatament, u li joriġinaw fil-Ġappun.

Mhuwiex dejjem meħtieġ li s-sistemi tal-kameras jikkonsistu mill-komponenti kollha ta’ hawn fuq.

Il-komponenti differenti msemmija hawn fuq (mhux ras il-kamera) ta’ sistema tal-kamera ma jistgħux jaħdmu b’mod separat u ma jistgħux jintużaw ’il barra mis-sistema tal-kamera ta’ produttur partikolari.

Lentijiet u rekorders li mhumiex fl-istess kisi protettiv b’ras tal-kamera mhumiex koperti mill-istess prodott.

Il-prodott ikkonċernat huwa inklinat li jintuża fix-xandir, għall-ġabra ta’ l-aħbarijiet, għaċ-ċinematografija diġitali jew għall-applikazjonijiet professjonali. Applikazzjonijiet professjonali jinkludu (iżda mhumiex limitati għalih) l-użu ta’ dawn is-sistemi għall-ħolqien ta’ materjal vidjografiku edukattiv, ta' divertiment, promozzjonali u dokumentarju, kemm għal distribuzzjoni interna kif ukoll għal dik esterna.

(6)

Il-prodott kopert mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2042/2000 (3) , jiġifieri sistemi tal-kameras tat-televiżjoni li joriġinaw mill-Ġappun, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 8525 80 19 , ex 8528 49 35 , ex 8528 49 91 , ex 8528 59 90 , ex 8529 90 92 , ex 8529 90 97 , ex 8537 10 91 , ex 8537 10 99 u 8543 70 90 (kodiċijiet tan-NM mill-1 ta’ Jannar 2007) jaqa’ kompletament taħt id-definizzjoni tal-prodott mogħtija hawn fuq. F’Diċembru 2006, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1910/2006 (4) kompla jikkonferma dawn il-miżuri għal reviżjoni ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“il-miżuri oriġinali”). Il-miżuri oriġinali huma indirizzati f’regolament parallel, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 906/2007 (5).

(7)

Uffiċjalment il-Kummissjoni għarrfet lill-produtturi esportaturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet ta' importaturi jew l-esportaturi magħrufa li huma kkonċernati, ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, l-utenti, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-produtturi tal-Komunità li qed iressqu l-ilment, bil-bidu ta’ l-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż ta’ bidu u ntbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha interessati.

B.   IRTIRAR TA' L-ILMENT U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDURA

(8)

B’ittra tat-12 ta’ April 2007 indirizzata lill-Kummissjoni, Grass Valley Nederland B.V. irtirat formalment l-ilment tagħha.

(9)

Bi ftehim ma’ l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Bażiku, il-proċediment jista’ jiġi tterminat meta l-ilment jiġi rtirat, jekk terminazzjoni bħal din ma tkunx fl-interess tal-komunità.

(10)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment attwali għandu jintemm peress li l-investigazzjoni ma sabet ebda fatt li juri li t-terminazzjoni ma tkunx fl-interess Komunitarju. Il-partijiet interessati ġew infurmati kif jixraq u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu ebda kummenti li jindikaw li tali terminazzjoni tal-proċediment ma jkunx fl-interess tal-Komunità.

(11)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment ta’ l-antidumping li jikkonċerna l-importazzjoni fil-Komunità ta' ċerti sistemi tal-kamera li joriġinaw fil-Ġappun għandu jiġi tterminat mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri ta’ l-antidumping,

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-proċediment dwar l-antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċerti sistemi tal-kamera li joriġinaw fil-Ġappun, huwa b'dan itterminat.

Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)   ĠU C 117, 18.5.2006 , p. 8.

(3)   ĠU L 244, 29.9.2000, p. 38. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1909/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 1).

(4)   ĠU L 365, 21.12.2006, p. 7.

(5)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.